Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CO0131

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ April 2019.
    Vanessa Gambietz vs Erika Ziegler.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6 – Kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru – Ħlas ta’ somma fissa u ta’ kumpens raġonevoli – Tnaqqis mis-somma fissa tal-ispejjeż sostnuti sabiex jitqabbad avukat qabel ma tiġi adita qorti.
    Kawża C-131/18.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:306

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    11 ta’ April 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6 – Kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru – Ħlas ta’ somma fissa u ta’ kumpens raġonevoli – Tnaqqis mis-somma fissa tal-ispejjeż sostnuti sabiex jitqabbad avukat qabel ma tiġi adita qorti”

    Fil-Kawża C‑131/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

    Vanessa Gambietz

    vs

    Erika Ziegler,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Hogan,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vanessa Gambietz u Erika Ziegler dwar l-irkupru tal-kreditu ta’ V. Gambietz mingħand E. Ziegler.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7 jiddikjaraw:

    “(19)

    Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.

    (20)

    Minbarra li jkunu intitolati għal ħlas ta’ somma stabbilita biex ikopru l-ispejjeż interni ta’ rkupru, il-kredituri għandhom ukoll ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru li jġarrbu minħabba ħlas tard minn debitur. Spejjeż ta’ dan it-tip għandhom jnkludu, b’mod partikolari, dawk l-ispejjeż imġarrba mill-kredituri biex iqabbdu avukat jew inkella aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

    4

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

    3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    5

    V. Gambietz talbet il-kundanna ta’ E. Ziegler, id-debitriċi tagħha, għall-ħlas tal-kreditu prinċipali tagħha u tal-interessi dovuti, kif ukoll għal somma supplimentari ta’ EUR 112 li tikkorrispondi, minn naħa, għas-somma fissa ta’ EUR 40, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 288(5) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), u, min-naħa l-oħra, għall-ispejjeż tal-avukat li jammontaw għal EUR 72.

    6

    Peress li l-Amtsgericht Eilenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Eilenburg, il-Ġermanja) laqgħet din it-talba, ħlief fir-rigward tas-somma fissa ta’ EUR 40, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat mis-sentenza mogħtija quddiem il-Landgericht Leipzig (il-Qorti Reġjonali ta’ Leipzig, il-Ġermanja). Din tal-aħħar ċaħdet l-appell billi ddeċidiet li din is-somma fissa kellha, konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 288(5) tal-BGB, titnaqqas mill-ispejjeż tal-avukat marbuta mal-perijodu prekontenzjuż.

    7

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, appell għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni.

    8

    Il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li s-somma fissa ta’ EUR 40, li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 288(5) tal-BGB hija dovuta lir-rikorrenti, għandha, konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 288(5) tal-BGB, titnaqqas mill-ispejjeż ta’ avukat ta’ EUR 72 li r-rikorrenti nefqet fl-istadju prekontenzjuż sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha.

    9

    Madankollu, fit-tieni lok, hija għandu dubju dwar jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 288 tal-BGB hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7.

    10

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll tali tpaċija tas-somma fissa. Madankollu, hija tosserva li l-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7 jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni kuntrarja. Bl-istess mod, jista’ jirriżulta li, fil-każ li s-somma fissa titnaqqas mill-ispejjeż tal-avukat imġarrba sabiex jiġi rkuprat il-kreditu, l-imsemmija somma fissa tisfa’ assorbita fil-parti l-kbira tagħha jew anki kompletament, u dan iwassal sabiex fl-aħħar mill-aħħar il-kreditur ikun jista’ jitlob biss ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-avukat imġarrba matul il-fażi prekontenzjuża.

    11

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “L-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva 2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-somma fissa ta’ EUR 40 msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva għandha titnaqqas mill-ispejjeż legali esterni mġarrba b’konnessjoni mal-istruzzjoni li ngħatat minn avukat fil-fażi prekontenzjuża wara d-dewmien fil-ħlas min-naħa tad-debitur, u għalhekk huma rimborsabbli skont l-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva?”

    Fuq id-domanda preliminari

    12

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li mill-kumpens raġonevoli previst f’din id-dispożizzjoni għandha titnaqqas is-somma fissa ta’ EUR 40, irrikonoxxuta lill-kreditur bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

    13

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    14

    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ineżami.

    15

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huwa intiż li jiżgura kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru mġarrba mill-kreditur meta bis-saħħa ta’ din id-direttiva jkunu eżiġibbli interessi minħabba ħlas tard. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-għoti lill-kreditur ta’ somma fissa ta’ EUR 40. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, dan il-kreditur huwa barra minn hekk intitolat għal kumpens raġonevoli għall-ispejjeż l-oħra kollha tal-irkupru li jaqbżu din is-somma fissa.

    16

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li l-kumpens raġonevoli previst fl-imsemmija dispożizzjoni jikkonċerna l-ispejjeż l-oħra kollha tal-irkupru, li ma humiex ikkumpensati permezz tas-somma fissa mogħtija lill-kreditur bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva.

    17

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna (C‑287/17, EU:C:2018:707), li, meta fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 uża l-espressjoni “li jaqbżu dik is-somma”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jenfasizza li għalhekk setgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens raġonevoli l-ispejjeż tal-irkupru, ikunu xi jkunu, li jaqbżu s-somma ta’ EUR 40.

    18

    Għaldaqstant, mit-test stess tad-dispożizzjoni inkwistjoni jirriżulta li l-kumpens raġonevoli previst minnha japplika għall-ispejjeż kollha, ikunu ta’ liema natura jkunu, li ma jkunux diġà kkumpensati bl-ammont ta’ EUR 40 mogħti bħala somma fissa taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7.

    19

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan segwit mid-Direttiva 2011/7.

    20

    Fil-fatt, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali sa fejn dan id-dewmien fil-ħlas jikkostitwixxi, skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, ksur tal-kuntratt li jkun sar finanzjarjament interessanti għad-debituri minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi għal ħlas tard iffatturati (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC, C‑555/14, EU:C:2017:121, punt 24, u tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punt 25).

    21

    Minn dan isegwi li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa l-protezzjoni effettiva tal-kreditur kontra l-ħlasijiet tard. Tali protezzjoni timplika li l-imsemmi kreditur jingħata l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż tal-irkupru li huwa jkun nefaq sabiex jiġi skoraġġut tali dewmien fil-ħlas (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punt 26).

    22

    Madankollu, peress li l-kumpens previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għandu jkun raġonevoli, dan il-kumpens la jista’ jkopri l-parti tal-imsemmija spejjeż li tkun diġà kkumpensata permezz tas-somma fissa ta’ EUR 40 prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u lanqas ma jista’ jkopri l-ispejjeż li jidhru li huma eċċessivi fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punt 30).

    23

    Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-kumpens raġonevoli ma jistax ikopri l-parti tal-ispejjeż diġà kkumpensata permezz tas-somma fissa ta’ EUR 40 ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-għan dissważiv tal-kumpens previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, dan l-artikolu jagħti lill-kreditur, fi kwalunkwe każ, id-dritt li jikseb, minbarra s-somma fissa ta’ EUR 40 li huwa intitolat għaliha b’mod awtomatiku, kumpens raġonevoli għall-kumplament tal-ispejjeż li jkun nefaq, filwaqt li jevita li l-istess spejjeż tal-irkupru jiġu kkumpensati darbtejn.

    24

    Minn dan isegwi li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 u kemm mill-għan ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens raġonevoli, previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu għall-ispejjeż tal-irkupru mġarrba mill-kreditur, għandu jiġi kkalkolat billi mill-ammont tal-imsemmija spejjeż jiġu esklużi l-ispejjeż tal-irkupru li huma diġà koperti mill-EUR 40 mogħtija bħala somma fissa lill-kreditur, bis-saħħa tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

    25

    Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom jagħtu lill-kreditur kumpens raġonevoli, taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, sa fejn it-total tal-ispejjeż tal-irkupru kollha, li jkun ġarrab il-kreditur u li l-imsemmija qrati jqisu li huma raġonevoli, jaqbeż l-EUR 40 u wara li jnaqqsu mill-imsemmi total l-ammont ta’ EUR 40 li jkun diġà ngħata bħala somma fissa.

    26

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7.

    27

    Fil-fatt, minn dawn il-premessi ma jistax jiġi dedott li l-ispejjeż tal-irkupru “interni” jistgħu jiġu kkumpensati biss bis-somma fissa ta’ EUR 40, filwaqt li l-ispejjeż l-oħra tal-irkupru għandhom ikunu s-suġġett ta’ kumpens awtonomu, taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punti 34 sa 37).

    28

    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u la jista’ jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punt 33). Issa, kif barra minn hekk tosserva l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-ispejjeż tal-irkupru interni u l-ispejjeż l-oħra tal-irkupru.

    29

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-kumpens raġonevoli previst f’din id-dispożizzjoni għandha titnaqqas is-somma fissa ta’ EUR 40, irrikonoxxuta lill-kreditur bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-kumpens raġonevoli previst f’din id-dispożizzjoni għandha titnaqqas is-somma fissa ta’ EUR 40, irrikonoxxuta lill-kreditur bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermanja

    Fuq