Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0691

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Bilbaína de Alquitranes, SA et.
    Appell – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet – Regolament (UE) Nru 944/2013 – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja – Kategoriji ta’ tossiċità akwatika akuta (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika (H410) – Obbligu ta’ diliġenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
    Kawża C-691/15 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:646

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

    Kawża C-691/15 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Bilbaína de Alquitranes, SA

    Deza, a.s.

    Industrial Química del Nalón, SA

    Koppers Denmark A/S

    Koppers UK Ltd

    Koppers Netherlands BV

    Rütgers basic aromatics GmbH

    Rütgers Belgium NV

    Rütgers Poland Sp. z o.o.

    Bawtry Carbon International Ltd

    Grupo Ferroatlántica, SA

    SGL Carbon GmbH

    SGL Carbon GmbH

    SGL Carbon

    SGL Carbon, SA

    SGL Carbon Polska S.A.

    ThyssenKrupp Steel Europe AG

    Tokai erftcarbon GmbH

    “Appell — Ambjent — Klassifikazzjoni, ittikkettar u ppakkettjar ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet — Adattament għal progress tekniku — Klassifikazzjoni ta’ żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410)”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dan il-każ jikkonċerna r-rikonċiljazzjoni ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi bil-ħtieġa ta’ legalità ta' azzjoni amministrattiva. F’każijiet fejn il-leġiżlazzjoni tkun stabbilixxiet lista ta’ “fatturi rilevanti” li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt evalwazzjoni bħal din, dik il-lista għandha tiġi interpretata bħala waħda eżawrjenti, li tirrikjedi lill-amministraturi li jinjoraw il-fatturi l-oħra kollha? Din hija l-kwistjoni fundamentali ta’ dritt mertu ta’ dan l-appell.

    2.

    Żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (iktar ’il quddiem “CTPHT”) (KE Nru 266-028-2) huwa solidu iswed, ir-residwu mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Huwa tip ta’ “UVCB”, jiġifieri sustanza li għandha kompożizzjoni kumplessa u varjabbli. Is-CTPHT ġie kklassifikat taħt ir-Regolament (UE) Nru 944/2013 (ir-“regolament ikkontestat”) ( 2 ) bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410). Dik il-klassifikazzjoni ġiet ibbażata fuq il-“metodu ta’ addittività”, li jikklassifika sustanzi skont il-klassifikazzjoni tal-kostitwenti tagħhom.

    3.

    Bilbaína de Alquitranes, SA et ( 3 ) (l-“appellati”) huma fornituri u utenti downstream tas-CTPHT. Huma kkontestaw il-validità tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. B’sentenza fil-kawża T‑689/13, ( 4 ) il-Qorti Ġenerali annullat partijiet mir-regolament ikkontestat li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tas-CTPHT (is-“sentenza kkontestata”). Essenzjalment għamlet dan abbażi li, bil-klassifikazzjoni ta’ CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410), il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li CTPHT bilkemm jinħall fl-ilma.

    4.

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tirribatti s-sentenza kkontestata u tirrileva tliet aggravji. L-ewwel, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest, b’mod partikolari billi sostniet li l-Kummissjoni, meta applikat il-“metodu ta’ addittività” ta’ klassifikazzjoni, kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. It-tielet, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha fl-istħarriġ tal-kwistjoni, u b’hekk iddisturbat l-evidenza ppreżentata lilha.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”)

    5.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament CLP dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ( 5 ) jipprovdi li “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti […] billi: (a) jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet […]”.

    6.

    It-Titolu V jistabbilixxi regoli għall-armonizzazzjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanzi, li jantiċipa li Stati Membri jistgħu jipproponu klassifikazzjoni armonizzata f’ċerti każijiet [Artikolu 37(1)]. F’każijiet bħal dawn, il-proposta hija sottomessa lill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju stabbilit taħt l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) ( 6 ), li jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni wara li jagħti lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw [Artikolu 37(4)].

    7.

    L-Artikolu 37(5) jipprovdi li:

    “Fejn il-Kummissjoni ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza kkonċernata hija adatta, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien ma’ l-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar […]”

    8.

    Wara, dak l-abbozz jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3).

    9.

    Il-Parti 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP hija intitolata “Perikli Ambjentali”. Il-Punt 4.1 jinkludi r-regoli dwar klassifikazzjoni ta’ perikoli akwatiċi.

    10.

    Skont il-punti 4.1.2.3 u 4.1.2.4 u t-tabella 4.1.0:

    “Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-Kategorija Akuta 1 huma definiti abbażi tad-dejta dwar it-tossiċità akuta akwatika biss (EC50 jew LC50). Il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-kategoriji Kronika 1 sa 3 isegwu approċċ maqsum fi stadji fejn l-ewwel pass huwa l-verifika ta’ jekk hemmx informazzjoni disponibbli dwar il-merti tat-tossiċità kronika fil-klassifikazzjoni tal-periklu fit-tul. Fin-nuqqas ta’ dejta adattata ta’ tossiċità kronika, il-pass sussegwenti huwa li jingħaqdu żewġ tipi ta’ informazzjoni, jiġifieri dejta dwar it-tossiċità akkwatika akuta u dejta dwar id-destin ambjentali (dejta dwar id-degradabbiltà u l-bijoakkumulazzjoni)

    […]

    Is-sistema tintroduċi wkoll klassifikazzjoni ta’ ‘xibka tas-sigurtà’ (msejħa kategorija Kronika 4) biex tintuża’ meta d-dejta disponibbli ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni skont il-kriterji formali għal akut 1 jew kronika minn 1 sa 3 iżda li dwarhom xorta hemm raġunijiet għal tħassib (ara l-eżempju fit-tabella 4.1.0).

    […]

    Klassifikazzjoni ta’ ‘xibka tas-sigurtà’

    Il-Kategorija Kronika 4

    Każijiet fejn id-dejta ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni skont il-kriterji ta’ hawn fuq, iżda hemm xorta waħda raġunijiet għal tħassib. Dan jinkludi, pereżempju, sustanzi li ma jinħallux malajr li għalihom l-ebda tossiċità akuta m’hi reġistrata f’livelli sas-solubilità fl-ilma (nota 4), u li mhumiex degradabbli malajr skont it-Taqsima 4.1.2.9.5 u li għandhom BCF determinata b’mod sperimentali ta’ ≥ 500 (jew, f’nuqqas ta’ dan, log Kow ≥ 4), li tindika potenzjal ta’ bijoakkumulazzjoni, li għandhom jiġu kklassifikati f’din il-kategorija sakemm ma teżistix evidenza xjentifika oħra li turi li l-klassifikazzjoni mhix meħtieġa. Din l-evidenza tinkludi NOECs ta’ tossiċità kronika > solubilità fl-ilma jew > 1 mg/l, jew evidenza oħra ta’ degradazzjoni malajr fl-ambjent minbarra dawk provduti permezz ta’ kwalunkwe wieħed mill-metodi mniżżla fit-Taqsima 4.1.2.9.5.

    […]

    Nota 4:

    ‘L-ebda tossiċità akuta’ hi meqjusa li tfisser li l-L(E)C50(s) hija/huma ’l fuq minn meta l-ilma jibda jinħall. Anki għas-sustanzi li ma jinħallux malajr fl-ilma, (meta l-ilma jibda jinħall < 1 mg/l), fejn hemm evidenza li t-test akut ma jkunx ta miżura vera tat-tossiċità intrinsika.”

    11.

    Il-punt 4.1.3 tal-Anness I, intitolat “Kriterji dwar il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet” jipprovdi kif ġej:

    “4.1.3.1.

    Is-sistema ta’ klassifikazzjoni għat-taħlitiet tkopri l-kategoriji kollha ta’ klassifikazzjoni li huma użati għas-sustanzi, jiġifieri l-kategoriji Akuta 1 u Kronika minn 1 sa 4. Sabiex tintuża d-dejta kollha disponibbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt […]

    4.1.3.2.

    L-istrateġija dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akwatiċi hija maqsuma f’partijiet, u tiddependi fuq it-tip ta’ informazzjoni li teżisti għat-taħlita nnifisha u għall-komponenti tagħha. Il-figura 4.1.2 telenka l-proċess li għandu jiġi segwit.

    Elementi ta’ l-istrateġija f’partijiet jinkludu:

    klassifikazzjoni bbażata fuq taħlitiet ittestjati;

    klassifikazzjoni bbażata fuq prinċipji ta’ konnessjoni,

    l-użu tal-‘addizzjoni tal-komponenti kklassifikati’ u/jew ‘formula ta’ addittività’”.

    Figura 4.1.2

    Approċċ fi stadji dwar il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet għal l-perikli akwatiċi ambjentali akuti u fit-tul

    Image

    12.

    Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I jiddeskrivi l-metodu ta’ addittività fid-dettall. Dak il-metodu essenzjalment jikkonsisti f’: (i) identifikazzjoni tal-proporzjon tas-sustanza investigata rrappreżentata minn kull kostitwent ikklassifikat (f’perċentwali); (ii) multiplikazzjoni ta’ kull wieħed mill‑perċentwali b’fattur‑M (koeffiċjent li jirrifletti l-perikolożità tal-kostitwenti inkwistjoni); u, (iii) l-għadd tar-riżultati għall-kostitwenti kollha sabiex takkwista figura perċentwali finali. Imbagħad, dak ir-riżultat jiġi pparagunat ma’ serje ta’ livelli li jirrappreżentaw klassifikazzjonijiet differenti (Kroniku 1, 2, 3 u Akut 1).

    2.  Ir-Regolament Nru 944/2013

    13.

    Ir-Regolament Nru 944/2013, fost l-oħrajn, jikklassifika s-CTPHT fir-rigward tat-tossiċità akwatika bħala Aquatic Acute 1 u Aquatic Chronic 1.

    III. Il-fatti u l-proċedura

    14.

    L-isfond ta’ din it-tilwima jinsab fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza kkontestata.

    15.

    L-appellati huma fornituri u utenti downstream tas-CTPHT, solidu iswed, ir-residwu mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam b’temperatura għolja. Is-CTPHT hija fost dawk is-sustanzi li għandha kompożizzjoni li ma hijiex magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi li jirreaġixxu jew materjal bijoloġiku peress li ma tistax tkun identifikata b’mod sħiħ mill-kompożizzjoni kimika tagħha.

    16.

    Fil-21 ta’ Novembru 2011, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (iktar ’il quddiem “RAC”) ( 7 ) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem “ECHA”) adotta opinjoni dwar is-CTPHT. Dik l-opinjoni, li ġiet akkumpanjata b’dokument ta’ sfond li jinkludi l-analiżi ddettaljata tal-RAC (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ sfond”), ippropona inter alia li jikklassifika s-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410).

    17.

    L-RAC kkunsidra li klassifikazzjoni ta’ tossiċità akwatika ma tistax tkun “diretta”, ibbażata fuq dejta relatata mas-CTPHT innifsu, u kkwota dgħjufijiet f’dik id-dejta. Id-dejta kienet ġiet akkwistata fl-assenza ta’ irradjazzjoni ultraviolet (UV), anki jekk ċerti kostitwenti idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (iktar ’il quddiem “PAH”) tas-CTPHT huma fototossiċi. Barra minn hekk, l-istudji kkonċernati kienu saru biss b’kariku singlu.

    18.

    Għalhekk, l-RAC argumenta li l-klassifikazzjoni tas-CTPHT kellu jkun ibbażat fuq approċċ alternattiv għall-klassifikazzjoni, il-“metodu ta’ addittività”. Skont dan l-approċċ, is-16-il kostitwenti tas-CTPHT, li ġew iddefiniti bħala sustanzi ta’ prijorità mill-Aġenzija tal-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA), u li għaliha kien hemm disponibbli dejta ta’ effett u espożizzjoni suffiċjenti (is-“16-il kostitwenti PAH”), ġew analizzati separatament skont l-effetti akwatiċi tossiċi tagħhom. Bl-applikar ta’ metodu li jikkonsisti fid-determinazzjoni tas-somma tar-riżultati miksuba bl-attribuzzjoni ta’ fatturi multiplikanti għall-PAH differenti sabiex tpoġġi iktar piż fuq il-kostitwenti ferm tossiċi tas-CTPHT, dik l-analiżi weriet, skont l-opinjoni tal-RAC, li s-CTPHT kellha tiġi kklassifikata bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410).

    19.

    Fit-2 ta’ Ottubru 2013, abbażi tal-opinjoni tal-RAC, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat li jikklassifika s-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400), u Aquatic Chronic 1 (H410).

    IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    20.

    Fl-20 ta’ Diċembru 2013, l-appellati intavolaw azzjoni għal annullament parzjali tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, sal-punt li kklassifikat is-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410).

    21.

    Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Ġenerali laqgħet dik l-azzjoni, u parzjalment annullat ir-regolament ikkontestat.

    22.

    Fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza kkontestata, li ser tiġi diskussa fid-dettall iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet is-segwenti:

    “32

    Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu kapaċi jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li, meta bbażat il-klassifikazzjoni ta’ CTPHT bħala sustanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410) fuq l-assunzjoni li l-PAH kollu preżenti f’dik is-sustanza jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa għalhekk disponibbli għal organiżmi akwatiċi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3 tad-dokument ta’ sfond, intitolat ‘Elementi fiżjokimiċi’, il-kostitwenti tas-CTPHT ġew rilaxxati minn CTPHT sa ċertu punt biss u li dik is-sustanza kienet stabbli ħafna.

    33

    L-ewwel nett, la l-opinjoni tal-RAC dwar is-CTPHT u lanqas id-dokument ta’ sfond ma jinkludu xi raġunar li juri li, bl-assunzjoni li l-PAH kollu preżenti f’dik is-sustanza jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa disponibbli għal organiżmi akwatiċi, ittieħdet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa tal-ilma tas-CTPHT. Iktar minn hekk, b’risposta għad-domanda bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u l-ECHA setgħu juru biss li s-solubbiltà ta’ 16-il kostitwenti PAH, ikkunsidrati waħedhom, ittieħdu inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ klassifikazzjoni tas-CTPHT. Barra minn hekk, b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali waqt is-smigħ, il-Kummissjoni u l-ECHA sempliċiment indikaw li ġie preżunt li l-PAH kollu fis-CTPHT jinħall fl-ilma sa fejn l-eżami tat-tossiċità akwatiku ta’ dik is-sustanza ġie magħmul abbażi tal-kostitwenti tagħha. Madankollu, dan ir-raġunar ma jistabbilixxix li s-solubbiltà baxxa ta’ dik is-sustanza ittieħdet inkunsiderazzjoni.

    34

    It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li, skont il-punt 1.3 tad-dokument ta’ sfond, l-ogħla rata ta’ solubbiltà tal-ilma tas-CTPHT fir-rigward ta’ load kien ta’ 0.0014% fil-massimu. Fid-dawl ta’ solubbiltà tal-ilma baxxa tas-CTPHT, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma uriet li tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni inkwistjoni ta’ dik is-sustanza fuq assunzjoni li l-PAH kollu preżenti fis-CTPHT jinħall fil-fażi tal-ilma u li hu disponibbli għal organiżmi akwatiċi. Mit-Tabella 7.6.2 tad-dokument ta’ sfond huwa evidenti li s-16-il kostitwenti PAH tas-CTPHT jikkostitwixxu 9.2% ta’ dik is-sustanza. Għalhekk, bl-assunzjoni li dak il-PAH kollu jinħall fl-ilma, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq l-assunzjoni li 9.2% tas-CTPHT seta’ jinħall fl-ilma. Madankollu, kif jista’ jidher mill-punt 1.3 tad-dokument sfond, dan il-valur ma huwiex realistiku, peress illi r-rata massima hija ta’ 0.0014%.”

    V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    23.

    Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrevoka s-sentenza kkontestata, tirrinvija l-kawża lura lejn il-Qorti Ġenerali, u tirriżerva l-ispejjeż.

    24.

    L-appellati jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. L-appellati jitolbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż anki fl-eventwalità li l-appell jintlaqa’.

    25.

    ECHA u GrafTech Iberica, SL, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, insostenn tal-Kummissjoni u tal-appellati rispettivament, huma wkoll partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    26.

    Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi intervjenew fil-proċeduri ta’ appell insostenn tal-Kummissjoni.

    27.

    Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talba tal-appellati għal miżuri provviżorji, imressqa fl-24 ta’ Marzu 2016, effettivament immirata għall-ksib ta’ sospensjoni tar-regolament ikkontestat.

    28.

    Il-Kummissjoni, l-appellati, l-ECHA u l-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni, l-appellati, l-ECHA, GrafTech Ibercia SL u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Ġermanja ppreżentaw l-argumenti tagħhom waqt is-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017.

    VI. Evalwazzjoni

    29.

    L-appell tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq tliet aggravji, li ser neżaminahom wara xulxin. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti raġunijiet (A). It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ (B). It-tielet, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limitu tal-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ il-kwistjoni, u b’hekk iddisturbat l-evidenza ppreżentata lilha (C).

    A. L-ewwel aggravju: in-nuqqas li tagħti raġunijiet

    30.

    Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet, u b’hekk kisret l-Artikolu 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li mis-sentenza kkontestata ma huwiex ċar jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidrax li (i) il-Kummissjoni kienet żbaljata meta applikat il-metodu ta’ addittività (għall-kuntrarju ta’ metodu ieħor, pereżempju, il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta), jew (ii) il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta b’mod żbaljat.

    31.

    Ma naqbilx li s-sentenza kkontestata ma hijiex ċara f’dak ir-rigward.

    32.

    Il-punti fundamentali tas-sentenza kkontestata (punti 32 sa 34, riprodotti iktar ’il fuq fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jagħmluha ċara li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività b’mod skorrett.

    33.

    Il-punt 30 tas-sentenza kkontestata jipprovdi li l-Kummissjoni “naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha biex b’hekk tieħu kont tal-proporzjon ta’ preżenza ta’ dawn is-16-il kostitwent fis-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom”.

    34.

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tirreferi għan-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jippermettulha tevalwa b’mod xieraq l-effetti kimiċi tal-kostitwenti tas-CTPHT. Dik ir-referenza għall-evalwazzjoni tal-kostitwenti tindika b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali qed tirreferi għal tħassib fil-mod li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività (il-metodu bbażat fuq klassifikazzjoni ta’ kostitwenti iktar milli s-sustanza b’mod sħiħ).

    35.

    Il-punt 31 tas-sentenza kkontestata jipprovdi li: “Skont il-punt 7.6 tad-dokument ta’ sfond, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ CTPHT abbażi tal-kostitwenti tagħha, ġie preżunt li l-PAH kollu preżenti fis-CTPHT jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa għalhekk disponibbli għal organiżmi akwatiċi.” (Enfasi miżjuda)

    36.

    Fi kliem ieħor, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq klassifikazzjoni ta’ kostitwenti – il-metodu ta’ addittività – il-Kummissjoni għamlet assunzjoni dwar is-solubbiltà ta’ dawk il-kostitwenti.

    37.

    F’kull punt minn 32 sa 34 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali tkompli tgħaqqad dik l-assunzjoni man-nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ. ( 8 )Pereżempju, fil-punt 34 il-Qorti Ġenerali tgħid: “Fid-dawl tas-solubbiltà baxxa tal-ilma tas-CTPHT, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma uriet li tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni inkwistjoni ta’ dik is-sustanza fuq l-assunzjoni li l-PAH kollu preżenti fis-CTPHT jinħall fil-fażi tal-ilma u huwa disponibbli għal organiżmi akwatiċi.” (Enfasi miżjuda)

    38.

    Speċifikament huwa dak in-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa tas-CTPHT b’mod sħiħ li jammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni li jiġġustifika l-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat.

    39.

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li t-tħassib tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività minflok l-għażla ta’ dak il-metodu nnifsu.

    40.

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet. Nipproponi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    41.

    Bħala kumment konklussiv, ninnota li l-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali kinitx żbaljata li ssostni li l-Kummissjoni kienet legalment obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT bħala parti mill-applikazzjoni tagħha tal-metodu ta’ addittività, hija kwistjoni ta’ sustanza (ikkunsidrata taħt it-tieni aggravju iktar ’il quddiem). Ma hijiex kwistjoni ta’ adegwatezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-ewwel aggravju.

    B. It-tieni aggravju: l-għażla tal-metodu ta’ klassifikazzjoni u/jew l-applikazzjoni żbaljata tiegħu

    1.  L-ewwel parti: għażla ta’ metodu żbaljat

    42.

    Fl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza kkontestata ma hijiex ċara dwar jekk: (i) il-Kummissjoni kinitx żbaljata li tapplika l-metodu ta’ addittività, jew (ii) il-Kummissjoni applikatx il-metodu ta’ addittività b’mod żbaljat. Fit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra dawn iż-żewġ verżjonijiet alternattivi tas-sentenza kkontesta wara xulxin (taħt l-ewwel u t-tieni parti rispettivament) u tikkonkludi li kull waħda minnhom hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

    43.

    Fid-dawl tar-risposta tiegħi fl-ewwel aggravju, li tikkonkludi li l-ewwel interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni tikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, nipproponi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    2.  It-tieni parti: applikazzjoni tal-metodu ta’ addittività b’mod żbaljat

    i) L-argument tal-Kummissjoni: il-metodu ta’ addittività huwa eżawrjenti

    44.

    Il-Kummissjoni targumenta li għandha diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk hemmx dejta suffiċjenti li tippermetti l-użu tal-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta, jew fin-nuqqas, il-prinċipji li jgħaqqdu. Madankollu, ġaladarba jkun iddeterminat li hemm dejta insuffiċjenti sabiex tapplika xi wieħed mill-metodi, u għalhekk tkun għażlet li tapplika l-metodu ta’ addittività, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe dejta jew evidenza għajr għal dik speċifikament intiża fir-regoli ddettaljati li jiddeskrivu l-metodu ta’ addittività fl-Anness I tar-Regolament CLP.

    45.

    Il-Kummissjoni tasal għal erba’ konklużjonijiet minn dik l-osservazzjoni. L-ewwel, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, meta kklassifikat dik is-sustanza. Tabilħaqq, ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT.

    46.

    It-tieni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta assumiet, waqt l-applikar tal-metodu ta’ addittività, li l-PAH rilevanti u preżenti fis-CTPHT jinħallu fl-ilma. Dik l-assunzjoni hija integrali għall-metodu ta’ addittività nnifsu.

    47.

    It-tielet, il-Kummissjoni ħadet kont tal-proporzjon li jinsab fil-kostitwenti rilevanti preżenti fis-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom, kif mitlub mill-metodu ta’ addittività u l-ġurisprudenza (iċċitata fil-punt 29 tas-sentenza kkontestat).

    48.

    Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata li timplika li, sabiex japplika l-metodu ta’ addittività, il-kostitwenti rilevanti għandhom ikopru proporzjon kbir tas-sustanza li għandha tiġi kklassifikata.

    49.

    F’dak li jikkonċerna r-raba’ punt, il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx din l-implikazzjoni, u l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sentenza kkontestata hija kjarament żbaljata f’dak ir-rigward. Tabilħaqq, il-Kummissjoni nnifisha ressqet ’il quddiem l-argument kemmxejn tentattivament. Għalhekk, m’iniex ser niddiskuti dak il-punt ulterjorment.

    50.

    Essenzjalment, l-ewwel, it-tieni u t-tielet punt tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq jirrilevaw l-istess kwistjoni. Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet punt, fiż-żewġ każijiet il-Kummissjoni bażikament ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ kienet fattur rilevanti li kellha l-obbligu legali li tieħu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tat-tieni punt, is-sentenza kkontestata fil-fatt ma tikkritikax lill-Kummissjoni għall-assunzjoni nnifisha, iżda minflok għall-fatt li ma ittieħed l-ebda kunsiderazzjoni għas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ.

    51.

    Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

    ii) X’inhu “fattur rilevanti” li għandu jiġi kkunsidrat?

    52.

    Il-qofol tal-kwistjoni hija r-“rilevanza” ta’ element fattwali partikolari u kif dan huwa ddeterminat.

    53.

    Is-sentenza kkontestata ( 9 ) tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita li, qabel tadotta att, il-Kummissjoni għandha obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni “il-fatturi u ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li l-att kellu jirregola.” Dak l-obbligu jista’ kjarament jiġi intraċċat lura mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal obbligu iktar ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li timplika “obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-aspetti kollha rilevanti tal-każ individwali [u] d-dritt tal-persuna kkonċernata li tagħmel l-opinjonijiet tagħha magħrufa u li jkollha deċiżjoni raġonevolment xierqa.” ( 10 )

    54.

    Ma nikkunsidrax – u tassew ħadd mill-partijiet ma jargumenta – li dik il-ġurisprudenza hija ħażina meta tgħid li l-Kummissjoni għandha obbligu legali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Ukoll, ħadd mill-partijiet ma jargumenta li l-Kummissjoni f’dan il-każ effettivament ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ fl-applikazzjoni tagħha tal-metodu tal-addittività. Pjuttost il-vertenza hija essenzjalment dwar jekk solubbiltà ta’ CTPHT b’mod sħiħ hijiex “fattur rilevanti” li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-metodu ta’ addittività.

    55.

    Għandu jiġi osservat, sa mill-bidu, li jekk parti speċifika minn dejta, rapport, sejba eċċ hija “fattur rilevanti”, li tagħti lok għal obbligu legali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, u jekk dak il-fattur rilevanti kienx fil-prattika ttieħed kont tiegħu huma, fil-prinċipju, kwistjonijiet ta’ fatt. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva, fl-ewwel lok, sabiex tikseb il-fatti, ħlief meta l-ineżattezza sostantiva tal-istħarriġ tagħha hija evidenti mid-dokumenti sottomessi lilha, u fit-tieni lok, li tevalwa dawk il-fatti. ( 11 ) B’riżultat ta’ dan, fl-assenza ta’ xi talba li l-fatti ġew iddisturbati, ( 12 ) fil-prinċipju, (ri)evalwazzjoni ta’ rilevanza hija ’l barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. ( 13 )

    56.

    Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni essenzjalment iwassal għall-konklużjoni li s-solubbiltà tas-CTPHT hija “irrilevanti”, peress li l-metodu ta’ addittività ma jidentifikahiex rilevanti. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni li tiddetermina x’jikkonsisti bħala “fattur rilevanti” u hija legalment obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni dawk l-elementi u dawk l-elementi biss mogħtija fir-Regolament CLP (Anness I, punti 4.1.3.5, 4.1.3.5.2 u 4.1.3.5.5).

    57.

    Dwar jekk ir-Regolament CLP jiddefinixxix b’mod eżawrjenti jew le x’jikkostitwixxi fattur rilevanti – u fl-istess waqt jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra– hija kwistjoni ta’ liġi.

    58.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma hijiex imċaħħda mid-diskrezzjoni tagħha b’dak il-mod. Għandha tevalwa jekk hemmx fatturi rilevanti oħra u, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, fejn tali fatturi huma identifikati, għandha obbligu legali li tikkunsidrahom. ( 14 )

    59.

    Bħala riassunt ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u sabiex inkun ċar daqs il-kristall dwar il-punt legali dibattut, f’dan l-istadju huwa ta’ għajnuna li nenfasizza erba’ kwistjonijiet legali differenti li potenzjalment jistgħu jkunu suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju:

    jekk il-Kummissjoni għandhiex xi diskrezzjoni li tidentifika “fatturi rilevanti” lil hinn minn dawk elenkati fil-partijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

    jekk il-Kummissjoni eżerċitatx b’mod korrett dik id-diskrezzjoni u identifikat fattur bħala rilevanti;

    ladarba fattur rilevanti jiġi identifikat, jekk il-Kummissjoni tkunx fil-prattika issodisfat l-obbligi legali tagħha sabiex tieħu dak il-fattur inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ deċiżjoni tagħha;

    jekk il-Kummissjoni tatx piż suffiċjenti lil dak il-fattur fl-evalwazzjoni.

    60.

    Huwa biss l-ewwel mill-punti msemmija iktar ’il fuq li qiegħed jiġi diskuss fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju.

    iii) Il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni?

    61.

    Bħala punt ta’ prinċipju, huwa possibbli għal-leġiżlatur tal-UE li jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti u, f’dan it-twettiq, teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ ċerti fatturi. Eżempju ovvju jkun il-projbizzjoni li fl-evalwazzjoni tagħha tieħu inkunsiderazzjoni avvenimenti li seħħew qabel data partikolari. Huwa ugwalment possibbli għal-leġiżlatur tal-UE li jimponi fuq il-Kummissjoni kompitu li effettivament ma jinvolvi ebda diskrezzjoni, pereżempju l-kalkolu ta’ tunnellaġġi jew pagamenti monetarji bl-applikazzjoni ta’ formuli matematiċi.

    62.

    Madankollu, ma nikkunsidrax li wieħed jista’ jipparaguna dawk it-tipi ta’ sitwazzjonijiet ma’ sitwazzjonijiet bħal dik odjerna li tinvolvi stadju (potenzjalment deċiżiv) f’evalwazzjoni xjentifika ferm kumplessa, li huma ta’ natura differenti ħafna.

    63.

    Kif preċedentement stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “din id-diskrezzjoni fuq l-amministrazzjoni, li hija essenzjali sabiex tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni fatti imprevedibbli varji li huma partikolari għal kull każ, ma hijiex inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali, li tistrieħ fuqu l-appellanta, ta’ ugwaljanza fit-trattament […] Dan il-prinċipju ġenerali ma jfissirx li, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata, l-amministrazzjoni għandha biss twettaq applikazzjoni mekkanika ta’ regoli u kriterji predeterminati. Tali interpretazzjoni tkun f’konflitt mal-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet fattwali li sikwit huma kkomplikati li huma partikolari għal kull każ individwali”. ( 15 )

    64.

    Għalkemm il-kuntest ta’ dik il-kwotazzjoni kien pjuttost differenti, il-punt l-iktar ġenerali jinftiehem sew. Li tirrikjedi amministrazzjoni sabiex tevalwa fatti kumplessi ferm filwaqt li tkun limitata ħafna jista’ jwassal għal riżultati inġusti u anki strambi.

    65.

    Bla dubju, il-Kummissjoni ma tirrilevax l-assenza ta’ diskrezzjoni matul l-evalwazzjoni kollha, iżda biss f’partijiet speċifiċi minnha.

    66.

    Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dik l-analiżi tal-inqas tinkludi, jekk mhux kontradizzjoni inerenti, mill-inqas ġustapożizzjoni skomda ferm. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkonferma li hija tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tan-natura xierqa ta ’ tip ta ’ metodu ta ’ klassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandha tikkunsidra kull metodu tal-approċċ imtarraġ f’ordni ġerarkika stretta (il-metodu ta’ klassifikazzjoni diretta, il-prinċipji li jgħaqqdu, ( 16 )u l-metodu ta’ addittività). Barra minn hekk, f’każ li l-Kummissjoni tagħżel il-metodu ta’ addittività, tiċħad li għandha xi diskrezzjoni fi ħdan dak il-metodu ta ’ klassifikazzjoni. Għandha ssegwi l-metodu b’mod “mekkaniku għamja għal xi fatturi li ma humiex elenkati b’mod espliċitu fir-Regolament CLP.

    67.

    Ma naqbilx.

    68.

    L-ewwel u qabel kollox, m’iniex konvint bid-dikotomija proposta mill-Kummissjoni ta’ (i) diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-metodu xieraq, u (ii) assolutament l-ebda diskrezzjoni fl-applikazzjoni tiegħu. Min-natura tagħhom, iż-żewġ passi, jiġifieri, l-għażla u r-realizzazzjoni tal-metodu huma partijiet tal-istess evalwazzjoni ferm kumplessa dwar perikolu xjentifiku. Fil-prattika, huwa mistenni li amministratur diliġenti l-ewwel jgħaqqad id-dejta disponibbli kollha. Abbażi tal-(in)suffiċjenza ta’ elementi individwali ta’ dik id-dejta, wara jiddeċiedi dwar il-metodu li għandu jadotta, naturalment billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ dejta li hija meħtieġa għal kull metodu.

    69.

    Ma nistax neskludi li f’każijiet fejn il-Kummissjoni tgawdi diskrezzjoni meta l-evalwazzjoni tittieħed b’mod globali hemm ċerti parti(jiet) diskreti tagħha li fil-fatt hija mċaħħda mid-diskrezzjoni. Madankollu, għandu jkun hemm bażi ċara għad-dissezzjoni tal-evalwazzjoni b’dak il-mod. F’dan il-każ, ma narahx hekk.

    70.

    Nixtieq nenfasizza li jien bl-ebda mod ma qiegħed nissuġġerixxi li fuq il-mertu tiegħu, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni huwa insostenibbli. Ma ngħaddi assolutament l-ebda ġudizzju dwar il-klassifikazzjoni (s)korretta tas-CTPHT. Qiegħed biss insemmi dan l-element sabiex nuri d-diskrezzjoni inerenti li teżisti fl-għażla tal-metodu u b’hekk fl-evalwazzjoni xjentifika kumplessa globali.

    71.

    Inżid li fil-fatt ma huwiex ċar li, f’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni żammet b’mod riġidu mal-approċċ li tipproponi. Il-Kummissjoni tirrileva li għandha tikkunsidra kull metodu f’ordni ġerarkika riġidu u ma għadhiex diskrezzjoni f’dak is-sens. Madankollu, fir-realtà jidher li fl-evalwazzjoni tagħha dwar is-CTPHT, il-Kummissjoni qabżet direttament mill-ewwel metodu (klassifikazzjoni diretta) għat-tielet metodu (metodu ta’ addittività) mingħajr ma espliċitament ikkunsidrat u warrbet it-tieni metodu (li tgħaqqad il-prinċipji) bħala alternattiva.

    72.

    Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi hemm mill-inqas erba’ elementi ulterjuri li jikkonfermaw li l-argument tal-Kummissjoni dwar l-assenza assoluta ta’ diskrezzjoni għandu jiġi miċħud.

    73.

    L-ewwel, b’ħarsa lejn it-test innifsu, taħt il-punt 4.1.3. tal-Anness I tar-Regolament CLP, intitolat “Kriterji ta’ klassifikazzjoni tat-taħlitiet” hemm bla dubju ċertu diskrezzjoni implikata fl-għażla tal-kliem “Sabiex tintuża d-data kollha li teżisti għall-finijiet li jiġu kklassifikati l-perikoli ambjentali akwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt.” (Enfasi miżjuda)

    74.

    It-taqsima tkompli b’deskrizzjoni tal-approċċ imtarraġ ta’ klassifikazzjoni. Ma hemm l-ebda dikjarazzjoni fil-partijiet tal-Anness I tar-Regolament CLP li jipprovdu għal rimedju ta’ u d-deskrizzjoni tal-kontenut tal-metodu ta’ addittività, li jipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi lil hinn minn dawk espliċitament imsemmija. ( 17 )

    75.

    Nifhem il-punt tal-Kummissjoni dwar il-legalità tal-azzjoni amministrattiva f’dan il-kuntest, li fi ftit kliem jissuġġerixxi li billi hija awtorità pubblika, din tista’ taġixxi biss fi ħdan il-limiti tal-liġi. B’mod ġenerali, din il-perspettiva tista’ biss tkun imfaħħra. Madankollu, f’dan ix-xenarju partikolari, il-limiti testwali u sistematiċi tal-liġi ma humiex daqstant dojoq daqs kif deskritti mill-Kummissjoni.

    76.

    It-tieni nett, hemm il-kuntest iktar wiesgħa u l-oriġini internazzjonali tar-Regolament CLP. Skont il-premessa 6 tar-Regolament CLP: “Dan ir-Regolament isegwi diversi dikjarazzjonijiet li fihom il-Komunità kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-NU, iżda anki permezz tal-inkorporazzjoni tal-kriterji tal-GHS miftehma internazzjonalment fid-dritt Komunitarju.”

    77.

    L-approċċ imtarraġ għall-klassifikazzjoni ta’ perikolu akwatiku jirrifletti l-approċċ meħud fuq livell internazzjonali taħt is-Sistema Globalment Armonizzata ta’ Klassifikazzjoni u Tikkettar ta’ Kimiċi (Globally Harmonised System of Classification and Labelling of Chemicals, iktar ’il quddiem “GHS”). Tabilħaqq, hemm partijiet sinifikanti ta’ dak l-approċċ fl-Anness I tar-Regolament CLP li huma testwalment identiċi għall-gwida GHS ekwivalenti. ( 18 )

    78.

    L-Anness 9 tal-GHS huwa iktar kumpless mill-punt 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP. Fl-opinjoni tiegħi, l-Anness 9 jagħmilha ċara li tista’ tingħata gwida dettaljata iżda huwa diffiċli li tipprovdi regoli f’dan il-qasam li japplikaw b’mod kompletament sistematiku u mekkaniku. Pereżempju, l-Anness 9 tal-GHS jelenka sfidi għal “problemi ta’ interpretazzjoni” li jikkonċernaw “sustanzi diffiċli”, li jinkludu sustanzi li “diffiċli jinħallu” u “sustanzi kumplessi jew multi-komponenti”. ( 19 )

    79.

    Qabel ngħaddi sabiex niddeskrivi l-iskema ta’ klassifikazzjoni armonizzata, l-Anness 9 tal-GHS jibda billi jgħid li “ma tistax tittama li tkopri s-sitwazzjonijiet kollha li joħorġu fi klassifikazzjoni. Għalhekk għandu jintwera bħala dokument ħaj li f’parti jiddeskrivi l-prinċipji fundamentali tas-sistema, [jiġifieri] bbażat fuq perikolu iktar milli bbażat fuq riskju, u l-kriterju fiss. F’parti, għandu wkoll ikun repożitorju għall-esperjenza akkumulata fl-użu tal-iskema sabiex tinkludi l-interpretazzjonijiet li jippermettu l-kriterji apparentement fissi sabiex jiġu applikati f’varjetà wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet mhux standard.” (Enfasi miżjuda) ( 20 )

    80.

    Għalhekk huwa ċar li l-istandards internazzjonali li l-leġiżlatur tal-UE xtaq li jinkorpora permezz tar-Regolament CLP jieħdu pożizzjoni iktar sfumata. Jistabbilixxu prinċipji u, filwaqt li gwida hija dettaljata ħafna, huwa aċċettat fil-miftuħ li hemm każijiet diffiċli u r-regoli ma jistgħux jitqiesu bħala listi kompletament eżawrjenti.

    81.

    It-tielet nett, fl-opinjoni tiegħi, huwa wkoll importanti li tħares lil hinn mill-każ individwali u tesplora fuq is-sistema u operat globali tar-Regolament CLP. Fil-każ odjern, il-Kummissjoni tirrileva assenza ta’ diskrezzjoni, u fuq dik il-bażi, tikkonkludi li hija meħtieġa klassifikazzjoni ta’ perikolu l-iktar severa. Fil-każ odjern, dik il-konklużjoni hija tassew konformi mal-għan tar-Regolament CLP li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Madankollu, x’jingħad fuq każijiet oħrajn fejn l-inabbiltà tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra rilevanti, fl-aħħar twassal għal klassifikazzjoni ta’ perikolu iktar baxxa minn dik li kieku tkun iġġustifikata?

    82.

    Huwa minnu li teżisti klassifikazzjoni bħala “xibka ta’ sikurezza”, li tippermetti li sustanzi li ma jkunux ġew ikklassifikati bħala Aquatic Acute 1 jew Aquatic Chronic 1, 2 jew 3, u li iżda xorta waħda jikkawżaw tħassib, jiġu kklassifikati bħala Aquatic Chronic 4. Dik il-possibbiltà tnaqqas ir-riskju ta’ klassifikazzjonijiet li huma “baxxi wisq”.

    83.

    Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, “xibka ta’ sikurezza” għandha tiġi kkunsidrata bħala tali. L-użu tagħha huwa proprju bħala rimedju aħħari. Jekk jinkixfu fatturi rilevanti u ta’ importanza kbira li serjament jikkontestaw klassifikazzjoni ta’ perikolu li hija “baxxa wisq”, dawn għandhom jitqiesu bħala parti mill-evalwazzjoni prinċipali.

    84.

    Jekk tassew hemm diskrezzjoni, għandu jiġi aċċettat li din id-diskrezzjoni tista’ taqta’ miż-żewġ naħat. Jekk jinkixfu fatturi rilevanti u ta’ importanza kbira li juru li l-klassifikazzjoni tal-perikolu hija “għoli wisq”, dawk il-fatturi wkoll għandhom jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni prinċipali. Din hija effettivament il-pożizzjoni tal-appellati.

    85.

    Nenfasizza li xejn minn dak li ssemma’ iktar ’il fuq ma jispeċifika x’jikkostitwixxi “fattur rilevanti” jew dwar x’piż irid jingħata għalih (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Fl-ewwel istanza, dawk huma domandi għall-Kummissjoni. Fl-eventwalità ta’ stħarriġ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkunsidra jekk twettaqx żball manifest f’dak ir-rigward.

    86.

    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà semgħet każ relatat mas-CTPHT. Il-każ omonimu T‑93/10 Bilbaína vs ECHA (fl-appell, C‑287/13 P Bilbaína vs ECHA) (iktar ’il quddiem “Bilbaína I”) ( 21 ) ikkonċerna, sal-punt li huwa ta’ interess hawnhekk, l-identifikazzjoni tas-CTPHT bħala li huwa persistenti ħafna u bijoakkumulattiv ferm (iktar ’il quddiem “vPvB”).

    87.

    Sabiex tidentifika sustanza bħala vPvB, il-Kummissjoni għandha ssegwi r-rekwiżiti mogħtija fost l-oħrajn, fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien, il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħal vPvB ingħataw fis-Sezzjonijiet 1.1, 1.2 u 1.3 tal-Anness XIII. Dawk il-kriterji ma semmewx l-elementi tal-kostitwenti tas-sustanza. Madankollu, ġie identifikat CTPHT bħala vPvB abbażi tal-elementi tal-kostitwenti.

    88.

    L-appellanti kkontestaw dak it-tluq mill-kriterji mogħtija fl-Anness XIII. Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-approċċ tal-Kummissjoni. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dik is-sentenza u fil-punt 34 ta’ Bilbaína I tgħid: “Tassew, huwa veru li, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Anness XIII tar-Regolament REACH ma pprovdiex li sustanza tista’ tiġi identifikata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi PBT jew vPvB tal-kostitwenti rilevanti tagħha. Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-appellanti, madankollu dan ma jfissirx li l-Anness XIII tar-Regolament REACH jipprekludi li jittieħed kont mill-elementi PBT jew vPvB fuq il-kostitwenti rilevanti ta’ sustanza.”

    89.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ kostitwenti kien, barra minn hekk, konformi mal-għanijiet tar-Regolament REACH.

    90.

    Hemm differenzi ovvji bejn dawn il-każijiet. B’mod partikolari, Bilbaína I tirrigwarda r-Regolament REACH għall-kuntrarju tar-Regolament CLP. Madankollu, iż-żewġ każijiet iqajmu l-istess domanda ta’ prinċipju. Il-Kummissjoni meta għandha diskrezzjoni li titbiegħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza mogħtija f’regolament sabiex tidentifika fatturi rilevanti oħra? F’Bilbaína I, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ibbażaw il-konferma ta’ diskrezzjoni tagħhom sabiex jidentifikaw fatturi rilevanti oħra fuq: (i) l-assenza ta’ kliem li jipprekludi tali diskrezzjoni, u (ii) il-fatt li tieħu dawk il-fatturi inkunsiderazzjoni kien konformi mal-għanijiet tar-Regolament REACH.

    91.

    Kif innotat iktar ’il fuq, fil-każ odjern ukoll ma hemmx kliem fl-Anness I tar-Regolament CLP li kjarament jipprekludi identifikazzjoni ta’ fatturi rilevanti oħra meta jiġi applikat il-metodu ta’ addittività.

    92.

    Fir-rigward ta’ għanijiet, nirreferi għall-kummenti tiegħi fil-punti 81 sa 84 iktar ’il fuq. Jekk wieħed jaċċetta xi grad ta’ diskrezzjoni bħala kwistjoni ta’ prinċipju, wieħed għandu jaċċetta li dik id-diskrezzjoni tista’ taqta’ minn żewġ naħat. Tista’ tiġi eżerċitata b’mod li kjarament tmur fid-direzzjoni tal-għanijiet billi timponi klassifikazzjoni ta’ perikolu ogħla u iktar stretti. Madankollu, tista’ wkoll tiġi eżerċitata b’mod li tirriżulta fi klassifikazzjoni iktar baxxa u inqas stretta. Dan ma jfissirx li l-għanijiet tar-Regolament CLP ġew kompromessi, iżda sempliċiment tfisser kunsiderazzjoni iktar estensiva ta’ informazzjoni disponibbli sabiex tagħmel il-klassifikazzjoni l-iktar preċiża possibbli.

    93.

    Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha flimkien, nikkunsidra li legalment, il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni li tidentifika fatturi rilevanti oħra fil-kors tal-applikazzjoni tal-metodi ta’ addittività, mingħajr ma tikser ir-Regolament CLP.

    94.

    Għal dik il-konklużjoni, mill-ġdid nenfasizza li dwar x’inhuma dawk il-fatturi rilevanti, hija kwistjoni ta’ fatt li, salv xi distorsjoni tal-fatti, ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali u ma tistax terġa tinfetaħ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, ninnota li fl-ebda punt il-Qorti Ġenerali ma (jew tassew setgħet) tistabbilixxi li jekk, ipotetikament, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa tas-CTPHT, tkun wettqet żball manifest fl-ikklassifikar tas-CTPHT bħala Aquatic Acute 1 jew Aquatic Chronic 1. Pjuttost, hija l-falliment oġġettiv tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dak l-element fir-raġunament tagħha, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali, li rriżulta fl-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat.

    95.

    Finalment, l-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq tindirizza l-kwistjoni stretta tal-eżistenza ta’ diskrezzjoni fil-kuntest speċifiku ta’ dan il-każ. Għalkemm talludi għall-kwistjoni, ma tgħid xejn konklussiv dwar firxa ta’ diskrezzjoni fejn tingħata gwida sinifikanti u dettaljata fil-leġiżlazzjoni bażika. Fl-opinjoni tiegħi din hija kwistjoni importanti li tiġi murija, iżda mhux waħda li għandha tiġi indirizzata f’dan l-appell.

    iv) Konklużjoni dwar it-tieni parti tat-tieni aggravju

    96.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nqisx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addittività b’mod skorrett, u nipproponi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. B’referenza għall-punt 55 iktar ’il fuq, sa fejn it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi interpretata li tikkontesta evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza tas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    C. It-tielet aggravju: l-eċċess tal-limiti ta’ stħarriġ u d-disturbazzjoni tal-evidenza

    97.

    Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi marret lil hinn mill-evalwazzjoni ta’ żball manifest u ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni, u b’hekk iddisturbat il-provi prodotti quddiemha.

    98.

    Essenzjalment, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata li tagħti daqstant importanza lill-assunzjoni li l-kostitwenti PAH tas-CTPHT jinħallu fl-ilma. Dak kien biss fattur wieħed fost ħafna li fuqu ġiet ibbażata l-evalwazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, ittieħdet barra mill-kuntest tagħha mill-Qorti Ġenerali.

    99.

    Ma naqbilx.

    100.

    Inqis li l-argument tal-Kummissjoni huwa difettuż billi jistrieħ fuq interpretazzjoni skorretta tas-sentenza kkontestata. Kif spjegat iktar ’il fuq fil-punt 50, il-Qorti Ġenerali tilmenta kontra l-Kummissjoni mhux speċifikament għaliex tassumi li l-kostitwenti tas-CTPHT jinħallu fl-ilma. Ma sabitx li l-Kummissjoni ġiet ipprojbita milli tagħmel dik l-assunzjoni. Minflok, it-tħassib tal-Qorti Ġenerali huwa li, bil-ħsieb ta’ dik l-assunzjoni, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ.

    101.

    Fuq dik il-bażi waħedha, it-tielet aggravju tal-Kummissjoni jista’ jiġi miċħud bħala infondat.

    102.

    Madankollu, sa fejn it-tielet aggravju jista’ jiġi interpretat li jfisser li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha billi (i) tidentifika s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala li hija fattur rilevanti, jew (ii) billi tagħti wisq piż lil dak il-fattur, nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti.

    103.

    L-ewwel, jekk il-Kummissjoni għandhiex diskrezzjoni sabiex tidentifika s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala li huwa fattur rilevanti, ġie diskuss iktar ’il fuq taħt it-tieni parti tat-tieni aggravju. Għandha diskrezzjoni.

    104.

    It-tieni, kif jingħad iktar ’il fuq fil-punt 55 dwar jekk is-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ hijiex “fattur rilevanti”, li tagħti lok għal obbligu legali li teħodha inkunsiderazzjoni, hija kwistjoni ta’ fatt fi ħdan il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali, sakemm ma kienx hemm disturbazzjoni tal-fatti. ( 22 )

    105.

    Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali ddisturbat il-fatti billi ħadet ir-referenza għas-solubbiltà tal-kostitwenti tas-CTPHT ’il barra mill-kuntest u ma kkunsidratx l-importanza tagħha fil-kuntest tal-metodu ta’ addittività. Il-Kummissjoni ma targumentax b’mod espliċitu li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-fatti meta identifikat is-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ bħala fattur rilevanti.

    106.

    Madankollu, sal-punt li l-argumenti tagħha jistgħu jiġu interpretati b’dak il-mod, biżżejjed jingħad li s-solubbiltà tas-sustanza b’mod sħiħ kjarament ma hijiex element marġinali jew dettall minuri. Isiru diversi referenzi għas-solubbiltà ta’ sustanza fil-punt 4 tal-Anness I għar-Regolament CLP fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tossiċità akwatika u espliċitament identifikata bħala sors ta’ diffikultajiet f’każ ta’ solubbiltà baxxa. ( 23 ) Hija wkoll diskussa fit-tul fl-Anness 9 tal-GHS, li huwa inkorporat fid-dritt tal-UE b’mod partikolari permezz tal-punt 4 tal-Anness I tar-Regolament CLP. ( 24 ) Għalhekk, ma hemm l-ebda distorsjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza ta’ dak il-fattur.

    107.

    It-tielet, fir-rigward tal-importanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali għas-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, ninnota sempliċiment li s-sentenza kkontestata hija siekta dwar dik il-kwistjoni. Is-sentenza kkontestata ma tgħidx li, jekk il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ, kienet inevitabbilment “tinjora” l-fatturi l-oħra kollha. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi biss li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi oġġettivament naqset milli tikkunsidra s-solubbiltà tas-CTPHT b’mod sħiħ (ara wkoll il-punt 93 iktar ’il fuq).

    108.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Qorti Ġenerali ma eċċedietx il-limiti tagħha ta’ stħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontesta jew iddisturbat il-fatti. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    VII. Konklużjoni

    109.

    Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell bħala infondat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-appellati GrafTech Iberica, SL;

    tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013 L 261, p. 5)

    ( 3 ) Deza, a.s.; Industrial Química del Nalón, SA; Koppers Denmark A/S; Koppers UK Ltd; Koppers Netherlands BV; Rütgers basic aromatics GmbH; Rütgers Belgium NV; Rütgers Poland Sp. z o.o.; Bawtry Carbon International Ltd; Grupo Ferroatlántica, SA; SGL Carbon GmbH; SGL Carbon GmbH; SGL Carbon; SGL Carbon, SA; SGL Carbon Polska S.A.; ThyssenKrupp Steel Europe AG; Tokai erftcarbon GmbH.

    ( 4 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).

    ( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    ( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006 L 396, p. 1)

    ( 7 ) Li saret referenza għalih fl-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Nru 1907/2006.

    (

    8

    )

    “[…] la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu kapaċi jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li […] il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li […] l-kostitwenti tas-CTPHT kienu rilaxxati minn CTPHT sa ċertu punt biss u li dik is-sustanza kienet stabbli ħafna. […] la l-opinjoni tal-RAC dwar is-CTPHT u lanqas id-dokument ta’ sfond ma kienu jinkludu xi raġunament li juri li […] ittieħed kont tas-solubbiltà baxxa tal-ilma tas-CTPHT […] Madankollu, dan ir-raġunament ma jistabbilixxix li s-solubbiltà baxxa ta’ [CTPHT] ittieħdet inkonsiderazzjoni.”

    ( 9 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767, punt 24).

    ( 10 ) Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14); u s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L‑Estonja (C-505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95).

    ( 11 ) Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    ( 12 ) Il-Kummissjoni fil-fatt tirrileva li l-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-evidenza quddiemha iżda b’mod separat taħt it-tielet aggravju u b’mod li ma tħallix impatt fuq din l-analiżi (ara b’mod partikolari iktar ’il quddiem il-punti 104 u 105).

    ( 13 ) Digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑199/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:205, punti 33 sa 36).

    ( 14 ) Jekk ibiddlux l-eżitu tal-evalwazzjoni hija kwistjoni differenti u fil-prinċipju taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi kif fil-fatt ikkonfermat bl-istess ġurisprudenza.

    ( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1972, Brandau vs Il-Kunsill (46/71, EU:C:1972:50, punti 12 sa 14). Ara wkoll f’dak is-sens is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1992, Il-Kunsill vs Brems (C‑70/91 P, EU:C:1992:201) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Il‑Kunsill vs Brems (C-70/91 P, EU:C:1992:77 fil-punti 2993 u 2994).

    ( 16 ) Bażikament klassifikazzjoni li tuża dejta relatata ma’ sustanzi simili.

    ( 17 ) Ara d-digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599, punt 34), fejn assenza simili ta’ limitazzjonijiet espliċiti ġiet użata bħala fattur insostenn ta’ kisba ta’ diskrezzjoni (ara wkoll iktar ’il quddiem, punt 90).

    ( 18 ) Anness 9 tas-Sistema Globali Armonizzata għat-Tikkettar u l-Klassifikazzjoni ta’ Kimiċi (GHS), ir-raba’ edizzjoni. Disponibbli fuq: https://www.unece.org/fileadmin/DAM/trans/danger/publi/ghs/ghs_rev04/English/ST-SG-AC10-30-Rev4e.pdf.

    ( 19 ) F’A9.1.10, ara wkoll A9.3.5.7 u A9.3.5.10.

    ( 20 ) F’A9.1.16.

    ( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106). Digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599).

    ( 22 ) Digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑199/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:205, punt 33).

    ( 23 ) Punt 4.1.2.10 tal-Anness I li jidentifika kwistjonijiet bil-klassifikazzjoni ta’ komponenti inorganiċi u metalli ta’ solubbiltà baxxa; punt 4.1.2.6 u l-kategorija 4 klassifikazzjoni “xibka ta’ sikurezza” li saret referenza għaliha fil-punti 82 u 83. Is-solubbiltà tifforma parti mid-definizzjoni ta’ “disponibbiltà” taħt il-punt 4.1.1.1.

    ( 24 ) Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.

    Fuq