Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62015CC0101
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 14 April 2016.#Pilkington Group Ltd and Others v European Commission.#Appeal — Agreements, decisions and concerted practices — Article 101 TFEU — Article 53 of the Agreement on the European Economic Area of 2 May 1992 — European market for automotive glass — Market-sharing agreements and exchanges of commercially sensitive information — Fines — 2006 Guidelines on the method of setting fines — Point 13 — Value of sales — Regulation (EC) No 1/2003 — Second subparagraph of Article 23(2) — Statutory ceiling of the fine — Exchange rate for the calculation of the ceiling of the fine — Amount of the fine — Unlimited jurisdiction — Mono-product undertakings — Proportionality — Equal treatment.#Case C-101/15 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-14 ta’ April 2016.
Pilkington Group Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 – Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi – Ftehimiet ta’ qsim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Multi – Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Punt 13 – Valur tal-bejgħ – Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) – Limitu legali tal-multa – Rata tal-kambju għall-kalkolu tal-limitu tal-multa – Ammont tal-multa – Ġurisdizzjoni sħiħa – Impriżi li jipproduċu prodott wieħed – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-101/15 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-14 ta’ April 2016.
Pilkington Group Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 – Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi – Ftehimiet ta’ qsim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Multi – Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Punt 13 – Valur tal-bejgħ – Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) – Limitu legali tal-multa – Rata tal-kambju għall-kalkolu tal-limitu tal-multa – Ammont tal-multa – Ġurisdizzjoni sħiħa – Impriżi li jipproduċu prodott wieħed – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-101/15 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:258
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-14 ta’ April 2016 ( 1 )
Kawża C‑101/15 P
Pilkington Group Ltd et
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji (Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE) — Multi — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Rata tal-kambju għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % għal multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi”
I – Introduzzjoni
|
1. |
L-appell preżenti jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tieħu pożizzjoni dwar żewġ kwistjonijiet, li l-importanza tagħhom għall-prassi amministrattiva futura tal-Kummissjoni Ewropea bħala awtorità għall-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi ssottovalutata. |
|
2. |
Minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat liema dħul mill-bejgħ tal-parteċipanti f’akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-kalkolu tal-multi li għandhom jiġu imposti fuqhom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ċċarat liema rata tal-kambju għandha tintuża għall-konverżjoni monetarja, meta impriża ma tippubblikax iċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ tagħha f’euro. Minn dan jista’ jiddependi jekk multa imposta mill-Kummissjoni taqbiżx il-limitu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata u liema spiża possibbilment tirriżulta fir-rigward ta’ din l-impriża għall-ħlas tal-multa. |
|
3. |
Barra minn hekk, huma kkonċernati ċerti dettalji b’rabta mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta jiġu imposti multi taħt id-dritt tal-akkordji kif ukoll b’rabta mal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ tali sanzjonijiet. |
|
4. |
Il-problemi legali msemmija jqumu b’rabta mal-akkordju tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li l-Kummissjoni Ewropea żvelat xi snin ilu, u li fit-12 ta’ Novembru 2008 kien is-suġġett ta’ deċiżjoni li timponi multa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 2 ). Fil-proċedura preżenti, diversi kumpanniji tal-grupp Pilkington (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pilkington”) qed ifittxu protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra din id-deċiżjoni. |
|
5. |
Fl-ewwel istanza, l-attakk ta’ Pilkington kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma rnexxiex; ir-rikors għal annullament tagħha ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata jew is-sentenza tal-Qorti Ġenerali”) ( 3 ). Issa Pilkington qiegħda tissokta bl-azzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
6. |
Bħalissa hemm appell ieħor li jikkonċerna l-akkordju tal-ħġieġ tal-vetturi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ). Madankollu, dan ma jikkontestax l‑istess sentenza tal-Qorti Ġenerali u jqajjem kwistjonijiet legali kompletament differenti. |
II – Il-kuntest ġuridiku
|
7. |
Il-qafas legali primarju għal din il-kawża huwa ddeterminat permezz tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) ( 5 ). Sa fejn huwa kkonċernat it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fih regola li tikkorrispondi għall-Artikolu 81 KE. Mil-leġiżlazzjoni sussidjarja tal-Unjoni huwa rilevanti wkoll l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 6 ). |
|
8. |
L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
[...] Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ globali] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti. [...]” |
|
9. |
Addizzjonalment, għandu jsir riferiment għal-Linji gwida tal-2006 ( 7 ), fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prassi amministrattiva tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-punti 4 sa 6, kif ukoll il-punt 13 ta’ dawn il-Linji gwida jinkludu dawn il-kunsiderazzjonijiet:
[...]
|
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Il-fatti u l-proċedura amministrattiva
|
10. |
Pilkington hija waħda mill-manifatturi ewlenin fid-dinja tal-ħġieġ, speċjalment ħġieġ tal-vetturi. |
|
11. |
Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, Pilkington, flimkien ma’ impriżi oħra attivi f’dan is-settur, instabet ħatja għal ksur tad-dritt tal-akkordji, li kien jikkonsisti f’arranġamenti dwar ordnijiet għall-provvista ta’ partijiet ta’ ħġieġ għal vetturi lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur il-kbar kollha fiż-ŻEE. Kien hemm ċerti politiki ta’ prezzijiet u strateġiji ta’ provvista ta’ ċerti parteċipanti fl-akkordju bil-għan li jkun hemm stabbiltà globali tal-pożizzjonijiet tal-impriżi rispettivi fis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-parteċipanti fl-akkordju ssorveljaw id-deċiżjonijiet meħuda matul il-laqgħat u l-kuntatti tagħhom, u ftiehmu dwar miżuri ta’ korrezzjoni sabiex ipattu għal xulxin. |
|
12. |
L-akkordju dwar il-ħġieġ tal-vetturi kien attiv fiż-ŻEE mill-10 ta’ Marzu 1998 sal-11 ta’ Marzu 2003, għalkemm iż-żmien tal-involviment tal-impriżi individwali fl-akkordju kien ivarja – fil-każ ta’ Pilkington mill-10 ta’ Marzu 1998 sat-3 ta’ Settembru 2002. Dan kien jikkostitwixxi ksur wieħed u kontinwu. |
|
13. |
Matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni, fit-18 ta’ April 2007, indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil diversi impriżi parteċipanti fl-akkordju, fosthom lil Pilkington. Is-smigħ organizzat mill-Kummissjoni nżamm fl-24 ta’ Settembru 2007. Wara li ssejjaħ il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkordji u l-Pożizzjonijiet Dominanti, il-Kummissjoni ħarġet id-deċiżjoni kontenzjuża fit-12 ta’ Novembru 2008. |
|
14. |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkonstata li diversi impriżi, fosthom ukoll Pilkington [Artikolu 1(c)], kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fit-totalità tal-ftehimiet u/jew tal-prattiki miftiehma fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE. |
|
15. |
Il-multi imposti fuq l-impriżi individwali għall-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fl-akkordju jirriżultaw mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-każ ta’ Pilkington, din tammonta għal 370 miljun euro, li l-appellanti huma responsabbli in solidum għaliha [Artikolu 2(1)(c)]. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ emenda tat-28 ta’ Frar 2013, li kellha l-għan li tikkorreġi żbalji fil-kalkolu, dan l-ammont tnaqqas għal 357 miljun euro ( 8 ). Skont l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-multa kellha titħallas f’euro f’terminu ta’ tliet xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni. |
B – Il-proċedura tal-ewwel istanza
|
16. |
Diversi destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża talbu protezzjoni ġudizzjarja fl-ewwel istanza permezz ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
17. |
Għal dak li jikkonċerna lill-grupp Pilkington, fl-ewwel istanza Pilkington Group Ltd, Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew l-“appellanti”, skont il-każ) flimkien ippreżentaw rikors kontra l-Kummissjoni permezz ta’ att tat-18 ta’ Frar 2009. |
|
18. |
Fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors, iżda kkundannat lill-Kummissjoni għal 10 % tal-ispejjeż ta’ Pilkington ( 9 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha tal-proċedura fl-ewwel istanza. |
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
19. |
Permezz ta’ att tas-27 ta’ Frar 2015, l-appellanti ppreżentaw flimkien l-appell preżenti mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali. |
|
20. |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21. |
Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22. |
Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żvolġiet fuq il-bażi ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u ta’ seduta, li nżammet fit-2 ta’ Marzu 2016. |
V – Analiżi tal-aggravji
|
23. |
Permezz tal-appell tagħha, Pilkington ma tikkontestax il-punti kollha li kienu s-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, l-argumenti legali fl-appell huma limitati biss għall-kwistjonijiet b’rabta mal-kalkolu tal-multa. F’dan ir-rigward, l-appellanti bbażaw ruħhom fuq tliet aggravji, l-ewwel wieħed dwar id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima A hawn taħt), it-tieni wieħed dwar ir-rata tal-kambju tal-euro rilevanti għad-determinazzjoni tal-livell ta’ 10 % (ara t-Taqsima B iktar ’l isfel), u t-tielet wieħed dwar diversi prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-istat tad-dritt (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C iktar ’l isfel). |
A – Fuq id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa (l-ewwel aggravju)
|
24. |
L-ewwel aggravju huwa kontra l-punti 201 sa 227 (u, b’mod partikolari, kontra l-punti 217 sa 227) tas-sentenza appellata. Huwa għandu bħala suġġett it-tip ta’ dħul mill-bejgħ li jista’ jservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ multa fis-sens tal-Artikolu 23(2)(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, approvat l-approċċ tal-Kummissjoni fis-sens li anki l‑provvisti ta’ Pilkington imwettqa skont kuntratti mill-perijodu ta’ qabel il-bidu tal-ksur jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki jekk dawn il-kuntratti ma ġewx innegozjati mill-ġdid matul il-perijodu ta’ ksur. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006. |
|
25. |
Skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, bil-għan li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, magħmul mill-impriża kkonċernata, relatati direttament jew indirettament mal-ksur, fis-suq ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE. |
|
26. |
B’hekk, il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 għandu l-għan li jqis, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ), li min-naħa tagħha ssegwi strettament il-kliem tal-punt 6 tal-Linji gwida). Għall-kuntrarju, għandu jiġi eskluż id-dħul mill-bejgħ li ma għandux rabta reali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju fiż-ŻEE ( 11 ). |
|
27. |
Fil-każ preżenti, it-tilwima tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk tridx tkun teżisti rabta kawżali ta’ kwalunkwe tip bejn il-prattiki tal-akkordju u l-komponenti tad-dħul mill-bejgħ individwali inkorporati fil-kalkolu tal-multa. L-appellanti huma tal-fehma li, mill-inqas, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni dak il-bejgħ ta’ ħġieġ tal-vetturi li loġikament l-akkordju ma kellux impatt fuqu, minħabba li dan il-bejgħ kien ibbażat fuq kuntratti li ġew konklużi qabel il-bidu tal-ksur – allegatament taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali – u li ma reġgħux ġew innegozjati mill-ġdid matul il-perijodu tal-ksur. Huma jgħidu li bl-inklużjoni ta’ tali bejgħ, id-daqs tal-akkordju jkun qed jiġi esaġerat. |
|
28. |
Dan bl-ebda mod ma jikkonċerna biss tilwima teoretika jew dettall tekniku: li kieku l-imsemmi bejgħ ta’ Pilkington baqa’ ma tteħidx inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-kalkolu, skont l-informazzjoni mogħtija mill-appellanti, il-multa li kienet tkun imposta mill-Kummissjoni kellha tkun madwar EUR 49 miljun inqas. |
|
29. |
Anki jekk l-argument tal-appellanti dwar l-interpretazzjoni tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 jista’ jidher attraenti mal-ewwel daqqa t’għajn, dan madankollu ma huwiex sostenibbli f’eżami iktar iddettaljat. |
|
30. |
Dan minħabba li l-kliem tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa mfassal b’mod estremament wiesa’: dan jikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi kollha mibjugħa mill-parteċipanti rispettivi fl-akkordju fis-suq ġeografiku rilevanti taż-ŻEE, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur. Fl-istess termini ġenerali, il-punt 5 tal-istess Linji gwida jiddisponi li l-multi għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-valur tal-oġġetti jew tas-servizzi mibjugħa, li magħhom huwa relatat il-ksur. |
|
31. |
Bħalma diġà ċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ dħul mill-bejgħ użat fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 ikun mifhum b’mod wisq restrittiv li kieku dak li jkun ried jinkludi biss bejgħ li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li fir-realtà kien affettwat mill-akkordju impost ( 12 ). Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza, meta jiġi ddeterminat l-ammont bażiku ta’ multa, ma jridx jiġi pprovat b’mod pożittiv li l-komponenti tad-dħul mill-bejgħ individwali użati bħala bażi għall-kalkolu kienu kull darba affettwati mill-ksur ( 13 ). |
|
32. |
Huwa minnu li l-kunċett ta’ bejgħ użat fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 ma għandux jiġi estiż b’tali mod li fih jiġi inkluż ukoll bejgħ li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju inkwistjoni ( 14 ). Iżda, sa fejn huwa kkonċernat bejgħ li fi kwalunkwe każ sar fis-suq rilevanti, bħalma huwa l-każ hawnhekk, dan awtomatikament huwa parti mill-bażi għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa ( 15 ). B’differenza minn dak li tallega Pilkington, tali bejgħ bl-ebda mod ma jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju. |
|
33. |
L-imsemmi bejgħ huwa indikazzjoni utli tal-ħsara kkawżata minħabba l-akkordju u speċjalment minn Pilkington fir-rigward tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE, peress li dan jagħti indikazzjoni tal-importanza ekonomika tal-akkordju għas-suq rilevanti kif ukoll dwar il-piż relattiv ta’ Pilkington fl-akkordju, kif jeħtieġu l-punti 6 u 13 tal-Linji gwida tal-2006 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ( 16 ). |
|
34. |
Li kieku dak li jkun, kif qed jimmaġinaw l-appellanti, ried jeskludi parti mill-bejgħ magħmul fis-suq rilevanti mill-kalkolu tal-multa, dan f’ħafna każijiet inaqqas b’mod artifiċjali l-importanza ekonomika tal-akkordju u konsegwentement ikun f’kontradizzjoni totali mal-għan tal-punti 6 u 13 tal-Linji gwida tal-2006 ( 17 ) (ara, b’mod addizzjonali, il-punti 4 u 5 tal-Linji gwida). Dan għaliex il-portata kollha ta’ ksur tad-dritt tal-akkordji ma tkunx riflessa b’mod adegwat jekk wieħed iqis b’mod selettiv biss dħul mill-bejgħ individwali mwettaq mill-parteċipanti f’akkordju fis-suq rilevanti. |
|
35. |
B’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu ffavorit mill-appellanti jinjora l-fatt li l-kwistjoni ewlenija ta’ diversi akkordji – anki tal-akkordju inkwistjoni hawnhekk – hija li s-suq jitqassam bejn il-parteċipanti f’akkordju jew li s-sehem mis-suq tagħhom jinżamm fuq livell miftiehem. Dan l-effett ta’ stabbilizzazzjoni, li l-Qorti Ġenerali ġustament enfasizzat ( 18 ), naturalment huwa ta’ benefiċċju għall-attività kollha tal-parteċipanti f’akkordju fis-suq rispettiv. F’dan ir-rigward, bħalma enfasizzat b’mod persważiv ħafna l-Kummissjoni, il-manipulazzjoni ta’ xi ftit tranżazzjonijiet legali diġà tista’ twassal sabiex jinkiseb l-effett mixtieq mill-parteċipanti fl-akkordju fis-suq kollu. Madankollu, jekk l-għan illegali tal-kartell u b’hekk l-“enerġija kriminali” tal-kartell ikopru s-suq kollu, f’dan il-każ il-bejgħ kollu magħmul f’dan is-suq għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multi. |
|
36. |
Konsegwentement, ma huwiex deċiżiv jekk l-impriżi kkonċernati jkunux adottaw aġir kollużiv li jista’ jiġi pprovat, jew anki biss possibbli, fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni legali individwali magħmula. Barra minn hekk, lanqas ma huwa rilevanti jekk u sa liema punt fir-realtà nkisibx is-suċċess antikompetittiv imfittex minn dawn l-impriżi b’dan l-akkordju ( 19 ). Għall-kuntrarju, huwa suffiċjenti li tkun intiża jew tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) ( 20 ). F’każ bħal dan, bħala prinċipju, id‑dħul mill-bejgħ kollu magħmul mill-parteċipanti fl-akkordju f’dan is-suq għandu jiġi inkorporat fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. |
|
37. |
Barra minn hekk, il-piż amministrattiv assoċjat mal-evalwazzjoni ta’ kull bejgħ fis-suq rilevanti magħmul mill-parteċipanti fl-akkordju jkun għalkollox sproporzjonat. Dan għaliex, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ammonti tad-dħul mill-bejgħ li għandhom jintużaw fil-kalkolu tal-multa huma bbażati fuq għadd ta’ tranżazzjonijiet, li fir-rigward tagħhom ma tantx jidher prattiku li jiġi eżaminat kif kull waħda individwali ġiet influwenzata, fir-realtà jew potenzjalment, minħabba l-prattiki kollużivi tal-parteċipanti fl-akkordju. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-akkordji huma kkaratterizzati minn kultura ta’ segretezza min-naħa tal-impriżi parteċipanti, li ma għandhiex tiġi “ppremjata” wkoll fuq il-livell tal-kalkolu tal-multa ( 21 ). |
|
38. |
Kollox ma’ kollox, b’hekk, huwa determinanti biss il-fatt li l-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa jkun sar fis-suq rilevanti ( 22 ) . Dan għaliex huwa preċiżament dan id-dħul mill-bejgħ, li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li fuqhom huwa bbażat il-ksur, li huwa l-iktar xieraq sabiex jirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur ( 23 ). B’dan il-mod jiġi żgurat li tiġi imposta sanzjoni xierqa li tikkontribwixxi għal infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 4 u 5 tal-Linji gwida tal-2006). |
|
39. |
Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
B – Fuq ir-rata tal-kambju rilevanti fil-kalkolu tal-limitu ta ’ 10 % għall-multa (it-tieni aggravju)
|
40. |
It-tieni aggravju huwa kontra l-punti 410 sa 423 tas-sentenza appellata u jikkonċerna l-limitu applikabbli fuq il-livell tal-Unjoni għall-multi (kultant imsejjaħ ukoll il-“limitu massimu”), skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Skont din id-dispożizzjoni, il-multa imposta fuq impriża ma tistax taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha magħmul fis-sena kummerċjali preċedenti. |
|
41. |
Fil-fehma tal-appellanti, is-sentenza appellata tikser din id-dispożizzjoni minħabba li l-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat ir-rata tal-kambju għall-konverżjoni monetarja mil-lira sterlina ( 24 ) f’euro. Li kieku l-Qorti Ġenerali, bħalma diġà għamlet il-Kummissjoni qabilha, ma ħaditx bħala l-punt tal-bidu r-rata tal-kambju medja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) matul l-aħħar sena kummerċjali sħiħa ta’ Pilkington qabel ittieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża, iżda minflok qieset ir-rata tal-kambju ppreferuta minn Pilkington, jiġifieri dik fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienet tikkalkola limitu ta’ 10 % iktar baxx u b’hekk ukoll multa iktar baxxa fir-rigward ta’ Pilkington. |
1. Rimarka preliminari
|
42. |
Il-kuntest tal-ilment imressaq hawnhekk huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-kumpannija parent ta’ Pilkington għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit, u għalhekk id-dħul mill-bejgħ tal-grupp Pilkington fl-intier tiegħu li jservi bħala bażi għall-kalkolu fil-każ preżenti huwa ddeterminat f’lira sterlina. Għall-kuntrarju, il-multi imposti mill-Kummissjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex tissanzjona ksur tad-dritt tal-akkordji huma espressi f’euro. B’hekk hija meħtieġa konverżjoni monetarja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-multa imposta taqbiżx il-limitu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Pilkington fl-aħħar sena kummerċjali sħiħa tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
43. |
L-appellanti jargumentaw b’mod mhux ikkontestat li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ Pilkington fis-sena kummerċjali mill-1 ta’ April 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008 kien jammonta għal GBP 2614 biljun. B’hekk, il-punt tal-bidu għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kien valur ta’ GBP 261.4 biljun (10 % ta’ GBP 2614 biljun). |
|
44. |
Jekk, bħalma għamlu l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, għall-konverżjoni monetarja tittieħed bħala bażi r-rata tal-kambju medja tal-BĊE rilevanti f’dak il-perijodu (GBP 1 = EUR 1.415), jirriżulta limitu ta’ EUR 370.1 miljun. Jekk, għall-kuntrarju, dak li jkun jibbaża ruħu fuq ir-rata tal-kambju speċifika tal-BĊE fit-12 ta’ Novembru 2008, jiġifieri l-ġurnata meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża (GBP 1 = EUR 1.2149 jew EUR 1 = GBP 0.82310) ( 25 ), jiġi kkalkolat limitu ħafna iktar baxx ta’ EUR 317.5 miljun. |
|
45. |
B’hekk, fl-ewwel każ, il-multa imposta mill-Kummissjoni, bl-ammont ikkorreġut tagħha ta’ EUR 357 miljun hija evidentement inqas mil-limitu ta’ 10 % ( 26 ), u fit-tieni każ, b’kuntrast ma’ dan, din tkun taqbeż il-limitu ta’ 10 % bi kważi EUR 40 miljun. B’hekk hija preċiżament din id-differenza ta’ madwar EUR 40 miljun li tinsab inkwistjoni fit-tilwima bejn il-partijiet fil-kuntest tat-tieni aggravju dwar l-għażla tar-rata tal-kambju korretta għall-konverżjoni monetarja. Għandu jiġi ċċarat jekk id-deprezzament tal-lira sterlina meta mqabbla mal-euro, kif ġie rreġistrat fil-perijodu sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwiex ta’ benefiċċju għal Pilkington jew għall-kuntrarju jikkostitwixxix riskju ta’ kambju li għandu jiġġarrab minn Pilkington. |
2. Fuq l-ilmenti mressqa minn Pilkington
|
46. |
Filwaqt li l-appellanti jirrikonoxxu espressament id-dritt tal-Kummissjoni li tistabbilixxi f’euro l-multi imposti minnha taħt id-dritt tal-akkordji skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, huma jqisu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’rabta mar-rata tal-kambju rilevanti għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % huma legalment żbaljati. |
|
47. |
L-ilmenti tagħhom f’dan ir-rigward kontra s-sentenza appellata essenzjalment jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kwistjonijiet tematiċi: minn naħa, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan tal-limitu ta’ 10 % (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A hawn taħt) u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tal-ugwaljanza fit-trattament u taċ-ċertezza legali ma humiex issodisfatti (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B iktar ’l isfel). |
a) L-għan tal-limitu ta’ 10 %
|
48. |
Permezz tal-limitu ta’ 10 %, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa inkorporat element, fil-kalkolu tal-multi taħt id-dritt tal-akkordji, li jsegwi għan distint u awtonomu b’rabta mal-kriterji fundamentali ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur ( 27 ). Huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi kkonċernati kif ukoll li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi eċċessivi u sproporzjonati ( 28 ). |
|
49. |
Fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija rilevanti l-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża fil-mument fejn hija tinstab responsabbli tal-ksur u tkun imposta sanzjoni pekunjarja mill-Kummissjoni ( 29 ). |
|
50. |
L-aħjar, il-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża mingħajr dubju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun ser tiġi evalwata fid-dawl tal-ġurnata preċiża meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li timponi multa. Madankollu, dan ikun jirrappreżenta diffikultajiet prattiki li kważi ma jistgħux jingħelbu għall-Kummissjoni: minn naħa, meta tiġi adottata deċiżjoni li timponi multa, normalment ma jkunux magħrufa ċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ attwali tal-impriża kkonċernata, iżda dawn ikunu jeżistu f’għamla mhux iċċertifikata u li għaldaqstant ma tkunx affidabbli. Min-naħa l-oħra, anki l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet interni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari s-smigħ meħtieġ mil-liġi tal-Kumitat Konsultattiv ( 30 ), iżda wkoll il-ħtieġa ta’ riflessjoni interna dwar l-adegwatezza, il-metodi ta’ kalkolu u l-ammont tas-sanzjoni fil-każ partikolari ( 31 ), jirrikjedu li ma jistgħux jiġu ppreżentati u pproċessati ċifri ġodda b’mod kostanti sal-aħħar ġurnata. |
|
51. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni qies din iċ-ċirkustanza, u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 stabbilixxa parti waħda minn għaxra tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati fl-aħħar sena kummerċjali tagħhom preċedenti għad-deċiżjoni li timponi multa bħala valur ta’ riferiment għall-kapaċità ta’ ħlas tagħhom ( 32 ). Huwa daqslikieku mistħajjel legalment li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa tikkorrispondi għal dik li tirriżulta mid-dħul mill-bejgħ iċċertifikat tagħha għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa. Bħala regola, jista’ jkun mistenni li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża kkalkolata b’dan il-mod fil-ġimgħat jew fix-xhur sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa ma tinbidilx sostanzjalment u li ċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ tal-aħħar sena kummerċjali sħiħa tagħha għalhekk jibqgħu validi. |
|
52. |
Iżda meta frazzjoni partikolari (10 %) tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata fl-aħħar sena kummerċjali sħiħa tagħha tkun tikkostitwixxi l-valur ta’ riferiment statutorju għall-kapaċità ta’ ħlas tagħha, sussegwentement, anki għall-konverżjoni monetarja għandha tkun rilevanti r-rata tal-kambju medja applikabbli matul il-perijodu ta’ referenza. Dan peress li din ir-rata tal-kambju biss tippermetti evalwazzjoni taċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ fil-kuntest li joriġinaw minnu, u xorta tirrifletti bl-aħjar mod ir-realtajiet ekonomiċi li kienu predominanti f’dak iż-żmien ( 33 ). Il-Qorti Ġenerali indikat dan ġustament ( 34 ). |
|
53. |
Li kieku dak li jkun jaqleb għal rata tal-kambju differenti minn perijodu iktar tard, dan jista’ jwassal għal distorsjoni serja tal-validità ta’ dawn iċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ: l-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju ġdida għal ċifri antiki finalment ma tkunx iktar ħlief paragun ta’ żewġ affarijiet totalment differenti. |
|
54. |
Anki fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati mill-appellanti ma hemm xejn li jista’ jissuġġerixxi li trid tintuża rata tal-kambju ta’ żmien iktar tard, b’mod partikolari r-rata tal-kambju kurrenti applikabbli meta tiġi adottata d-deċiżjoni li timponi multa. |
|
55. |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja f’xi każijiet fil-fatt irrikonoxxiet li l-limitu ta’ 10 % sa ċertu punt jista’ jipproteġi lill-impriżi kkonċernati anki minn varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju ( 35 ). Madankollu, dan ma huwiex għan awtonomu tal-limitu, iżda wieħed mill-aspetti tal-protezzjoni li joffri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 lill-impriżi kkonċernati sabiex jipproteġihom minn multi eċċessivi u sproporzjonati ( 36 ). |
|
56. |
Barra minn hekk, fil-każijiet diskussi sa issa fil-ġurisprudenza, il-kwistjoni prinċipali kull darba kienet tikkonċerna bidliet fir-relazzjoni bejn il-muniti li seħħew qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ referenza, li miegħu huwa marbut il-limitu ta’ 10 % skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 37 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tefgħet ħarsitha lura lejn perijodi preċedenti u ma ħarsitx ’il quddiem lejn il-ġimgħat u x-xhur ta’ wara li ntemmet l-aħħar sena kummerċjali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif Pilkington qed titlob f’dan il-każ. |
|
57. |
Hemm raġunijiet tajba għalfejn kellha titfa’ “ħarsitha lura”, b’differenza għas-sitwazzjoni fejn ikollha “tħares ’il quddiem”: l-ewwel nett, il-perijodu bejn il-waqfien tal-ksur u l-aħħar sena kummerċjali preċedenti għad-deċiżjoni li timponi multa bħala regola jdum diversi snin u b’hekk naturalment huwa iktar suxxettibbli għal bidliet fil-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi b’rabta mar-rata tal-kambju mill-ġimgħat u mix-xhur inkwistjoni hawnhekk, immedjatament preċedenti għad-deċiżjoni li timponi multa. It-tieni nett, huwa biss jekk titfa’ “ħarsitha lura” li tkun tista’ tirrikorri għal ċifri affidabbli li, flimkien mar-rati tal-kambju relatati għall-konverżjoni monetarja, kienu jeżistu f’waqt suffiċjentement tajjeb sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. |
|
58. |
L-unika indikazzjoni fil-ġurisprudenza li tista’ tindika “ħarsa ’l quddiem” u li għalhekk tista’ tindika ċerta rilevanza tar-rati tal-kambju kurrenti, tinsab fis-sentenza relattivament iktar antika tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża Sarrió vs Il-Kummissjoni. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari affermat “li l-ammont tal-multa kkonvertit f’munita nazzjonali bir-rata tal-kambju applikabbli fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali miksub mir-rikorrenti fl-[aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-deċiżjoni]” ( 38 ). |
|
59. |
Sa fejn huwa apparenti, dan l-approċċ ma stabbilixxa ebda preċedent. Lanqas ma nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwih issa. |
|
60. |
Apparti mill-oġġezzjoni fundamentali li diġà ssemmiet, li jekk tintuża rata tal-kambju kurrenti, iċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ antiki jinqalbu b’mod żbaljat b’rata tal-kambju ġdida li ma tirriżultax mill-istess perijodu, l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża Sarrió vs Il-Kummissjoni bbażat fuq il-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jidhirli li huwa għalkollox inadegwat u mhux prattikabbli: f’każijiet ta’ akkordji, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni normalment issir biss ħafna wara l-adozzjoni tagħha, xi kultant saħansitra snin wara. Il-Kummissjoni b’hekk trid litteralment ikollha l-fakultà ta’ kjaroveġġent jekk tixtieq tieħu inkunsiderazzjoni tali rati tal-kambju futuri diġà meta tieħu d-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, ma huwiex evidenti kemm ir-rata tal-kambju rilevanti fil-jum tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni għandha tipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża kkonċernata f’mument ħafna iktar kmieni, meta l-Kummissjoni timponi l-multa fuqha u tirkupraha. |
|
61. |
Is-soluzzjoni għall-kwistjoni li qed jilmentaw dwarha l-appellanti, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi mfittxija fuq livell kompletament differenti, jiġifieri fid-dritt dwar il-baġit tal-Unjoni: jekk jirriżulta li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża tonqos drastikament bejn it-tmiem tal-aħħar sena kummerċjali tagħha u l-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa minħabba varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju jew minħabba raġunijiet oħra, id-dritt dwar il‑baġit jipprevedi l-mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi indirizzat il-piż eċċessiv li jhedded lil din l-impriża fil-kuntest tal-irkuprar tal-multa imposta mill-Kummissjoni ( 39 ). Dawn il-mekkaniżmi jippermettu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta għal kull każ, li jvarjaw mill-għoti ta’ skadenzi għall-ħlas ġenerużi sar-rinunzja tad-dejn għalkollox jew parzjalment, għalkemm minkejja dan għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kif dovut kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-Artikoli 89 u 91 tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni ( 40 )). |
|
62. |
Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-fehma espressa minn Pilkington fis-seduta, il-fatt li l-mekkaniżmi previsti fid-dritt dwar il-baġit tal-Unjoni għandhom effett biss f’każijiet eċċezzjonali estremi bl-ebda mod ma jipprekludi din is-soluzzjoni. Dan għaliex ir-riskji “normali” kollha b’rabta mal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, b’mod partikolari r-riskju tal-kambju normali, iridu jiġġarrbu mill-impriżi kkonċernati stess ( 41 ). Dan ser nerġa’ nindirizzah f’punti oħra ( 42 ). |
|
63. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-għan tal-limitu ta’ 10 % ma għandhomx jintlaqgħu. |
b) Ir-rekwiżiti tal-ugwaljanza fit-trattament u taċ-ċertezza legali
|
64. |
Barra minn hekk, fil-każ preżenti l-appellanti jargumentaw ukoll dwar il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ċ-ċertezza legali. Fil-fehma tagħhom, anki fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji għandu jirriżulta li għall-konverżjoni monetarja ma hijiex rilevanti r-rata tal-kambju medja tal-aħħar sena kummerċjali sħiħa ta’ Pilkington qabel ittieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża, iżda r-rata tal-kambju kurrenti fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
i) Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
|
65. |
Minn naħa, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma tagħhom, l-impriżi kollha għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali, irrispettivament mill-munita li jużaw sabiex iżommu l-kotba tagħhom. Dan ma ġiex irrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali. |
|
66. |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 43 ). Dan ma jistax jiġi interpretat u applikat b’mod differenti skont il-qasam legali inkwistjoni. |
|
67. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat ( 44 ). |
|
68. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod speċjali għall-kalkolu tal-multi b’rabta mad-dritt tal-akkordji, tirrikonoxxi li l-limitu ta’ 10 % skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitu li japplika b’mod uniformi għall-impriżi kollha ( 45 ), dan ma huwa xejn iktar ħlief riżultat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
69. |
Fid-dawl tal-problema inkwistjoni hawnhekk, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ kull impriża naturalment tista’ tkun suġġetta għal ċerti varjazzjonijiet bejn it-tmiem tal-aħħar sena kummerċjali tagħha u l-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-multa. Tali varjazzjonijiet jistgħu jirriżultaw pereżempju minn tnaqqis mhux mistenni fid-dħul mill-bejgħ, iżda jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq bidliet fil-konverżjoni monetarja, speċjalment meta impriża, irrispettivament minn fejn tkun tinsab is-sede tagħha, tikseb parti kbira mid-dħul mill-bejgħ tagħha f’muniti barranin. |
|
70. |
F’dan ir-rigward, l-impriżi kollha jinsabu fl-istess sitwazzjoni u huma ttrattati b’mod ugwali mil-leġiżlatur tal-Unjoni: dan għaliex, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tali varjazzjonijiet fil-kapaċità ta’ ħlas ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 %, irrispettivament minn jekk l-impriżi kkonċernati jiddikjarawx id-dħul mill-bejgħ tagħhom f’euro jew f’munita oħra. Għalhekk, f’dan ir-rigward ma jista’ jkun hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
71. |
Barra minn hekk, huwa veru li għal impriżi li ma jiddikjarawx iċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ tagħhom f’euro, iżda f’munita barranija, l-ispiża għall-ħlas ta’ multa tista’ tkun suġġetta għal varjazzjonijiet iktar qawwija minħabba varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn l-aħħar sena kummerċjali tagħhom u l-ġurnata meta tittieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa milli fil-każ ta’ impriżi li jżommu l-kotba tagħhom f’euro. F’dan ir-rigward, għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra miż-żona tal-euro possibbilment tista’ tkun differenti mis-sitwazzjoni ta’ dawk li huma stabbiliti fi ħdan iż-żona tal-euro. |
|
72. |
Mis-sempliċi fatt li l-impriżi bis-sede tagħhom barra miż-żona tal-euro jistgħu jbatu iktar minħabba varjazzjonijiet b’rabta mal-munita tal-fondi likwidi tagħhom minn dawk li għandhom is-sede fi ħdan iż-żona tal-euro ma jistax jiġi konkluż, madankollu, li dawn huma intitolati għal eżami mill-ġdid attwali tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, billi tittieħed bħala bażi r-rata tal-kambju kurrenti applikabbli f’dak il-mument. |
|
73. |
Dan għaliex il-varjazzjonijiet b’rabta mal-munita huma riżultat tar-riskju ta’ kambju, li kull impriża għandha ġġarrab hija stess ( 46 ). Impriża li tistabbilixxi ruħha barra ż-żona tal-euro tassumi konxjament ir-riskju ta’ żvilupp sfavorevoli fir-rata tal-kambju, l-istess bħalma tgawdi minn kwalunkwe vantaġġ li jirriżulta minn żvilupp favorevoli fir-rata tal-kambju. Ma huwiex aċċettabbli li tali impriża tgħaddi biss kwalunkwe żvantaġġ li jirriżulta mill-fatt li jkollha s-sede tagħha barra miż-żona tal-euro lill-pubbliku ġenerali billi tinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’mod selettiv. |
|
74. |
B’mod marġinali biss ninnota li sa minn qabel l-introduzzjoni tal-euro mhux l-impriżi fis-suq intern kollha kienu esposti għall-istess riskji ta’ kambju. Huwa minnu li f’dak iż-żmien il-Kummissjoni kellha twettaq konverżjoni monetarja għall-impriżi kollha, qabel ma jiġu imposti multi fuqhom, filwaqt li dan illum għadu meħtieġ biss għal dawk l-impriżi stabbiliti barra miż-żona tal-euro. Minkejja dan, anki qabel l-introduzzjoni tal-euro, l-impriżi, skont l-Istat Membru fejn stabbilixxew ruħhom, kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ varjazzjonijiet monetarji differenti fir-rata tal-kambju u konsegwentement ma’ riskji ta’ kambju ta’ gradi differenti. |
ii) Il-prinċipju ta’ ċertezza legali
|
75. |
Min-naħa l-oħra, l-appellanti jasserixxu li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fehma tagħhom, kull impriża għandha tkun tista’ tipprevedi l-ispejjeż finanzjarji li tkun mhedda bihom minħabba multa imposta mill-Kummissjoni fil-munita proprja tagħha. |
|
76. |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi ( 47 ). Fil-fatt, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom ( 48 ). |
|
77. |
Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod speċjali fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, spjegat li l-multi imposti taħt id-dritt tal-akkordji mill-Kummissjoni huma suġġetti għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi stabbilit minn qabel ( 49 ). |
|
78. |
Il-kunċett ta’ prevedibbiltà loġikament huwa inerenti għal element ta’ tbassir. It-tbassir jista’ jsir b’mod iktar affidabbli fuq il-bażi ta’ data li diġà teżisti mill-passat reċenti milli fuq il-bażi ta’ data futura li għadha ma hijiex magħrufa. |
|
79. |
B’hekk, mingħajr ebda dubju, impriża tista’ tbassar aħjar il-limitu ta’ 10 % applikabbli fil-każ tagħha għal multi imposti taħt id-dritt tal-akkordji skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta dan il-limitu jiġi kkalkolat bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-aħħar sena kummerċjali sħiħa tagħha u ma jkunx ibbażat fuq rata tal-kambju kurrenti futura fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa, li tkun għadha ma hijiex disponibbli. |
|
80. |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod għalkollox korrett ( 50 ) li l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju medja tal-BĊE għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa ta’ impriża qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa hija kunsiderevolment iktar xierqa sabiex tħares iċ-ċertezza legali, milli kieku wieħed jibbaża ruħu fuq ir-rata tal-kambju attwali f’mument fil-futur, jiġifieri fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa. |
|
81. |
Dan għaliex l-imsemmija rata tal-kambju medja ilha stabbilita mit-tmiem tas-sena kummerċjali kkonċernata u ma tinbidilx iktar, filwaqt li r-rata tal-kambju kurrenti tiddependi minn eventwalitajiet fil-futur, b’mod partikolari l-mument li ser tagħżel il-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha li timponi multa, u mis-sitwazzjoni ekonomika f’dak iż-żmien. Jekk tittieħed bħala bażi r-rata tal-kambju medja, b’hekk kull impriża li tipproċedi kontriha l-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-akkordji, tkun tista’ diġà tikkalkola eżattament, qabel id-deċiżjoni li ttemm proċedura, l-ammont massimu f’euro li tkun ser tammonta għalih multa li possibbilment ser ikollha tħallas. |
|
82. |
L-appellanti jilmentaw li l-impriżi li ma jiddikjarawx id-dħul mill-bejgħ tagħhom f’euro jkunu jistgħu jipprevedu l-ispejjeż ta’ finanzjament tagħhom għal multa imposta taħt id-dritt tal-akkordji li jkollha titħallas b’mod inqas tajjeb minn impriżi li l-kotba tagħhom jinżammu f’euro. |
|
83. |
Madankollu, din l-inċertezza tirriżulta mir-riskju ta’ kambju, li kif diġà ntqal ( 51 ), dejjem għandhom iġarrbu l-impriżi stabbiliti barra miż-żona tal-euro. Apparti minn hekk, fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet imminenti, impriża bi strateġija għall-futur dejjem trid tieħu prekawzjonijiet fil-munita li fiha dawn l-obbligazzjonijiet iridu jitħallsu fil-futur. F’dan ir-rigward, ma teżisti ebda differenza sinjifikattiva bejn multa imposta taħt id-dritt tal-akkordji, li possibbilment tkun ser tiġi imposta mill-Kummissjoni, u r-riskji ta’ responsabbiltà ċivili, li possibbilment jirriżultaw fir-rigward tal-impriżi kkonċernati fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali. |
|
84. |
Jekk impriża tiġi mfittxija mill-Kummissjoni fi proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003 bħala parteċipant f’akkordju allegat, ikun fl-interess proprju tagħha li diġà matul din il-proċedura tagħmel riżervi f’euro fuq il-bażi taċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa għal multa li possibbilment tkun trid titħallas jew mill-inqas tiżgura permezz ta’ arranġamenti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa, hija ser ikollha l-likwidità meħtieġa f’euro, sal-limitu ta’10 % skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
85. |
Jekk l-impriża kkonċernata ma’ tieħu ebda prekawzjoni ta’ dan it-tip, b’hekk finalment hija tesponi ruħha għal tranżazzjoni spekulattiva b’rabta mal-iżvilupp fir-rata tal-kambju, u konxjament tassumi r-riskju li iktar tard il-muniti barranin għall-ħlas ta’ kwalunkwe multa jkunu jistgħu jinkisbu f’kundizzjonijiet inqas favorevoli milli kien ikun il-każ fit-tmiem tal-aħħar sena kummerċjali tagħha qabel id-deċiżjoni li timponi multa. |
|
86. |
Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat f’kuntest ieħor, fil-każ tal-varjazzjonijiet monetarji hemm fattur kawżali li jista’ jipproduċi vantaġġi kif ukoll żvantaġġi ( 52 ). L-eżistenza ta’ tali varjazzjonijiet monetarji bħala tali ma tistax twassal sabiex multa imposta b’mod legali ma tkunx adegwata ( 53 ). |
3. Konklużjoni intermedjarja
|
87. |
Għaldaqstant, kollox ma kollox, ma jkunx jikkostitwixxi ksur tal-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas tal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali jekk, fir-rigward tal-konverżjoni monetarja fil-kuntest tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % għal multi imposti taħt id-dritt tal-akkordji, tittieħed bħala bażi r-rata tal-kambju medja tal-aħħar sena kummerċjali sħiħa tal-impriża kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ( 54 ) f’dan is-sens hija ħielsa minn żbalji ta’ liġi. Konsegwentement, jirriżulta li t-tieni aggravju ma huwiex fondat. |
C – Fuq diversi prinċipji ġenerali tad-dritt u kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-istat tad-dritt (it-tielet aggravju)
|
88. |
It-tielet aggravju huwa ddedikat għal diversi prinċipji ġenerali tad-dritt u kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-istat tad-dritt, li l-appellanti jallegaw li ġew miksura mill-Qorti Ġenerali. Permezz tiegħu huma jattakkaw il-punti 396 sa 402, minn naħa, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punti 434, 438 u 440 sa 444 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, l-ewwel parti tat-tielet aggravju tapplika biss għar-rekwiżiti legali li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1 hawn taħt), filwaqt li t-tieni parti tindirizza l-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali (ara t-Taqsima 2 iktar ’l isfel). |
|
89. |
L-istudju mwettaq minn kumpannija ta’ konsulenza maniġerjali ppreżentat minn Pilkington għandu rwol essenzjali għall-argumenti tal-appellanti dwar iż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju. L-appellanti jgħidu li minn dan l-istudju jista’ jiġi konkluż li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Pilkington ġarrbet deterjorament sinjifikattiv minħabba l-multa imposta mill-Kummissjoni. |
|
90. |
Nixtieq ngħid mal-ewwel li l-modus operandi tal-Qorti Ġenerali kien assolutament xieraq fid-dawl ta’ dan l-istudju u ma jistax jiġi kkontestat legalment. B’mod korrett, il-Qorti Ġenerali ħadet l-imsemmi studju inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li fil-kuntest tagħha għandha d-dritt tieħu inkunsiderazzjoni wkoll fatti u provi li jkunu rriżultaw biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ( 55 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali, b’mod li wkoll huwa korrett, ma qisitx dan l-istudju fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li f’dan il-kuntest jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss elementi li kienu disponibbli diġà anki għall-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ( 56 ). |
1. Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)
|
91. |
L-ewwel nett, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali injorat ir-rekwiżiti legali tal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Huma jilmentaw dwar “diskrepanza flagranti” fil-piż li jinvolvu s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni għall-parteċipanti individwali fl-akkordju. Pilkington stess tqis li s-sanzjoni imposta fuqha hija ħafna iktar oneruża milli huwa l-każ għall-kompliċi tagħha, minħabba li l-multa imposta fuqha tirrappreżenta proporzjon ħafna ikbar tad-dħul mill-bejgħ tagħha milli huwa l-każ għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li kellhom iktar varjetà ta’ prodotti. |
|
92. |
F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett ( 57 ) li l-ammonti finali tal-multi mhux neċessarjament iridu jkunu jirriflettu d-differenzi kollha bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom ( 58 ). Dan għaliex, irrispettivament mil-limitu ta’ 10 % li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-kalkolu ta’ multi imposti taħt id-dritt tal-akkordji ma humiex proċess mekkaniku li bih is-sanzjoni bilfors irid ikollha ċertu relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ globali rispettiv tal-impriżi kollha kkonċernati. |
|
93. |
Huwa minnu li l-Kummissjoni, meta timponi multi taħt id-dritt tal-akkordji skont l-Artikolu 23(2)(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex kompletament libera fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, iżda hija suġġetta għal stħarriġ ġuridiku dwar jekk osservatx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali ggarantiti fuq il-livell tal-Unjoni ( 59 ), b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità ( 60 ). |
|
94. |
Madankollu, fil-każ preżenti l-Qorti Ġenerali ma injorat ir-rekwiżiti legali tal-ebda wieħed minn dawn il-prinċipji. |
a) Ir-rekwiżiti legali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
|
95. |
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif diġà ntqal ( 61 ), dan jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat. |
|
96. |
Normalment il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa ssodisfatt meta jiġi ssanzjonat ksur tad-dritt tal-akkordji jekk il-parteċipanti kollha f’akkordju jiġu ttrattati skont l-istess kriterji fir-rigward tal-kalkolu tal-multa li għandha tiġi imposta fuqhom ( 62 ), sabiex l-istess ksur uniku tad-dritt tal-akkordji ma jitkejjilx kwalitattivament filwaqt li jiġu applikati żewġ kejlijiet ( 63 ). F’dan ir-rigward, sitwazzjoni fejn il-multa finalment imposta fuq impriża tkun tammonta għal madwar 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, u b’hekk tkun qrib jew saħansitra tilħaq il-limitu stabbilit legalment [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003], filwaqt li dan il-perċentwali jirriżulta inqas għal parteċipanti oħra fl-akkordju ( 64 ), fiha nnifisha, ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
97. |
Fil-każ preżenti, minkejja dan, l-appellanti jixtiequ jiksbu trattament speċjali għal Pilkington, b’tali mod li l-multa imposta fuqha titnaqqas għal perċentwali inqas tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. B’mod korrispondenti, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali ċaħħdithom minn dan it-trattament speċjali. |
|
98. |
Devjazzjoni mill-metodu ta’ kalkolu tal-multi klassiku possibbilment tista’ tkun iġġustifikata meta l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Linji gwida tal-2006 ma jippermetti li ssir ebda differenzazzjoni adegwata tal-multi imposti fuq il-parteċipanti individwali f’akkordju fid-dawl tat-tul u tal-gravità tal-parteċipazzjoni individwali tagħhom fl-akkordju kif ukoll fir-rigward ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti ( 65 ). Iżda fil-każ preżenti ma teżisti ebda indikazzjoni ta’ dan, u lanqas l-appellanti ma għamlu ebda sottomissjoni f’dan ir-rigward. |
|
99. |
Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni ta’ Pilkington kinitx sinjifikattivament differenti minn dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju minħabba ċirkustanzi partikolari u b’hekk kienet teħtieġ trattament speċjali fir-rigward tal-kalkolu tal-multa fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi. Skont ġurisprudenza stabbilita ( 66 ) dan huwa kompitu esklużiv tal-Qorti Ġenerali u ma għandux jiġi eżaminat mill-ġdid fl-istadju tal-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe żnaturament ta’ fatti u provi li madankollu f’dan il-każ ma sarx ilment dwaru. |
|
100. |
Għal finijiet ta’ kompletezza biss, ninnota li l-fatt tal-ispeċjalizzazzjoni qawwija ta’ Pilkington fil-ħġieġ tal-vetturi u li għandha inqas varjetà ta’ prodotti meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju, meta jitqies waħdu, ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex fil-kalkolu tal-multa imposta fuq Pilkington ikunu jistgħu jipprevalu miżuri speċjali. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ġustament tinnota li impriża bħal Pilkington, li tikseb il-biċċa l-kbira tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha permezz tal-prodotti ppreġudikati mill-akkordju, b’mod korrispondenti tipprofitta iktar minn kwalunkwe qligħ li jistgħu jiksbu l-parteċipanti fl-akkordju minħabba l-aġir kollużiv tagħhom. F’dan il-kuntest, bl-ebda mod ma jidher li huwa inġust li l-multa imposta mill-Kummissjoni tirrappreżenta perċentwali ogħla tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, milli huwa l-każ għal parteċipanti oħra fl-akkordju. |
|
101. |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma titqegħidx f’dubju mill-fatt li l-Kummissjoni fil-passat xi kultant wettqet tnaqqis tal-multi sabiex tissodisfa l-karatteristiċi partikolari tal-mudell tan-negozju ta’ parteċipanti individwali f’akkordju. Dan minħabba li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali applikabbli għal multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 67 ). |
|
102. |
Għal dak li jikkonċerna b’mod speċjali l-każ ta’ Almamet iċċitat mill-appellanti, is-sitwazzjoni ta’ din l-impriża kienet ikkaratterizzata minn karatteristiċi partikolari li ma japplikawx bl-istess grad għal Pilkington – fi kwalunkwe każ skont l-informazzjoni disponibbli għall-qrati tal-Unjoni ( 68 ). |
