Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CC0222

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-7 ta’ April 2016.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:224

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )

    Kawża C‑222/15

    Hőszig kft

    vs

    Alstom Power Thermal Services

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs, l-Ungerija)]

    “(Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 23(1) — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Ftehim li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ belt partikolari ta’ Stat Membru — Kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt)”

    1. 

    Din il-kawża, li tikkonċerna proċeduri legali ċivili bejn żewġ kumpanniji u tinvolvi għadd ta’ domandi fir-rigward tal-kunċett ta’ “[f]tehim […] li jagħti ġurisdizzjoni” fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), se jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina xi kwistjonijiet fundamentali fil-qasam tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni skont dak ir-regolament.

    Il-kuntest ġuridiku

    2.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 3 ), intitolat “Ambitu materjali”, jipprovdi fit-tieni paragrafu tiegħu:

    “2. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    (e)

    arranġamenti ta’ arbitraġġ u arranġamenti dwar l-għażla tal-qorti;

    […]”

    3.

    Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intitolat “Ġurisdizzjoni”. Is-Sezzjoni 7 tiegħu, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, fiha żewġ artikoli (23 u 24). L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

    (a)

    bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

    (b)

    f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

    (ċ)

    f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

    4.

    Höszig, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija persuna ġuridika bbażata fl-Ungerija, filwaqt li l-predeċessur legali ta’ Alstom Power Thermal Services (il-konvenuta) ( 4 ) huwa persuna ġuridika bbażata fi Franza. Il-predeċessur legali ta’ Alstom xtaq jinvesti f’impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija diġà stabbilit fi Franza taħt programm fuq skala kbira.

    5.

    Il-predeċessur legali ta’ Alstom stieden lil Höszig, fost oħrajn, biex tissottometti offerta, li l-ispeċifikazzjonijiet tagħha kienu jinkludu lista tal-partijiet li għandhom jiġu mmanifatturati, li kienu s-suġġett tal-kuntratt, deskrizzjoni tar-rekwiżiti tekniċi f’dan ir-rigward u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt applikati mill-predeċessur legali ta’ Alstom fis-seħħ f’Diċembru 2008. Il-predeċessur legali ta’ Alstom bagħat dawk l-ispeċifikazzjonijiet lil Höszig b’posta elettronika tat-18 ta’ Awwissu 2009.

    6.

    Höszig issottomettiet offerta għall-eżekuzzjoni tal-proġett, li abbażi tagħha l-partijiet ikkonkludew diversi kuntratti għal xogħlijiet għall-manifattura ta’ strutturi metalliċi li kellhom isiru fl-Ungerija u li kienu intiżi biex jiġu installati f’impjanti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fi Franza. Il-partijiet ikkonkludew il-kuntratti għall-proġett mill-bogħod.

    7.

    L-ewwel wieħed mill-kuntratti, konkluż fis-16 ta’ Diċembru 2010, kien fih lista intitolata “Dokumenti użati” kif ġej:

    “(1)

    din l-ordni,

    (2)

    l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi T91000001/1200 rev. C.

    (3)

    il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista [tal-predeċessur legali ta’ Alstom] (verżjoni ta’ Diċembru 2008),

    l-imsemmija dokumenti huma applikabbli fl-ordni hekk indikata.”

    8.

    Fl-aħħar paġna tal-kuntratt, ġie ddikjarat li “[d]in l-ordni telenka l-iktar dokumenti u informazzjoni importanti kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tagħha. Inti trid tiżgura li għandek dawn id-dokumenti bir-referenzi xierqa u d-dokumenti meħtieġa minnhom. Jekk ma għandekx dawn id-dokumenti, toqgħodx lura milli titlobna d-dokumenti neqsin bil-miktub”.

    9.

    L-aħħar paragrafu tal-kuntratt kien jgħid li “il-fornitur jiddikjara li huwa qara u li jaċċetta l-kundizzjonijiet ta’ din l-ordni, il-kundizzjonijiet ġenerali fis-seħħ kif annessi u kwalunkwe kundizzjoni ta’ ftehimiet jew kuntratti qafas”.

    10.

    Skont il-Klawżola 23.1 tal-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista”, intitolata “liġi applikabbli u riżoluzzjoni ta’ tilwim”, “[d]in l-ordni għandha tiġi rregolata mil-liġi Franċiża u interpretata konformement magħha. L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija tal-11 ta’ April 1980 hija eskluża. Kwalunkwe tilwima li tirriżulta minn jew li tirrigwarda l-validità, il-limitazzjoni, l-eżekuzzjoni jew it-terminazzjoni ta’ din l-ordni, li l-partijiet ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim bonarju dwarha, għandha b’mod esklużiv u definittiv tiġi riżolta mill-qrati ta’ Pariġi, inkluż fil-każ ta’ proċeduri mħaffa, inibizzjonijiet jew miżuri provviżorji.”

    11.

    Qamet tilwima legali bejn il-partijiet rigward l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, u Höszig ressqet proċeduri legali quddiem il-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs) bħala l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-post tal-eżekuzzjoni.

    12.

    Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti tiċċita l-Artikolu 10(2), dwar “[k]unsens u validità materjali”, tar-Regolament Nru 593/2008 u ssostni li huwa ċar li ma jkunx raġonevoli li l-effett tal-aġir tagħha jiġi ddeterminat f’konformità mad-dritt Franċiż, minħabba li s-suġġett tal-kuntratt kien il-prodotti li din immanifatturat, u l-post tal-eżekuzzjoni, bħall-post tal-manifattura, kien il-post tan-negozju tar-rikorrenti fl-Ungerija, bir-riżultat li l-proċess kollu mill-manifattura sal-kunsinna lill-parti li tqiegħed l-ordni seħħ fl-Ungerija.

    13.

    Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba fir-riferiment għal interpretazzjoni f’konformità mad-dritt Ungeriż, ir-relazzjoni bejn il-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” u l-kuntratti għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dak id-dritt.

    14.

    Ir-rikorrenti ssostni li skont il-Paragrafi 205/A u 205/B tal-kodiċi ċivili Ungeriż, dwar l-inkorporazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ provvista f’kuntratti – il-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” tal-predeċessur legali tal-konvenuta ma jistgħux jifformaw parti mill-kuntratti konklużi bejn il-partijiet.

    15.

    Għalhekk, fil-fehma tar-rikorrenti, il-klawżola li tirreferi għal-liġi applikabbli inkluża fil-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” tal-predeċessur legali tal-konvenuta ma hijiex rilevanti, u f’dan ir-rigward, għandu jiġi applikat l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008, li skontu kuntratt għall-provvista ta’ servizzi għandu jiġi rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz, jiġifieri r-rikorrenti, għandu r-residenza abitwali tiegħu.

    16.

    Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża, ir-rikorrenti tqis li, abbażi tal-fatt li l-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” tal-predeċessur legali tal-konvenuta ma jifformawx parti mill-kuntratti għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li skontu l-materja għandha tiġi deċiża fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligu, jiġifieri, fil-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs).

    17.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll, sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” tal-predeċessur legali tal-konvenuta jifformaw parti mill-kuntratti, li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni inkluża f’dawk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba li l-klawżola tirreferi għall-“qrati ta’ Pariġi”. L-ewwel nett, Pariġi ma hijiex Stat Membru, iżda belt, u t-tieni nett, it-terminu “il-qrati ta’ Pariġi” ma jindikax qorti speċifika iżda numru ta’ qrati fil-limiti amministrattivi ta’ dik il-belt.

    18.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-konvenuta ssostni li din ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni, filwaqt li tirreferi għall-Klawżola 23 tal-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” tal-predeċessur legali tal-konvenuta, fir-rigward ta’ “merkanzija u servizzi”, li tirregola l-kwistjonijiet tal-liġi applikabbli u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

    19.

    Skont il-konvenuta, il-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” jifformaw parti mill-kuntratti, u għal dik ir-raġuni, skont il-Klawżola 23 tagħhom, il-qorti Ungeriża ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi rigward tilwim li jirriżulta mill-kuntratti. Konsegwentement, il-konvenuta ssostni li r-rikorrenti ma ressqitx l-azzjoni tagħha quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar dan il-każ.

    20.

    Skont il-konvenuta, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 593/2008 jippermetti eżami tal-kwistjoni jekk ikunx raġonevoli li tiġi applikata l-liġi Franċiża fir-rigward tal-għoti tal-kunsens.

    21.

    Il-konvenuta tqis li, skont l-Artikoli 3(1) u 10(1) tar-Regolament Nru 593/2008, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi, l-għażla tal-liġi Franċiża bħala l-liġi applikabbli biex jiġi ddeterminat l-effett tal-aġir tar-rikorrenti huwa għalkollox raġonevoli, minħabba li l-predeċessur legali tal-konvenuta kienet subappaltatur tal-offerent rebbieħ fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li twettqet fi Franza b’rabta ma’ investiment sostanzjali f’impjanti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija Franċiżi, minħabba li l-liġi Franċiża hija l-liġi li l-konvenuta hija suġġetta għaliha u minħabba li l-konvenuta u r-rikorrenti kellhom relazzjoni kuntrattwali wiesgħa b’rabta max-xogħlijiet li jirriżultaw minn din il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, magħmula minn strumenti kuntrattwali multipli, għall-manifattura ta’ strutturi metalliċi. Konsegwentement, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-konvenuta ssostni li l-għażla tal-liġi li waħda mill-partijiet, ix-xerrej, hija suġġetta għaliha hija għalkollox raġonevoli u konsistenti mal-prassi kummerċjali, b’mod speċjali meta s-suġġett tal-kuntratt ta’ bejgħ se jintuża fil-pajjiż ta’ dak ix-xerrej, f’suq irregolat ħafna; għaldaqstant, huwa raġonevoli li tiġi applikata l-liġi Franċiża sabiex jiġi evalwat l-aġir tar-rikorrenti.

    22.

    Skont il-konvenuta, il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni stipulata fil-Klawżola 23 tal-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista” hija kompletament konsistenti mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba li l-qrati tal-belt ta’ Pariġi huma qrati ta’ Stat Membru (Franza). Il-fatt li l-qrati ta’ Pariġi ma jikkostitwixxux il-qrati kollha ta’ Franza ma jinvalidax il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni. Il-konvenuta tqis li l-interpretazzjoni restrittiva proposta mir-rikorrenti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-premessa 14 tar-Regolament Nru 44/2001, li skontha l-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt trid tiġi rrispettata.

    23.

    Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti li, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Mejju 2015, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2015, il-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs) għamlet id-domandi preliminari segwenti:

    “(I) Fir-rigward tar-Regolament [Nru 593/2008] […]:

    (1)

    Il-kliem ‘jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta’ kif użat fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jista’ jiġi interpretat mill-qorti nazzjonali fis-sens li l-eżami taċ-‘ċirkustanzi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni’ sabiex tiġi ddeterminata n-natura raġonevoli tal-assenza ta’ kunsens skont il-liġi tal-pajjiż li fih il-parti kkonċernata jkollha r-residenza abitwali tagħha huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni, mas-suġġett tal-kuntratt u mal-eżekuzzjoni tiegħu?

    (1)(1)

    L-effett li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 10(2) u li jirriżulta mis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni juru, b’kunsiderazzjoni għar-riferiment mill-parti [għal-liġi tal-pajjiż li fih hija jkollha r-residenza abitwali tagħha], li l-kunsens għal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma kienx effett raġonevoli tal-aġir tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-validità tad-dispożizzjoni kuntrattwali skont il-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-parti li tkun għamlet tali riferiment?

    (2)

    Il-qorti nazzjonali inkwistjoni tista’ tinterpreta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 593/2008 b’tali mod li – b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami – taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiddetermina jekk il-kunsens għal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu kienx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, effett raġonevoli tal-aġir tal-parti inkwistjoni?

    (3)

    Jekk il-parti inkwistjoni tirreferi, skont il-kliem tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 593/2008, għal-liġi tal-pajjiż li fih din ikollha r-residenza abitwali tagħha sabiex tiġi stabbilita l-assenza tal-kunsens, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni din il-liġi fir-rigward tal-punt dwar jekk, fid-dawl taċ-‘ċirkustanzi’ invokati, l-għoti tal-kunsens għall-applikazzjoni ta’ liġi magħżula kienx aġir raġonevoli min-naħa tal-parti fid-dawl tal-liġi tal-imsemmi pajjiż?

    (3)(1)

    F’dan il-każ, id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni mill-qorti nazzjonali li timplika li l-eżami taċ-‘ċirkustanzi’ bil-għan li tiġi ddeterminata n-natura raġonevoli tal-assenza tal-kunsens huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni, mas-suġġett tal-kuntratt u mal-eżekuzzjoni tiegħu?

    (II) Fir-rigward tar-Regolament [Nru 44/2001]:

    (1)

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 jipprekludi interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali li tirrikjedi indikazzjoni preċiża tal-qorti kompetenti jew huwa suffiċjenti, fid-dawl tar-rekwiżiti deskritti fil-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li l-volontà jew l-intenzjoni tal-partijiet tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-kuntratt?

    (1)(1)

    Hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 l-interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali li l-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ waħda mill-partijiet, li tagħżel il-qrati ta’ ċerta belt ta’ Stat Membru – f’dan il-każ dawk ta’ Pariġi – sabiex jiddeċiedu b’mod esklussiv u definittiv il-vertenzi li jirriżultaw minn jew li huma marbuta mal-validità, mal-eżekuzzjoni jew mat-tmiem tal-ordni u li l-partijiet ma setgħux jirriżolvu bi ftehim bonarju, hija suffiċjentement preċiża peress li l-volontà jew l-intenzjoni tal-partijiet fir-rigward tal-Istat Membru magħżul tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħha, fid-dawl tar-rekwiżiti deskritti fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 44/2001?”

    24.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Alstom, kif ukoll mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. It-tnejn tal-aħħar ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016.

    Analiżi

    Rimarki preliminari

    25.

    Il-qorti tar-rinviju tfittex li tiżgura jekk għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. Għal dan il-għan, hija tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel domanda tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 593/2008, filwaqt li t-tieni domanda tfittex gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001.

    26.

    L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 593/2008 jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “arranġamenti dwar l-għażla tal-qorti”. Għalhekk, dak ir-regolament ma jista’ jkollu ebda rwol fl-istabbiliment ta’ ġurisdizzjoni.

    27.

    Essenzjalment, dak li l-qorti tar-rinviju tfittex li tiżgura huwa jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludix klawżola li tagħti ġurisdizzjoni, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ waħda mill-partijiet, li skontha tilwimiet bejn il-partijiet għandhom ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva u definittiva tal-qrati ta’ belt partikolari ta’ Stat Membru, f’dan il-każ il-belt ta’ Pariġi. Hija din id-domanda li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għaliha.

    28.

    F’dawn il-konklużjonijiet, jien ta’ sikwit se nagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali ( 5 ) (“il-Konvenzjoni ta’ Brussell”) għaliex, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija valida wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti ( 6 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat b’mod espliċitu li dan huwa l-każ sa fejn jikkonċerna l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li huma redatti f’termini kważi identiċi ( 7 ).

    29.

    Ftehimiet li jagħtu ġurisdizzjoni huma ta’ importanza kbira ħafna fit-tilwim internazzjonali ( 8 ). L-Artikolu 23, li ġustament ġie deskritt bħala wieħed mill-iktar dispożizzjonijiet importanti tar-Regolament Nru 44/2001 ( 9 ), huwa intiż li jagħti effett lill-awtonomija tal-partijiet fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ( 10 ). L-għan tiegħu huwa li jiżgura ċ-ċertezza legali billi jagħmilha possibbli b’mod affidabbli li wieħed jipprevedi liema qorti se jkollha ġurisdizzjoni ( 11 ). L-effett ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni huwa li jeskludi l-ġurisdizzjoni ddeterminata, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 12 ). Għalhekk wieħed jista’ jassumi b’konvinzjoni li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 “jieħu preċedenza” ( 13 ) fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regolament li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni.

    30.

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jittratta biss l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, mhux id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ kuntratt. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Benincasa ddeċidiet li “klawżola ta’ ġurisdizzjoni, li sservi għan proċedurali, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. B’kuntrast ma’ dan, id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-kuntratt prinċipali, li fih hija inkorporata dik il-klawżola, u bl-istess mod kwalunkwe tilwima dwar il-validità ta’ dak il-kuntratt, huma rregolati mil-lex causae ddeterminata mid-dritt internazzjonali privat tal-Istat tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni” ( 14 ). Għalhekk ftehim li jagħti ġurisdizzjoni huwa indipendenti mid-destin tal-kuntratt bejn il-partijiet ( 15 ).

    31.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza Powell Duffryn iddeċidiet li l-kunċett ta’ “[f]tehim [...] li jagħti ġurisdizzjoni” fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat mhux bħala sempliċi riferiment għal-liġi nazzjonali ta’ Stat jew ieħor mill-Istati kkonċernati iżda bħala kunċett indipendenti ( 16 ).

    32.

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 23(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla ta’ qorti fi ftehim li jagħti ġurisdizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu. Kunsiderazzjonijiet relatati mar-rabtiet bejn il-qorti indikata u r-relazzjoni inkwistjoni, dwar il-validità tal-klawżola jew dwar ir-regoli sostantivi ta’ responsabbiltà applikabbli quddiem il-qorti magħżula ma humiex konnessi ma’ dawk ir-rekwiżiti ( 17 ).

    33.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tissuġġetta l-validità ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni għall-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-partijiet, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-qorti li quddiemha titressaq il-kwistjoni l-obbligu li teżamina, l-ewwel nett, jekk il-klawżola li tagħtiha ġurisdizzjoni kinitx fil-fatt is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet, li għandu jintwera b’mod ċar u preċiż, u li r-rekwiżiti rigward il-forma imposti mill-Artikolu 23 jiżguraw li l-kunsens bejn il-partijiet huwa effettivament stabbilit ( 18 ).

    34.

    Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżistenza ta’ ftehim tista’ tiġi dedotta mill-fatt li r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ġew issodisfatti.

    35.

    Evidentement, ftehim, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kwistjoni tal-kunsens huwa, min-natura stess tiegħu, kompost ukoll minn elementi suġġettivi, lil hinn minn rekwiżiti purament proċedurali, li jwassal għall-kwistjoni sa fejn tali elementi suġġettivi huma rregolati mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u jekk, jew aħjar sa fejn, din id-dispożizzjoni tippermetti riferiment għal-liġi nazzjonali fir-rigward tar-rekwiżiti l-oħra kollha ta’ ftehim, bħall-kapaċità legali, id-difett ta’ kunsens ( 19 ) u oħrajn ( 20 ). Il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-elementi preċiżi li jaqgħu taħt u barra mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għalhekk, sa issa, ma hijiex kompletament ċara ( 21 ).

    36.

    Madankollu, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tista’ tiġi riżolta abbażi ta’ ġurisprudenza eżistenti u, fl-opinjoni tiegħi, ma tagħtix lok għal diskussjoni ġenerali ta’ din il-linja ta’ demarkazzjoni.

    37.

    Ovvjament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni kinitx effettivament is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 28 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet u tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħi, inqis li dan huwa l-każ.

    Kunsens

    38.

    Sabiex jiġi stabbilit jekk bejn il-partijiet intlaħaqx kunsens, muri b’mod ċar u preċiż, kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 23(1) ġewx issodisfatti.

    39.

    Żewġ kwistjonijiet jitolbu eżami iktar mill-qrib, jiġifieri jekk il-forma bil-miktub preskritta fl-Artikolu 23(1)(a) ġietx issodisfatta, u jekk dan ikun il-każ, jekk id-deskrizzjoni “qrati ta’ Pariġi” hijiex preċiża biżżejjed.

    40.

    Insostni li għal dawn iż-żewġ domandi għandha tingħata risposta affermattiva.

    41.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fejn klawżola li tagħti ġurisdizzjoni hija inkluża fost il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ waħda mill-partijiet, stampata fuq wara ta’ kuntratt, ir-rekwiżit [li l-ftehim ikun bil-miktub] previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni huwa ssodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat miż-żewġ partijiet ikun fih riferiment espliċitu ( 22 ) għal dawn il-kundizzjonijiet ġenerali”. ( 23 )

    42.

    Il-Klawżola 23 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tal-predeċessur legali ta’ Alstom, li għalihom kien hemm riferiment dirett fil-kuntratt, tiddikjara b’mod ċar u inekwivoku li l-qrati ta’ Pariġi għandu jkollhom ġurisdizzjoni.

    43.

    Fir-rigward tad-domanda dwar jekk l-espressjoni “qrati ta’ Pariġi” hijiex preċiża biżżejjed, insostni li dan huwa l-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa neċessarju għal klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tiġi fformulata b’tali mod li l-qorti kompetenti tista’ tiġi ddeterminata abbażi tal-kliem tagħha biss. Huwa suffiċjenti li l-klawżola tiddikjara l-fatturi oġġettivi li abbażi tagħhom il-partijiet ikunu qablu li jagħżlu qorti jew il-qrati li quddiemhom jixtiequ jressqu tilwim li jkun qam jew li jista’ jqum bejniethom. Dawn il-fatturi, li għandhom ikunu preċiżi biżżejjed biex jippermettu lill-qorti adita tiżgura jekk għandhiex ġurisdizzjoni, jistgħu, fejn xieraq, jiġu ddeterminati miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ( 24 ). Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li hemm diversi qrati fil-konfini ta’ Pariġi li huma potenzjalment kompetenti biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bħal dik tal-każ inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Meeth ( 25 ) li l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandu l-intenzjoni li jeskludi d-dritt tal-partijiet li jaqblu dwar żewġ qrati jew iktar bil-għan li jirriżolvu kwalunkwe tilwima li tista’ tqum ( 26 ).

    44.

    Tibqa’ d-domanda dwar b’liema liġi għandu jiġi ddeterminat liema qorti ta’ Pariġi hija kompetenti. Hawnhekk nixtieq nirreferi għall-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Meeth, li fir-rigward ta’ klawżola li tindika l-qrati ta’ pajjiż iddikjara li “[j]idhirli li huwa ċar li klawżola fformulata b’dan il-mod tirreferi impliċitament għas-sistema tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni territorjali fir-rigward tal-valur [tat-talba] u s-suġġett fis-seħħ fl-Istat inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata b’mod preċiż il-qorti li quddiemha għandhom jitressqu l-proċeduri”. ( 27 ) Fis-sentenza tagħha f’dik il-kawża ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tassumi dan awtomatikament, u ma elaboratx iktar dwar il-kwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk japplika l-istess raġunament. Huwa d-dritt proċedurali Franċiż li jirregola preċiżament il-kwistjoni dwar liema qorti ta’ Pariġi hija kompetenti ( 29 ).

    Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u l-Konvenzjoni ta ’ Den Haag tal-2005

    45.

    Kif inhu magħruf sew, ir-Regolament Nru 44/2001 ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012 ( 30 ). Ir-regolament tal-aħħar ma japplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 66 tiegħu ( 31 ). Minkejja dan, minħabba li wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riformulazzjoni kien li tittejjeb l-effettività tal-ftehimiet ta’ ġurisdizzjoni, għalkemm fir-rigward tar-relazzjoni ma’ lis alibi pendens ( 32 ), nipproponi li t-test il-ġdid jingħata ħarsa ħafifa.

    46.

    L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 issa jipprovdi li, “[j]ekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.” ( 33 )

    47.

    Wieħed jista’ jsostni li din il-formulazzjoni ġdida issa tkopri l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi sostantiva, inklużi r-rekwiżiti għal ftehim, u li l-formulazzjoni l-ġdida għalhekk tipprova tirrevoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni awtonoma dwar jekk fil-fatt hemmx kunsens ( 34 ). Madankollu jiena nżomm lura milli nassumi li dan huwa l-każ. Il-kelma “sakemm” tidher li qed tirreferi għall-validità ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni li qed tiġi preżunta ( 35 ). Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni fl-istorja leġiżlattiva tar-riformulazzjoni li kienet maħsuba biex tibdel jew tinfluwenza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ( 36 ). Il-kliem li ntgħażel issa pjuttost jidher li jirrifletti l-approċċ li ħa l-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Elefanten Schuh, li skontu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni – fi kwistjonijiet mhux irregolati mid-dritt tal-Unjoni – ( 37 ) wieħed għandu jirreferi għal-liġi tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu ntgħażlu ( 38 ). B’kuntrast ma’ dan, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, wieħed għandu pjuttost ikun tal-opinjoni li din il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu ġew aditi bil-kwistjoni.

    48.

    Fi kwalunkwe każ, ma hemmx indikazzjoni f’din il-kawża li hemm dubji dwar il-validità sostantiva tal-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni. Għalhekk ma hemmx bżonn li jsir riferiment għal xi liġi sostantiva.

    49.

    Ir-raġuni prinċipali għaliex il-kliem iċċitat hawn fuq ġie miżjud ma’ dak li bħalissa huwa l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, fl-opinjoni tiegħi, hija biex dak l-artikolu jiġi allinjat mat-test tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum ( 39 ), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2015 ( 40 ). Skont l-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, “[i]l-qorti jew qrati tal-Istat Kontraenti indikat fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu tilwima li għaliha japplika l-ftehim, sakemm il-ftehim ma huwiex null u bla effett skont il-liġi ta’ dak l-Istat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 41 )

    50.

    L-Unjoni hija kemm membru tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ( 42 ) kif ukoll parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum ( 43 ). Minħabba li ż-żona koperta mill-konvenzjoni taqa’ taħt żona fejn, skont ir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2001, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha, jeżisti interess f’allinjament massimu tal-konvenzjoni u tas-sistema stabbilita mill-Unjoni f’dawn ir-regolamenti.

    51.

    B’mod iktar ġenerali, skont l-Artikolu 3(b) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-2005, ftehim dwar l-għażla tal-qrati li jindika l-qrati ta’ Stat Kontraenti jew qorti speċifika waħda jew iktar ta’ Stat Kontraenti għandu jitqies li huwa esklużiv sakemm il-partijiet ma jipprovdux espressament mod ieħor. Barra minn hekk, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-konvenzjoni ( 44 ) jindirizza b’mod speċifiku l-kwistjoni ta’ ftehim li jirreferi għall-qrati ta’ Stat b’mod ġenerali jew għal qorti speċifika waħda jew iktar fi Stat ( 45 ).

    Konklużjoni

    52.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda tal-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs) kif ġej:

    Klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ waħda mill-partijiet u li għaliha jsir riferiment fil-kuntratt bejn il-partijiet li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva u definittiva lill-qrati ta’ belt speċifika fi Stat Membru biex jirriżolvu t-tilwim li ma jistax jiġi riżolt b’mod bonarju bejn il-partijiet għandha tiġi interpretata bħala “[f]tehim [...] li jagħti ġurisdizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 3 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177, p. 6).

    ( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“predeċessur legali ta’ Alstom”.

    ( 5 ) ĠU 1972 L 299, p. 32. Konvenzjoni kif emendata minn konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri oħra ma’ din il-konvenzjoni.

    ( 6 ) Sentenza TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 7 ) Ara s-sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 19).

    ( 8 ) Ara Hess, B., Europäisches Zivilprozessrecht, C.F. Müller, Heidelberg, 2010, p. 310, punt 128.

    ( 9 ) Ara Magnus, U., f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels I Regulation, it-tieni edizzjoni, Sellier, 2012, Munich, Artikolu 23(1).

    ( 10 ) Ara wkoll il-premessa 14 tar-Regolament Nru 44/2001, li skontha “[l]-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt […] għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament”.

    ( 11 ) Ara s-sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 28).

    ( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Galeries Segoura (25/76, EU:C:1976:178, punt 6).

    ( 13 ) Fit-terminoloġija li jagħmel użu minnha Magnus, U., f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels I Regulation, it-tieni edizzjoni, Sellier, 2012, Munich, Artikolu 23(15).

    ( 14 ) Ara s-sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 25).

    ( 15 ) Ara Kropholler, J., von Hein, J., Europäisches Zivilprozessrecht, Verlag Recht und Wirtschaft, Frankfurt (Main), id-disa’ edizzjoni, 2011, Artikolu 23 EuGVO, punt 17.

    ( 16 ) Ara s-sentenzi Powell Duffryn (C‑214/89, EU:C:1992:115, punti 1314) u Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 21).

    ( 17 ) Ara s-sentenza Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 52).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata) u El Majdoub (C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 29).

    ( 19 ) Vice du consentement fit-terminoloġija legali Franċiża.

    ( 20 ) Il-kwistjoni ta’ liema liġi nazzjonali tirregola tali kwistjonijiet hija diskussa f’kitba akkademika, ara Kropholler, J., von Hein, J., Europäisches Zivilprozessrecht, Verlag Recht und Wirtschaft, Frankfurt (Main), id-9 ed., Artikolu 23 EuGVO, punt 28.

    ( 21 ) Ara, fost ħafna oħrajn, Gebauer, M., “Das Prorogationsstatut im Europäischen Zivilprozessrecht”, f’H. Kronke/ K. Thorn (ed.), Grenzen überwinden – Prinzipien bewahren, Festschrift für Bernd von Hoffmann zum 70. Geburtstag, Verlag Ernst und Werner Gieseking, Bielefeld, 2001, p. 577‑588, u b’mod partikolari p. 577.

    ( 22 ) Enfasi miżjuda.

    ( 23 ) Ara s-sentenza Estasis Saloti di Colzani (24/76, EU:C:1976:177, punt 10). Ara wkoll Torbus, A., Umowa Jurysdykcyjna w Systemie Międzynarodowego Postępowania Cywilnego, Toruń, 2012, p. 262.

    ( 24 ) Ara s-sentenza Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punt 15).

    ( 25 ) Sentenza Meeth (23/78, EU:C:1978:198).

    ( 26 ) Ara s-sentenza Meeth (23/78, EU:C:1978:198, punt 5).

    ( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Meeth (23/78, EU:C:1978:183, punt 2).

    ( 28 ) Sentenza Meeth (23/78, EU:C:1978:198).

    ( 29 ) Ara wkoll il-punt 51 iktar ’il quddiem.

    ( 30 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).

    ( 31 ) Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu japplika biss għal proċeduri legali ppreżentati fl-10 ta’ Jannar 2015 jew wara.

    ( 32 ) Ara l-premessa 22 tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni, COM(2010) 748 final, Brussell, 14.12.2010, p. 3‑4, disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0748:FIN:MT:PDF.

    ( 33 ) Enfasi miżjuda.

    ( 34 ) Din il-possibbiltà tissemma minn Magnus, U., f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels I bis Regulation, Verlag Otto Schmidt, Köln, 2016, Artikolu 23(79a), anki jekk dan l-awtur fil-fatt ma jħaddanx din l-opinjoni.

    ( 35 ) Ara wkoll Lenaerts, K., Stapper, Th., ”Die Entwicklung der Brüssel I-Verordnung im Dialog des Europäischen Gerichtshofs mit dem Gesetzgeber”, fi: 78 Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht (RabelsZ), 2014, p. 252-293, p. 282; u Magnus, U., f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels I bis Regulation, Verlag Otto Schmidt, Köln, 2016, Artikolu 25(79a).

    ( 36 ) Ara Magnus, U., f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels I bis Regulation, Verlag Otto Schmidt, Köln, 2016, Artikolu 25(79a).

    ( 37 ) Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Elefanten Schuh (150/80, EU:C:1981:112, p. 1698). Ara wkoll Mankowski, P., f’Rauscher, T. (ed.), Brüssel Ia-VO, ir-raba’ edizzjoni, Verlag Otto Schmidt, Köln, 2016, Artikolu 25(26).

    ( 39 ) Konvenzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum, disponibbli fuq https://www.hcch.net/en/instruments/conventions/full-text/?cid=98.

    ( 40 ) Jiġifieri wara d-data li fiha seħħew il-fatti ta’ din il-kawża jew id-data li fiha l-qorti nazzjonali rreferiet il-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 41 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 42 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ottubru 2006, dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (2006/719/KE), ĠU L 297, p. 1.

    ( 43 ) L-Unjoni ffirmat u rratifikat din il-konvenzjoni. Minħabba li l-Unjoni teżerċita kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati mill-konvenzjoni, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, ara l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka), huma marbuta awtomatikament b’din il-konvenzjoni permezz tar-ratifika tal-Unjoni. Bħalissa, 29 suġġett huma marbuta b’din il-konvenzjoni: l-Unjoni Ewropea, 27 mill-Istati Membri tagħha (kollha, minbarra d-Danimarka) u l-Messiku, ara https://www.hcch.net/en/instruments/conventions/status-table/?cid=98.

    ( 44 ) Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag 2005 dwar il-Ftehim dwar l-Għażla tal-Qorti ta’ Trevor Hartley u Masato Dogauchi (“ir-rapport ta’ spjegazzjoni”), disponibbli fuq https://assets.hcch.net/upload/expl37final.pdf.

    ( 45 ) Ara l-punt 103 tar-rapport ta’ spjegazzjoni: “Għalhekk ftehim li jindika ‘il-qrati ta’ Franza’ jitqies li huwa esklużiv għall-għanijiet tal-Konvenzjoni, anki jekk ma jispeċifikax liema qorti fi Franza se tisma’ l-proċeduri u anki jekk ma jeskludix b’mod espliċitu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stati oħra. F’tali każ, il-liġi Franċiża se tkun intitolata tiddeċiedi quddiem liema qorti jew qrati se titressaq l-azzjoni. Bla ħsara għal kwalunkwe regola bħal din, l-attur jista’ jagħżel kwalunkwe qorti fi Franza.”

    Fuq