Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.
Документ 62007CJ0443
Judgment of the Court (Second Chamber) of 22 December 2008.#Isabel Clara Centeno Mediavilla and Others v European Commission.#Case C-443/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008.
Isabel Clara Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-443/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008.
Isabel Clara Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-443/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10945;FP-I-B-2-00029
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 II-B-2-00223
Идентификатор ECLI: ECLI:EU:C:2008:767
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Appell — Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII dwar il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali li ġew irreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004 — Konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal — Nuqqas ta’ ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali”
Fil-Kawża C-443/07 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-21 ta’ Settembru 2007,
Isabel Clara Centeno Mediavilla, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Sevilja (Spanja),
Delphine Fumey, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju),
Eva Gerhards, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Iona M. S. Hamilton, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Raymond Hill, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Jean Huby, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Patrick Klein, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Domenico Lombardi, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Thomas Millar, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),
Miltiadis Moraitis, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Wezembeek-Oppem (il-Belġju),
Ansa Norman Palmer, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Nicola Robinson, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
François-Xavier Rouxel, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell,
Marta Silva Mendes, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Kraainem (il-Belġju),
Peter van den Hul, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Tervuren (il-Belġju),
Fritz Von Nordheim Nielsen, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Charlottenlund (id-Danimarka),
Michaël Zouridakis, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Sint Stevens Woluwe (il-Belġju),
irrappreżentati minn G. Vandersanden u L. Levi, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u H. Krämer, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u M. Bauer, bħala aġenti,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, I. C. Centeno Mediavilla, D. Fumey, E. Gerhards, I. M. S. Hamilton, R. Hill, J. Huby, P. Klein, D. Lombardi, T. Millar, M. Moraitis, A. N. Palmer, N. Robinson, F-X. Rouxel, M. Silva Mendes, P. van den Hul, F. Von Nordheim Nielsen u M. Zouridakis jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et, vs Il-Kummissjoni (T-58/05, Ġabra p. II-2523, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ kull wieħed u waħda minnhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) safejn dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 124, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Ir-Regolament Nru 723/2004 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. |
|
3 |
L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-kriterji ta’ korrispondenza bejn il-gradi tal-uffiċjali pprovduti fir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli sat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem ir-Regolamenti tal Persunal il-qodma) u dawk ipprovduti fir-Regolamenti tal-Persunal; dawn il-kriterji huma indikati skont it-tabella li ġejja:
|
|
4 |
L-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Kondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta’ karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta’ l-istess grupp tal-funzjoni.” |
|
5 |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “L-Awtorità tal-Ħatra għandha, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr kas tan-nazzjonalità, tassenja kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu li jikkorrispondi mal-grad tiegħu”. |
|
6 |
L-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, jipprovdi li l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, kompost minn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom, “għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni fuq kull proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal”. |
|
7 |
L-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Il-kandidati magħżula għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha.” |
|
8 |
L-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Miżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet”, jipprovdi fl-Artikolu 1: “1. Għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006 l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament[i] tal-Persunal huma mibdula b’dan li ġej: ‘1. Il-postijiet koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-kariga. 2. Il-kategorija A jkun fiha tnax-il grad, il-kategorija B ikun fiha disa’ gradi, il-kategorija Ċ ikun fiha seba’ gradi, u l-kategorija D ikun fiha ħames gradi.’ 2. Kull riferenza għad-data tar-reklutaġġ għandha titqies li tirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ.” |
|
9 |
L-Artikolu 12 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi: “1. Bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, r-riferenza għall-gradi fil-gruppi tal-funzjoni ta’ l-AST u l-AD fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha ssir kif ġej:
2. Fil-każ ta’ l-uffiċjali reklutati mil-listi ta’ kandidati xierqa [lista ta’ riżerva], li jirriżultaw minn kompetizzjonijiet ippubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandux japplika. 3. L-uffiċjali li kienu inklużi f’[lista ta’ riżerva] qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u huma reklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006, għandhom:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
10 |
Matul il-perijodu ta’ bejn il-11 ta’ April 2001 u t-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, diversi avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali maħsuba sabiex jikkostitwixxu listi ta’ riżervi għar-reklutaġġ ta’ amministraturi ta’ grad A 7/A 6 (COM/A/6/01, COM/A/9/01, COM/A/10/01, COM/A/1/02, COM/A/3/02 u CC/A/12/02), ta’ assistenti amministraturi ta’ grad A 8 (COM/A/2/02) u ta’ assistenti ta’ grad B 5/B 4 (COM B/1/02). |
|
11 |
Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, dawn l-avviżi ta’ kompetizzjoni kienu jipprovdu li l-iskrizzjoni tal-kandidati magħżula fuq il-listi ta’ riżerva kienet tagħmilhom eliġibbli sabiex ikunu eventwalment reklutati skont il-bżonnijiet tas-servizz. |
|
12 |
Il-punt D, intitolat “Informazzjoni ġenerali”, tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet COM/A/l/02 u COM/A/2/02, kien jipprovi kif ġej: “Il-Kummissjoni bagħtet formalment lill-Kunsill proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proposta tinkludi b’mod partikolari sistema ġdida ta’ karriera. Il-kandidati magħżula ta’ din il-kompetizzjoni jkunu jistgħu għalhekk jiġu rreklutati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill.” |
|
13 |
L-avviż ta’ kompetizzjoni COM/A/3/02 kien jinkludi referenza kważi identika għad-“dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”. |
|
14 |
Il-listi ta’ riżervi stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/6/01, COM/A/9/01 u COM/A/10/01 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjonijiet ta’ l-2001”) kienu ġew ippubblikati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2002 (kompetizzjoni COM/A/6/01), fit-8 ta’ Marzu (kompetizzjoni COM/A/10/01) u fit-2 ta’ Lulju 2003 (kompetizzjoni COM/A/9/01). |
|
15 |
L-ittri li bihom il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ta’ l-2001 kienu ġew infurmati bl-iskrizzjoni tagħhom fuq il-lista ta’ riżervi kienu jindikaw b’mod partikolari li dawn il-listi kellhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2003. |
|
16 |
Matul Diċembru ta’ l-2003, id-Direzzjoni Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni indirizzat ittra lil kull wieħed mill-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ta’ l-2001, li fiha indikatilhom li l-validità tad-diversi listi ta’ riżervi kienet ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2004. |
|
17 |
Il-listi ta’ riżervi stabbiliti wara l-kompetizzjonijiet COM/A/l/02, COM/A/2/02, COM/A/3/02, COM/B/1/02 u CC/A/12/02 kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, rispettivament, fid-19 ta’ Novembru 2003 (kompetizzjoni CC/A/12/02), fit-23 ta’ Marzu 2004 (kompetizzjoni COM/A/1/02 u COM/A/2/02) u fit-18 ta’ Mejju 2004 (kompetizzjoni COM/A/3/02 u COM/B/1/02). |
|
18 |
Is-sbatax-il appellant ġew imniżżla fuq waħda minn dawn il-listi ta’ riżervi qabel l-1 ta’ Mejju 2004. |
|
19 |
D. Fumey, E. Gerhards, I. M. S. Hamilton, kif ukoll T. Millar irċevew l-ittra bl-offerta ta’ impjieg qabel l-1 ta’ Mejju 2004. |
|
20 |
L-appellanti kollha ġew maħtura uffiċjali bi prova permezz tad-deċiżjonijiet kkontestati, li ġew adottati wara l-1 ta’ Mejju 2004 u li kellhom jieħdu effett bi skadenza bejn din id-data u l-1 ta’ Diċembru 2004. |
|
21 |
Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-appellanti kienu ġew ikklassifikati fil-grad skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fil-grad B*3 (kompetizzjoni COM/B/1/02), fil-grad A*5 (kompetizzjoni COM/A/2/02) jew fil-grad A*6 (il-kompetizzjonijiet l-oħra kollha). |
|
22 |
Fil-perijodu ta’ bejn is-6 ta’ Awwissu 2004 u l-21 ta’ Ottubru 2004, kull wieħed mill-appellanti ppreżenta ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li taħtru uffiċjal bi prova safejn din kienet tistabbilixxi, skont l-Artikolu 12(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-klassifikazzjoni tiegħu fi grad anqas favorevoli minn dawk indikati fid-diversi avviżi ta’ kompetizzjoni. |
|
23 |
Permezz tad-deċiżjonijiet meħuda bejn il-21 ta’ Ottubru 2004 u t-22 ta’ Diċembru 2004, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilmenti ppreżentati mill-appellanti. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
|
24 |
Permezz ta’ att wieħed ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-3 ta’ Frar 2005, l-appellanti kienu ressqu rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, safejn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom abbażi tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll għar-rikostituzzjoni tal-karriera tagħhom, għall-għoti tal-benefiċċju tal-interessi tad-dewmien dovuti għas-somom kollha li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-paga ipprovduta mir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u dik li ġiet applikat fir-rigward tagħhom, u fl-aħħar nett, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
25 |
Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom, l-appellenti, l-ewwel nett, kienu qajmu l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi invokaw seba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-ksur tad-drittijiet miksuba mill-appellanti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ non-retroattività, il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-ksur tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ksur tal-Artikolu 5 u 7 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
26 |
It-tieni nett, l-appellanti kienu sostnew li, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba, ta’ premura, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-bona fede, ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, kif ukoll ir-regola tal-ekwivalenza tal-grad u tal-impjieg. |
Is-sentenza appellata
|
27 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors billi qieset bħala infondati l-argumenti li kienu ġew ippreżentati mill-appellanti. |
|
28 |
L-ewwel nett, hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi kkunsidrat bħala infondati l-argumenti invokati insostenn tagħha. |
|
29 |
Rigward il-ksur tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punti 35 sa 42 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha obbligu ta’ konsultazzjoni u li dan ikopri, minbarra l-proposti formali, l-emendi sostanzjali ta’ proposti li diġà ġew eżaminati u li hija ser timplementa. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, in-natura kemm sostanzjali, kif ukoll speċifika u limitata tal-emendi inkwistjoni, għandha tkun evalwata mill-perspettiva tal-għan tagħhom u tal-pożizzjoni li jokkupaw id-dispożizzjonijiet emendati fid-dispożittiv kollu propost għall-adozzjoni, u mhux mill-perspettiva tal-konsegwenzi individwali li dawn jistgħu jkollhom fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati bl-implementazzjoni tagħhom. |
|
30 |
Fil-każ inkwistjoni, is-sostituzzjoni tal-grad A*6 mal-grad A*7 prevista fil-proposta dwar id-dispożizzjoni li saret l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi aġġustament speċifiku tad-dispożizzjonijiet tranżitorji lejn l-istruttura l-ġdida tal-karrieri, li la l-istruttura ġenerali u lanqas is-sustanza tagħhom stess ma jidhru li huma kkonfutati minn dan l-aġġustament, sal-punt li jkunu jiġġustifikaw konsultazzjoni ġdida mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
31 |
Fir-rigward tal-ksur tat-drittijiet miksuba mill-appellanti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ non-retroattività, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punti 48 sa 62 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipproduċix effetti retroattivi. Għalhekk, hija ċaħdet l-argumenti li kienu jirreferu għad-drittijiet miksuba billi ddikjarat li l-iskrizzjoni tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni ġenerali fil-lista ta’ riżerva mħejjija wara l-proċess ta’ selezzjoni tagħti biss, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, is-sempliċi possibbiltà li jiġu maħtura uffiċjali bi prova. Din il-possibbiltà hija neċessarjament esklużiva minn kull dritt miksub, peress li l-klassifikazzjoni fil-grad ta’ kandidat magħżul iskritt fuq il-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miksuba sakemm huwa ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra skond il-formalitajiet xierqa u meħtieġa. Għaldaqstant, huwa biss wara li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni li l-kandidat magħżul ta’ kompetizzjoni ġenerali jista’ jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u, b’hekk, jitlob il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
32 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni differenti fir-rigward tal-kandidati magħżula tal-istess kompetizzjoni, skont jekk ġewx irreklutati qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 75 sa 90 tas-sentenza appellata, li ż-żewġ kategoriji ta’ persuni mhumiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, safejn l-impjieg li huwa offrut lil uffiċjal huwa ddeterminat minn deċiżjoni ta’ ħatra u peress li din tista’ tkun ibbażata biss fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data tal-adozzjoni tagħha, il-klassifikazzjoni fil-grad tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ġenerali iskritti fil-lista ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2004, imma rreklutati wara din id-data, setgħet biss issir leġittimament skont il-kriterji l-ġodda fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li taħtarhom bħala uffiċjali bi prova. Min-naħa l-oħra, il-kandidati magħżula tal-istess kompetizzjonijiet li ġew maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellhom neċessarjament jiġu ikklassifikati fil-grad abbażi tal-kriterji l-qodma li kienu għadhom fis-seħħ fid-data tal-ħatra tagħhom iżda li ġew irrevokati wara l-istess data, minħabba d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
33 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-apellanti magħżula tal-kompetizzjoni ddeduċew, mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet li jikkonċernawhom rispettivament, il-garanzija li fir-rigward tagħhom jiġu applikati r-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 95 sa 99 tas-sentenza appellata, irreferiet għall-ġurisprudenza kostanti li tipprovdi li ebda persuna ma tista’ tinvoka l-ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni u kkonstatat li l-proċess ma kien jinkludi ebda element li kien jippermetti lill-appellanti jikkonkludu li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu pprovdewhom b’xi garanziji li setgħu jnisslu fihom aspettattivi leġittimi li kienu ser jintużaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni fil-grad ta’ l-uffiċjali tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma matul ir-reklutaġġ tagħhom. Kuntrarjament, ċerti avviżi ta’ kompetizzjoni u ittri tal-Kummissjoni rrilevaw ukoll li l-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet setgħu jiġu offruti reklutaġġ abbażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
34 |
Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad tal-grupp tal-funzjonijiet indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni u l-grad mogħti waqt il-ħatra, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 108 sa 115 tas-sentenza appellata, sostniet li, min-natura tagħha stess, dispożizzjoni tranżitorja bħal dik tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tidderoga minn ċerti regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li l-applikazzjoni tagħhom hija neċessarjament affettwata mill-bdil ta’ din is-sistema. Id-deroga pprovduta minn din id-dispożizzjoni ma tmurx lilhinn minn dak li jirriżulta mill-ħatra bħala uffiċjali, skont ir-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ persuni magħżula permezz ta’ proċeduri ta’ kompetizzjonijiet li nfetħu u ntemmu filwaqt li kienu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet il-qodma. |
|
35 |
Fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 124 sa 131 tas-sentenza appellata, qieset li, safejn jistabbilixxi miżuri tranżitorji tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma lejn dawk ġodda, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala lex specialis, jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 u 7 tagħhom. |
|
36 |
It-tieni nett, dwar l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati kisru l-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tal-ekwivalenza tal- grad u tal-impjieg, ta’ bona fede u ta’ premura, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punti 147 sa 155 tas-sentenza appellata, li la l-avviżi tal-kompetizzjonijiet u lanqas l-ittri dwar l-estensjoni tal-validità tal-lista ta’ riżerva indirizzata lill-appellanti ma kienu jindikaw li l-kriterji l-ġodda ta’ klassifikazzjoni fil-grad matul ir-reklutaġġ setgħu jinkludu emenda favur it-tnaqqis tal-gradi ta’ reklutaġġ inklużi fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti jitolbu lil Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
38 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
|
39 |
Il-Kunsill isostni li numru ta’ argumenti ppreżentati mill-appellanti huma inammissibbli peress li ma jidentifikawx ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda huma sempliċement intiżi għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-argumenti li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza. |
|
40 |
Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, appell ikun inammissibbli meta, mingħajr ma jkun jinkludi argument li jidentifika speċifikament l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza inkwistjoni, sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għall-kuntrarju, meta appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mil-ġdid matul il-proċedura tal-appell. Fil-fatt, li kieku appellanti ma tkunx tista’ tibbaża l-appell tagħha fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura titlef parti mis-sinjifikat tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-29 ta’ Novembru 2007, de Bustamante Tello vs Il-Kunsill, C-10/06 P, Ġabra p. I-10381, punt 28). |
|
41 |
Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ kull aggravju, l-appellanti identifikaw l-iżbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza f’partijiet differenti tas-sentenza appellata. Il-fatt li dawn jirrepetu, f’dan il-kuntest, xi wħud mill-argumenti li huma ressqu fl-ewwel istanza għalhekk ma jistax jaffettwa bl-ebda mod l-ammissibbiltà tal-aggravji tagħhom. |
|
42 |
Isegwi li l-aggravji kollha ppreżentati mill-appellanti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli. |
Fuq l-appell
|
43 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw bosta żbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw ukoll il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-ksur tad-drittijiet tagħhom miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ non-retroattività, il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-ksur tal-Artikoli 5, 7 u 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, fir-rigward ta’ bosta punti tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
44 |
L-appellanti jikkontestaw ukoll l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-motivi invokati insostenn tal-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni u wettqet żball ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal
Fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
45 |
L-appellanti, filwaqt li jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Settembru 1998, Losch vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T-13/97, ĠabraSP p. I-A-543 u II-1633) isostnu li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 35 sa 42 tas-sentenza appellata, l-emenda tal-proposta tal-Kummissjoni, dwar is-sostituzzjoni, fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-grad A*6 mal-grad A*7 bħala grad li għandu jiġi attribwit lill-persuni li ġew imniżżla, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-lista ta’ riżerva għal grad A*7, taffettwa s-sustanza tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-effetti ta’ tali emenda, meta mqabbla mal-proposta preċedenti, għandhom jiġu evalwati mhux biss skont is-suġġett u l-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati fl-emenda inġenerali, imma wkoll b’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-uffiċjali kkonċernati. F’dan il-każ, l-imsemmija emendi, kif ġie ammess ukoll fil-punt 42 tas-sentenza appellata, għandhom impatt kunsiderevoli kemm fuq il-karriera kif ukoll fuq ir-remunerazzjoni tal-imsemmija uffiċjali. Għalhekk, l-emenda tal-proposta kellha tiġi suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
47 |
Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli timmotiva b’mod xieraq il-konklużjoni li abbażi tagħha s-sostituzzjoni tal-grad A*6 mal-grad A*7 “[t]idħol fil-loġika u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri”. Għalhekk, tali żgradar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala regola li tippermetti l-implementazzjoni progressiva tas-sistema evoluttiva tal-karrieri. |
|
48 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirrilevaw li l-emenda tal-proposta fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, mhijiex ta’ natura “sotanzjali” fis-sens tas-sentenza Losch vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq. Din tikkostitwixxi emenda minuri ta’ dispożizzjoni tranżitorja applikabbli għal grupp limitat ta’ persuni u li għalhekk tidħol fl-istruttura ġenerali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri, li kienet waħda mill-pilastri essenzjali tal-emenda għall-uffiċjali kollha. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
49 |
Skont l-Artikolu 283 KE, ir-Regolamenti tal-Persunal huma adottati mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra interessati. |
|
50 |
L-Artikolu 10, kemm dak tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma kif ukoll tar- Regolamenti tal-Persunal, jistabbilixxi t-twaqqif ta’ Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, kompost min-numru ugwali ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom. Huwa jipprovdi wkoll li dan il-Kumitat għandu jkun ikkonsultat dwar kull proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u li dan jista’ jippreżenta suġġerimenti fil-kuntest ta’ tali emenda. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 36 sa 40 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal huma manifestament irrikonċiljabbli ma’ interpretazzjoni restrittiva, iddikjarat li l-Kummissjoni hija obbligata tikkonsulta mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tad-dispożizzjonijiet regolamentari kkonċernati meta l-emendi ta’ proposta tar-Regolamenti tal-Persunal jaffettwaw b’mod sostanzjali l-istruttura tal-proposta, peress li tali obbligu huwa eskluż għall-emendi speċifiċi u limitati. Għalhekk, hija kkunsidrat, billi invokat is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra p. I-4973), li n-natura sostanzjali ta’ emenda għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tas-suġġett u tal-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati fid-dispożittiv inġenerali, u mhux mill-perspettiva tal-konsegwenzi individwali li dawn jistgħu jkollhom fuq l-uffiċjali kkonċernati. |
|
52 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, f’dan il-każ, l-emenda tal-proposta mressqa mil-leġiżlatur Komunitarju mhijiex sostanzjali, peress li hija tikkostitwixxi element addizzjonali tal-emenda li tidħol fl-istruttura ġenerali u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri. |
|
53 |
Evalwazzjoni bħal din, kuntrarjament għal dak li jirrilevaw l-appellanti, mhija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, peress li tali emenda ma titbiegħedx b’mod sostanzjali mit-test li ġie ippreżentat quddiem l-imsemmi Kumitat, li għalhekk seta’ jesprimi opinjoni dwar il-possibbiltà li tiġi prevista differenza fil-gradi ta’ reklutaġġ bejn l-uffiċjali, kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda, li ġew irreklutati qabel din id-data, u dawk li ġew irreklutati wara din id-data, ma kienx hemm bżonn li l-isemmi kumitat jerġa jiġi kkonsultat. |
|
54 |
Barra minn hekk, l-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-senteza appellata mhuwiex fondat, peress li l-motivazzjoni tal-konklużjoni, li hija esposta sewwasew fil-punt 40 tas-sentenza appellata, hija perfettament esposta fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li “l-iskjerament mill-ġdid tal-gradi ta’ klassifikazzjoni u tal-iskala tar-remunerazzjonijet ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jirriżulta mir-riforma tal-karrieri introdotta mil-leġiżlatur Komunitarju kellu bħala effett indott immedjat it-tbaxxija tal-gradi ta’ reklutaġġ ta’ l-uffiċjali l-ġodda, segwit fiż-żmien minn żvilupp tal-prospetti ta’ karriera tagħhom”. Minn din, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni, fl-imsemmi punt 40, “li s-sostituzzjoni tal-grad A *6 mal-grad A *7 inizjalment ikkunsidrat tikkostitwixxi element addizzjonali tar-riforma li jidħol fil-loġika u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri”. |
|
55 |
Isegwi li l-argumenti ppreżentati mill-appellanti għandhom jiġu kkunsidrati bħala infondati. |
Fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba mill-appellanti u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
56 |
Insostenn tal-argument ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament irrifjutat il-fatt li, qabel id-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huma setgħu jiksbu d-dritt li tiġi osservata l-klassifikazzjoni msemmija fl-avviż tal-kompetizzjonijiet. Skont l-appellanti, anki jekk l-avviż tal-kompetizzjoni u l-iskrizzjoni fuq il-lista ta’ riżerva ma jagħtu ebda dritt għal reklutaġġ, dawn joħolqu dritt għall-parteċipanti kollha fil-kompetizzjoni u, a fortiori, għal dawk imniżżla fuq din il-lista, li jiġu ttrattati skont l-imsemmi avviż (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1985, Spachis vs Il-Kummissjoni, 138/84, Ġabra p. 1939) kif ukoll, skont il-każ, li jiġu rreklutati fil-livell u skont il-funzjonijiet imniżżla fl-avviż tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-kandidati mniżżla fuq il-lista ta’ riżerva jiksbu dritt fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg fil-mument tal-ħatra eventwali tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li erba’ minnhom kienu rċevew id-deċiżjoni ta’ reklutaġġ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx risposta għal dawn l-argumenti fis-sentenza appellata, hija kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
|
57 |
Il-Kummissjoni twieġeb li l-osservanza tad-drittijiet miksuba hija imposta fuq il-leġiżlatur meta sitwazzjoni ta’ dritt hija definittivament stabbilita taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti u li t-twettiq tal-vantaġġ effettiv li hija tagħti lill-persuna la tiddependi iktar fuq xi att u lanqas fuq ommissjoni tal-awtorità pubblika li fir-rigward tagħhom hija għandha setgħa diskrezzjonali, jew, iktar u iktar, marġni ta’ diskrezzjoni. |
|
58 |
Is-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-iskrizzjoni fuq lista ta’ riżerva stabbilita wara kompetizzjoni ġenerali ma tikkostitwixxix dritt miksub, iżda possibbiltà ta’ ħatra, peress li l-fatt li ta lok għad-dritt tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal huwa stabbilit mill-att tal-ħatra. Għalhekk, huwa kontradittorju li jiġi mitlub, bħal ma jitolbu l-appellanti, li l-persuni li huma mniżżla fil-lista ta’ riżerva m’għandhomx il-possibbiltà li jitolbu l-maius, jiġifieri l-ħatra bħala uffiċjal bi prova, iżda għandhom id-dritt għall-minus, jiġifieri għal ċertu grad ta’ reklutaġġ. |
|
59 |
Il-Kunsill, li jippreżenta argumenti simili għal dawk invokati mill-Kummissjoni, isostni wkoll li l-avviż tal-kompetizzjoni, għalkemm jorbot lill-Awtorità tal-Ħatra, ma jipprekludix lill-leġiżlatur milli, fil-kuntest tar-riforma tas-sistema tal-karrieri, jiddetermina l-ekwivalenza tal-gradi tal-kompetizzjoni mal-gradi tar-reklutaġġ skont is-sistema l-ġdida. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra 1975 p. 463, punt 4). Minn dan jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur. |
|
61 |
Huwa prinċipju stabbilit li l-liġijiet rettifikattivi ta’ dispożizzjoni leġiżlattivi, bħal ma huwa r-Regolament ta’ rettifika tar-Regolamenti tal-Persunal, japplikaw, jekk ma jkunx hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nibtu taħt il-liġi l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music, C-60/98, Ġabra p. I-3939, punt 24). |
|
62 |
Dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 7; tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD, 143/73, Ġabra p. 1433, punt 8, u tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31). |
|
63 |
Dritt huwa kkunsidrat bħala miksub meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt li l-fatt li ta lok għalih madankollu ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata. |
|
64 |
F’dan il-każ, fid-data tad-dħul fi-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, l-appellanti kienu kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni, imniżżla fuq lista ta’ riżerva. F’din il-kwalità, huma ma kellhom ebda dritt miksub li jinħatru, imma kellhom biss il-possibbiltà li jinħatru. Il-klassifikazzjoni fi grad tagħhom kienet suġġetta għal ħatra tagħhom, li tirriżulta mis-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra. |
|
65 |
Minn dan jirriżulta li, safejn is-sitwazzjoni li toħloq id-dritt tal-appellanti fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ma kinitx seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ma jistgħu jinvokaw ebda dritt miksub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gillet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5). |
|
66 |
Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw ukoll għal dawk, fost l-appellanti, li ġew irreklutati bħala uffiċjali bi prova qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li ġew maħtura bħala uffiċjali wara din id-data. |
|
67 |
Għalhekk, billi ġie kkonstatat f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ drittijiet miksuba bħala kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet ikkonċernati, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tinkludi ebda ksur tal-prinċipju invokat mill-appellanti u tirrispondi biżżejjed skont il-liġi d-domandi magħmula mill-appellanti fl-ewwel istanza. |
|
68 |
Għalhekk dan l-argument għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat. |
Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u tal-ġerarkija tan-normi, tal-protezzjoni ġurisdizzjonali u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
69 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, l-appellanti jsostnu li l-kandidati magħżula kollha ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxu kategorija waħda u unika għall-finijiet tal-osservanza ta’ dawn il-prinċipji. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-imsemmija prinċipji billi kkunsidrat li l-persuni magħżula wara l-istess kompetizzjoni m’għandhomx id-drittijiet kollha li jiġu kklassifikati skont l-avviż tagħhom. |
|
70 |
Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ tali konstatazzjoni, irrikonoxxiet lil-leġiżlatur is-setgħa li jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma jkun obbligat josserva l-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni. Għalhekk, minn naħa, hija eskludiet il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq is-setgħa tal-leġiżlatur, kuntrarjament għal bażi stess tal-Istat ta’ dritt u b’mod partikolari tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, u min-naħa l-oħra, kisret il-prinċipju tal-protezzjoni ġurisdizzjonali. Il-qorti Komunitarja għandha, min-naħa l-oħra, tevalwa jekk tali differenza fit-trattament li tirriżulta mid-dħul fis-seħħ ta’ emenda tar-regoli ta’ dritt għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata. |
|
71 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla tagħha li tinjora s-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri (T-121/97, Ġabra p. II-3885), li fiha hija kkonstatat ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fil-qasam tad-drittijiet tal-pensjonijiet tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
72 |
Fl-aħħar nett, l-appellanti jirrilevaw żball ta’ dritt fil-punt 89 tas-sentenza appellata, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet diskriminazzjoni abbażi tal-età, peress li l-appellanti, b’mod partikolari dawk l-iktar anzjani fosthom, kienu jinsabu, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ikklassifikati fil-livell fil-bidu tal-karriera minkejja li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ tagħhom, fil-gradi A7/A6 jew B5/B4, esperjenza professjonali li kienet barra minn hekk meħtieġa. |
|
73 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhija bl-ebda mod ibbażata fuq il-premessa li tipprovdi li l-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex marbut mil-prinċipju ta’ trattament ugwali. Min-naħa l-oħra, hija tqajjem il-kwistjoni tal-portata intertemporali ta’ dan il-prinċipju u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur huwa kompetenti li jadotta, għall-futur, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis bħala konformi mal-interess tas-servizz. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, anki jekk dawn l-emendi jwasslu għal sitwazzjoni inqas favorevoli għall-uffiċjali minn dik li kienet tirriżulta mid-dispożizzjonijet il-qodma, il-partijiet ma jistgħux jitolbu ż-żamma ta’ stat ta’ dritt li setgħu jibbenefikaw minnu fi żmien partikolari. |
|
74 |
Fil-fatt, il-prinċipju ta’ trattament ugwali m’għandux portata intertemporali fis-sens li ma jipprekludix li jkun hemm varjazzjoni tar-regoli ta’ dritt. Għalhekk, il-fatt li leġiżlazzjoni ġdida tittratta l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti b’mod differenti milli din kienet tittrattaha qabel l-emenda leġiżlattiva, ma jmurx kontra dan il-prinċipju. |
|
75 |
Il-Kunsill jippreżenta argumenti simili għal dawk invokati mill-Kummissjoni. Huwa jsostni li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali skont il-kriterji indikati mill-appellanti tirriżulta fin-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn l-uffiċjali differenti rreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004, skont jekk kinux kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet li seħħew qabel jew wara din id-data. Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, l-uffiċjali rreklutati wara din id-data jikkostitwixxi kategorija waħda li kellhom id-dritt għall-istess trattament skont ir-Regolamenti tal-Persunal. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
76 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju, meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tagħhom ma jkollhom ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti waqt ir-reklutaġġ tagħhom u li dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Martínez del Peral Cagigal vs Il-Kummissjoni, C-459/98 P, Ġabra p. I-135, punt 50). |
|
77 |
Fil-punti 79 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-klassifikazzjoni fl-grad tal-appellanti ma setgħetx tiġi legalment affettwata ħlief bl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Minn din hija kkonkludiet li l-appellanti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu fl-istess kategorija bħall-uffiċjali tal-istess kompetizzjoni maħtura qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li għalihom kellha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-emenda. Għalhekk, hija ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, billi pprovdiet fir-rigward tal-appellanti sistema li hija differenti minn applikabbli għall-uffiċjali oħra, ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. |
|
78 |
F’dan r-rigward, għandu jiġi mfakkar li, huwa paċifiku li l-leġiżlatur huwa marbut, matul l-adozzjoni tar-regoli applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tas-servizz pubbliku Komunitajru, bl-osservanza tal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali. |
|
79 |
Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur, billi adotta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li minnhom tirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li huma kandidati magħżula tal-istess kompetizzjoni, irreklutati rispettivament qabel u wara l-emenda, ma kisirx tali prinċipju, peress li t-trattament differenti jaffettwa l-uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika. |
|
80 |
Fil-fatt, l-appellanti, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala uffiċjali rreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004, mhumiex fl-istess sitwazzjoni ġuridika bħal dawk l-uffiċjali li ġew irreklutati qabel din id-data peress li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-emenda, b’differenza mill-uffiċjali diġà rreklutati, kellhom biss il-possibbiltà li jinħatru. |
|
81 |
Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, jiġifieri d-data tar-reklutaġġ deċiża mill-Awtorità tal-Ħatra. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li billi wieżen l-interessi tal-kategoriji ta’ uffiċjali differenti fil-kuntest tal-introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ validament jiddeċiedi li r-reklutaġġ tal-persuni fis-sitwazzjoni partikolari tal-appellanti jseħħ skont it-terminu tas-sistema l-ġdida, filwaqt li jagħtihom trattament iktar favorevoli minn dak applikat għall-uffiċjali li kienu kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet li seħħew wara l-1 ta’ Mejju 2004 u li ġew irreklutati sussegwentement. |
|
82 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, iddeċidiet fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u min-naħa l-oħra, ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni li għamlet dwar l-osservanza ta’ dan il-prinċipju. |
|
83 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li ġiet invokata mill-appellanti fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-iktar appellanti anzjani, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie ddikjarat b’mod ġust mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni indikati fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma manifestament irrilevanti fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-kandidati magħżula fil-kompetizzjonijiet ikkonċernati, u barra minn hekk, huma jipprevedu, fir-rigward tal-kategorija A, differenza bejn il-grad ta’ bażi A*5 (grad ta’ qabel A8) u l-grad ogħla A*6 (grad ta’ qabel A7/A6). |
|
84 |
Għalhekk, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-non diskriminazzjoni, tas-separazzjoni tal-poteri u tal-ġerarkija tan-normi, kif ukoll tad-dritt tal-protezzjoni ġurisdizzjonali għandhom jiġu miċħuda. |
|
85 |
Barra minn hekk, peress li s-sentenza appellata kienet suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija ma spjegatx fil-motivazzjoni tas-sentenza d-differenza bejn l-evalwazzjoni tagħha f’din il-kawża meta mqabbla ma’ dik li hija għamlet fis-sentenza preċedenti tagħha, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
86 |
Isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq l-iżnaturament tal-provi
— L-argumenti tal-partijiet
|
87 |
Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ddikjarat li l-amministrazzjoni ma tat ebda garanzija preċiża fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom, kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u żżnaturat il-proċess. Huma jenfasizzaw li, mhux biss talli l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ma kienu jagħmlu ebda riferiment għall-ħidma tal-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u li kull dokumentazzjoni bil-miktub aċċessibbli fis-siti Internet kienet tirreferi għar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, iżda talli, barra minn hekk, fir-rigward ta’ erba’ fosthom, ebda indikazzjoni ta’ sistema ġdida ma kienet mogħtija la fl-ittri tal-offerta ta’ impjieg, li wasslu qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda, u lanqas waqt il-viżta medikali tar-reklutaġġ. Fil-fatt, l-amministrazzjoni infurmat lil is-Sinjura Fumey l-istess jum tad-dħul tagħha fis-servizz u lil E. Gerhards u lil T. Millar permezz ta’ ittra “rettifikattiva” tal-offerta ta’ reklutaġġ, li huma rċevew qabel id-dħul fis-servizz tagħhom. |
|
88 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill iwieġbu li l-garanziji mogħtija minn awtorità amministrattiva ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti tal-leġiżlatur Komunitarju. Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq id-diversi elementi ta’ fatt huma irrelevanti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentati fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, huma jirrilevaw ukoll li l-garanziji tal-amministrazzjoni li ma ħadux inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet applikabbli ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fil-persuna kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, skont l-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-differenza bejn is-sitwazzjonijiet tad-diversi appellanti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
89 |
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li mill-proċess ma jirriżulta ebda element li jippermetti lill-appellanti jikkonkludu li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu pprovdewhom b’xi garanziji li jistgħu jnisslu fihom aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni fil-grad tal-uffiċjali tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma matul ir-reklutaġġ tagħhom. |
|
90 |
Huwa paċifiku li, fil-każ preżenti, qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, ċerti appellanti kienu rċevew indikazzjonijiet min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom skont il-kriterji stabbiliti fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet. Madankollu, dawn l-indikazzjonijiet kellhom magħhom twissijiet dwar il-possibbiltà li jkun hemm proposta ta’ reklutaġġ fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
91 |
Għalhekk, anki jekk tali indikazzjonijiet jitqiesu li huma garanziji preċiżi li jistgħu jnisslu fid-destinatarji aspettattivi leġittimi, għandu jiġi eskluż, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-appellanti jistgħu jinvokawhom sabiex jikkontestaw il-legalità tar-regola ġuridika li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, il-persuni ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, l-iktar fil-qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kunsill, C-284/94, Ġabra I-7309, punt 43). |
|
92 |
Kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tagħha, l-atti tal-amministrazzjoni ma jistgħux jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu parametru ta’ legalità li huwa għandu jikkonforma ruħu magħhom. |
|
93 |
Isegwi li l-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mhumiex fondati u dawk dwar l-iżnaturament tal-provi huma, min-naħa tagħhom, irrilevanti. |
Fuq il-ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
94 |
Skont l-appellanti, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII huwa kunfliġġenti mal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-dritt tal-kandidati li jiġu maħtura fil-grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikati fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni għandhom, fir-rigward tal-appellanti u tal-Awtorità tal-Ħatra, effett definittiv u mhux tranżitorju. Fil-fatt, l-appellanti huma definittivament maħtura skont id-dispożizzjonijiet magħrufa bħala “tranżitorji” u l-klassifikazzjoni stabbilita fid-data ta’ effett tal-ħatra tagħhom tapplika għal karriera tagħhom kollha. Barra minn hekk, huma jirrilevaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx ir-raġuni għad-deroga mir-regoli tranżitorji applikabbli għall-uffiċjali l-oħra, li ġiet introdotta fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
95 |
Skont il-Kummissjoni, hemm lok li ssir distinzjoni, fir-rigward tal-għażla bejn natura tranżitorja jew definittiva, bejn, minn naħa, dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-effetti ġuridiċi ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta’ tali dispożizzjoni. Fil-fatt, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tranżitorji d-dispożizzjonijiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal sitwazzjonijiet li jeżistu fil-mument jew matul perijodu partikolari. Min-naħa l-oħra, l-effetti ġuridiċi ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tranżitorja jistgħu effettivament ikunu ta’ natura definittiva. Għalhekk, in-natura tranżitorja tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII hija tabilħaqq kompatibbli man-natura definittiva tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni. |
|
96 |
Il-Kunsill isostni wkoll li l-imsemmi Artikolu 12(3) jista’ jidderoga mill-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li ż-żewġ dispożizzjonijiet jinsabu fl-istess att leġiżlattiv u għandhom l-istess livell u li, barra minn hekk, l-ewwel regola tkopri sitwazzjoni speċifika filwaqt li t-tieni waħda hija regola ġenerali. Għalhekk, il-fatt li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed sabiex jeskludi kull inkompatibbiltà bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
97 |
Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati ta’ kompetizzjoni “għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, ippreżentat fl-avviż tal-kompetizzjoni li għaddew minnha”. |
|
98 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li ddeċidiet fuq l-argumenti ibbażati fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel xejn sostniet, fil-punt 109 tas-sentenza appellata li, għalkemm huwa neċessarjament dedott mill-imsemmija dispożizzjoni l-ġdida li l-kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għandhom jinħatru uffiċjali bi prova fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li permezz tiegħu huma ġew irreklutati, id-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet għal dawn il-pożizzjonijiet, li l-Kummissjoni kienet wettqet fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta kitbet l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ikkontestati, ma setgħetx testendi l-effetti tagħha lilhinn mid-data ta’ l-1 ta’ Mejju 2004, meqjusa mil-leġiżlatur Komunitarju għad-dħul fis-seħħ ta’ l-istruttura l-ġdida ta’ karrieri. |
|
99 |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punti 110 sa 113 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija dispożizzjoni tranżitorja li għandha l-għan uniku li tiddetermina l-klassifikazzjoni ta’ ċerta kategorija ta’ uffiċjali u li l-leġiżlatur ikun jista’, fl-interess tas-servizz, jadotta għal futur emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk id-dispożizzjonijiet huma inqas favorevoli minn dawk il-qodma. |
|
100 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex ivvizzjati minn żball ta’ liġi. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm kandidat magħżul ta’ kompetizzjoni bħala prinċipju għandu, abbażi tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt li jiġi attribwit il-grad ta’ funzjoni indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni jekk dan jinħatar, din id-dispożizzjoni tista’ biss tapplika fir-rigward tad-dritt eżistenti, peress li hija ma tistax tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjoni mhux konformi mar-Regolamenti tal-Persunal kif emendat mil-leġiżlatur Komunitarju, u għalhekk, illegali. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, l-appellanti, bħala kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistgħu jinvokaw ebda dritt miksub qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regoalmenti tal-Persunal sabiex jiġi maħtura fi grad partikolari. Għalhekk, tali dritt ma jistax jiġi invokat abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
101 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali, jista’ jinkludi deroga mir-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għal kategorija partikolari ta’ uffiċjali. |
|
102 |
Għalhekk, l-argumenti tal-appellanti intiżi li jikkonstataw żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni dwar l-allegat ksur ta’ dan l-Artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal u n-nuqqas ta’ motivazzjoni mhumiex fondati. |
Fuq il-ksur tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
|
103 |
Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament ikkunsidrat li dispożizzjoni tranżitorja tista’ tidderoga mill-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ korrispondenza bejn l-impjieg u l-grad tal-uffiċjal. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li dispożizzjoni tranżitorja tista’ tidderoga minn kull dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt. |
|
104 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li l-appellanti jinterpretaw inkorrettament is-sentenza appellata fis-sens li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII jidderoga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Kuntrarjament, skont interpretazzjoni korretta tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-bilanċ bejn il-grad u l-impjieg huwa miżmum. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
105 |
L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għandhom jiġu kkunsidrati bħala fondati. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jirrilevaw l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 126 sa 128 tas-sentenza appellata, ma ddikjaratx li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jidderoga mill-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal li jevokaw il-prinċipji ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg. Kuntrarjament, hija tiddikjara, b’mod partikolari fil-punti 126 u 131 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kriterji ta’ applikazzjoni ta’ tali prinċipju għall-uffiċjali rreklutati matul perijodu tranżitorju. |
|
106 |
Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġi kkunsidrati bħala infondati. |
|
107 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jiġu kkonstati żbalji ta’ liġi kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati
L-argumenti tal-partijiet
|
108 |
L-appellanti jsostnu li billi ċaħdet il-motivi ta’ annullament dwar id-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret kemm il-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, peress li hija kienet impliċitament ikkunsidrat bħala illegali d-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ ċerti kandidati magħżula tal-istess kompetizzjoni tal-appellanti, li seħħew bi priorità f’data qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u ma kinitx ikkonstatat li, billi ttrattat b’mod differenti lill-kandidati magħżula qabel l-1 ta’ Mejju 2004 meta mqabbla mal-appellanti, il-Kummisjoni kisret dan il-prinċipju. |
|
109 |
Il-Kummissjoni tiddikjara li l-interpretazzjoni tal-appellanti dwar is-sentenza kkontestata hija żbaljata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
110 |
Fis-sentenza kkontestata, b’mod partikolari, fil-punti 150 sa 152 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, iddikjarat li n-nuqqas ta’ informazzjoni preliminari fir-rigward tal-appellanti ma jistax ikun ta’ natura li jimplika, waħdu, l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. It-tieni nett, hija fakkret li, skont ġurisprudenza kostanti, il-legalità ta’ att individwali kkontestat quddiem il-qorti Komunitarja għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data li fiha ġie adottat l-att u li, f’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet inkwistjoni ġew adottati kollha skont id-dispożizzjonijiet imperattivi ġodda tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-illegalità tagħhom ma ġietx ikkonstatata. |
|
111 |
Kunsiderazzjonijiet bħal dawn, safejn huma jibbażaw l-evalwazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq il-bażi legali korretta, jiġifieri fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 87) mhumiex ivvizzjati minn ebda żball ta’ liġi u joffru motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward taċ-ċaħda tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza. Għalhekk, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni huma rrilevanti u dawk ibbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni huma infondati. |
|
112 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat u għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
113 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 70 ta’ dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 122 ta’ dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli f’każ ta’ appell mressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta’ istituzzjoni kontra l-istess istituzzjoni |
|
114 |
Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-kawża, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
|
115 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ukoll applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, l-intervenjenti fil-kawża preżenti għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.