Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0371

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014.
    Enrico Petillo u Carlo Petillo vs Unipol Assicurazioni SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Tivoli.
    Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE, 90/232/KEE u 2009/103/KEE — Inċident tat-traffiku — Dannu mhux materjali — Kumpens — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu metodi ta’ kalkolu relattivi għall-inċidenti tat-traffiku, inqas favorevoli għall-vittmi minn dawk previsti mis-sistema komuni tar-responsabbiltà ċivili — Kompatibbiltà ma’ dawn id-direttivi.
    Kawża C‑371/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:26

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    23 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

    “Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabblità ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE, 90/232/KEE u 2009/103/KEE — Inċident tat-traffiku — Dannu mhux materjali — Kumpens — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu metodi ta’ kalkolu relattivi għall-inċidenti tat-traffiku, inqas favorevoli għall-vittmi minn dawk previsti mis-sistema komuni tar-responsabbiltà ċivili — Kompatibbiltà ma’ dawk id-direttivi”

    Fil-Kawża C‑371/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Tivoli (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura

    Enrico Petillo,

    Carlo Petillo

    vs

    Unipol Assicurazioni SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Unipol Assicurazioni SpA, minn A. Frignani u G. Ponzanelli, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u F. Wannek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn L. Pnevmatikou, bħala aġent,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

    għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas kif ukoll minn R. Janeckaitė u A. Svinkūnaitė, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2005/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 14, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), kif emendata bid-Direttiva 2005/14 (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”, u tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Enrico u Carlo Petillo u Unipol Assicurazioni SpA (iktar ’il quddiem “Unipol”), dwar il-kumpens dovut minn din tal-aħħar, abbażi tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu subit minn Enrico Petillo minħabba inċident tat-traffiku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    2.

    “il-parti inġurjata [il-persuna li tbati d-dannu]’ tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja [tad-dannu] kkawżata minn vetturi;

    [...]”

    4

    Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

    “Kull Stat Membru għandu [...] jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu hi koperta b’assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

    5

    L-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva jistabbilixxi:

    “1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal xi garanziji ogħla li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jesiġi li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward tal-ammonti li ġejjin:

    a)

    fil-każ ta’ ħsara personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1 għal kull vittma jew EUR 5 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

    b)

    fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1 għall kull talba, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

    Jekk hemm bżonn, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14], li fiha jaddattaw l-ammonti minimi tagħhom koperti għall-ammont previsti f’dan il-paragrafu.

    Stati Membri li jistabbilixxu dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u jindikaw it-tul tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    Fi żmien 30 xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva [2005/14], l-Istati Membri għandhom iżidu l-garanziji għal mill-inqas nofs tal-livelli previsti f’dan il-paragrafu.”

    6

    L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li “l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tal-[Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.”

    7

    L-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva jipprovdi:

    “L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-[Ewwel Direttiva] għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

    8

    Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2009/103, din tal-aħħar daħlet fis-seħħ fl-20 ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-7 ta’ Ottubru 2009.

    Id-Dritt Taljan

    9

    L-Artikolu 139 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 209, tas-7 ta’ Settembru 2005, li jistabbilixxi l-kodiċi ta’ assigurazzjoni privata (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 239, tat-13 ta’ Ottubru 2005), kif emendat bid-Digriet Ministerjali tas-17 ta’ Ġunju 2011 (GURI Nru 147, tas-27 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-assigurazzjoni privata”), jipprovdi:

    “1.   Il-kumpens għal dannu fiżiku fir-rigward ta’ feriti ħfief minn inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u ta’ inġenji tal-baħar għandu jingħata skont il-kriterji u l-miżuri segwenti:

    a)

    bħala kumpens għal dannu fiżiku permanenti, fir-rigward ta’ korrimenti li jekwivalu għal [9 %] jew inqas, għandu jitħallas ammont illi jiżdied b’rata ogħla mir-rata proporzjonali għal kull punt perċentwali ta’ diżabbiltà; dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat billi tiġi applikata l-koeffiċjenti rilevanti għal kull punt perċentwali ta’ diżabbiltà skont il-korrelazzjoni indikata fil-paragrafu 6. Mill-età ta’ ħdax-il sena ’il quddiem dan l-ammont jonqos bir-rata ta’ [0,5 %] għal kull sena ta’ avvanz fl-età. Il-valur tal-ewwel punt għandu jammonta għal [EUR 759.04];

    b)

    bħala kumpens għal kull dannu fiżiku li jkun ta’ natura temporanja, għandu jitħallas ammont ta’ [EUR 44.28] għal kull jum li fih il-persuna ssofri minn diżabbiltà totali; fil-każ li d-diżabbiltà temporanja tkun inqas minn [100 %], il-kumpens għandu jkun proporzjonali għall-perċentwali tad-diżabbiltà rrikonoxxuta għal kull ġurnata.

    Il-kumpens għad-dannu fiżiku li jirriżulta minn feriti ta’ natura ħafifa kkawżati minn inċidenti tat-traffiku b’vetturi bil-mutur u minn inġenji tal-baħar għandu jiġi kkalkulat skont il-kriterji u l-miżuri li ġejjin:

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, ‘dannu fiżiku’ jfisser: il-korriment temporanju jew permanenti fiżiku jew mentali ta’ persuna, li jista’ jiġi vverifikat permezz ta’ evalwazzjoni medika-legali, u li jkollu impatt negattiv fuq l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum u fuq l-interazzjoni soċjali fil-ħajja tal-persuna li tkun korriet, irrispettivament mill-konsegwenzi fuq l-abbiltà ta’ dik il-persuna li tiġġenera dħul finanzjarju. […]

    3.   Il-qorti tista’, wara li tkun saret evalwazzjoni ġusta u motivata tal-kundizzjoni fiżika u mentali tal-persuna li tkun korriet, iżżid l-ammont ta’ kumpens għal dannu fiżiku skont il-paragrafu 1 b’mhux iżjed minn għoxrin fil-mija.

    4.   B’digriet tal-President tar-Repubblika, li jkun għadda minn deliberazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ministeru tas-Saħħa, bi qbil mal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministru tal-Attivitajiet Produttivi għandu jistabbilixxi skeda speċifika li tindika d-diversi forom ta’ indebboliment fiżiku jew mentali, li jvarjaw minn punt sa disa’ punti ta’ diżabbiltà.

    5.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati kull sena permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Attivitajiet Produttivi, b’mod proporzjonali għat-tibdil fl-indiċi nazzjonali tal-prezzijiet tal-konsumatur għall-familji tal-ħaddiema u l-impjegati kif stabbilit mill-Istituto nazionale di statistica (ISTAT).

    6.   Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1(a): għal perċentwali ta’ diżabbiltà 1, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.0; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 2, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.1; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 3, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.2; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 4, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.3; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 5, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.5; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 6, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.7; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 7, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 1.9; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 8, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 2.1; għal perċentwali ta’ diżabbiltà 9, għandu japplika koeffiċjenti multiplikatur ta’ 2.3.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-21 ta’ Settembru 2007, il-vettura misjuqa minn Mauro Recchioni ħabtet, b’wara tagħha, fil-vettura ta’ Carlo Petillo, liema vettura kienet misjuqa minn Enrico Petillo. B’konsegwenza, dan tal-aħħar sofra feriti.

    11

    C. u E. Petillo bdew proċeduri kontra Unipol, l-assiguratur ta’ M. Recchioni, quddiem it-Tribunale di Tivoli bil-għan li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà esklużiva ta’ M. Recchioni għall-okkorrenza tal-imsemmi inċident u li Unipol tiġi kkundannata għas-somma ta’ EUR 3 350 rappreżentanti d-dannu patrimonjali subit, minbarra l-ammont ta’ EUR 6 700 li diġà tħallas, kif ukoll għas-somma totali ta’ EUR 14 155.37 rappreżentanti d-dannu mhux patrimonjali subit minn E. Petillo, minflok l-ammont ta’ EUR 2 700 li diġà tħallas.

    12

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Taljan jipprovdi, fl-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili għad-danni patrimonjali u fl-Artikolu 2059 ta’ dak il-kodiċi għad-danni mhux patrimonjali, għal dritt għal kumpens sħiħ tad-danni li jirriżulta minn kważi delitt.

    13

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Taljani, id-dannu mhux patrimonjali huwa kompost minn dannu fiżiku, li jirriżulta mill-indebboliment tal-integrità mentali u/jew fiżika, minn dannu morali, li jirriżulta mit-tbatija morali kkawżata minn dan l-indebboliment, u minn danni residwi li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn ostakli għall-attivitajiet normali u ta’ kuljum, u anki tas-sodisfazzjoni personali superjuri għall-medja.

    14

    Il-Corte costituzionale ddikjarat, f’sentenza tal-2003, li d-dannu mhux patrimonjali jippreżenta struttura unitarja u ma huwiex diviż f’kategoriji jew taqsimiet. Madankollu, il-ġurisprudenza tkompli tiddistingwi bejn il-komponenti identifikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-ordinament ġuridiku Taljan iħalli lil qorti l-kompitu li tevalwa dan id-dannu.

    15

    Issa, bil-għan li jiġu limitati l-ispejjeż tas-servizzi tal-assigurazzjoni, il-leġiżlatur Taljan ippreveda, fl-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata, sistema speċifika ta’ determinazzjoni tas-somom dovuti abbażi tad-danni mhux patrimonjali subiti mill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jew inċidenti tan-navigazzjoni. Din is-sistema tipprovdi għal restrizzjonijiet fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati għal kwistjonijiet oħra u għal limitazzjoni tal-possibbiltà tal-qorti li żżid, skont il-każ inkwistjoni, l-ammont tal-kumpens għal wieħed minn ħamsa l-ammont tas-somma stabbilita abbażi tal-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, kieku d-dannu mhux patrimonjali subit minn E. Petillo kien ikkawżat mhux minn inċident tat-traffiku, dan kien jiġi vvalutat kif ġej, skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza Taljana applikabbli:

    dannu fiżiku ta’ 4 % kkawżat fuq persuna ta’ 21 sena jew iktar fil-mument tal-inċident: EUR 5 407.55;

    invalidità temporanja totali ta’ għaxart’ijiem, invalidità temporanja parzjali ta’ 50 % matul 20 jum u ta’ 25 % matul għaxart’ijiem: EUR 2 250.00, u

    dannu morali, ekwivalenti għal terz tad-dannu fiżiku: EUR 2 252.00,

    kif ukoll ammont totali ta’ EUR 10 210.00 rappreżentanti d-dannu mhux patrimonjali, minbarra l-ammont ta’ EUR 445.00 dovut abbażi tal-ispejjeż mediċi.

    17

    Issa, peress li d-dannu inkwistjoni jirriżulta minn inċident tat-traffiku, is-somma dovuta skont l-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata għandha tiġi valutata kif ġej:

    a)

    dannu fiżiku ta’ 4 % ikkważat fuq persuna ta’ 21 sena jew iktar fil-mument tal-inċident: EUR 3 729.92, u

    b)

    invalidità temporanja totali ta’ għaxart’ijiem, invalidità temporanja parzjali ta’ 50 % matul 20 jum u ta’ 25 % matul għaxart’ijiem: EUR 996.00,

    kif ukoll ammont totali ta’ EUR 4 725.00 rappreżentanti d-dannu mhux patrimonjali, minbarra l-ammont ta’ EUR 445.00 dovut abbażi tal-ispejjeż mediċi. Fil-fatt, il-kumpens tad-dannu morali huwa eskluż sa fejn dan ma huwiex previst mill-kodiċi tal-assigurazzjoni privata, anki jekk, f’dan ir-rigward, hemm żvilupp ġurisprudenzjali iktar favorevoli għall-vittmi.

    18

    L-ammonti stabbiliti permezz tad-diversi metodi ta’ kalkolu b’hekk juru, fir-rigward tal-istess dannu, differenza ta’ EUR 5 485,00. Barra minn hekk, l-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata ma jikkonferixxi l-ebda possibbiltà lill-qorti li tadatta l-valutazzjoni tagħha għal każ inkwistjoni, peress li hija obbligata li twettaq sempliċi kalkolu li jillimita s-setgħa tagħha li tiddeċiedi skont l-ekwità.

    19

    Filwaqt li tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja AELE tal-20 ta’ Ġunju 2008, Celina Nguyen vs The Norwegian State (E-8/07, EFTA Court Report 2008, p. 224), it-Tribunale di Tivoli esprima dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva kif ukoll mad-Direttiva 2009/103 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn inċident tat-traffiku, ma teskludix l-assigurazzjoni mhux patrimonjali, iżda ma tippermettix il-kumpens għad-dannu morali u tillimita l-kumpens tal-indebboliment tal-integrità mentali u/jew fiżika, meta mqabbel ma’ dak li huwa ammess fil-qasam tal-kumpens skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati nazzjonali.

    20

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata ma josservax il-prinċipju tal-kumpens sħiħ tad-dannu mhux patrimonjali, li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu ma għandha bl-ebda mod tiġi limitata skont in-natura tal-avveniment li jkun ta lok għall-indebboliment tal-integrità fiżika.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Tivoli ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lil Qorti tal-Ġustizzja:

    “Fid-dawl [tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva] u [tad-Direttiva] 2009/103/KE li jirregolaw l-assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, huwa permess li l-leġiżlazzjoni interna ta’ Stat Membru tipprovdi – permezz tal-kwantifikazzjoni obbligatorja ex lege tas-sempliċi danni li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku – limitazzjoni de facto (f’termini ta’ kwantifikazzjoni) tar-responsabbiltà għal danni mhux materjali li għandhom jitħallsu mill-persuni (kumpanniji ta’ assigurazzjoni) obbligati, skont l-istess direttivi, sabiex tiġi ggarantita l-assigurazzjoni obbligatorja għal danni kkawżati mill-użu tal-vetturi?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    22

    L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija kkontestata minn Unipol u mill-Gvern Taljan. Skont dawn tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax kif l-interpretazzjoni mitluba tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni dwar l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ntalbet l-interpretazzjoni tagħhom u lanqas dwar ir-rabta eżistenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

    23

    F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-espożizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ġiet ikkompletata mir-risposta għat-talba għal kjarifiki indirizzata lill-qorti tar-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-regoli tal-proċedura tagħha, kif ukoll mill-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tressaq din id-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għal dik id-domanda hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiemha u li, konsegwentement, dik il-kwistjoni hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    24

    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif sostnew b’mod korrett il-Gvern Ġermaniż u Spanjol, fid-dawl tad-data tal-inċident li ta lok għall-kawża prinċipali, id-Direttiva 2009/103 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, it-Tielet Direttiva ma tapplikax ratione materiae għal din il-kawża, peress li C. u E. Petillo ma jippreżentawx il-karatteristiċi tal-vittmi partikolarment vulnerabbli indirizzati minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tinftiehem bħala li hija intiża biss għall-interpretazzjoni tal-Ewwel u t-Tieni Direttiva.

    25

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sistema partikolari ta’ kumpens għad-danni mhux materjali li jirriżultaw mill-feriti ta’ natura ħafifa kkawżati minn inċidenti tat-traffiku li jillimitaw il-kumpens għal dawn id-danni meta mqabbel ma’ dak li huwa ammess fil-qasam tal-kumpens għal danni identiċi li jirriżultaw minn kawżi differenti minn dawn l-inċidenti.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-preambolu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juru li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva, kif iċċarata u kkompletata mit-Tieni u t-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Haasová, C‑22/12, punt 38).

    28

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, punt 30).

    29

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mill-għan, b’mod partikolari, tal-Ewwel, it-Tieni u t‑Tielet Direttivi, kif ukoll mill-kliem tagħhom, li huma ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is‑sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Konsegwentement, u fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haasová, punt 41, u Drozdovs, punt 32).

    31

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Ewwel u t-Tieni Direttiva (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu, b’mod partikolari, lill-Ewwel, u t-Tieni Direttiva mill-effettività tagħhom (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    B’hekk jirriżulta li l-libertà li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-metodi tal-assigurazzjoni obbligatorja ġiet limitata, b’mod partikolari, mit-Tieni Direttiva, sa fejn din irrendiet obbligatorju l-kopertura ta’ ċerti danni sal-ammonti minimi speċifikati. Fost dawn id-danni li l-kopertura tagħhom hija obbligatorja jidhru b’mod partikolari d-danni fiżiċi, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haasová, punt 46, u Drozdovs, punt 37).

    34

    Issa, mill-kunċett ta’ danni fiżiċi jirriżulta kull dannu, sa fejn il-kumpens tiegħu huwa previst mir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża, li jirriżulta minn indebboliment tal-integrità tal-persuna, li tinkludi t-tbatija kemm fiżika kif ukoll psikoloġika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haasová, punt 47, u Drozdovs, punt 38).

    35

    Konsegwentement, fost in-numru ta’ danni li għandhom jiġu kkumpensati b’mod konformi, b’mod partikolari, mal-Ewwel, u t-Tieni Direttiva, hemm ukoll id-danni mhux materjali li l-kumpens tagħhom huwa previst għalihom taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haasová, punt 50, u Drozdovs, punt 41).

    36

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, bħaċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiddetermina l-portata tad-dritt tal-vittma għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata u ma tillimitax il-kopertura tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili.

    37

    Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tad-dritt Taljan imwettqa mill-qorti tar-rinviju, dan tal-aħħar jipprevedi, minn naħa, fl-Artikolu 2059 tal-kodiċi ċivili, il-bażi tad-dritt għal kumpens tad-danni mhux materjali li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata, il-metodi għad-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal kumpens, fir-rigward tad-dannu fiżiku li jirriżulta minn feriti ta’ natura ħafifa kkawżati, b’mod partikolari, minn tali inċidenti.

    38

    Barra minn hekk, b’risposta għat-talba għal kjarifika li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-regoli tal-proċeduri tagħha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, dak li l-Gvern Taljan ikkonferma waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont id-dritt Taljan, ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata abbażi tad-danni mhux materjali subiti minn persuni minħabba inċident tat-traffiku ma tistax teċċedi l-ammonti koperti, skont l-Artikolu 139 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni privata, mill-assigurazzjoni obbligatorja.

    39

    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt id-dritt nazzjonali materjali tar-responsabbiltà ċivili li jsir riferiment għalih fl-Ewwel u t-Tieni Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Haasová, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58) u, min-naħa l-oħra, li din ma hijiex ta’ natura li tillimita l-kopertura tar-responsabbiltà ċivili inkorsa mill-persuna assigurata (ara, b’analoġija, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    40

    Jeħtieġ li jiżdied li, fir-rigward tal-kopertura obbligatorja, permezz tal-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, tad-danni materjali u fiżiċi, l-ebda element mill-proċess ma jindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprovdix għal ammonti konformi mal-minimu stabbilit fl-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva.

    41

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex l-effett li teskludi ex officio jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur.

    42

    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 74 kif ukoll 82 u 83 tal-konklużjonijiet, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, li l-Ewwel u t-Tieni Direttiva ma jimponux fuq l-Istati Membri l-għażla ta’ sistema partikolari sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt tal-vittma għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata.

    43

    Għalhekk, dawn id-direttivi ma jipprekludux, fil-prinċipju, la leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qrati nazzjonali kriterji vinkolanti għad-determinazzjoni tad-danni mhux materjali li għandhom jiġu kkumpensati u lanqas sistemi speċifiċi adattati għal inċidenti partikolari tat-traffiku, anki jekk tali sistema tkun tinkludi, għal ċerti danni mhux materjali, metodu għad-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal kumpens inqas favorevoli għall-vittma minn dak applikabbli għad-dritt għall-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti li ma humiex inċidenti tat-traffiku.

    44

    B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li, għall-evalwazzjoni tal-ammont tal-kumpens tad-dannu mhux materjali li jirriżulta minn feriti ta’ natura ħafifa, jiġu ommessi jew limitati elementi tal-kalkolu applikabbli fil-qasam tal-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti li ma humiex inċidenti tat-traffiku, ma tinċidix fuq il-kompatibbiltà mad-direttivi msemmija iktar ’il fuq ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din tal-aħħar ma għandhiex l-effett li teskludi ex officio jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma li tibbenefika minn kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, C-409/09, Ġabra p. I-4955, punt 29, u Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    45

    Issa, f’dan il-każ, il-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda element ta’ natura li jirrileva l-eżistenza ta’ tali esklużjoni ex officio jew ta’ tali limitazzjoni sproporzjonata. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmi proċess, qabel xejn, li jingħata kumpens, sussegwentement, li l-metodu tal-kalkolu iktar restrittiv previst għall-finijiet ta’ dak il-kumpens huwa applikabbli biss għad-danni li jirriżultaw minn feriti fiżiċi ta’ natura ħafifa u, finalment, li l-ammont li jirriżulta minn dan il-kalkolu huwa proporzjonat, b’mod partikolari, għall-gravità tal-feriti subiti u l-perijodu ta’ invalidità li jkun ġie kkawżat. Barra minn hekk, dik is-sistema tippermetti lill-qorti li tadatta l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata, billi tekwiprah b’żieda li tista’ tilħaq wieħed minn ħamsa tal-ammont ikkalkulat.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, stabbilita skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi, b’mod partikolari, mal-Ewwel u t-Tieni Direttiva, ma hijiex affettwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Isegwi li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal sistema partikolari ta’ kumpens għad-danni mhux materjali li jirriżultaw minn feriti ta’ natura ħafifa kkważati mill-inċidenti tat-traffiku li jillimitaw il-kumpens għal dawn id-danni meta mqabbel ma’ dak li huwa ammess fil-qasam tal-kumpens ta’ danni identiċi li jirriżultaw minn inċidenti li ma humiex inċidenti tat-traffiku.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal sistema partikolari ta’ kumpens għad-danni mhux materjali li jirriżultaw minn feriti ta’ natura ħafifa kkważati mill-inċidenti tat-traffiku li jillimitaw il-kumpens għal dawn id-danni meta mqabbel ma’ dak li huwa ammess fil-qasam tal-kumpens ta’ danni identiċi li jirriżultaw minn inċidenti li ma humiex inċidenti tat-traffiku.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq