Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0255

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
    Proċeduri kriminali kontra Bent Falbert et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Københavns Byret.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża jew li tintroduċi projbizzjoni li jiġu offruti logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni u li tintroduċi projbizzjoni ta’ reklamar ta’ logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni.
    Kawża C-255/16.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:983

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża jew li tintroduċi projbizzjoni li jiġu offruti logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni u li tintroduċi projbizzjoni ta’ reklamar ta’ logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni”

    Fil-Kawża C‑255/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

    Bent Falbert,

    Poul Madsen,

    JP/Politikens Hus A/S,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal P. Madsen u B. Falbert kif ukoll għal JP/Politikens Hus A/S, minn S. MacMahon Baldwin u M. Dittmer, advokater,

    għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, M. N. Lyshøj, C. Thorning u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

    għall-Gvern Rumen, minn L. Liţu u R. H. Radu, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, Y. Marinova, L. Grønfeldt, U. Nielsen u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Lulju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1, 2, 5 u 11 tal-Artikolu 1, u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Bent Falbert, Poul Madsen kif ukoll JP/Politikens Hus A/S, li ġew akkużati li ppubblikaw reklami għal servizzi ta’ logħob online offrut mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, fil-gazzetta Daniża Ekstra Bladet, kif ukoll fuq is-siti internet ta’ dan il-gazzetta.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    1)

    ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

    2)

    ‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

    Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

    ‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

    ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

    ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

    Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

    […]

    5)

    ‘regola dwar is-servizzi’;, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

    […]

    Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

    regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

    regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

    […]

    11)

    ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

    il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

    […]

    speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

    […]”

    4

    Din id-direttiva tipprevedi, fl-Artikolu 8(1) tagħha:

    “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

    Id-dritt Daniż

    5

    L-Artikolu 10 tal-lov om visse spil, lotterier og væddemål (il-Liġi dwar il-logħob, lotteriji u mħatri, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-logħob”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali skont il-lov nr. 204 om ændring af lov om visse spil, lotterier og væddemål og andre love og om ophævelse af lov om væddemål i forbindelse med heste og hundevæddeløb (il-Liġi Nru 204 li temenda l-Liġi dwar il-logħob, lotteriji u mħatri kif ukoll liġijiet oħrajn u li tħassar il-Liġi dwar l-imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel u tal-klieb), tas‑26 ta’ Marzu 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ emenda tal‑2003”), huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Multa jew priġunerija sa mhux iktar minn sitt xhur għandha tiġi imposta fuq kull min, volontarjament jew minħabba negliġenza kbira,

    1)

    joffri logħob, lotteriji jew imħatri fid-Danimarka mingħajr ma jkollu liċenzja skont Artikolu 1,

    2)

    jintermedja l-parteċipazzjoni fil-logħob, lotteriji jew imħatri li ma humiex koperti b’liċenzja skont Artikolu 1.

    […]

    3.   Għandha tiġi imposta multa fuq kull min, volontarjament jew minħabba negliġenza kbira,

    […]

    3)

    jirreklama logħob, lotteriji jew imħatri, li ma huwiex kopert b’liċenzja skont Artikolu 1.”

    6

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-logħob, il-Ministru għat-Taxxa huwa awtorizzat jagħti awtorizzazzjoni għal logħob, lotteriji u mħatri li tista’ tingħata biss, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, lil kumpannija waħda biss.

    7

    Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-liġi li wasslet għall-adozzjoni tal-Liġi ta’ emenda tal‑2003, l-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob ġew espressi b’dan il-mod:

    “Huwa propost li jiġi pprojbit ir-reklamar ta’ logħob, lotteriji u imħatri, li ma humiex awtorizzati bil-liġi.

    Din l-emenda tikkorrispondi għall-projbizzjoni li fil-preżent tidher fl-Artikolu 12(3) tal-Liġi dwar l-imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel iżda hija kjarifika tal-Artikolu 10(4) tal-Liġi dwar l-imħatri u l-lotteriji.

    Din il-projbizzjoni għandha l-għan li tipproteġi operaturi ta’ logħob liċenzjat minn awtoritajiet Daniżi kontra kompetizzjoni minn impriżi li ma għandhomx din il-liċenzja u li, legalment, ma jistgħux jikkummerċjalizzaw logħob jew jiddistribwixxu logħob fid-Danimarka.

    Għall-finijet ta’ dan il-Liġi, reklamar għandu jfisser il-forom kollha ta’ tħabbira jew komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-offerta kummerċjali ta’ operaturi tal-logħob.

    Madankollu, din il-projbizzjoni ma tapplikax għal referenzi editorjali f’midja stampata jew diġitali.

    Din il-projbizzjoni tapplika irrispettivament mill-midja użata. Għalhekk, reklamar huwa pprojbit bl-istess mod kif inhu fil-midja stampata, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq midja diġitali, u fil-forma ta’ banners, pereżempju.

    Ir-reklamar tal-attivitajiet ta’ operaturi tal-logħob, b’mod partikolari tal-websajts tagħhom, indirizzi, eċċ., huwa wkoll ipprojbit fl-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 10(3).”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8

    B. Falbert u P. Madsen huma, rispettivament, l-edituri prinċipali passati u preżenti tal-gazzetta Daniża Ekstra Bladet, li s-sid tagħha hija l-kumpannija JP/Politikens Hus.

    9

    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju talli kisru, b’mod partikolari, il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, talli ppubblikaw reklami fil-gazzetta Ekstra Bladet kif ukoll fis-siti internet ta’ din il-gazzetta, bħal www.ekstrabladet.dk u “www.ekstrabladet.tv”, għall-kumpanniji ta’ mħatri li joffru logħob u mħatri fid-Danimarka mingħajr ma kisbu awtorizzazzjoni għalihom.

    10

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Liġi ta’ emenda għandhiex tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34 u jekk, għaldaqstant, kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

    11

    Skont dik il-qorti, għandu jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, bħalma l-konvenuti fil-kawża prinċipali jargumentaw quddiemha, jekk il-Liġi ta’ emenda hijiex “regola dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, sa fejn din hija speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

    12

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ emenda, kienet biss l-organizzazzjoni tal-logħob fid-Danimarka minn operaturi barranin permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni fiżiċi li kienet ipprojbita, u li din il-liġi kellha l-għan, bħalma jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha, li testendi l-projbizzjoni tal-organizzazzjoni, minn operaturi barranin, tal-logħob fid-Danimarka għal-logħob offrut permezz tal-internet.

    13

    Peress li l-Liġi ta’ emenda kienet intiża li testendi l-projbizzjoni eżistenti qabel għal servizzi ġodda, bħal-logħob online, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-liġi ma tirrigwardax, b’mod sempliċement “impliċitu jew aċċidentali”, l-offerti ta’ logħob online u r-reklamar korrispondenti. Għall-kuntrarju, hija leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-aċċess għal servizzi ġodda tas-soċjetà tal-informazzjoni li d-Direttiva 98/34 teżiġi, bħalma jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha, in-notifika tagħha lill-Kummissjoni. Il-fatt li, minħabba l-Liġi ta’ emenda, id-distribuzzjoni ta’ logħob kienet ipprojbita, kemm jekk offrut online jew le, ma għandux rilevanza.

    14

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

    “Din il-kawża tinvolvi regola suġġetta għal obbligu ta’ notifika b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1), (2), (5) u (11) tad-[Direttiva 98/34], f’sitwazzjoni bħal dik segwenti:

    a)

    għandha tiġi implementata liġi li temenda liġi dwar ċertu logħob, lotteriji u mħatri li tintroduċi dispożizzjoni li tipprevedi sanzjonijiet kriminali, b’mod partikolari għal min, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ‘għandu negozju ta’ logħob, ta’ lotteriji jew ta’ mħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr ma jkun awtorizzat skont l-Artikolu 1’ kif ukoll min, deliberatament jew minħabba negliġenza serja, ‘jirreklama logħob, lotteriji jew imħatri li ma humiex awtorizzati skont l-Artikolu 1’

    u

    b)

    mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-liġi li temenda jirriżulta li l-għan segwit minn dawn id-dispożizzjonijiet kriminali huwa, minn naħa, li tiġi speċifikat jew istitwita projbizzjoni ta’ logħob online propost minn impriżi ta’ logħob tal-ażżard barranin li jindirizzaw direttament is-suq Daniż u, min-naħa l-oħra, li jiġi pprojbit r-reklamar b’mod partikolari għal-logħob online propost minn impriżi ta’ logħob tal-ażżard barranin, peress li minn dawn l-istess xogħlijiet preparatorji, li jsegwu leġiżlazzjoni preċedenti, jirriżulta li huwa inkontestabbli li huwa pprojbit logħob offert minn impriża ta’ logħob tal-ażżard barranija li tuża kanali ta’ distribuzzjoni li permezz tagħhom dawn huma fiżikament ikkummerċjalizzati fit-territorju nazzjonali Daniż, iżda li huwa leġittimament dubjuż jekk jaqax ukoll taħt dawn id-dispożizzjonijiet il-logħob barrani li huwa indirizzat lejn ġugaturi Daniżi iżda li huwa fiżikament barra mit-territorju nazzjonali Daniż, u għalhekk huwa xieraq li jiġi ċċarat jekk dan il-logħob huwiex kopert ukoll. Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta wkoll li huwa propost li tiġi istitwita projbizzjoni ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji u tal-imħatri li ma jkunux kisbu liċenzja skont din l-istess liġi, u li l-emenda hija f’konformità mal-projbizzjoni fis-seħħ skont it-tielet pargrafu tal-Artikolu 12 tal-liġi dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel iżda li tiċċara d-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10 tal-liġi dwar il-lottu sportiv u l-lotteriji li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta wkoll li l-projbizzjoni hija intiża li tipproteġi l-operaturi tal-logħob liċenzjati mill-awtoritajiet Daniżi kontra kompetizzjoni ta’ impriżi li ma humiex liċenzjati b’dan il-mod u li għaldaqstant, ma humiex legalment awtorizzati li joffru jew jiddistribwixxu logħob fid-Danimarka?”

    Fuq id-domanda preliminari

    15

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, kif ukoll fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji u tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjonijiet nazzjonali li kulma jagħmlu huwa li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal awtorizzazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 76, u tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 26).

    17

    F’dan il-każ, għandu jitqies, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 1 tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-logħob, sa fejn din tissanzjona l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, għandha tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għal awtorizzazzjoni minn qabel” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

    18

    Konsegwentement, tali dispożizzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regolament tekniku” imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

    19

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona r-reklamar ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, jikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, suġġett għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, minkejja li teżisti rabta mill-qrib bejn il-punt (1) tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona l-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, u l-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, sa fejn din id-dispożizzjoni tissanzjona attivitajiet ta’ reklamar għal tali logħob mhux awtorizzat, ma jsegwix madankollu li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal awtorizzazzjoni minn qabel” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet għandhom, minkejja l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejniethom, funzjonijiet u kampijiet ta’ applikazzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 28).

    20

    Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax jekk il-Liġi ta’ emenda, li permezz tagħha ddaħħal il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona r-reklamar ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, emendatx ir-regoli preċedenti dwar il-logħob, b’mod partikolari billi wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal-logħob online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, jew, għall-kuntrarju, jekk hija sempliċement tippreċiżax jew tikkjarifikax l-imsemmija regoli preċedenti.

    21

    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ logħob mhux awtorizzat, kif previst fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-ażżard online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, kinitx diġà prevista mir-regoli preċedenti dwar il-logħob, b’mod illi l-Liġi ta’ emenda hija limitata li tikkjarifika din il-projbizzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija projbizzjoni ddaħħlitx fil-Liġi dwar il-logħob mil-Liġi ta’ emenda, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 83).

    22

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li huwa biss fis-sitwazzjoni li l-Liġi ta’ emenda daħħlet, fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, il-projbizzjoni tar-reklamar għal logħob mhux awtorizzat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-ażżard online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, li l-abbozz ta’ liġi li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi ta’ emenda kellu jkun suġġett għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

    23

    Fil-fatt, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tiġi meqjusa bħala regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skont id-Direttiva 98/34, hija għandha ma tillimatx ruħha li tirriproduċi jew tissostitwixxi, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħrajn ġodda jew supplimentari, regolamenti tekniċi eżistenti debitament innotifikati lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 85).

    24

    Fil-każ li l-Liġi ta’ emenda daħħlet, fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ logħob mhux awtorizzat, b’mod partikolari billi estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal-logħob online offrut minn operaturi barranin, hemm lok jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, l-“ispeċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, it-tieni nett, il-“ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva u, ir-raba’ nett, il-“liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 70, u tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 18).

    26

    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jistax jiġi kklassifikat bħala “regolament tekniku” minħabba li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “regoli dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

    27

    Hemm lok jitfakkar li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din il-kategorija ta’ “regolament tekniku” tkopri unikament ir-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, jiġifieri kull servizz ipprovdut b’mezz elettroniku u fuq talba individwali ta’ destinatarju tas-servizzi (sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 21, kif ukoll tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 28).

    28

    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jirrigwarda, bħala prinċipju, żewġ tipi ta’ servizzi, jiġifieri, minn naħa, is-servizzi ta’ reklamar, li huma s-suġġett immedjat tas-sanzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ logħob li l-projbizzjoni ta’ reklamar tagħmel riferiment għalihom u li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali tal-Liġi dwar il-logħob, meħuda fit-totalità tagħha.

    29

    Issa, kemm is-servizzi ta’ reklamar kif ukoll is-servizzi ta’ logħob, sa fejn dawn jiġu pprovduti, b’mod partikolari, b’mezz elettroniku (online), jikkostitwixxu “servizzi tas-Soċjeta ta’ l-Informatika” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u, għaldaqstant, ir-regoli relatati magħhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala “regoli dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

    30

    Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi”, regola għandha, konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tkun “speċifikament” immirata lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

    31

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jistax jitqies li huwa “speċifikament” immirat lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika filwaqt li, b’mod partikolari, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ssemmix b’mod espliċitu s-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-servizzi mhux pprovduti online u s-servizzi pprovduti online. Dik il-qorti tindika, madankollu, li mix-xogħol preparatorju tal-Liġi ta’ emenda donnu jsegwi li dik il-liġi kienet intiża, b’mod partikolari, li twessa’ l-imsemmija dispożizzjoni għas-servizzi online.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kwistjoni dwar jekk regola hijiex immirata speċifikament lejn servizzi tas-soċjetà tal-informatika għandha, skont l-ewwel inċiż tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tiġi ddeterminata fid-dawl kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tat-test tad-dispożittiv ta’ din ir-regola. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li r-regola inkwistjoni jkollha fit-totalità tagħha “il-mira speċifika u l-għan” li tirregola servizzi tas-soċjetà tal-informatika, peress li huwa biżżejjed li din ir-regola tfittex din il-mira jew dan l-għan f’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha.

    33

    Konsegwentement, għalkemm ma jirriżultax mill-formulazzjoni nfisha ta’ regola nazzjonali li hija intiża, għall-inqas parzjalment, li tirregola speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika – pereżempju sa fejn il-formulazzjoni tar-regola ma tistabbilixxi, bħal f’dan il-każ, ebda distinzjoni bejn servizzi mhux ipprovduti online u servizzi pprovduti online –, dan l-għan jista’ madankollu jirriżulta ċarament mill-motivazzjoni ta’ din ir-regola, kif tirriżulta, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni nazzjonali rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari mix-xogħol preparatorju tal-imsemmija regola.

    34

    It-tieni nett, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 98/48, li emendat id-Direttiva 98/34, isegwi li din għandha l-għan li tadatta leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti għas-servizzi ġodda tas-soċjetà tal-informatika u li tevita r-“restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li b’hekk iwasslu għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern”.

    35

    Issa, imur kontra dan l-għan li tiġi eskluża regola li għandha, skont ix-xogħol preparatorju tagħha, ċarament il-mira u l-għan li testendi regola eżistenza għal servizzi tas-soċjetà tal-informatika, mill-klassifikazzjoni ta’ regoli mmirati speċifikament għal tali servizzi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, għar-raġuni unika li d-dispożittiv tagħha ma jagħmilx riferiment espress għal dawn is-servizzi iżda jinkorporahom taħt kunċett ta’ servizzi iktar wiesa’, li jkopri kemm servizzi pprovduti online kif ukoll servizzi mhux ipprovduti online.

    36

    Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, tikkostitwixxi regolament tekniku li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tagħha, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji jew tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati, tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji jew tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati, tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Fuq