|
103. |
B’hekk, l-ilment dwar il-ksur tar-rekwiżiti legali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
b) Ir-rekwiżiti legali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
104. |
Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandu jgawdi mill-istatus ta’ dritt fundamentali ( 69 ), huwa ġeneralment aċċettat li dan ukoll għandu jiġi osservat meta jiġu imposti l-multi fil-każ ta’ akkordju ( 70 ). |
|
105. |
Finalment, l-appellanti hawnhekk jallegaw li l-Qorti Ġenerali injorat ir-rekwiżiti legali tal-proporzjonalità fid-dawl tar-relazzjoni bejn il-multa imposta mill-Kummissjoni u d-dħul mill-bejgħ globali ta’ Pilkington. |
|
106. |
Bħala prinċipju, il-limitu legali ta’ 10 % li diġà semmejt ( 71 ) jiżgura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-multi imposti mill-Kummissjoni fuq il-parteċipanti f’akkordju jinżammu f’relazzjoni xierqa mal-kapaċità ta’ ħlas rispettiva tagħhom u li ma tiġi imposta ebda multa eċċessiva jew sproporzjonata ( 72 ). Jekk dan il-limitu jiġi osservat, għandu jiġi preżunt li l-multa ma taffettwax il-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża kkonċernata b’mod sproporzjonat. |
|
107. |
Mis-sempliċi ċirkustanza li multa – possibbilment kif ukoll sinjifikattivament – tkun ta’ piż finanzjarju għall-impriża kkonċernata u twassal sabiex iddgħajjef temporanjament il-kapaċità finanzjarja tagħha, bl-ebda mod ma jista’ jiġi dedott li l-multa hija sproporzjonalment għolja. Għall-kuntrarju, is-sanzjoni li tiġi imposta fuq l-impriża fl-għamla ta’ multa għandha tkun apprezzabbli, sabiex b’hekk ikun jista’ jkollha l-effett dissważiv speċifiku u ġenerali tagħha (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 4 tal-Linji gwida tal-2006). Dan l-għan ma jintlaħaqx jekk impriża tkun tista’ tħallas is-sanzjoni “mill-ammonti żgħar ta’ flus li jkollha”. |
|
108. |
Jekk dak li jkun ikun irid jagħmel użu mill-fatt li possibbilment il-kapaċità finanzjarja tal-impriża kkonċernata tiddgħajjef minħabba l-multa imposta taħt id-dritt tal-akkordji sabiex inaqqas din is-sanzjoni, dan barra minn hekk ikollu l-effett pervers li l-imsemmija impriża tiġi ppremjata b’vantaġġ finanzjarju mhux iġġustifikat għal ksur serju li tkun wettqet fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 73 ). Jekk impriża b’mod mhux mistenni taffaċċja diffikultajiet sabiex tħallas, kif diġà semmejt ( 74 ), id-dritt dwar il-baġit tal-Unjoni jipprevedi soluzzjonijiet xierqa. |
|
109. |
F’dan il-kuntest, bl-istess mod bħall-ilment ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, lanqas l-ilment dwar ksur tar-rekwiżiti legali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwa fondat. |
2. L-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (it-tieni parti tat-tielet aggravju)
|
110. |
Fl-aħħar nett, l-appellanti, fil-kuntest tat-tielet aggravju, jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 daqs kemm kien meħtieġ. |
|
111. |
L-ostakolu hawnhekk huwa prinċipalment il-kunsiderazzjonijiet fil-punti 442 u 443 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali riedet tnaqqas il‑multa imposta mill-Kummissjoni minħabba l-impatti finanzjarji negattivi tagħha fuq l-impriżi kkonċernati biss “taħt ċirkustanzi eċċezzjonali”, “meta dan ikun iġġustifikat minn interess maġġuri” ( 75 ). Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’din id-dikjarazzjoni illegalment illimitat ruħha għal “applikazzjoni superfiċjali” tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ( 76 ). |
|
112. |
L-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jiġi mistħarreġ biss mill-Qorti tal-Ġustizzja għal żbalji manifesti ( 77 ). L-ewwel nett, żbalji bħal dawn jiġu preżunti jekk il-Qorti Ġenerali tkun interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE ( 78 ), it-tieni nett, jekk ma tkunx eżaminat bir-reqqa l-aspetti rilevanti kollha ( 79 ) u, it-tielet nett, jekk tkun stabbilixxiet parametri legali żbaljati ( 80 ), mhux l-inqas fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 81 ) u ta’ proporzjonalità ( 82 ). |
|
113. |
L-ilment imressaq mill-appellanti f’dan il-każ dwar approċċ wisq superfiċjali fir-rigward tal-“pleine juridiction” jaqa’ fl-ewwel waħda mill-kategoriji msemmija: fl-aħħar mill-aħħar il-Qorti Ġenerali ġiet akkużata li interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħa tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE ( 83 ). |
|
114. |
Fil-verità dawn is-setgħat huma estiżi ħafna: skont l-Artikolu 261 TFUE, il-Qorti tal-Ġenerali, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ multa imposta taħt id-dritt tal-akkordji mill-Kummissjoni, għandha s-setgħa tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iffissar tal-ammont ta’ din il-multa b’dik tagħha ( 84 ). Għaldaqstant, hija tista’ tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa wkoll, skont sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ espedjenza, mingħajr ma qabel ikollha tannulla d-deċiżjoni kkontestata ( 85 ). Konsegwentement, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa mhux bilfors jimplika l-konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi. |
|
115. |
Il-Qorti Ġenerali fil-każ preżenti kienet taf sewwa dwar din il-possibbiltà li għandha fil-kuntest tal-Artikolu 261 TFUE ( 86 ). Il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma assumiet li tnaqqis tal-multa imposta mill-Kummissjoni jista’ jsir biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali. Għall-kuntrarju, hija assumiet li tali tnaqqis, speċjalment minħabba li allegatament iddgħajfet il-kapaċità finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, kien xieraq biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. |
|
116. |
Fi kliem ieħor, fil-każ preżenti l-Qorti Ġenerali indirizzat tajjeb ħafna l-argument ta’ Pilkington fir-rigward tad-deterjorament tal-kapaċità finanzjarja tagħha, inkluż l-istudju tal-kumpannija ta’ konsulenza maniġerjali ppreżentat minn Pilkington. Iżda, f’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-multa ma kellhiex titnaqqas mhux minħabba kunsiderazzjonijiet legali interpretati b’mod żbaljat, iżda biss minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ espedjenza. Dan huwa partikolarment ċar jekk jitqies il-kuntest li fih il-Qorti Ġenerali għamlet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali”: il-Qorti Ġenerali hija ggwidata mit-tħassib li l-effettività tal-politika dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi ppreġudikata jekk il-multi imposti taħt id-dritt tal-akkordji ma jkunux jinvolvu ċerta severità għall-impriżi kkonċernati ( 87 ). |
|
117. |
Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq ( 88 ), ma hemmx lok li tali kunsiderazzjoni tiġi kkontestata mil-lat legali. Barra minn hekk, din hija kompletament allinjata mal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ddefinita mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-2006 ( 89 ). Huwa minnu li dawn il-Linji gwida ma jistgħux ikunu vinkolanti għall-ġudikatura, iżda minkejja dan il-qrati tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jispiraw ruħhom minnhom meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom ( 90 ). |
|
118. |
Kollox ma’ kollox, b’hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet użu tajjeb mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell ma tistax twettaq evalwazzjoni iktar estensiva tal-multa fir-rigward tal-proporzjonalità tagħha. Huwa biss b’mod eċċezzjonali ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun awtorizzata tintervjeni hija stess, meta “l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat” ( 91 ). Madankollu, fil-każ preżenti ma hemm ebda indikazzjoni ta’ tali natura manifestament u evidentement sproporzjonata bejn il-ksur u s-sanzjoni, li tkun tirrikjedi korrezzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell. |
|
119. |
Għaldaqstant din l-aħħar parti tat-tielet aggravju wkoll hija ineffettiva. Għalhekk, it-tielet aggravju huwa infondat fl-intier tiegħu. |
D – Sommarju
|
120. |
Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellanti ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
VI – Spejjeż
|
121. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
122. |
Skont l-Artikolu 138(1) u (2) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu; jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u peress li dawn tilfu l-argumenti tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, għandhom iħallsu dawn l-ispejjeż in solidum. |
VII – Konklużjoni
|
123. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE, C (2008) 6815 final (Każ COMP/39.125 – Carglas, mogħtija f’sommarju fil-ĠU 2009, C 173, p. 13); kif emendata bid-Deċiżjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, u bid-Deċiżjoni C (2013) 1119 finali, tat-28 ta’ Frar 2013.
( 3 ) Sentenza Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni (T‑72/09, EU:T:2014:1094).
( 4 ) Kawża AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni (C‑517/15 P, ĠU C 398, p. 20).
( 5 ) Huwa rilevanti biss il-kuntest ġuridiku qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, peress li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat qabel l-1 ta’ Diċembru 2009.
( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”.
( 7 ) Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2), iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”.
( 8 ) Iktar ’il quddiem imqassar ukoll għal EUR.
( 9 ) Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat din id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż bil-fatt li kien biss matul il-proċedura pendenti fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ emenda tat-28 ta’ Frar 2013 (ara l-punt 15 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq), li permezz tagħha kkoreġiet żewġ żbalji b’rabta mal-kalkolu tal-multa (punti 448 u 449 tas-sentenza appellata).
( 10 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni(C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 57 u 59), Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 148 u 149), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punti 53 u 55), InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 50), AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 64) u Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 85).
( 11 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 77), Guardian Industries und Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 58), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 54) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 62).
( 12 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57), Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 148) kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 57).
( 14 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57), Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 148), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 55).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza LG Display und LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 57), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 “japplika għall-bejgħ li sar fis-suq rilevanti affettwat mill-ksur”.
( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, għal darb’oħra, il-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq, flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
( 17 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 77), Guardian Industries und Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 58), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 54) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 62).
( 18 ) Punti 224 u 226 tas-sentenza appellata.
( 19 ) Anki l-arranġamenti tal-akkordju, li finalment ma twettqux mill-impriżi parteċipanti jew ma kisbux l-effett mixtieq fis-suq, huma u jibqgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li tista’ u għandha tittieħed azzjoni dwarhom mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
( 20 ) Fuq in-natura deċiżiva tal-kriterju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ara wkoll is-sentenzi LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 63) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 61).
( 21 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 77), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 58) u LG Display und LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 54).
( 22 ) Ara, għal darb’oħra, is-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 57) bir-riferiment tagħha għall-“bejgħ li sar fis-suq rilevanti affettwat mill-ksur”.
( 23 ) Sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punti 75 sa 78), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 57 sa 59), Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 148 u 149), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punti 53 sa 58 u 64) kif ukoll InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 51).
( 24 ) Iktar ’il quddiem imqassra wkoll għal GBP.
( 25 ) ĠU C 290, 13.11.2008, p. 6.
( 26 ) Anki l-ammont stabbilit oriġinarjament ta’ EUR 370 miljun jibqa’, għalkemm bi ftit, taħt il-limitu ta’ 10 %, meta dak li jkun jibbaża fuq ir-rata tal-kambju medja.
( 27 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 282).
( 28 ) Sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punti 119 u 121), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 280 u 281), Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 24) u YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 63).
( 29 ) Sentenza YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 63).
( 30 ) Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003.
( 31 ) Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li timponi multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġu adottati skont il-prinċipju ta’ kolleġjalità [ara l-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni kif ukoll l-Artikolu 17(6)(b) TUE u l-Artikolu 250 TFUE].
( 32 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 64, l-ewwel sentenza).
( 33 ) Il-kwistjoni dwar liema rata tal-kambju tapplika għad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji individwali ta’ grupp fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ dan il-grupp – ir-rata tal-kambju medja tas-sena kummerċjali kkonċernata jew ir-rata applikabbli f’data effettiva partikolari, – ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura u ma hija ttrattata bl-ebda mod mill-ebda waħda miż-żewġ partijiet. Għalhekk anki jien mhux ser nindirizza din il-kwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Punt 415 tas-sentenza appellata.
( 35 ) Sentenzi Enso Española vs Il-Kummissjoni (C‑282/98 P, EU:C:2000:628, punt 59), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 89) u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 606).
( 36 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.
( 37 ) Dan huwa partikolarment ċar mis-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 605).
( 38 ) Sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni (T‑334/94, EU:T:1998:97, punt 403).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 135).
( 40 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Española vs Il-Kummissjoni (C‑282/98 P, EU:C:2000:628, punt 59), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, Rn. 89) u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 604).
( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.
( 43 ) Sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 54) u Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51); fl-istess sens, ara s-sentenza Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7).
( 44 ) Sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23), Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55), Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51) kif ukoll P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 41).
( 45 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 281).
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Enso Española vs Il-Kummissjoni (C‑282/98 P, EU:C:2000:628, punt 59), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 89) u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 604).
( 47 ) Sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 100) u Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 127); ara wkoll is-sentenzi Van Es Douane Agenten (C‑143/93, EU:C:1996:45, punt 27) u Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 76).
( 48 ) Sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 68), ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 81) u Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 128).
( 49 ) Sentenzi Guardian Industries und Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 55), LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 51) u InnoLux vs Il-Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 48).
( 50 ) Punt 420 tas-sentenza appellata.
( 51 ) Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.
( 52 ) Sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 604).
( 53 ) Sentenzi Enso Española vs Il-Kummissjoni (C‑282/98 P, EU:C:2000:628, punt 59), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 89) u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 604).
( 54 ) Punt 421 flimkien mal-punti 415 u 416 tas-sentenza appellata.
( 55 ) Sentenza Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).
( 56 ) Sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 7), Crispoltoni et (C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43), IECC vs Il-Kummissjoni (C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 87) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31).
( 57 ) Punt 397 tas-sentenza appellata.
( 58 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 312).
( 59 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: ara wkoll l-indikazzjoni ta’ natura dikjaratorja fil-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003, fejn jingħad li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta.
( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 304 u 319), Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58) u Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 62).
( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58), li skontha l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod mhux ugwali minħabba l-użu ta’ metodi ta’ kalkolu differenti meta tiġi kkalkolata l-multa.
( 63 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:11, punt 57).
( 64 ) Sentenza Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 74).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75); ara, b’mod addizzjonali, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-10 ta’ Marzu 2015, dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE għall-2013, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2014 [Riżoluzzjoni tal-Parlament P8_TA(2015)0051, punt 29].
( 66 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 177), Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 58) u Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 40 u 41).
( 67 ) Sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, EU:C:2006:594), Telefónica und Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 189) u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 67).
( 68 ) Bħalma tenfasizza l-Qorti Ġenerali fis-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673, punt 139), is-sitwazzjoni tal-impriża Almamet hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt li huma kkonċernati “materjali ta’ valur għoli b’marġni ta’ profitt ridott”.
( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 222).
( 70 ) Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 319) u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).
( 71 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq dwar it-tieni aggravju, b’mod partikolari l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punti 119 u 121), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 280 u 281), Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 24) u YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 63).
( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 327), SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 105) u KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 103); ara, fl-istess sens, is-sentenza IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punti 54 u 55).
( 74 ) Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Punt 442 tas-sentenza appellata.
( 76 ) Bil-lingwa tal-kawża: “a ‘light touch’ review”.
( 77 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑ħġ219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).
( 78 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2005:751, punt 137) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 190); ara, fl-istess sens, is-sentenzi Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 155 u 156) u Kone et vs Il-Kummissjoni (C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 40 u 42).
( 79 ) Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑202/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).
( 80 ) Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).
( 81 ) Sentenzi Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 63 u 68), Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 97 u 99) u Alliance One International und Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58).
( 82 ) Sentenzi E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165).
( 83 ) Jien diġà ddiskutejt ir-rekwiżiti legali li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità preċedentement, fl-ewwel parti tat-tielet aggravju (ara l-punti 87 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq).
( 84 ) Sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692), KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130), AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 74) u Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 75).
( 85 ) Sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692) u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86).
( 86 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 431, 432 u 434 tas-sentenza appellata.
( 87 ) Punt 441 tas-sentenza appellata.
( 88 ) Ara l-punti 102 sa 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.
( 89 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006: “F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti linji gwida, jipperikolaw b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal li ttellef l-assi tagħha mill-valur kollu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 90 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80) u Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).
( 91 ) Sentenzi E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 125 u 126), Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 164 u 165) kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 205).