Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0416
Judgment of the Court (Second Chamber), 13 November 2014.#Mario Vital Pérez v Ayuntamiento de Oviedo.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No 4 de Oviedo.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Equal treatment in employment and occupation — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 21 — Directive 2000/78/EC — Articles 2(2), 4(1) and 6(1) — Discrimination on grounds of age — National provision — Condition of recruitment of local police officers — Fixing of a maximum age of 30 — Justification.#Case C‑416/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014.
Mario Vital Pérez vs Ayuntamiento de Oviedo.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 4 de Oviedo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Dispożizzjoni nazzjonali – Kundizzjoni ta’ reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali – Iffissar tal-età massima għal 30 sena – Ġustifikazzjonijiet.
Kawża C‑416/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014.
Mario Vital Pérez vs Ayuntamiento de Oviedo.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 4 de Oviedo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Dispożizzjoni nazzjonali – Kundizzjoni ta’ reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali – Iffissar tal-età massima għal 30 sena – Ġustifikazzjonijiet.
Kawża C‑416/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2371
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 21 — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali — Kundizzjoni ta’ reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali — Iffissar tal-età massima għal 30 sena — Ġustifikazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑416/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Oviedo (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
Mario Vital Pérez
vs
Ayuntamiento de Oviedo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Vital Pérez, minn M. Noval Pato u I. Fernández-Jardón Fernández, avukati, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u L. Banciella Rodríguez-Miñon, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Vital Pérez u l-Ayuntamiento de Oviedo (il-Komun ta’ Oviedo, iktar ’il quddiem l-“Ayuntamiento”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li japprova avviż ta’ kompetizzjoni li jeżiġi li l-kandidati għall-pożizzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali ma jkollhomx iktar minn 30 sena. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 18, 23 u 25 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-iskop tagħha huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, sabiex jiġi implementat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jispeċifika: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:
|
7 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.” |
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi: […]
[…]” |
Id-dritt Spanjol
9 |
Fi Spanja, kull waħda mis-17-il komunità awtonoma adottat liġijiet jew regolamenti dwar l-istatut tal-pulizija lokali, li huma differenti fir-rigward tal-età massima biex wieħed jidħol f’din il-professjoni. Fil-fatt, filwaqt li ċerti liġijiet jiffissaw l-età għal 30 sena jew iktar, oħrajn ma jistabbilixxu l-ebda limitu. |
10 |
L-Artikolu 18(6) tal-Liġi 2/2007 tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat ta’ Asturias, dwar il-koordinazzjoni tal-pulizija lokali (Ley 2/2007 de Coordinación de las Policías Locales de la Comunidad Autonóma del Principado de Asturias), tat-23 ta’ Marzu 2007, (BOE Nru 169, tas-16 ta’ Lulju 2007), jispeċifika l-funzjonijiet tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali bħala s-segwenti: “Għajnuna liċ-ċittadini, protezzjoni ta’ persuni u oġġetti, arrest u sorveljanza ta’ min iwettaq atti kriminali, ronda għall-iskop preventiv, kontroll tat-traffiku, u kull funzjoni simili oħra li tingħata mis-superjuri relattivi”. |
11 |
L-Artikolu 32(b) ta’ din il-liġi jistabbilixxi b’mod partikolari bħala kundizzjoni ġenerali għad-dħul fil-korp tal-pulizija lokali: “[…]
|
12 |
Il-Liġi 2/2007 ġiet adottata abbażi tal-kompetenzi li l-Kostituzzjoni Spanjola tagħti lill-komunitajiet awtonomi, fil-kuntest tal-Liġi Qafas Nru 2/1986, dwar il-forzi u l-korpi ta’ sigurtà (Ley Orgánica 2/1986 de Fuerzas y Cuerpus de Seguridad), tat-13 ta’ Marzu 1986 (BOE Nru 63, tal-14 ta’ Marzu 1986). |
13 |
L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Qafas Nru 2/1986 jistabbilixxi għall-forzi u l-korpi ta’ sigurtà tal-Istat il-funzjonijiet segwenti: “Il-forzi u l-korpi ta’ sigurtà tal-Istat għandhom l-għan li jipproteġu l-eżerċitar liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet u li jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċittadini billi jissodisfaw il-funzjonijiet segwenti:
|
14 |
L-Artikolu 53(1) tal-Liġi Qafas Nru 2/1986, li tistabbilixxi l-funzjonijiet stabbiliti għall-korpi tal-pulizija lokali, huwa redatt kif ġej: “Il-korpi tal-pulizija lokali jeżerċitaw il-funzjonijiet segwenti:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 |
Fit-8 ta’ April 2013, M. Vital Pérez ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013 tal-Ayuntamiento li tapprova l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni intiż biex jimtlew ħmistax-il pożizzjoni ta’ membru fil-korp tal-pulizija lokali. |
16 |
M. Vital Pérez jikkontesta l-legalità tal-Punt 3.2 tal-imsemmi avviż ta’ kompetizzjoni li jeżiġi li l-kandidati ma jkollhomx iktar minn 30 sena. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, dan ir-rekwiżit jikser id-dritt fundamentali tiegħu, stabbilit mill-Kostituzzjoni Spanjola u mid-Direttiva 2000/78, li jkollu aċċess, f’kundizzjonijiet ugwali, għall-funzjonijiet pubbliċi. |
17 |
M. Vital Pérez jitlob l-annullament tal-imsemmi Punt 3.2 peress li dan jinkludi kundizzjoni li la hija fondata u lanqas iġġustifikata għaliex il-kundizzjoni fiżika adegwata għall-eżerċitar tal-funzjonijiet hija ggarantita mit-testijiet fiżiċi meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, huwa jindika li, skont il-Punt 3.5 tal-imsemmi avviż, il-kandidati għandhom “ikollhom il-kundizzjoni fiżika u psikika adegwata biex jeżerċitaw il-funzjonijiet proprji għall-impjieg u biex jgħaddu t-testijiet fiżiċi” speċifikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
18 |
M. Vital Pérez josserva li d-digrieti jew liġijiet differenti maħruġa mill-komunitajiet awtonomi jew ma jiffissaw l-ebda limitu ta’ età (Andalucía, Aragón, Islas Baleares, Castilla-La Mancha, Cataluña, Islas Canarias jew Extremadura) jew jiffissaw l-età għal 35 sena (País Vasco) jew 36 sena (Galicia u Valencia). |
19 |
L-Ayuntamiento jsostni li, billi ffissa tali kundizzjoni ta’ età, huwa sempliċement osserva l-Liġi 2/2007. Barra minn hekk, huwa bbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 biex jiġġustifika din il-miżura u, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet favur l-imsemmija kundizzjoni fis-sentenza Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3). |
20 |
Filwaqt li tenfasizza li t-Tribunal Supremo, fis-sentenzi tiegħu tal-21 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Ottubru 2011, annulla l-liġijiet li kienu jistabbilixxu l-esklużjoni tal-kandidati ta’ iktar minn 30 sena għall-kompetizzjoni ġenerali ta’ spettur kadett tal-korp tal-pulizija nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjoni tal-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tissodisfa l-kriterju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, din il-qorti ssostni li jeżistu mezzi inqas mandatorji mill-iffissar tal-età massima li jippermettu li jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri li l-membri tal-korp tal-pulizija lokali jkollhom il-kundizzjoni fiżika speċjali meħtieġa biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Issa, it-twettiq tat-testijiet fiżiċi impenjattivi jikkostitwixxi preċiżament kundizzjoni speċifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni. |
21 |
Din il-qorti tqis ukoll li l-kundizzjonijiet fiżiċi mitluba biex persuni jiġu aċċettati bħala membri tal-korp tal-pulizija lokali ma jistgħux jitqabblu mal-“kapaċitajiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja” mitluba fil-każ tal-pompiera, minħabba n-natura differenti tal-funzjonijiet tagħhom, b’tali mod li s-sentenza Wolf (EU:C:2010:3) ma tistax tapplika direttament f’din il-kawża. |
22 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo Nru°4 de Oviedo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78[…], kif ukoll l-Artikolu 21(1) [tal-Karta], sa fejn jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jipprekludu l-iffissar, skont avviż ta’ kompetizzjoni muniċipali li japplika espressament liġi reġjonali ta’ Stat Membru, ta’ età massima ta’ 30 sena sabiex persuna taċċedi għal pożizzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali?” |
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
23 |
Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78. |
24 |
Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età li għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ġie kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (sentenzi Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21, kif ukoll Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 38). |
25 |
Minn dan isegwi li, meta adita b’domanda preliminari li s-suġġett tagħha hija l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kif stabbilit bl-Artikolu 21 tal-Karta, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwu u amministrazzjoni pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talba biss fid-dawl ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt, C‑132/11, EU:C:2012:329, punti 21 sa 23). |
Fuq id-domanda preliminari
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima għal reklutaġġ ta’ membri fil-korp tal-pulizija lokali. |
27 |
Sabiex id-domanda magħmula tingħata risposta, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, jekk iva, jekk tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età li jista’, skont il-każ, jitqies bħala ġustifikat fid-dawl tal-imsemmija direttiva. |
28 |
Għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura trattament ugwali “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol” lil kull persuna, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża l-età (sentenzi Hütter, C-88/08, EU:C:2009:381, punt 33, kif ukoll Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 26). |
29 |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, mill-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inkluż l-organi pubbliċi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni ta’ aċċess għall-impjieg, għall-attivitajiet li jirrigwardaw persuni li jaħdmu għal rashom jew għax-xogħol, inkluż il-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, irrispettivament mill-qasam ta’ attività u għal-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali. |
30 |
Billi jistabbilixxi li l-persuni li għandhom iktar minn 30 sena ma jistgħux jidħlu fil-korp tal-pulizija lokali, l-Artikolu 32(b) tal-Liġi 2/2007 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema. Għalhekk, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha titqies bħala li tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
31 |
Minn dan isegwi li din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. |
32 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxix trattament differenti abbażi tal-età, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. |
33 |
L-applikazzjoni tal-Artikolu 32(b) tal-Liġi 2/2007 għandha l-effett li ċerti persuni huma ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sempliċement għaliex qabżu l-età ta’ 30 sena. Leġiżlazzjoni ta’ din in-natura evidentement tistabbilixxi trattament differenti bbażat direttament fuq l-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
34 |
Għad irid jiġi vverifikat jekk tali trattament differenti jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikoli 4(1) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
35 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni “differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-Direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.” |
36 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li ma huwiex il-motiv li fuqu huwa bbażat it-trattament differenti, iżda karatteristika marbuta ma’ dan il-motiv li għandu jikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinati (ara s-sentenzi Wolf, EU:C:2010:3, punt 35, kif ukoll Prigge et, EU:C:2011:573, punt 66). |
37 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-pusses ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari hija karatteristika marbuta mal-età (sentenzi Wolf, EU:C:2010:3, punt 41, kif ukoll Prigge et, EU:C:2011:573, punt 67). |
38 |
F’din il-kawża, mill-Artikolu 18(6) tal-Liġi 2/2007 jirriżulta li l-funzjonijiet tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali jinkludu b’mod partikolari l-għajnuna għaċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, l-arrest u s-sorveljanza tal-awturi ta’ fatti kriminali, ir-ronda għal skop preventiv u l-kontroll tat-traffiku. |
39 |
Għalkemm huwa minnu li wħud minn dawn il-funzjonijiet, bħall-għajnuna għaċ-ċittadini jew il-kontroll tat-traffiku ma jidhirx li jeħtieġu impenn fiżiku sinjifikattiv, xorta jibqa’ l-fatt li l-funzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ persuni u ta’ beni, l-arrest u s-sorveljanza tal-awturi tal-fatti kriminali kif ukoll ir-ronda għal skop preventiv jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika. |
40 |
In-natura ta’ dawn l-aħħar funzjonijiet timplika ħtieġa fiżika partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi matul it-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi mhux biss għall-membri tal-korp tal-pulizija stess u għal terzi, iżda wkoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prigge et, EU:C:2011:573, punt 67). |
41 |
Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala “karatteristika [li] tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti]”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, biex titwettaq il-professjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali. |
42 |
Fir-rigward tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol indika li, bl-iffissar tal-limitu tal-età għal 30 sena għall-aċċess fil-korp tal-pulizija lokali, il-Liġi 2/2007 trid tiggarantixxi n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb ta’ dan il-korp ta’ pulizija, billi tiżgura li l-uffiċjali li għadhom kemm ġew reklutati jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-itqal inkarigi mill-perspettiva fiżika matul perijodu relattivament twil tal-karriera tagħhom. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 18 tad-Direttiva 2000/78 tippreċiża li din ma jistax ikollha bħala effett li tobbliga lis-servizzi ta’ pulizija biex jirreklutaw jew biex iżommu fl-impjieg tagħhom persuni li ma għandhomx il-kapaċitajiet meħtieġa biex jissodisfaw il-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jintalbu jwettqu fid-dawl tal-għan leġittimu li jżommu n-natura operattiva ta’ dawn is-servizzi. |
44 |
Għalhekk, jidher li l-interess li jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ pulizija jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wolf, EU:C:2010:3, punt 39). |
45 |
Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-iffissar ta’ tali limitu ta’ età, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali imponietx rekwiżit proporzjonali, jiġifieri jekk dan il-limitu huwiex xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa f’“ċirkostanżi limitati ħafna” li trattament differenti jista’ jiġi ġġustifikat meta karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mal-età tkun tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. |
47 |
Barra minn hekk, sa fejn jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat b’mod ristrett (sentenza Prigge et, EU:C:2011:573, punt 72). |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, il-kapaċitajiet fiżiċi partikolari meħtieġa għat-twettiq tal-funzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali humiex neċessarjament marbuta ma’ grupp ta’ età partikolari u li ma jinsabux f’persuni lil hinn minn ċertu età. |
49 |
Sabiex issir din il-verifika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin. |
50 |
L-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm differenza manifesta bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi dwar il-membri tal-korp tal-pulizija lokali fir-rigward tal-iffissar tal-età massima biex wieħed jidħol f’din il-professjoni. Fil-fatt, ċerti leġiżlazzjonijiet jiffissaw l-età għal 30 sena jew iktar (35 sena, 36 sena jew 40 sena), filwaqt li komunitajiet awtonomi oħra għażlu li ma jiffissaw l-ebda limitu. |
51 |
It-tieni nett, fir-risposta tiegħu għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol ikkonferma li l-kundizzjoni dwar l-età massima ta’ 30 sena biex persuna jkollha aċċess għall-funzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija nazzjonali — li l-inkarigi tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Liġi 2/1986 huma simili għal dawk mogħtija lill-pulizija lokali — tneħħiet. |
52 |
It-tielet nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, fis-sentenza Wolf (EU:C:2010:3, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li hemm natura proporzjonali f’miżura li tiffissa l-età massima ta’ reklutaġġ għal 30 sena fil-kuntest ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju ta’ pompiera għaliex tali limitu huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz ikkonċernat. |
53 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni biss wara li kkonstatat, fuq il-bażi ta’ data xjentifika li ngħatatilha, li ċerti inkarigi mogħtija lill-membri tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, bħal pereżempju l-ġlieda kontra n-nirien, jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi “eċċezzjonalment għolja” u li minoranza żgħira ħafna ta’ uffiċjali ta’ età iktar minn 45 sena għandhom il-kapaċitajiet fiżiċi biex iwettqu tali attività. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, reklutaġġ ta’ persuni b’età avvanzata għandu l-konsegwenza li numru kbir wisq ta’ uffiċjali ma jkunux jistgħu jiġu assenjati għall-inkarigi l-iktar impenjattivi fuq il-livell fiżiku. Bl-istess mod, tali reklutaġġ ma jippermettix li l-uffiċjali hekk reklutati jiġu assenjati għal tul biżżejjed twil għall-imsemmija inkarigi. Fl-aħħar nett, l-organizzazzjoni raġonevoli ta’ korp ta’ pompiera professjonali teħtieġ, għas-servizz tekniku intermedjarju, korrelazzjoni bejn il-pożizzjonijiet fiżiċi impenjattivi u mhux adattati għall-uffiċjali ta’ ċertu età u l-pożizzjonijiet inqas impenjattivi fiżikament u adattati għal dawn l-uffiċjali (sentenza Wolf, EU:C:2010:3, punti 41 u 43). |
54 |
Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-inkarigi mogħtija lill-membri tal-korp tal-pulizija lokali, kif deskritti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-kapaċitajiet li għandhom ikollhom dawn il-membri tal-korp sabiex ikunu f’pożizzjoni li jwettqu wħud minn dawn l-inkarigi ma humiex dejjem paragunabbli mal-kapaċitajiet fiżiċi “eċċezzjonalment għolja” meħtieġa sistematikament mill-pompiera b’mod partikolari fil-ġlieda kontra n-nirien. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie indikat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-Punt 3.5 tal-avviż ta’ kompetizzjoni intiż għar-reklutaġġ ta’ membri fil-korp tal-pulizija lokali tal-Ayuntamiento jistabbilixxi li l-kandidati għal dawn il-postijiet għandhom “ikollhom il-kundizzjoni fiżika u psikika adegwata biex jeżerċitaw il-funzjonijiet proprji għall-impjieg u biex jgħaddu t-testijiet fiżiċi”, speċifikati f’dan l-avviż. Dawn huma testijiet fiżiċi impenjattivi u eliminatorji li, skont il-qorti tar-rinviju, jippermettu li jintlaħaq l-għan li l-membri tal-korp tal-pulizija lokali jkollhom il-kundizzjoni fiżika speċjali meħtieġa biex iwettqu l-professjoni tagħhom b’mod inqas vinkolanti mill-iffissar ta’ età massima. |
56 |
Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub li ġew ippreżentati lilha li jippermetti li jiġi sostnut li l-għan li jiġu ggarantiti n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korpi tal-pulizija lokali jeżiġi li tinżamm ċerta struttura ta’ etajiet fi ħdanhom, li timponi li jirreklutaw esklużivament lil uffiċjali ta’ età inqas minn 30 sena. |
57 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, billi ffissat tali limitu tal-età, il-Liġi 2/2007 imponiet rekwiżit sproporzjonat. |
58 |
Konsegwentement, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2007/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima għar-reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali. |
59 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprovdi li trattament differenti abbażi tal-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, meta, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, ikun objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu marbut, b’mod partikolari, mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, u meta l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. It-tieni subparagrafu (ċ) tal-istess paragrafu, li tirreferi għalih espressament il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, jipprovdi li dan it-trattament differenti jista’ jinkludi “l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.” |
60 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar l-età massima ta’ 30 sena għall-aċċess għall-funzjoni ta’ membru fil-korp tal-pulizija lokali, kif jirriżulta mill-Artikolu 32(b) tal-Liġi 2/2007, hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex xierqa u neċessarji. |
61 |
Fil-kawża prinċipali, il-Liġi 2/2007 ma tinkludi l-ebda riferiment għall-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 32(b) tagħha. |
62 |
Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li nuqqas ta’ preċiżazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-għan imfittex, ikollu l-effett li jeskludi awtomatikament li din tal-aħħar tkun tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa meħtieġ li elementi oħra, misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tan-natura leġittima tagħha kif ukoll tan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenzi Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 58). |
63 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li għalkemm il-Gvern Spanjol invoka struttura tal-etajiet ibbilanċjati bħala għan tal-miżura inkwistjoni, mill-atti tal-proċess mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li din il-miżura hija madankollu intiża li tippromwovi impjiegi ġodda. Għalhekk, ma tistax titqies bħala ta’ natura li tiffavorixxi għanijiet ta’ politika tal-impjieg fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
64 |
Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jirriżulta, fid-dawl tal-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għall-kawża prinċipali, li l-kundizzjoni tal-età prevista fil-Liġi 2/2007 hija bbażata fuq ir-rekwiżit tat-taħriġ meħtieġ għall-pożizzjoni kkonċernata u fuq il-ħtieġa ta’ perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar jew it-tranżitu lejn attività oħra. |
65 |
Sa fejn l-imsemmija għanijiet jinsabu fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, dawn huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, hekk kif jipprovdi dan l-Artikolu 6(1), trattament differenti bbażat fuq l-età. |
66 |
Għad irid jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji. |
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi. Madankollu din il-marġni ta’ diskrezzjoni ma tistax ikollha l-effett li telimina mis-sustanza tagħha l-implementazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età (sentenzi Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51, u Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 33). |
68 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għan dwar it-taħriġ meħtieġ għall-pożizzjoni fil-korp tal-pulizija lokali, mill-Punt 7 tal-avviż ta’ kompetizzjoni approvat mill-Ayuntamiento jirriżulta li, qabel id-dħul fis-servizz, il-kandidati magħżula ta’ din il-kompetizzjoni għandhom iwettqu perijodu ta’ “taħriġ selettiv” li t-tul tiegħu huwa stabbilit mill-akkademja reġjonali tal-pulizija lokali jew mill-Ayuntamiento. |
69 |
L-Artikolu 36 tal-Liġi 2/2007, l-unika dispożizzjoni ta’ din il-liġi li għandha bħala għan it-taħriġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali, sempliċement jindika li l-akkademja ta’ sigurtà pubblika tal-Prinċipat ta’ Asturia “tiżgura t-taħriġ […], il-promozzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni” tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali, mingħajr ma tippreċiża l-karatteristiċi tat-taħriġ inkwistjoni. |
70 |
Issa, l-ebda element sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-limitu tal-età ta’ reklutaġġ huwa xieraq u neċessarju fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat it-taħriġ tal-membri tal-persunal ikkonċernati. |
71 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għan li jiġi żgurat perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-età tal-irtirar tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali hija ffissata għal 65 sena. Anki jekk il-qorti tar-rinviju tirreferi għal passaġġ lejn attività oħra fl-età ta’ 58 sena, din hija possibbiltà offruta, fuq talba tagħhom, lill-membri tal-korp tal-pulizija lokali, li barra minn hekk ma taffettwax l-età tal-irtirar. |
72 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima ta’ reklutaġġ għall-membri tal-korp tal-pulizija lokali, ma tistax titqies bħala neċessarja sabiex tiżgura għall-imsemmija membri tal-korp perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar fis-sens tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Il-fatt li l-età “normali” tal-irtirar li tirriżulta mis-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali hija ta’ 67 sena huwa irrilevanti f’dan ir-rigward |
73 |
Għalhekk, it-trattament differenti li jirriżulta minn dispożizzjoni bħall-Artikolu 32(b) tal-Liġi 2/2007 ma jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima għal reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima għal reklutaġġ tal-membri tal-korp tal-pulizija lokali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol