Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CP0334
View of Advocate General Mengozzi delivered on 21 November 2012.#Oscar Orlando Arango Jaramillo and Others v European Investment Bank (EIB).#Review of the judgment in Case T‑234/11 P — Action for annulment — Admissibility — Time-limit for bringing proceedings — Time-limit not set by a provision of EU law — Concept of ‘reasonable period’ — Interpretation — Obligation on the Courts of the European Union to take account of the particular circumstances of each case — Right to an effective legal remedy — Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union — Whether the consistency of EU law is affected.#Case C‑334/12 RX‑II.
Teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2012.
Oscar Orlando Arango Jaramillo et vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-234/11 P — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Terminu tar-rikors — Terminu mhux stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Kunċett ta’ ‘terminu raġonevoli’ — Interpretazzjoni — Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża — Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C‑334/12 RX-II.
Teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2012.
Oscar Orlando Arango Jaramillo et vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-234/11 P — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Terminu tar-rikors — Terminu mhux stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Kunċett ta’ ‘terminu raġonevoli’ — Interpretazzjoni — Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża — Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C‑334/12 RX-II.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:733
TEĦID TA’ POŻIZZJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI
PAOLO MENGOZZI
ppreżentata fil-21 ta’ Novembru 2012 ( 1 )
Kawża C-334/12 RX-II
Oscar Orlando Arango Jaramillo et
vs
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-234/11 P — Ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament — Terminu raġonevoli — Interpretazzjoni — Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża — Terminu ta’ dekadenza — Rimedju ġudizzjarju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”
I – Introduzzjoni
1. |
Bid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Lulju 2012 ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appelli) tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI ( 3 ). Din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, wara l-proposta magħmula mill-Ewwel Avukat Ġenerali tagħha, li tibda l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ( 4 ). |
2. |
Skont id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ domandi speċifiċi li għandhom jiġu eżaminati. |
3. |
Minn naħa, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali inkwantu qorti tal-appell, interpretatx korrettament il-kunċett ta’ terminu raġonevoli, fil-kuntest ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament minn membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kontra att maħruġ minn dan tal-aħħar li jippreġudikahom, bħala terminu li l-iskadenza tiegħu timplika n-natura tardiva u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku. |
4. |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). |
5. |
Fil-każ li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jkunu vvizzjati bi żball ta’ liġi, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 titlob li jiġi vverifikat jekk, u, fejn xieraq, sa fejn, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 256(2) TFUE u tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
6. |
Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, għandu jiġi mfakkar fil-qasir li d-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 ġiet adottata fil-kuntest taċ-ċaħda, inizjalment fl-ewwel istanza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem, it-“TSP”), imbagħad ikkonfermata fuq appell mill-imsemmija sentenza, tar-rikors għal annullament ippreżentat minn grupp ta’ membri tal-persunal tal-BEI kontra r-rendikonti tar-remunerazzjoni rispettivi tagħhom, minħabba tardività, peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, u ftit sekondi. |
7. |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tistabbilixxi t-termini għall-preżentata ta’ rikors applikabbli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, il-Qorti Ġenerali, bħalma għamel it-TSP qabilha fid-digriet li tressaq quddiemu, fl-ewwel parti tar-raġunament tagħha, fakkret il-ġurisprudenza li tissuġġetta l-preżentata ta’ tali rikorsi għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli, li għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża ( 6 ). |
8. |
Peress li qieset, madankollu, fil-punt 26 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) joffri “punt ta’ tqabbil rilevanti” mar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra atti ta’ dan tal-aħħar li jippreġudikawhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 27 tal-istess sentenza u billi bbażat ruħha fuq xi wħud mis-sentenzi preċedenti tagħha ( 7 ), li l-osservanza ta’ tali terminu għandha, bħala regola ġenerali, titqies bħala raġonevoli. |
9. |
Dejjem fil-punt 27 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, imfakkar fil-punt 9 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, minn dawn id-deċiżjonijiet il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni “a contrario [...] li r-rikorsi kollha ppreżentati minn membru tal-persunal tal-BEI wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandhom, bħala regola ġenerali jitqiesu li ġew ippreżentati f’terminu li ma huwiex raġonevoli”. Din l-interpretazzjoni a contrario, tkompli l-Qorti Ġenerali, hija ammissibbli “meta tkun biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”. |
10. |
Il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet, waħda waħda, l-eċċezzjonijiet kollha invokati mill-appellanti. |
11. |
Huwa b’dan il-mod li, fil-punt 30 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali qieset bħala infondata l-kritika tal-appellanti li t-TSP issostitwixxa n-natura flessibbli u miftuħa għall-ibbilanċjar konkret tal-interessi kkonċernati, bin-natura stretta u ġeneralizzata tal-osservanza ta’ terminu fiss ta’ tliet xhur, għaliex it-TSP sempliċement applika “regola tad-dritt […] li tirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza [ċċitata fil-punt 27 tas-sentenza]”. Skont il-Qorti Ġenerali, din ir-regola tapplika b’mod speċifiku l-osservanza tat-terminu raġonevoli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li jixxiebhu ħafna mal-kontenzjuż li jikkonċerna l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u “[b]arra minn hekk, huwa bbażat fuq preżunzjoni ġenerali li t-terminu ta’ tliet xhur huwa, bħala regola ġenerali, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal tal-BEI li jevalwaw il-legalità tal-atti tal-imsemmi bank li jippreġudikawhom u sabiex iħejju, fejn ikun il-każ, ir-rikorsi tagħhom”, mingħajr ma hija “tobbliga [...] lill-qorti tal-Unjoni li għandha tapplikaha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, li tibbilanċja konkretament l-interessi kkonċernati”. |
12. |
Il-Qorti Ġenerali żviluppat raġunament identiku fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 li qed tiġi eżaminata mill-ġdid sabiex tiċħad it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni invokati mill-appellanti, għar-raġuni li l-applikazzjoni tar-regola ta’ dritt esposta fil-punt 27 tas-sentenza tagħha hija bbażata “fuq l-implementazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali”“mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku”. |
13. |
Kif huwa osservat ukoll fil-punt 11 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali reġgħet fakkret, fil-punt 39 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, li “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza” tissodisfa, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ ċertezza legali, sabiex tiġi miċħuda l-eċċezzjoni tal-appellanti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li dawn tal-aħħar, b’mod partikolari, kienu jafu kompletament bl-eżistenza tar-regola (li tirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza) u tal-effetti tagħha fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom. |
14. |
Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ntalbu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-kwistjonijiet identifikati fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012. L-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-BEI, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
15. |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-1 ta’ Novembru 2012 ( 8 ), il-kawża ngħatat lill-Awla għall-Eżami mill-Ġdid maħtura skont l-Artikolu 191 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura. |
II – Fuq l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012
A – Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ
16. |
Filwaqt li l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li terminu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, il-BEI, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma opposta. |
17. |
Minn dawn it-tliet partijiet ikkonċernati, jista’ jiġi osservat, b’mod rilevanti, li hija l-Kummissjoni li tidher li tiżviluppa l-argumentazzjoni l-iktar riġida fis-sens li hija fil-fatt intiża sabiex tikkontesta l-premessa nfisha tas-suġġett tal-ewwel motiv ta’ eżami mill-ġdid indikat fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012. Fil-fatt, billi ssostni li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra att ta’ dan tal-aħħar għandu, essenzjalment għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ikun b’mod obbligatorju ta’ natura imperattiva ( 9 ) jew, fi kliem ieħor, għandu jikkostitwixxi “terminu strett ta’ dekadenza” ( 10 ), kif sostniet il-Qorti Ġenerali mhux mingħajr ċerta ambigwità, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex indispensabbli li tittieħed deċiżjoni fuq il-punt jekk il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” jistax jiġi interpretat, kif qieset il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ speċifiku, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx tali sitwazzjoni ( 11 ). |
18. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment tosserva li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 15 tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 hija marbuta mat-terminu raġonevoli tal-proċeduri amministrattivi u ma tikkostitwixxix għaldaqstant kriterju ta’ referenza li fid-dawl tiegħu għandha tiġi eżaminata n-natura koerenti tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 rigward it-termini għall-preżentata ta’ rikorsi ġudizzjarji. |
19. |
Minkejja li ħa pożizzjoni kemmxejn iktar sfumata, il-BEI huwa essenzjalment tal-istess fehma. Huwa jżid li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni legali tal-membri tal-persunal tal-BEI hija identika għal dik tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u dan jiġġustifika b’mod sħiħ l-applikazzjoni b’mod analogu għar-rikorsi tal-imsemmija membri tal-persunal tat-terminu ta’ tliet xhur li jirregola l-preżentata tar-rikorsi għal annullament tal-imsemmi persunal kontra atti ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jippreġudikawhom. Barra minn hekk, il-BEI josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà mliet il-lakuni, preżenti fit-Trattat KEE, rigward il-locus standi tal-Parlament Ewropew, billi użat il-metodu tal-analoġija, mingħajr, madankollu, ma ssuġġettat tali kapaċità għall-osservanza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors iktar flessibbli minn dak applikabbli għall-istituzzjonijiet l-oħra. Finalment, billi stabbiliet terminu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 segwiet, skont il-BEI, linja ta’ ġurisprudenza li hija bbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-membri tal-persunal tal-BEI u tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fuq is-salvagwardja taċ-ċertezza legali u fuq il-prinċipju li t-termini għall-preżentata ta’ rikors la huma fid-dispożizzjoni tal-qorti u lanqas tal-partijiet. |
20. |
Min-naħa tiegħi, inqis li għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin rigward l-ewwel motiv tal-eżami mill-ġdid. |
21. |
Qabel xejn, huwa ċar li l-premessa tal-eżami mill-ġdid hija bbażata fuq l-ommissjoni min-naħa tal-BEI, li għall-bqija hija disprezzabbli għaliex imtawwla u mingħajr spjegazzjoni, li jistabbilixxi, fir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu, terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni t-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu. |
22. |
Fil-preżenza tas-silenzju tat-testi, il-Qorti Ġenerali diġà pprovat, fil-passat, timla tali lakuna proċedurali billi tirreferi, kif fakkret fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, għall-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ raġunijiet għalfejn imtliet din il-lakuna permezz tat-terminu raġonevoli. |
23. |
Fl-ewwel lok, dan huwa bbażat fuq it-tqassim tal-kompetenzi. Fil-fatt, irrispettivament minn dak li jgħidu l-BEI u l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-kostitwent, il-leġiżlatur jew is-setgħa regolatorja billi tistabbilixxi ex officio, b’deċiżjoni ġudizzjarja, terminu fiss li mal-iskadenza tiegħu l-individwi, f’dan il-każ il-membri tal-persunal tal-BEI, jiddekadu mill-eżerċizzju tad-dritt tagħhom. Tali approċċ min-naħa tal-qorti tal-Unjoni fil-fatt jirrifletti l-osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha, peress li s-silenzju tal-kostitwent, tal-leġiżlatur jew tas-setgħa regolatorja neċessarjament jimplika, għall-bqija, inċertezzi rigward l-interpretazzjoni tal-preżunta intenzjoni tiegħu kif ukoll, preċiżament, tar-raġunijiet li wassluh sabiex iżomm is-silenzju fuq l-iffissar ta’ terminu speċifiku għall-preżentata ta’ rikors. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi deċiż li d-dekadenza, sa fejn hija tillimita l-fakultà tal-parti kkonċernata li tressaq kull prova neċessarja sabiex jintlaqgħu t-talbiet tagħha, tista’ tiġi ammessa biss jekk hija s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni espliċita jew mhux ekwivoka ( 12 ). |
24. |
Din l-ewwel spjegazzjoni, jiġifieri ċ-ċaħda tal-istabbiliment ta’ terminu fiss ta’ dekadenza mill-qorti, ma tispjegax kompletament l-użu minn din tal-aħħar tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli. It-tieni raġuni hija ċ-ċaħda ta’ dritt għal rikors li huwa llimitat fiż-żmien favur l-individwi għaliex ir-relazzjonijiet legali ma jistgħux jiġu kkontestati b’mod indefinittiv. |
25. |
Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, li ma huwiex is-suġġett tal-eżami mill-ġdid kif iddefinit permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, l-użu mill-qorti tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” jippermetti l-konċiljazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt tal-parti fil-kawża għal rimedju ġudizzjarju effettiv, li jimplika li din tkun tista’ jkollha żmien biżżejjed sabiex tevalwa l-legalità tal-att li jippreġudikaha u tħejji, fejn xieraq, ir-rikors tagħha, u min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jitlob li, wara l-iskadenza ta’ ċertu terminu, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni jsiru definittivi ( 13 ). |
26. |
Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxi l-BEI, l-applikazzjoni tat-terminu raġonevoli ma tfissirx il-kontestazzjoni indefinita tal-legalità tal-atti li huwa jadotta, għaliex tali applikazzjoni hija intiża preċiżament sabiex tevita li l-qorti tal-Unjoni teżamina l-mertu ta’ rikors ippreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli. |
27. |
Jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ terminu tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku. |
28. |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex valida biss, kif isostnu l-BEI u l-Kummissjoni, fir-rigward tat-tul tal-proċeduri amministrattivi. Hija tgħodd ukoll, fil-preżenza tas-silenzju tat-testi, fir-rigward tal-preżentata ta’ rikorsi ġudizzjarji. |
29. |
Huwa b’dan il-mod li, bid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2010 ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-proposta ta’ eżami mill-ġdid tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni ( 15 ), fejn il-Qorti Ġenerali applikat id-duttrina tat-terminu raġonevoli, stabbilit fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, billi kkonfermat, fl-appell, l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ex uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu f’terminu li huwa iqsar mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dan it-terminu msemmi l-aħħar, fil-preżenza tas-silenzju tat-testi applikabbli għat-tilwimiet bejn l-uffiċjali u l-istituzzjoni li huma jiddependu minnha, ġie meqjus bħala element ta’ xebh rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrent mingħajr ma jikkostitwixxi, madankollu, limitu riġidu u li ma jistax jinkiser ( 16 ). |
30. |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-ammissibbiltà tat-talbiet għal irkupru tal-ispejjeż sostnuti quddiem il-qorti tal-Unjoni, minn naħa, taħt piena ta’ dekadenza, għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli bejn l-għoti tas-sentenza u t-talba għal rimbors mill-parti l-oħra fil-kawża ( 17 ) u, min-naħa l-oħra, ladarba r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jgħidu xejn fuq dan l-aspett, għall-kontestazzjoni minn din il-parti l-oħra tal-ispejjeż mitluba ( 18 ). |
31. |
L-evalwazzjoni esposta fil-punt 28 ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma hijiex invalidata permezz tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill ( 19 ), li hija invokata mill-BEI. |
32. |
Huwa minnu li, minkejja s-silenzju, f’dak iż-żmien, tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, irrikonoxxiet il-locus standi tal-Parlament sabiex ikun jista’ jipproteġi l-prerogattivi tiegħu, mingħajr ma tatu, madankollu, terminu iktar flessibbli minn dak previst minn din id-dispożizzjoni meta mqabbel mar-rikorsi għal annullament ippreżentati, b’mod partikolari, mill-istituzzjonijiet l-oħra. |
33. |
Madankollu, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik tal-membri tal-persunal tal-BEI. |
34. |
Fil-fatt, fis-sentenza Il-Parlement vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, it-talba tal-Parlament Ewropew, li ntlaqgħet mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet li huwa jingħata rimedju legali xieraq, f’dak il-każ dak tar-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, sabiex jiġi kkontrollat u, fejn xieraq, issanzjonat il-ksur tal-prerogattivi tiegħu permezz ta’ att tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Kummissjoni, prerogattivi li kienu jikkontribwixxu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jinżamm l-ekwilibrju istituzzjonali ddefinit mit-Trattati ( 20 ). Ladarba r-rimedju legali tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE ngħata lill-Parlament, wieħed seta’ jifhem, minħabba, b’mod partikolari, l-istess rekwiżit ta’ ekwilibrju istituzzjonali, li l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-preżentata tar-rikorsi msemmija f’din id-dispożizzjoni, fosthom dik rigward it-terminu ta’ xahrejn sabiex jiġu ppreżentati, kellhom jiġu imposti fuq il-Parlament bl-istess mod strett applikabbli fil-konfront tal-istituzzjonijiet l-oħra. |
35. |
Min-naħa l-oħra, u indipendentement mir-rekwiżiti ta’ ekwilibrju istituzzjonali enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlement vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI rigward ir-rimedji legali sempliċement issemmi l-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni mingħajr ma tistabbilixxi terminu għall-preżentata ta’ rikors, u b’hekk wieħed jifhem ir-riferiment għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli. |
36. |
Fid-dawl ta’ dan — u mbagħad —, bl-idea li tapplika d-duttrina tat-terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali, effettivament, fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, kisret il-limiti tal-kompetenzi tagħha u żnaturat il-karatteristika essenzjali tal-osservanza ta’ tali terminu, jiġifieri l-flessibbiltà tiegħu. |
37. |
Sabiex wieħed ikun konvint, biżżejjed jissemma, minn naħa, il-punt 34 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 fejn il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-ommissjoni mill-BEI li jeżerċita r-responsabbiltà regolatorja tiegħu rigward l-iffissar ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors hija irrilevanti, “għaliex jirriżulta b’mod ċar u preċiż minn qari a contrario tal-ġurisprudenza mogħtija qabel il-preżentata tar-rikors li l-qorti tal-Unjoni rrimedjat għal tali lakuna regolatorja billi interpretat id-dritt tal-Unjoni […] fis-sens li rikors ippreżentat minn membru tal-persunal tal-BEI mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur […] estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandu, bħala regola ġenerali, jitqies li ġie ppreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli” u għaldaqstant, bħala tardiv ( 21 ). |
38. |
Min-naħa l-oħra, il-punti 27, 30, 35 u 39 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 jistabbilixxu, essenzjalment, bħala “regola tad-dritt” preżunzjoni ġenerali tan-natura raġonevoli tal-osservanza ta’ terminu ta’ tliet xhur u a contrario tan-natura mhux raġonevoli ta’ rikors ippreżentat wara l-iskadenza ta’ tali terminu, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku, u jiġġustifikaw din l-evalwazzjoni b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza”. |
39. |
Huwa minnu — u dan bl-ebda mod ma jissorprendini — li, fil-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali, il-qorti tal-Unjoni qieset, fil-preżenza tas-silenzju tat-Trattati u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien “punt ta’ tqabbil rilevanti” u li, għaldaqstant, terminu ta’ tliet xhur kellu, bħala regola ġenerali, jitqies bħala raġonevoli għall-preżentata minn membru tal-persunal tal-BEI ta’ rikors għal annullament kontra att ta’ dan tal-aħħar li jippreġudika lill-imsemmi membru tal-persunal. |
40. |
Madankollu, minħabba l-ommissjoni tal-BEI, it-terminu ta’ tliet xhur previst mir-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ neċessarjament terminu indikattiv fil-każ tat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu. |
41. |
F’dan il-kuntest, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, rikors ippreżentat wara l-iskadenza ta’ tali terminu ma jistax jitqies li huwa tardiv inkwantu ppreżentat f’terminu mhux raġonevoli, għar-raġuni li għandhom jiġu applikati b’mod strett ir-regoli tal-proċedura li jipprevedu terminu fiss ta’ dekadenza, għaliex tali regoli ma humiex applikabbli. |
42. |
Waħda mit-tnejn: jew terminu speċifiku għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ġie stabbilit b’mod inekwivoku permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju jew tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u f’dak il-każ huwa fil-fatt possibbli li jiġu injorati ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, minbarra l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ forza maġġuri jew tal-każ fortuwitu, u li ssir applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura rigward it-termini ta’ dekadenza, jew, bil-kontra, għandha tiġi kkonstatata lakuna regolatorja, u f’dan il-każ il-qorti qatt ma tista’ tikkumpensa kompletament għaliha, għaliex inkella tinterferixxi fil-kompetenzi tas-setgħa leġiżlattiva, filwaqt li jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku. Jekk jiġu injorati dawn id-differenzi, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, ikun qed jiġi, purament u sempliċement, stabbilit terminu fiss ta’ dekadenza ta’ tliet xhur b’deċiżjoni ġudizzjarja. |
43. |
Fl-aħħar nett, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Qorti Ġenerali, li tawtorizzaha tagħmel interpretazzjoni a contrario tal-ġurisprudenza tagħha stess rigward in-natura raġonevoli tal-osservanza ta’ terminu ta’ tliet xhur bħal dak previst mir-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex konvinċenti. |
44. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni a contrario tal-imsemmija ġurisprudenza hija ammissibbli f’dan il-każ “għaliex kwalunkwe interpretazzjoni oħra ta’ din la tkun xierqa u lanqas kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli [il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punt 22 tas-sentenza tagħha], mal-kuntest u mal-għan tagħhom (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité, 9/56, Ġabra p. 9, 27), għaliex hija biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C-426/10 P […], punti 43, 54 u 55)” ( 22 ). |
45. |
Il-Qorti Ġenerali żnaturat in-natura partikolarment sussidjarja tal-użu tal-interpretazzjoni a contrario adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs Haute Autorité, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-użu minn tali interpretazzjoni huwa ammissibbli biss “meta l-ebda interpretazzjoni oħra ma tirriżulta xierqa u kompatibbli mat-test, mal-kuntest u mal-għan” ( 23 ) tar-regola li hija s-suġġett tal-imsemmija interpretazzjoni. Peress li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija preċiżament ir-riżultat tal-konċiljazzjoni bejn id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u r-rekwiżit ta’ ċertezza legali, kif ġie mfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, l-interpretazzjoni a contrario li effettivament tibdel it-terminu indikattiv ta’ tliet xhur, applikabbli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, f’terminu fiss ta’ dekadenza ċertament ma tikkorrispondix mal-interpretazzjoni unika (u definittiva) li tiżgura b’mod xieraq il-konċiljazzjoni tal-imsemmija prinċipji. |
46. |
Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, għaliex l-applikazzjoni tat-terminu raġonevoli tista’ tippermetti, sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ rikors, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi, minbarra dawk li jirriżultaw mill-forza maġġuri u/jew mill-każ fortuwitu, li ma huwiex ammess mill-applikazzjoni ta’ terminu fiss ta’ dekadenza. |
47. |
Dan lanqas ma huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-prinċipju taċ-ċertezza legali għaliex, bil-kontra ta’ dak li jallega l-BEI, l-applikazzjoni tad-duttrina tat-terminu raġonevoli, li tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, ma tfissirx li tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit il-legalità tal-atti adottati minn din l-organizzazzjoni. Fil-fatt, kif diġà indikajt, it-terminu raġonevoli għandu wkoll rwol, f’ċerti każijiet bħal dak li qed jiġi eżaminat hawnhekk, ta’ terminu ta’ dekadenza, li ċertament huwa flessibbli, iżda xorta terminu ta’ dekadenza. |
48. |
Huwa minnu li, minn perspettiva oħra, jiġifieri dik tal-membri tal-persunal tal-BEI, l-issuġġettar tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom għall-osservanza ta’ terminu raġonevoli, li min-natura tiegħu huwa flessibbli, jista’ jnaqqas il-prevedibbiltà tal-azzjonijiet legali tagħhom. |
49. |
Madankollu dan ir-riskju jidhirli li huwa mnaqqas sew. Fil-fatt, fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati fit-terminu indikattiv ta’ tliet xhur, il-ġurisprudenza tistabbilixxi ġustament favur ir-rikorrenti preżunzjoni b’saħħitha tan-natura raġonevoli tal-preżentata tar-rikors tagħhom. Fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu indikattiv, ir-rikorrenti għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, mhux biss bis-saħħa tal-applikazzjoni tad-duttrina tat-terminu raġonevoli, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-inċertezza li tinħoloq bl-assenza ta’ terminu fiss ta’ dekadenza ma tistax tiġi attribwita lilhom, għaliex ir-riskji proċedurali marbuta ma’ tali inċertezza għandhom, bil-kontra, jiġu sostnuti mill-organizzazzjoni li tat lok għalihom, skont il-prinċipju tal-estoppel ( 24 ) jew tal-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans ( 25 ). |
50. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni a contrario adottata mill-Qorti Ġenerali lanqas ma hija indispensabbli sabiex jiġi evitat trattament diskriminatorju favur il-membri tal-persunal tal-BEI. Fil-fatt — u indipendentement mir-riferiment xi ftit azzardat, magħmul “f’dan is-sens u b’mod analogu” mill-Qorti Ġenerali, għas-sentenza Bell & Ross vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, deċiża fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE — il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BEI u dik tal-uffiċjali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal tieqaf man-natura tat-terminu li tista’ tiġi opposta kontra r-rikorsi ppreżentati minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni. Fl-ewwel każ, huwa terminu neċessarjament flessibbli li huwa applikabbli, minħabba l-ommissjoni tal-BEI; fit-tieni każ, it-terminu huwa fiss u stabbilit b’mod inekwivoku permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. |
51. |
Minbarra dan, jekk wieħed sempliċement iqabbel ir-regoli proċedurali, din ma hijiex l-unika differenza li teżisti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni. B’dan il-mod, filwaqt li l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-użu ta’ proċedura amministrattiva minn qabel li meta ssir b’mod regolari u komplet tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li timpjegahom, l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, proċedura interna fakultattiva ta’ konċiljazzjoni, li ma tistax tiġi mibdula fi proċedura obbligatorja, bħal dik imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, proċedura ta’ konċiljazzjoni li ma għandhiex impatt fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 26 ). Barra minn hekk, jekk il-membru tal-persunal tal-BEI jitlob l-implementazzjoni ta’ tali proċedura, il-qorti tal-Unjoni tqis li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiemha jibda jiddekorri biss malli tintemm tali proċedura, sakemm il-membru tal-persunal ikun għamel talba għal konċiljazzjoni f’terminu raġonevoli wara li jkun irċieva l-komunikazzjoni tal-att li jippreġudikah u sakemm it-tul tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni nfisha kien raġonevoli ( 27 ). |
52. |
Huwa ċar, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Unjoni taf bis-sħiħ bil-limiti proċedurali tal-analoġija li tista’ teżisti bejn is-sistema kuntrattwali applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI u s-sistema statutorja tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet. Iktar minn hekk, fil-każ li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, il-fatt li jiġi ammess terminu flessibbli ta’ dekadenza favur il-membri tal-persunal tal-BEI, minħabba l-ommissjoni ta’ dan tal-aħħar, bl-ebda mod ma jippreġudika lill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet li r-rikorsi tagħhom huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. |
53. |
Għaldaqstant, inqis li, meta adottat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku u, għaldaqstant, inkoerenti man-natura nfisha ta’ tali terminu, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 bi żball ta’ liġi. |
B – Fuq il-preġudizzju għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv affermat mill-Artikolu 47 tal-Karta
54. |
Permezz tat-tieni motiv ta’ eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk, meta ġie miżjud effett ta’ dekadenza mal-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv ( 28 ), li, huwa paċifiku, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 29 ). |
55. |
Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 52 tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minnha għandha tkun “prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet”, u dawn il-limitazzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jilħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali u josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
56. |
Skont dan l-istess artikolu, sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), it-tifsira u l-portata ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni msemmija, mingħajr madankollu ma jipprekludu lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva. |
57. |
Kif isostnu ġustament l-appellanti, il-BEI u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li jistabbilixxi d-dritt għal smigħ indipendenti u imparzjali — li l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, irreferiet għalih, fir-rigward tal-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju qabel ma l-Karta ġiet adottata jew qabel ma kellha valur vinkolanti ( 30 ) — huwa rilevanti ( 31 ). |
58. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1) KEDB, id-“dritt għal smigħ”, li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, ma huwiex assolut u għandu limitazzjonijiet impliċitament aċċettati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, għaliex min-natura tiegħu jirrikjedi leġiżlazzjoni mill-Istat, li f’dan ir-rigward għandu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni ( 32 ). |
59. |
Skont din l-istess ġurisprudenza, dawn il-limitazzjonijiet madankollu ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt għal smigħ b’mod jew sal-punt li d-dritt ta’ individwu għal smigħ ikun ippreġudikat fl-essenza nfisha tiegħu, u dawn il-limitazzjonijiet huma kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB biss jekk isegwu għan leġittimu u jekk teżisti relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan segwit ( 33 ). |
60. |
F’dan il-kuntest, minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tfakkar li l-liġijiet dwar it-termini li għandhom jiġu osservati għall-preżentata ta’ rikors huma intiżi sabiex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, regoli li l-individwi għandhom jistennew li jiġu applikati ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tivverifika jekk l-effettività tad-dritt għal smigħ mixtieqa mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB hijiex ostakolata, pereżempju, minn interpretazzjoni jew applikazzjoni “partikolarment stretti” ( 35 ) jew eċċessivament restrittivi ( 36 ) ta’ tali regoli proċedurali b’tali mod li jiġi eskluż eżami tal-mertu tar-rikors jew b’mod li jikkostitwixxu “forma ta’ barriera li tipprekludi lill-individwu milli jkollu deċiżjoni fuq il-mertu tat-tilwima mogħtija mill-qorti kompetenti” ( 37 ). |
61. |
B’dan il-mod, “il-fatt li seta’ jeżerċita rimedju ġudizzjarju sabiex jisma’ l-azzjoni tiegħu ddikjarata bħala inammissibbli mhux dejjem jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB; il-livell ta’ aċċess għall-ġustizzja għandu wkoll ikun suffiċjenti sabiex jiżgura lill-individwu d-‘dritt għal smigħ’ fid-dawl tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt f’soċjetà demokratika” ( 38 ). |
62. |
Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina, pereżempju, jekk terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni huwiex suffiċjenti fid-dawl tad-domiċilju tal-appellant ( 39 ), jekk ir-rifjut minn qorti nazzjonali li testendi terminu stabbilit minn qabel permezz ta’ liġi għall-preżentata ta’ appell ma huwiex irraġonevoli ( 40 ), jekk ir-regoli dwar il-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors humiex suffiċjentement ċari u koerenti ( 41 ) jew jekk żbalji mwettqa mill-qrati nazzjonali fil-kalkolu tal-imsemmija termini jippreġudikawx l-effettività tad-dritt għal smigħ, previst mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 42 ). |
63. |
Peress li l-Artikolu 47 tal-Karta jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 43 ), hija mingħajr dubju l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiggarantixxi, b’mod partikolari, livell ta’ kontroll li huwa mill-inqas ekwivalenti fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk dwar it-termini għal-preżentata ta’ att promotur, għal dak li huwa eżerċitat, f’dan il-qasam, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB fir-rigward tal-qrati tal-partijiet li huma f’din il-Konvenzjoni ( 44 ). |
64. |
B’mod ġenerali, u minkejja li l-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentat osservazzjonijiet f’din il-kawża ma sostnietu f’dan il-kliem, il-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem setgħet tikkonstata ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fil-kawżi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors promotur ġeneralment qosra ma jistax ifisser a contrario li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mċaħħda mill-possibbiltà li tistabbilixxi l-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tat-termini, normalment itwal, mogħtija lill-individwi sabiex jikkontestaw quddiem din tal-aħħar il-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni li jippreġudikahom. |
65. |
F’dan il-kuntest, filwaqt li l-kawżi msemmija qabel li tressqu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ termini ta’ proċedura stabbiliti minn qabel permezz ta’ liġi, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li l-appellanti setgħu jistennew, minħabba l-ommissjoni proċedurali tal-BEI, mhux li l-Qorti Ġenerali — u qabilha t-TSP — tapplika terminu fiss ta’ dekadenza għar-rikors tagħhom, iżda li sempliċement, bil-kontra, tapplika d-duttrina tat-“terminu raġonevoli” sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom. |
66. |
Minkejja li ma huwiex eskluż li l-appellanti setgħu fil-fatt jippreżentaw ir-rikors tagħhom f’terminu ta’ tliet xhur, huma ma setgħux, min-naħa l-oħra, jistennew, minħabba n-natura neċessarjament indikattiva ta’ dan it-terminu fil-kuntest tat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li l-iskadenza bi ftit sekondi tal-imsemmi terminu titqies mill-Qorti Ġenerali, b’riferiment għal ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura marbuta mat-termini għall-preżentata ta’ rikors stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, bħala mhux raġonevoli, iktar u iktar mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, għajr il-każijiet tal-forza maġġuri u tal-każ fortuwitu. |
67. |
Rigward l-allegata negliġenza tal-appellanti għaliex stennew xi minuti qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżentaw ir-rikors tagħhom, din ma hijiex fondata għaliex, kif diġà semmejt, dan it-terminu huwa biss terminu indikattiv, u ma jeżentax lill-qorti tal-Unjoni, inkluża ex officio, milli teżamina jekk l-imsemmi rikors ġiex ippreżentat f’terminu li ma huwiex raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku, għajr il-każijiet tal-forza maġġuri u tal-każ fortuwitu. |
68. |
Għaldaqstant, meta ddeċidiet kif għamlet u meta kkonfermat id-digriet tat-TSP Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitat iktar ’il fuq, li kkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-appellanti minħabba n-natura tardiva tiegħu, fil-fehma tiegħi il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat il-kunċett ta’ terminu raġonevoli b’mod wisq strett u, għaldaqstant, kisret id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif huwa ggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta, u b’hekk ċaħħdithom mid-dritt li jkollhom ir-rikors tagħhom eżaminat fuq il-mertu. |
III – Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni
69. |
Żball jew diversi żbalji tal-liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, anki jekk ħoxnin, ma jwasslux neċessarjament għal preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
70. |
Bil-kontra, l-erba’ kunsiderazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tasal li tikkonstata li l-ksur taż-żewġ regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq ( 45 ), kien ikkawża “preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 46 ) la huma minimi u lanqas eżawrjenti għaliex, meta meqjusa globalment ( 47 ), huma wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata ksur kumulat taż-żewġ kundizzjonijiet normalment alternattivi għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
71. |
Jibqa’ l-fatt li kunsiderazzjonijiet essenzjalment analogi għal dawk enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, huma preżenti, fil-fehma tiegħi, ukoll f’dan il-każ. |
72. |
Huwa b’dan il-mod, l-ewwel nett, li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 tikkostitwixxi l-ewwel deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonfermat li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu indikattiv għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kien iwassal, abbażi ta’ interpretazzjoni a contrario tal-ġurisprudenza u ta’ interpretazzjoni stretta tar-regoli proċedurali marbuta mat-termini, għall-inammissibbiltà tal-imsemmi rikors minħabba n-natura tardiva tiegħu. Għaldaqstant din is-sentenza tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi futuri ( 48 ). |
73. |
It-tieni nett, meta kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni kienet eżentata milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku sabiex teżamina n-natura mhux raġonevoli tal-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħu, tbiegħdet mill-essenza nfisha ta’ dan il-kunċett tal-aħħar, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, u vvizzjat is-sentenza tagħha b’inkoerenza. |
74. |
It-tielet nett, iż-żewġ prinċipji (terminu raġonevoli u dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv) li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kisret ma jaqgħux esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda huma applikabbli indipendentement mill-qasam inkwistjoni ( 49 ). |
75. |
Fl-aħħar, u r-raba’ nett, dawn iż-żewġ prinċipji għandhom pożizzjoni importanti fis-sistema legali tal-Unjoni ( 50 ). B’mod partikolari, id-dritt iggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu, skont l-Artikolu 6 TUE, l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. Dan id-dritt huwa, minbarra dan, inerenti f’kull sistema legali bbażata fuq il-prinċipju ta’ Stat ta’ dritt, bħalma hija dik tal-Unjoni ( 51 ), u għalhekk għandu fi ħdan din tal-aħħar, mill-inqas, natura “kostituzzjonali” ( 52 ). |
76. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li, permezz tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali, mill-inqas, ippreġudikat il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. |
IV – Fuq il-portata tal-annullament
77. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din tal-aħħar tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li hija marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tirrinvija l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, minbarra dan, tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża. B’mod eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nfisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
78. |
Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tasal għal konklużjonijiet minn din il-konstatazzjoni fir-rigward tal-kawża inkwistjoni ( 53 ). |
79. |
F’dan il-każ, inqis li għandha tiġi annullata s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012 sa fejn ikkonfermat, fl-appell, l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem it-TSP u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura quddiemha. |
80. |
Min-naħa l-oħra, il-preġudizzju għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-ksur taż-żewġ prinċipji li għadu kemm ġie kkonstatat, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi hija nfisha b’mod definittiv fuq il-kawża mressqa, fl-ewwel istanza, quddiem it-TSP mill-appellanti. |
81. |
Fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid, l-ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-regoli tal-proċedura tagħha ma tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali minflok ma tirrinvijaha direttament quddiem it-TSP sabiex dan jippermetti lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq il-mertu tal-kawża. |
82. |
Kif jirriżulta mill-punt 30 tas-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti ta’ appell tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà milqugħa mill-qorti ta’ din l-istanza. Dan jista’ jkun il-każ, minn naħa, meta l-annullament tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati jimplika neċessarjament soluzzjoni speċifika rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, meta l-eżami tal-mertu tar-rikors għal annullament jistrieħ fuq argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara raġunament tal-qorti fl-ewwel istanza. |
83. |
Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża u li l-Qorti Ġenerali ma tistax ma tikkonstatax, bħall-pożizzjoni li adottat wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara eżami mill-ġdid, tal-imsemmija kawża Eżami mill-ġdid M vs EMEA ( 54 ), li hija tista’ biss tirrinvija, min-naħa tagħha, il-kawża quddiem it-TSP sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi fuq it-talbiet għal annullament magħmula mill-appellanti. |
84. |
Madankollu, u sabiex tiġi rrispettata l-ġerarkija mixtieqa mit-Trattati fi ħdan l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tadotta tali deċiżjoni wara li tkun semgħet lill-partijiet, b’mod konformi mar-Regoli tal-Proċedura ( 55 ). Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem din tal-aħħar. |
V – Fuq l-ispejjeż
85. |
Skont l-Artikolu 195(6), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett tal-eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
86. |
Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, u skont ma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq ( 56 ), nipproponi li l-partijiet li ppreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta ma’ din il-proċedura. |
VI – Konklużjoni
87. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C-334/12 RX, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012”).
( 3 ) T-234/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012”).
( 4 ) L-ewwel okkażjoni tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033).
( 5 ) Digriet tal-4 ta’ Frar 2011, Arango Jaramillo et vs BEI (F-34/10).
( 6 ) Ara l-punti 22 u 25 tas-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
( 7 ) Il-Qorti Ġenerali ssemmi, f’dan ir-rigward, is-sentenza tagħha tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicolo vs BEI (T-7/98, T-208/98 u T-109/99, ĠabraSP p. I-A-49 u II-185, punt 107); id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2002, D vs BEI (T-275/02 R, ĠabraSP p. I-A-259 u II-1295, punt 33), kif ukoll, b’mod analogu, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Méndez Pinedo vs BĊE (T-33/99, ĠabraSP p. I-A-63 u II-273, punti 33 u 34).
( 8 ) ĠU L 265, p. 1.
( 9 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (punt 13).
( 10 ) Ibidem (punt 18).
( 11 ) Idem.
( 12 ) Ara, fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ terminu sabiex jiġi invokat motiv ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T-32/91, Ġabra p. II-1825, punt 40). L-appell tal-Kummissjoni minn din is-sentenza, inklużi l-punti 40 u 41 tal-motivi tagħha, ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala infondati: ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Solvay (C-287/95 P u C-288/95 P, Ġabra p. I-2391, punti 31, 73 u 74).
( 13 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI (T-192/99, Ġabra p. II-813, punti 52 u 53), kif ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2001, Cerafogli et vs BĊE (T-20/01, ĠabraSP p. I-A-235 u II-1075, punt 61).
( 14 ) Eżami mill-ġdid Marcuccio vs Il-Kummissjoni (C-478/10 RX).
( 15 ) T-157/09 P.
( 16 ) Ibidem (punti 42 sa 47).
( 17 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1979, Dietz vs Il-Kummissjoni (126/76 DEP, Ġabra p. 2131, punt 1).
( 18 ) Ara d-digriet tat-22 ta’ Frar 1968, Acciaierie San Michele vs Haute Autorité (9/65 u 58/65, Ġabra p. 383, punt 11).
( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990 (C-70/88, Ġabra p. I-2041).
( 20 ) Ibidem (punti 21 sa 26).
( 21 ) Korsiv miżjud.
( 22 ) Punt 27 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012.
( 23 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 2, p. 26 (korsiv miżjud).
( 24 ) Prinċipju rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni wkoll: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (44/84, Ġabra p. 29, punt 57); tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 82 sa 88), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe vs Il-Kummissjoni (T-223/00, Ġabra p. II-2553, punti 34 u 53).
( 25 ) Meqjus bħala “prinċipju tad-dritt” mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 1996, Barraux et vs Il-Kummissjoni (T-177/95, ĠabraSP p. I-A-541 u II-1451, punt 55).
( 26 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI (T-37/10 P, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Sentenza Dunnett et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).
( 28 ) Ara l-punt 2 tad-dispożittiv u l-punt 16 tad-deċiżjoni.
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punti 177 u 178 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Settembru 2011, Pagnoul (C-314/10, punt 24).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 32). L-oriġini doppja tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-Artikolu 6 u 13 tal-KEDB hija mfakkra b’mod partikolari fl-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17, speċjalment p. 29 u 30).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tad-19 ta’ Frar 1998, Edificaciones March Gallego S.A. vs Spanja (Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1998-I, p. 290, § 34); tal-24 ta’ Frar 2009, L’Erablière ASBL vs Il-Belġju (Rikors Nru 49230/07, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2009-II, § 35), u tas-6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il-Greċja (Rikors Nru 41959/08, § 24).
( 33 ) Idem.
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1998-VIII, § 45); tat-22 ta’ Ġunju 2006, Díaz Ochoa vs Spanja (Rikors Nru 423/03, § 44); tal-31 ta’ Jannar 2012, Assunção Chaves vs Il-Portugall (Rikors Nru 61226/08, § 77); u tat-3 ta’ Lulju 2012, Radeva vs Il-Bulgarija (Rikors Nru 13577/05, § 26).
( 35 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-29 ta’ Mejju 2012, Ute Saur Vallnet vs Andorra (Rikors Nru 16047/10, § 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Díaz Ochoa vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 50).
( 37 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza L’Erablière ASBL vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (§ 35).
( 38 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-21 ta’ Frar 1975, Golder vs Ir-Renju Unit (Serje A Nru 18, p. 18, §§ 34 u 35), u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Geouffre de la Pradelle vs Franza (Rikors Nru 12964/87, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet,p. 43, § 34). Ara, ukoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Radava vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (§ 27).
( 39 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-10 ta’ Lulju 2001, Tricard vs Franza (Rikors Nru 40472/98, § 31).
( 40 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tad-19 ta’ Mejju 2005, Kaufmann vs L-Italja (Rikors Nru 14021/02, §§ 34 sa 39).
( 41 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Geouffre de la Pradelle vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 29 sa 35).
( 42 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Radeva vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 27 sa 29). Ara f’dan is-sens, ukoll, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ute Saur Vallnet vs Andorra, iċċitata iktar ’il fuq (§§ 41 sa 43).
( 43 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 51), u tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C-199/11, punt 47). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza DEB, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).
( 44 ) Huwa ċar li, bil-kontra tal-kawżi eżaminati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hawnhekk għandha tiġi interpretata mhux il-liġi proċedurali nazzjonali tal-Istati Membri, iżda d-dritt tal-Unjoni, kompitu li għandu jsir fl-ewwel lok mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 45 ) Sa fejn huwa rilevanti, infakkar li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kisret, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tal-anness tiegħu, billi ddeċidiet fuq il-mertu ta’ rikors intiż għall-għoti ta’ kumpens għal danni morali, filwaqt li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (punt 37 tal-imsemmija sentenza), u, min-naħa l-oħra, u indipendentement mill-“iżball ta’ liġi” indikat qabel, li, billi ddeċidiet fuq il-mertu tal-kawża mingħajr ma qiegħdet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini f’pożizzjoni li tkun taf b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha fuq it-talbiet għal kumpens tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali “kisret il-prinċipju tal-kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq” (ara l-punti 38 u 59 tal-istess sentenza).
( 46 ) Ibidem (punt 1 tad-dispożittiv kif ukoll il-punti 66 u 67 tas-sentenza). Korsiv miżjud.
( 47 ) Ibidem (punt 66).
( 48 ) Ara s-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62). Minkejja li limitata, in-natura ta’ preċedent ta’ din is-sentenza tista’ tikkonċerna mhux biss it-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, iżda wkoll dawk li jikkonċernaw il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li raġunament simili jista’ jsir mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal kumpens ippreżentati mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni tagħhom.
( 49 ) Sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).
( 50 ) Ibidem (punt 65).
( 51 ) Ara l-Artikolu 2 TUE.
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, il-punti 176 u 177 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C-354/04 P, Ġabra p. I-1579).
( 53 ) Sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).
( 54 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2010, M vs EMEA (T-12/08 P-RENV-RX, Ġabra p. II-3735, punt 38).
( 55 ) Artikolu 121c(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
( 56 ) Ara s-sentenza Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).