Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0009

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-28 ta’ Frar 2019.
Proċeduri kriminali kontra Detlev Meyn.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Karlsruhe.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Direttiva 2006/126/KE – Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor – Dritt ta’ sewqan stabbilit abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan.
Kawża C-9/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:148

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Direttiva 2006/126/KE – Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor – Dritt ta’ sewqan stabbilit abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan”

Fil-Kawża C‑9/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2018, fi proċeduri kriminali kontra

Detlef Meyn,

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Karlsruhe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Meyn, minn W. Säftel, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun kif ukoll minn N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra Detlef Meyn għal sewqan ta’ vettura bil-mutur mingħajr liċenzja tas-sewqan.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2006/126

3

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/126 hija fformulata kif ġej:

“Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji. Għal dan il-għan, għandhom jiġu definiti l-kompetenza, il-ħiliet u l-komportament konnessi mas-sewqan tal-vetturi, it-test tas-sewqan għandu jkun ibbażat fuq dawn il-kunċetti u għandhom jiġu definiti mill-ġdid l-istandards minimi tal-kapaċità fiżika u mentali sabiex jinsaqu tali vetturi.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

5

L-Artikolu 2, intitolat “Rikonoxximent reċiproku”, tad-direttiva msemmija, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.”

6

L-Artikolu 7(1) tal-istess Direttiva jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan u fil-punt (e) jippreċiża, b’mod partikolari, li l-liċenzja tas-sewqan għandha tinħareġ biss lil dawk l-applikanti li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan.

7

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/126:

“Fejn id-detentur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jkun għamel ir-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, huwa jista’ jitlob li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi sostitwita minn liċenzja ekwivalenti. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jwettaq is-sostituzzjoni sabiex jikkontrolla għal liema kategorija il-liċenzja preżentata tkun fil-fatt għadha valida.

[…]

6.   Fejn Stat Membru jissostitwixxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn pajjiż terz għal mudell Komunitarju ta’ liċenzja tas-sewqan, tali sostituzzjoni għandha tiġi reġistrata fuq il-mudell Komunitarju ta’ liċenzja tas-sewqan kif għandhom jiġu reġistrati wkoll kull tiġdid jew sostituzzjoni sussegwenti.

Tali sostituzzjoni tista’ ssir biss jekk il-liċenzja maħruġa mill-pajjiż terz tkun ġiet ċeduta lill-awtoritàjiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jagħmel is-sostituzzjoni. Jekk id-detentur ta’ din il-liċenzja jittrasferixxi r-residenza normali tiegħu għal Stat Membru ieħor, dan ta’ l-aħħar ma għandux għalfejn japplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 2.”

Id-dritt Ġermaniż

8

Skont l-Artikolu 28(1) tal-Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (ir-Regolament dwar l-ammissjoni tal-persuni għas-sewqan fit-toroq), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan valida tal-Unjoni jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li jkunu residenti […] abitwalment fil-[Ġermanja] jistgħu, suġġett għal-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4, isuqu vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali fil-limiti tad-dritt tagħhom. […]”

9

L-Artikolu 28(4) ta’ dan ir-regolament jispeċifika, b’mod partikolari, li l-permess imsemmi fil-paragrafu 1 ma japplikax għad-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni jew taż-ŻEE maħruġa abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan iffalsifikata maħruġa minn Stat terz.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Wara inċident tat-toroq li seħħ fl-1 ta’ Settembru 2015, ġie kkonstatat li D. Meyn, ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż, ma kellux iktar, wara l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu fl-2006, awtorizzazzjoni li jsuq fil-Ġermanja.

11

Madankollu, D. Meyn kien detentur ta’ liċenzja tas-sewqan Pollakka, maħruġa fl-1 ta’ Awwissu 2011 abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan Ungeriża tat-3 ta’ Novembru 2010. Din l-aħħar liċenzja tas-sewqan kienet inħarġet permezz ta’ bdil ta’ liċenzja tas-sewqan Russa maħruġa fl-1986, li rriżulta li kienet iffalsifikata. Għal dan ir-reat ta’ użu ta’ dokument falz, D. Meyn kien is-suġġett ta’ kundanna minn qorti Ġermaniża fl-2012.

12

B’sentenza tal-24 ta’ April 2017, l-Amtsgericht Bad Säckingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Säckingen, il-Ġermanja) ikkundannat lil D. Meyn għal sewqan intenzjonali mingħajr awtorizzazzjoni ta’ sewqan skont l-Artikolu 21(1)(1) tal-iStraßenverkehrsgesetz (il-Liġi Dwar is-Sewqan fit-Toroq).

13

Il-qorti tar-rinviju, adita b’appell minn din is-sentenza, tistaqsi jekk ir-rifjut, skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament dwar l-ammissjoni tal-persuni għas-sewqan fit-toroq, li tiġi rrikonoxxuta liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru abbażi tat-traskrizzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li hija stess kienet ibbażata fuq liċenzja tas-sewqan iffalsifikata ta’ Stat terz, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 2006/126] jeżisti wkoll meta Stat Membru jkun issostitwixxa liċenzja tas-sewqan mingħajr eżami tal-ħila u meta l-liċenzja tas-sewqan preċedenti ma tkunx suġġetta għall-obbligu ta’ rikonoxximent (f’dan il-każ, l-imsemmija liċenzja tas-sewqan preċedenti, maħruġa minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kienet hija stess ibbażata fuq is-sostituzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ pajjiż terz, [konformement ma]t-tielet sentenza tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126)?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 jipprekludux li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan, li d-detentur tagħha jkollu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tiegħu, li tkun inħarġet minn Stat Membru ieħor, mingħajr eżami tal-kapaċità, abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li din stess kienet inħarġet minħabba l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

16

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 34).

17

Għal dan il-għan, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan filwaqt li jippreċiża, fil-punt (e) tiegħu, li l-applikant għal liċenzja tas-sewqan għandu jkollu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja msemmija.

18

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva msemmija jżid li, fejn id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan valida maħruġa minn Stat Membru jkun stabbilixxa r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, dan jista’ jitlob li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi ssostitwita minn liċenzja tas-sewqan ekwivalenti.

19

Fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan skont il-mudell Komunitarju (iktar ’il quddiem il-“liċenzja tas-sewqan Komunitarja”) permezz tal-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz, għalkemm id-Direttiva 2006/126 ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għal tali skambju, madankollu din tipprovdi li tali skambju jwassal għal konsegwenzi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

20

Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tal-imsemmija Direttiva, f’każ ta’ trasferiment tar-residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, maħruġa abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz, lejn Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar ma jistax japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

21

Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126, meta l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan Komunitarja jkun ir-riżultat ta’ skambju b’liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz, dan l-iskambju għandu jiġi indikat fuq il-liċenzja tas-sewqan Komunitarja.

22

Konsegwentement, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha, huwa limitat għall-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri u ma jikkonċernax il-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati terzi.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, D. Meyn kien residenti fil-Ġermanja. Għaldaqstant, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx obbligata tirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa lil D. Meyn minn Stat Membru ieħor b’riżultat ta’ skambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk din il-konklużjoni tgħoddx ukoll f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn il-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni tkun inħarġet abbażi ta’ skambju ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, li hija stess tkun irriżultat minn skambju ma’ liċenzja maħruġa minn Stat terz.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126 ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, minn dan il-kliem jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, permezz tal-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz, u mhux il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, permezz tal-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li din stess tkun inħarġet permezz tal-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

26

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner, C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, skont il-premessa 8 tagħha, id-Direttiva 2006/126 għandha l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi li taħthom tista’ jinħareġ liċenzja tas-sewqan Komunitarja, u dan sabiex jiġu indirizzati obbligi ta’ sigurtà fit-triq.

28

L-impożizzjoni, skont id-Direttiva 2006/126, ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri, hija l-konsegwenza tal-istabbiliment, minn din id-Direttiva, tal-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja.

29

B’hekk, huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126, ikunux sodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 46).

30

Isegwi li, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan, ma jkunx iktar possibbli għall-Istati Membri li jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-Direttiva, peress li l-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandha titqies li tikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet fil-jum meta nħarġitlu (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 47).

31

Madankollu, id-Direttiva 2006/126 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti għall-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati terzi, peress li tali prerogattiva taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, b’mod li dawn l-Istati ma jistgħux ikunu marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula minn Stati Membri oħra f’dan ir-rigward.

32

Konsegwentement, bir-riskju li jitqiegħdu indiskussjoni r-rekwiżiti imperattivi tas-sigurtà fit-toroq ikkonċernati mid-Direttiva 2006/126, Stat Membru ma jistax ikun obbligat li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan, li d-detentur tagħha jkollu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tiegħu, li tkun inħarġet minn Stat Membru ieħor, mingħajr eżami tal-kapaċità, abbażi ta’ skambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, biss minħabba li din l-aħħar liċenzja tas-sewqan stess kienet inħarġet minħabba l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan, li d-detentur tagħha jkollu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tiegħu, li tkun inħarġet minn Stat Membru ieħor, mingħajr eżami tal-kapaċità, abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li din stess kienet inħarġet minħabba l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan, li d-detentur tagħha jkollu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tiegħu, li tkun inħarġet minn Stat Membru ieħor, mingħajr eżami tal-kapaċità, abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li din stess kienet inħarġet minħabba l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq