EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0391

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-5 ta’ April 2017.
Marina del Mediterráneo SL et vs Agencia Pública de Puertos de Andalucía.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) – Artikolu 2(1) – Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti rigward l-ammissjoni ta’ operatur ekonomiku sabiex jagħmel offerta – Deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
Kawża C-391/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2017:268

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ April 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Proċeduri ta’ reviżjoni — Direttiva 89/665/KEE — Artikolu 1(1) — Artikolu 2(1) — Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti rigward l-ammissjoni ta’ operatur ekonomiku sabiex jagħmel offerta — Deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli”

Fil-Kawża C‑391/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Andalucía, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Marina del Mediterráneo SL et

vs

Agencia Pública de Puertos de Andalucía,

fil-preżenza ta’:

Consejería de Obras Públicas y Vivienda de la Junta de Andalucía,

Nassir Bin Abdullah and Sons SL,

Puerto Deportivo de Marbella SA,

Ayuntamiento de Marbella,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Marina del Mediterráneo SL et, minn J. L. Torres Beltrán, procurador, u A. Jiménez-Blanco, abogado,

għall-Agencia Pública de Puertos de Andalucía, minn J. M. Rodríguez Gutiérrez, abogado,

għall-Consejería de Obras Públicas y Vivienda de la Junta de Andalucía, minn I. Nieto Salas, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull u M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello u F. Di Matteo, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Sanfrutos Cano u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Marina del Mediterráneo SL et, grupp temporanju ta’ impriżi bl-isem “Marina Internacional de Marbella” u l-Agencia Pública de Puertos de Andalucía (aġenzija tal-portijiet ta’ Andalucía, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), rigward ir-regolarità ta’ deċiżjoni ta’ din l-entità msemmija l-aħħar li tammetti biex jagħmel offerta, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi organizzata minnha, grupp temporanju ta’ impriżi ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni premessa tad-Direttiva 89/665 tgħid:

“[…]Billi l-arranġamenti eżistenti f’livell kemm nazzjonali kemm tal-Komunità għall-assigurazzjoni ta’ l-applikazzjoni [effettiva tad-direttivi fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi] mhumiex dejjem adegwati biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti Komunitarji partikolarment fi stadju meta l-ksur jista’ jiġi korrett”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop u disponibilità ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

5

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

a)

jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.”

6

Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), tħassret bid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU 2014 L 94 p. 243). Hija kienet telenka fl-Artikoli 3 sa 7 tagħha, li jinsabu fit-Titolu I, Kapitolu II, Sezzjoni 2 tagħha, l-attivitajiet li għalihom hija kienet tapplika.

7

Id-Direttiva 2004/18 tħassret bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku (ĠU 2014, L 94, p. 65). Hija kienet tipprevedi fl-Artikolu 57 tagħha, intitolat “Esklużjonijiet mill-iskop”, li jinsab fit-Titolu III tagħha, min-naħa tiegħu intitolat “Regoli dwar konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi”:

“Dan it-Titolu m’għandux japplika għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi li huma mogħtija:

a)

fil-każi li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 13, 14 u 15 ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi;

b)

minn awtoritajiet kontrattwanti li jkunu qegħdin jeżerċitaw xi attività jew aktar li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17/KE fejn dawk il-konċessjonijiet huma mogħtija sabiex jiġu mwettqa dawk l-attivitajiet.

Madanakollu, din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li jkunu qegħdin iwettqu xi attività jew aktar minn dawk li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/17/KE u mogħtija għal dawk l-attivitajiet, safejn l-Istat Membru konċernat jieħu vantaġġ mill-għażla li sar riferiment għaliha fit-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 71 tiegħu biex jiddeferixxi l-applikazzjoni tiegħu.”

Id-dritt Spanjol

8

L-Artikolu 25(1) tal-Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso-Administrativa (Liġi 29/1998 dwar il-qrati amministrattivi), tat-13 ta’ Lulju 1998 (BOE Nru 167, tal-14 ta’ Lulju 1998, p. 23516), jiddefinixxi s-suġġett tar-rikors fil-kuntest tal-proċedura tal-kontenzjuż amministrattiv u, b’mod iktar preċiż, l-att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat f’dawn it-termini:

“[i]l-proċeduri amministrattivi ta’ appell huma ammissibbli fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali u miżuri espressi jew impliċiti, kemm jekk definittivi kif ukoll jekk preparatorji, adottati mill-awtorità pubblika li jtemmu l-proċedura amministrattiva, jekk dawn jiddeċiedu, direttament jew indirettament, dwar il-kwistjonijiet sostantivi, jirrendu impossibbli s-segwitu tal-proċedura, jirrendu impossibbli li ssir difiża jew jikkawżaw ħsara irreparabbli lid-drittijiet jew lill-interessi leġittimi”.

9

L-Artikolu 107(1) tal-Ley 30/1992 de Régimen Jurídico de las Administraciones Públicas y del Procedimiento Administrativo Común (Liġi 30/1992 dwar id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-awtoritajiet pubbliċi u l-proċedura amministrattiva ordinarja), tas-26 ta’ Novembru 1992 (BOE Nru 285, tas-27 ta’ Novembru 1992, p. 40300), kif emendata bil-Ley 4/1999 (Liġi 4/1999), tat-13 ta’ Jannar 1999 (BOE Nru 12, tal-14 ta’ Jannar 1999, p. 1739) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 30/1992”), jipprevedi:

“Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw appell kontra deċiżjonijiet u atti amministrattivi li jiddeċiedu, direttament jew indirettament, dwar il-mertu tal-każ, li jirrendu impossibbli s-segwitu tal-proċedura jew jirrendu impossibbli li ssir difiża, jew li jikkawżaw ħsara irreparabbli lid-drittijiet jew lill-interessi leġittimi, li jistgħu jkunu bbażati fuq kwalunkwe raġuni ta’ invalidità jew annullament ipprovduti fl-Artikoli 62 u 63 ta[l-Liġi 30/1992].

Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkontestaw l-atti preparatorji l-oħra għall-kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura.”

10

Il-Ley 30/2007 de Contratos del Sector Público (Liġi Nru 30/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi), tat-30 ta’ Ottubru 2007 (BOE Nru 261, tal-31 ta’ Ottubru 2007, p. 44336), ġiet emendata bil-Ley 34/2010 (Liġi Nru 34/2010), tal-5 ta’ Awwissu 2010 (BOE Nru 192, tad-9 ta’ Awwissu 2010, p. 69400) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 30/2007”), sabiex tintroduċi, fl-Artikoli 310 sa 320 tagħha, dispożizzjonijiet rigward ir-rikorsi speċjali li jistgħu jsiru fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

11

L-Artikolu 310(2) tal-Liġi 30/2007, li jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika għall-qasam tal-kuntratti pubbliċi li timplementa r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi 30/1992, jipprevedi:

“L-atti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġetti ta’ rikors:

a)

avviżi ta’ kuntratti, speċifikazzjonijiet u dokumenti kuntrattwali li jistabbilixxu kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ aġġudikazzjoni.

b)

atti preparatorji adottati fil-proċedura tas-sejħa għal offerta, bil-kundizzjoni li jiddeċiedu, direttament jew indirettament, dwar l-għoti tal-kuntratt, jirrendu impossibbli s-segwitu tal-proċedura jew il-preżentazzjoni ta’ difiża jew jikkawżaw ħsara irreparabbli lid-drittijiet jew lill-interessi leġittimi. L-atti tal-bord tal-aġġudikazzjoni li jeskludu offerenti għandhom jitqiesu bħala atti preparatorji fejn ikun impossibbli li jipprekludu s-segwitu tal-proċedura.

c)

deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ offerta adottati mill-awtoritajiet kontraenti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit-12 ta’ April 2011, Marina del Mediterráneo SL et ippreżentaw quddiem il-korp amministrattiv kompetenti rikors speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kontra d-deċiżjoni tal-bord tal-aġġudikazzjoni li jammetti l-grupp temporanju ta’ impriżi kkostitwit minn Nassir bin Abdullah and Sons SL, Puerto Deportivo de Marbella SA u l-Ayuntamiento de Marbella (muniċipalità ta’ Marbella, Spanja) (iktar ’il quddiem, it-“tieni grupp temporanju ta’ impriżi”), sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi msejjaħ “Estensjoni tal-port ta’ Marbella ‘la Bajadilla’”.

13

Din il-proċedura nbdiet mill-Aġenzija, organu pubbliku ad hoc, b’awtonomija funzjonali u b’personalità ġuridika tagħha stess fi ħdan il-Consejería de Obras Públicas y Vivienda de la Junta de Andalucía (dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi u tad-djar ta’ Andalucía, Spanja). Is-sejħa għal offerti tnediet fis-27 ta’ Novembru 2010. Skont indikazzjonijiet magħmula waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-valur tal-imsemmi kuntratt kien ta’ EUR 77000000.

14

Iż-żewġ gruppi temporanji ta’ impriżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu l-uniċi offerenti li pparteċipaw f’din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

15

Fir-rikors tagħhom, Marina del Mediterráneo et isostnu, essenzjalment, li kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni nkisru minħabba l-parteċipazzjoni tat-tieni grupp temporanju ta’ impriżi fil-proċedura mibdija, sa fejn, minn naħa, il-muniċipalità ta’ Marbella hija awtorità pubblika li ma hijiex meqjusa bħala imprenditur fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u li ma tistax titqies bħala operatur ekonomiku mingħajr ma jiġu distorti r-regoli tal-kompetizzjoni libera u tal-ugwaljanza tal-offerenti u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan il-grupp temporanju ta’ impriżi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ solvenza ekonomika u finanzjarja mitluba għaliex ir-riskji finanzjarji li huwa jieħu huma koperti mill-baġit ta’ din il-muniċipalità.

16

B’deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2011, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija ċaħad dan ir-rikors. F’din id-deċiżjoni, huwa rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, għas-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, EU:C:2009:807), li tagħti l-kwalità ta’ offerent lil kull entità pubblika jew grupp ta’ tali entitajiet, li joffru servizzi fis-suq, anki fuq bażi okkażjonali. Barra minn hekk, l-imsemmi direttur iqis li s-solvenza finanzjarja tat-tieni grupp temporanju ta’ impriżi Marina International de Marbella hija stabbilita b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-baġit tal-muniċipalità ta’ Marbella.

17

Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, lit-tieni grupp temporanju ta’ impriżi kkostitwit mill-muniċipalità ta’ Marbella, minn Puerto Deportivo de Marbella u minn Nassir Bin Abdullah and Sons. L-appell amministrattiv ippreżentat kontra din id-deċiżjoni minn Marina del Mediterráneo et ġie miċħud b’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2011.

18

B’ittra tal-5 ta’ Lulju 2011, Marina del Mediterráneo et ippreżentaw appell amministrattiv kontenzjuż quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Andalucía, Spanja), kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2011 tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija. F’dan l-appell, l-imsemmi grupp, filwaqt li rrepeta l-argumenti mressqa quddiem dan il-korp amministrattiv fil-kuntest tar-rikors speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, l-annullament tal-atti li ġew warajha, b’mod partikolari tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011 li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lit-tieni grupp temporanju ta’ impriżi.

19

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2015, il-qorti nazzjonali adita informat lill-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-eventwali eżistenza ta’ raġuni għall-inammissibbiltà tal-appell amministrattiv kontenzjuż ippreżentat, li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors speċjali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Skont din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors l-atti preparatorji li jiddeċiedu, direttament jew indirettament, l-għoti tal-kuntratt, jipprekludu s-segwitu tal-proċedura, jirrendu impossibbli li ssir difiża jew jikkawżaw ħsara irreparabbli lil drittijiet jew lil interessi leġittimi.

20

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ bord tal-aġġudikazzjoni li ma teskludix offerent iżda, bil-kontra, li tammetti l-offerta tiegħu u li tawtorizzah jipparteċipa fil-proċedura ta’ aġġudikazzjoni mibdija ma tikkostitwixxix att deċiżjonali li jista’ jiġi kkontestat ġudizzjarjament, li ma jipprekludix, madankollu, lill-persuna kkonċernata milli tirrapporta l-irregolaritajiet eventwali osservati sabiex tinvokahom a posteriori meta tikkontesta l-att dwar l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, li għandu natura deċiżjonali.

21

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Andalucía) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ effettività tad-direttivi, l-Artikoli 1(1) u 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 310(2) tal-Ley 30/2007 […], sa fejn din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-atti preparatorji tas-setgħa kontraenti, bħad-deċiżjoni li tiġi aċċettata offerta ta’ offerent, li fir-rigward tiegħu qed jiġi allegat li ma josservax id-dispożizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni tas-solvenza teknika u ekonomika previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ikunu s-suġġett ta’ reviżjoni speċjali fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 1(1) u 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 għandhom effett dirett?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

B’mod preliminari, fir-rigward tad-dubji espressi mill-Gvern Spanjol rigward l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, moqrija fid-dawl tal-premessa 2 tad-Direttiva 2007/66, id-Direttiva 89/665 tapplika, f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali, biss għall-kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, bl-eċċezzjoni, madankollu, tal-każijiet fejn dawn il-kuntratti jkunu esklużi skont l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-direttiva msemmija l-aħħar. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma għaldaqstant ibbażati fuq il-premessa li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għalhekk, li d-Direttiva 89/665 hija wkoll applikabbli għall-proċedura fil-kawża prinċipali, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

24

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-deċiżjoni li jiġi ammess offerent għall-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, deċiżjoni li allegatament tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponih, ma tinsabx fost l-atti preparatorji ta’ awtorità kontraenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja awtonoma.

25

Jekk l-Artikolu 310(2)(b) tal-Liġi 30/2007 jippermetti l-preżentata ta’ rikors awtonomu kontra l-atti preparatorji li permezz tagħhom tiġi deċiża, direttament jew indirettament, l-aġġudikazzjoni, li jipprekludu s-segwitu tal-proċedura, li jirrendu impossibbli li ssir difiża jew li jikkawżaw ħsara irreparabbli lil drittijiet jew lil interessi leġittimi, l-atti preparatorji l-oħra, bħad-deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ offerent għal proċedura, jistgħu, kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu kkontestati biss fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

26

Għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva tippreżupponi, bl-użu tal-kliem “fir-rigward ta’ kuntratti [proċeduri]”, li kull deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt ir-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li għandha mnejn tiksirhom hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-istess direttiva. Din id-dispożizzjoni tirreferi għaldaqstant b’mod ġenerali għad-deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-kontenut tagħhom jew fuq il-bażi tal-mument tal-adozzjoni tagħhom.(ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Dan is-sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” ta’ awtorità kontraenti huwa kkonfermat mill-fatt li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma tipprevedi l-ebda restrizzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet li hemm riferiment għalihom. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett hija inkompatibbli mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, li tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu proċeduri għal miżuri provviżorji fir-rigward ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għaldaqstant id-deċiżjoni li tammetti offerent għal proċedura ta’ aġġudikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

29

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti” li jistgħu jiġu kkontestati ma hijiex invalidata bil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5), li azzjonijiet li huma parti mill-kuntest tar-riflessjoni interna tal-awtorità kontraenti bl-għan tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jistgħux jiġu kkontestati. Fil-fatt, fir-rigward tal-ammissjoni tal-offerta ta’ offerent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li tali deċiżjoni toħroġ, min-natura tagħha stess, mill-kuntest tar-riflessjoni interna tal-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil Marina del Méditerraneo et.

30

Fir-rigward tal-mument li minnu rikors għandu jkun miftuħ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 89/665, din tal-aħħar hija intiża sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi rrimedjat. Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jiżguraw li […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 74).

31

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minkejja li d-Direttiva 89/665 ma pprevedietx formalment il-mument li minnu hija miftuħa l-possibbiltà ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tal-imsemmija direttiva, imsemmi fil-punt preċedenti, ma jawtorizzax lill-Istati Membri jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt għal reviżjoni għall-fatt li l-proċedura ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni tkun laħqet formalment stadju speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 38).

32

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi l-mument li minnu għandha tkun miftuħa l-possibbiltà ta’ rikors, huwa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt nazzjonali li għandu jirregola l-modalitajiet tal-proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx, madankollu, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw ir-rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et, C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 34; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 46, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C‑166/14, EU:C:2015:779, punti 32, 35 u 37).

33

B’mod partikolari, il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 89/665. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, EU:C:2005:127, punt 42; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 47, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 43).

34

Fir-rigward, b’mod speċifiku, tad-deċiżjoni li jiġi ammess offerent għal proċedura ta’ aġġudikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teżiġi, f’kull każ, li l-offerent jistenna d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni qabel ma jkun jista’ jippreżenta rikors kontra l-ammissjoni ta’ offerent ieħor jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665.

35

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata bil-konstatazzjoni li t-twettiq komplet tal-għan segwit permezz tad-Direttiva 89/665 ikun kompromess jekk il-kandidati u l-offerenti jkunu jistgħu jinvokaw f’kull mument tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni ksur tar-regoli ta’ għoti tal-kuntratti, u jobbligaw b’dan il-mod lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda t-totalità tal-proċedura sabiex tirrimedja dan il-ksur (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konstatazzjoni tikkonċerna, fil-fatt, il-ġustifikazzjoni tat-termini raġonevoli ta’ dekadenza tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati u mhux l-esklużjoni ta’ rikors awtonomu kontra d-deċiżjoni li jiġi ammess offerent għal proċedura ta’ aġġudikazzjoni, kif tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Minbarra dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet l-oħra marbuta mal-aċċessibbiltà tal-proċeduri ta’ reviżjoni previsti mid-Direttiva 89/665 humiex issodisfatti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva, sabiex ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kontraenti jkunu jistgħu jitqiesu bħala effikaċi, huma għandhom ikunu disponibbli mill-inqas għal kull persuna li għandha jew li kellha interess li tikseb kuntratt speċifiku u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli li jittrasponu dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C-689/13, EU:C:2016:199, punt 23). Għaldaqstant hija, b’mod iktar partikolari, il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk Marina del Mediterráneo et għandhomx jew kellhomx interess li jiksbu l-kuntratt inkwistjoni u jekk sarilhomx jew kinux jinsabu fir-riskju li jsirilhom dannu permezz tad-deċiżjoni tal-Aġenzija li tiġi ammessa l-offerta tat-tieni grupp temporanju ta’ impriżi.

37

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li d-deċiżjoni li jiġi ammess offerent għall-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, deċiżjoni li allegatament tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponih, ma tinsabx fost l-atti preparatorji ta’ awtorità kontraenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja awtonoma.

Fuq it-tieni domanda

38

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 jipproduċux effett dirett.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva huma inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed biex jistabbilixxu dritt favur individwu li, fejn xieraq, jista’ jinvokah kontra awtorità kontraenti (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner, C‑15/04, EU:C:2005:345, punt 38).

40

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, tali evalwazzjoni tgħodd ukoll għall-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, fid-dawl kemm tal-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-prossimità tas-suġġett ta’ din ma’ dak tal-Artikolu 2(1)(b) tal-istess direttiva.

41

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665 jipproduċu effett dirett.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li d-deċiżjoni li jiġi ammess offerent għall-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, deċiżjoni li allegatament tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponih, ma tinsabx fost l-atti preparatorji ta’ awtorità kontraenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja awtonoma.

 

2)

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, jipproduċu effett dirett.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq