Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CC0520

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - - 24 ta' Jannar 2008.
    Gerhard Schultz-Hoff vs Deutsche Rentenversicherung Bund (C-350/06) u Stringer et. vs Her Majesty's Revenue and Customs (C-520/06).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Landesarbeitsgericht Düsseldorf (C-350/06) - il-Ġermanja u House of Lords (C-520/06) - ir-Renju Unit.
    Kundizzjonijiet tax-xogħol - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Direttiva 2003/88/KE - Dritt għal-leave annwali bil-ħlas - Leave tal-mard - Leave annwali li jaħbat ma’ leave tal-mard - Kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jitteħidx qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt minħabba mard.
    Każijiet Magħquda C-350/06 u C-520/06.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:38

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    VERICA TRSTENJAK

    ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008 ( 1 )

    Kawżi magħquda C-350/06 u C-520/06

    Gerhard Schultz-Hoff

    Stringer et

    vs vs

    Deutsche Rentenversicherung Bund

    Her Majesty's Revenue and Customs

    Werrej

     

    I — Introduzzjoni

     

    II — Il-kuntest ġuridiku

     

    A — Id-dritt Komunitarju

     

    B — Il-liġi nazzjonali

     

    III — Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi rrinvjati

     

    IV — Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    V — L-argumenti prinċipali tal-partijiet

     

    A — L-ewwel domanda

     

    B — It-tieni domanda

     

    VI — Analiżi

     

    A — Fuq l-ewwel domanda

     

    1. Rimarki preliminari

     

    2. Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bħala dritt soċjali fundamentali

     

    3. Id-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas fid-dritt Komunitarju

     

    a) Il-kompetenza tal-Komunità sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-protezzjoni mogħtija mir-regola

     

    b) Il-livell ta’ protezzjoni garantit mid-dritt Komunitarju

     

    c) Il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132

     

    4. Il-projbizzjoni tal-liġi dwar l-impjieg ta’ effetti negattivi bħala ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas

     

    a) Il-projbizzjoni ta’ effetti negattivi skont il-Konvenzjoni Nru 132

     

    b) L-applikabbilità tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza

     

    c) Inkomaptibbiltà mal-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

     

    5. Konklużjoni

     

    B — It-tieni domanda

     

    VII — Konklużjoni

    “Kundizzjonijiet tax-xogħol — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali bil-ħlas — Leave tal-mard — Leave annwali li jaħbat ma’ leave tal-mard — Kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed qabel tmiem il-kuntratt minħabba mard”

    I — Introduzzjoni

    1.

    B’digriet tat-13 ta’ Diċembru 2006 l-House of Lords irrinivjat lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi għal deċiżjoni prelminari skont l-Artikolu 234 KE dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ) (‘id-Direttiva 2003/88’).

    2.

    Id-domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja tqajmu f’kawża ppreżentata minn ex impjegati u impjegati eżistenti (iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) tal-awtorità amministrattiva Britannika tat-taxxi u d-dwana, HM Revenue and Customs, kontra dik l-awtorità (iktar ’il quddiem, l-“appellata”) fejn l-ogħla qorti tal-appell tar-Renju Unit f’kwistjonijiet ċivili qed tintalab tiddeċiedi jekk l-appellanti għandhomx drittijiet kontra l-appellata għal-leave annwali mħallas jew għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed.

    3.

    Dawn id-domandi essenzjalment jirrigwardaw il-kwistjoni jekk ħaddiem li jkun assenti bil-leave għal mard huwiex intitolat jieħu leave annwali bil-ħlas matul il-perijodu tal-leave għal mard u safejn ħaddiem li jkun assenti bil-leave għal mard matul is-sena ta’ leave in kwistjoni kollha jew matul parti minnha huwa intitolat għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-dritt Komunitarju

    4.

    Id-Direttiva 2003/88 issostitwiet id-Direttiva 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 3 ) fit-. L-għan tagħha, bħal dak tad-direttiva li ppreċedietha, huwa li tistabbilixxi obbligi minimi speċifiċi dwar sigurtà u saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. L-Artikolu 7 tagħha, li nżamm mingħajr tibdil, jistipula kif ġej:

    Leave Annwali

    1)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas [bil-ħlas] ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

    2)   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas [bil-ħlas] ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens [għal-leave li ma jkunx ittieħed], apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.

    5.

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet. L-Artikolu 7 mhuwiex waħda mid-dispożizzjonijiet li minnhom id-Direttiva 2003/88 tippermetti deroga.

    B — Il-liġi nazzjonali

    6.

    L-Artikolu 7(1) u inparti anki l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ġew trasposti fir-Renju Unit bir-Regolamenti 13 u 16 tal-Working Time Regulations 1998 (SI 1998/1833) (ir-Regolamenti dwar il-Ħin tax-Xogħol, iktar ’il quddiem ir-“RĦX”). Fil-verżjoni emendata mill-Working Time (Amendment) Regulations 2001 (SI 2001/3256) (ir-Regolamenti li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Ħin tax-Xogħol), dawn jipprovdu, safejn hu rilevanti hawnhekk, kif ġej:

    Regolament 13

    (1)   Bla ħsara għall-paragrafu (5), ħaddiem huwa intitolat għal erba’ ġimgħat leave annwali f’kull sena ta’ leave.

    […]

    (5)   Meta d-data li fiha jibda l-impjieg ta’ ħaddiem tkun iktar tard mid-data meta (permezz ta’ ftehim rilevanti) tibda l-ewwel sena ta’ leave tiegħu, il-leave li jkun intitolat għalih f’dik is-sena ta’ leave huwa proporzjon tal-perijodu applikabbli skont il-paragrafu (1) ugwali għall-proporzjon ta’ dik is-sena ta’ leave li jkun fadal fid-data li fiha l-impieg tiegħu ikun beda.

    […]

    (9)   Il-leave li għalih huwa intitolat ħaddiem skont dan ir-regolament jista’ ma jkunx ittieħed f’daqqa, iżda -

    a)

    jista’ jittieħed biss fis-sena ta’ leave fir-rigward ta’ liema hu dovut, u

    b)

    ma jistax jiġi sostitwit b’pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed ħlief fejn l-impieg tal-ħaddiem jiġi tterminat.

    […]

    Regolament 16

    (1)   Ħaddiem huwa intitolat jitħallas fir-rigward ta’ kull perijodu ta’ leave annwali li għalih huwa intitolat skont ir-regolament 13, bir-rata ta’ paga ta’ ġimgħa fir-rigward ta’ kull ġimgħa ta’ leave.”

    7.

    Il-kalkolu ta’ “paga ta’ ġimgħa” hu speċifikat fil-leġiżlazzjoni. F’termini wiesgħa dan hu ekwivalenti għall-ammont li ħaddiem jaqla’ normalment f’ġimgħa.

    8.

    Sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas skont ir-Regolament 13 RĦX, ħaddiem hu meħtieġ jagħti avviż bil-quddiem lil min jimpjegah (iktar ’il quddiem is-“sid”) skont ir-Regolament 15 RĦX, li jipprovdi, sa fejn hu rilevanti hawnhekk, kif ġej:

    “(1)   Ħaddiem jista’ jieħu l-leave li għalih huwa intitolat skont ir-Regolament 13 f’dawk il-ġranet li jagħżel hu billi jagħti avviż lil min jimpjegah b’mod konformi mal-paragrafu (3), bla ħsara għal kwalunkwe obbligu impost fuqu minn min jimpjegah skont il-paragrafu (2).

    (2)   Min jimpjega ħaddiem jista’ jobbligah —

    a)

    jieħu l-leave li għalih huwa intitolat il-ħaddiem skont ir-Regolament 13; jew

    b)

    ma jiħux dan il-leave,

    fi ġranet partikolari, billi jagħti avviż lill-ħaddiem b’mod konformi mal-paragrafu (3).

    (3)   Avviż skont il-paragrafu (1) u (2)

    a)

    jista’ jirreferi għal-leave kollu jew parti minnu li għalih huwa intitolat ħaddiem f’sena ta’ leave;

    b)

    għandu jispeċifika l-ġranet li fihom il-leave għandu jew (skont il-każ) m’għandux jittieħed u, fejn il-leave f’ġurnata partikolari jirrigwarda biss parti mill-ġurnata, it-tul ta’ żmien tiegħu; u

    c)

    għandu jingħata lil min jimpjega jew, skont il-każ, lill-ħaddiem qabel id-data rilevanti.

    (4)   Id-data rilevanti, għall-iskopijiet tal-paragrafu (3) għandha tikkorrispondi -

    a)

    fil-każ ta’ avviż skont il-paragrafu (1) jew (2), għad-doppju tan-numru ta’ ġranet sħaħ jew parzjali li jirreferi għalihom l-avviż qabel l-ewwel ġurnata indikata fl-avviż; u

    b)

    fil-każ ta’ avviż skont paragrafu (2)(b) għall-istess numru ta’ ġranet sħaħ jew parzjali li jirreferi għalihom l-avviż qabel l-ewwel ġurnata indikata fih.”

    9.

    Ir-Regolament 14 RĦX jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata. Dan jipprovdi kif ġej:

    “(1)   Dan ir-regolament japplika fejn:

    a)

    l-impjieg ta’ ħaddiem jiġi tterminat matul is-sena ta’ leave tiegħu, u

    b)

    fid-data meta t-terminazzjoni tieħu effett (‘id-data tat-terminazzjoni’), il-proporzjon li jkun ħa mil-leave li għalih hu intitolat fis-sena ta’ leave skont ir-regolament 13 ikun differenti mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet.

    (2)   Meta l-proporzjon ta’ leave li jkun ittieħed mill-ħaddiem huwa inqas mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet, min jimpjegah għandu jħallsu benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed b’mod konformi mal-paragrafu (3).

    (3)   Il-ħlas dovut skont il-paragrafu (2) għandu jkun —

    a)

    dik is-somma li jista’ jkun li tkun ġiet ipprovvduta għall-finijiet ta’ dan ir-regolament fi ftehim rilevanti, jew

    b)

    […] somma ugwali għall-ammont li kien ikun dovut lill-ħaddiem skont ir-Regolament 16 fir-rigward ta’ perijodu ta’ leave stabbilit skont il-formula —

    Formula

    fejn —

    A

    huwa l-perijodu ta’ leave li għalih hu intitolat il-ħaddiem skont ir-Regolament 13;

    B

    huwa l-proporzjon tas-sena ta’ leave tal-ħaddiem li jkun għadda qabel id-data tat-terminazzjoni.

    C

    huwa l-perijodu ta’ leave meħud mill-ħaddiem bejn il-bidu tas-sena ta’ leave u d-data tat-terminazzjoni.”

    III — Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi rrinvjati

    10.

    L-appellanti fil-kawża prinċipali kienu kollha ħaddiema impjegati mal-appellata ( 4 ). Huma jaqgħu taħt żewġ kategoriji.

    11.

    Fl-ewwel kategorija hemm S. Khan. Din kienet ħadet leave tal-mard għal perijodu indefinit matul numru ta’ xhur u kienet qiegħda titħallas benefiċċju għall-mard. Fl-10 ta’ Ottubru 2003, matul dak il-perijodu ta’ leave tal-mard hija tat avviż lis-sid tagħha fejn informatu li xtaqet tieħu 20 ġurnata leave annwali bil-ħlas mis-17 ta’ Novembru sal-. Is-sid irrifjuta din it-talba. S. Khan bdiet proċeduri quddiem l-Emloyment Tribunal abbażi tar-Regolament 13 RĦX fejn sostniet li kellha d-dritt tieħu l-leave annwali u titħallas matul il-leave annwali tagħha skont ir-Regolament 16 RĦX. L-Employment Tribunal laqa’ t-talba tagħha u ordna lis-sid biex iħallasha GBP 595.32.

    12.

    Fit-tieni kategorija hemm K. Ainsworth, S. Kilic u M. Thwaites. Huma lkoll ġew imkeċċija mis-sid tagħhom. Kollha kienu ħadu leave tal-mard fit-tul u kienu ħadu l-leave tal-mard matul is-sena ta’ leave li fiha tkeċċew. Ħadd minnhom ma kien ħa xi leave annwali matul dik is-sena. Huma bdew proċeduri quddiem l-Employment Tribunal fejn talbu pagamenti skont ir-Regolament 14 RĦX, li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-ħaddiema meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun ġiet itterminata. F’kull każ l-Employment Tribunal laqa’ t-talbiet tagħhom u kkalkula l-kumpens dovut skont il-formula tar-regolament 14(3) RĦX. B’hekk, K. Ainsworth ġie akkordat GBP 16.14, S. Kilic GBP 454.74 u M.Thwaites GBP 967.14.

    13.

    L-appellata appellat minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Employment Appeals Tribunal, li ċaħad l-appelli imma awtorizza li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Court of Appeal.

    14.

    Il-Court of Appeal semgħet il-kawżi flimkien u laqgħet l-appell tas-sid. Din iddeċidiet (fost affarijiet oħra) kif ġej:

    Fil-każ ta’ S. Khan, il-Court of Appeal aċċettat is-sottomissjoni tas-sid li ħaddiem ma jistax jieħu l-leave annwali tiegħu għall-finijiet tar-Regolament 13 matul perijodu li fih ħaddiem ikun bil-leave tal-mard u b’riżultat ta’ dan ma jkunx obbligat jaħdem.

    Fil-każ ta’ K. Ainsworth, S. Kilic u M. Thwaites, il-Court of Appeal aċċettat l-argument tas-sid li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens dovut mat-terminazzjoni skont ir-Regolament 14, jekk ħaddiem ma jkollu ebda dritt jieħu leave annwali skont ir-Regolament 13 għax kien assenti minħabba mard, konsegwentement ma jkunx intitolat għal pagament kumpensatorju skont ir-Regolament 14.

    15.

    L-impjegati appellaw quddiem il-House of Lords. Wara li semgħet il-partijiet, il-House of Lords ikkonkludiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 hija miftuħa għall-kontestazzjoni. Hija tieħu l-pożizzjoni li, għalkemm il-kwistjonijiet imqajma fil-kawża preżenti huma simili għal dawk li tqajmu fil-Kawża C-350/06 Schultz-Hoff, f’ċerti aspetti huma differenti. Id-domandi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schultz-Hoff jistgħu għalhekk ma jkunux determinanti għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet imqajma fl-appell preżenti. Hija għalhekk iddeċidiet li tirrinvija d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddisponi mill-appelli:

    “(1)

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jieħu leave tal-mard għal perijodu indefinit għandu d-dritt (i) jagħżel perijodu fil-futur bħala leave annwali mħallas u (ii) jieħu leave annwali mħallas, fiż-żewġ każijiet matul perijodu li altrimenti kien ikun inkluż fil-leave għal mard?

    (2)

    Jekk Stat Membru jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu biex jissostitwixxi l-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed mat-terminazzjoni ta’ impjieg skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE, f’ċirkostanzi fejn ħaddiem ikun ilu bil-leave għal mard għas-sena ta’ leave kollha jew għal parti mis-sena ta’ leave li fiha r-relazzjoni tal-impjieg tkun ġiet itterminata, l-Artikolu 7(2) jimponi xi obbligi jew jistabbilixxi xi kriterji dwar jekk il-benefiċċju għandux jitħallas jew dwar kif għandu jiġi kkalkolat?”

    IV — Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2006.

    17.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-appellanti fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tas-Slovenja, tal-Belġju, tal-Italja, tal-Polonja u tar-Repubblika Ċeka, u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

    18.

    Waqt is-seduta fl-20 ta’ Novembru 2007 ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mill-aġenti tal-appellanti fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Olanda, u mill-Kummissjoni.

    V — L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    A — L-ewwel domanda

    19.

    L-appellanti jsostnu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ipprovdut mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 huwa dritt soċjali fundamentali li minnu ma jista’ jkun hemm ebda deroga. L-iskop tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema bl-approssimazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-leave, jiġi, huma jissottomettu, imdgħajjef jekk ħaddiem kellu jiġi mċaħħad mid-dritt li jindika perijodu partikolari bħala leave. Barra dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja id-dritt li wieħed jieħu perijodu ta’ leave iggarantit mil-liġi Komunitarja ma jistax jaffettwa d-dritt li wieħed jieħu perijodu ta’ leave ieħor iggarantit b’dik il-liġi u li jservi għan differenti. Fl-aħħar nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li assenza bil-leave tal-mard tneħħi jew tnaqqas id-dritt li wieħed jieħu leave annwali tostakola l-eżerċizzju effettiv ta’ dak id-dritt.

    20.

    Il-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tas-Slovenja u tar-Renju Unit jieħdu pożizzjoni differenti.

    21.

    Fil-fehma tal-Gvern Belġjan, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fin-negattiv fid-dawl tal-għan tad-direttiva. Dan il-għan, jiġifieri li jiġi mtejjeb l-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem, huwa evidenti inter alia mill-preambolu għad-direttiva u l-predeċessur tagħha d-Direttiva 93/104, il-ġabra fil-qosor tar-raġunijiet għall-proposta għad-direttiva, l-Artikolu 1(1) tad-direttiva, u l-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 137 KE. Dan l-iskop hu kkofermat bil-ġurisprudenza. Tweġiba affermattiva għall-ewwel domanda tmur kontra dan il-għan peress li l-possibbiltà li wieħed jieħu leave annwali matul perijodu ta’ assenza bil-leave tal-mard ma tgħinx biex jiġi mtejjeb l-ambjent tax-xogħol. L-għan jista’ raġonevolment jintlaħaq biss jekk ħaddiem jieħu l-leave meta effettivament ikun qed jaħdem jew ikun taħt obbligu li jaħdem. Barra dan, dawn id-domandi huma suġġetti għall-ġurispudenza u l-prattika nazzjonali.

    22.

    Anki l-Gvern Ċek huwa tal-fehma li l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba fin-negattiv. Huwa jirrileva li d-direttiva ma tagħmilx referenza espressament għad-dritt li ħaddiem jieħu l-leave waqt li jkun marid u għalhekk l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur Komunitarju huma rilevanti għar-risposta għall-ewwel domanda. Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk id-dritt tal-impjegat għal-leave annwali bil-ħlas għandux jiġi rispettat fl-Istati Membri kollha b’mod inkondizzjontat u indipendentement mis-sitwazzjoni legali eżistenti. Il-Gvern Ċek jissottometti li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Id-dritt għal-leave huwa mogħti biss fil-kuntest ta’ liġi nazzjonali speċifika peress li l-iskop ġenerali tad-direttiva jista’ jintlaħaq b’diversi modi. Id-domandi mqajma f’din it-tilwima ma jikkonċernawx l-eżistenza effettiva tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas imma semplicement ir-regoli dettaljati għall-għoti tiegħu, li għandhom jiġu stipulati biss mil-liġi nazzjonali.

    23.

    Fil-fehma tal-Gvern tas-Slovenja, id-domanda għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-għan tal-leave annwali, li huwa li tiġi ppreżervata s-saħħa tal-ħaddiema fuq perijodu qasir u fuq perijodu twil. L-għan tad-direttiva huwa ċar mill-preambolu tagħha kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa prinċipju partikolarment importanti tal-liġi soċjali li minnu jista’ jkun hemm derogi biss f’każijiet eċċezzjonali previsti mid-direttiva. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jippermettix li ħaddiem li jkun assenti għal perijodu indefinit bil-leave għal mard li jiddefinixxi din l-assenza kontinwa bħala leave annwali, u lanqas ma tippermettilu jieħu l-leave annwali tiegħu matul il-leave tal-mard tiegħu peress li l-leave annwali u l-leave tal-mard, minħabba l-għan tagħhom, jeskludu lil xulxin.

    24.

    Fil-fehma tal-Gvern tar-Renju, Unit l-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jikkonsistu fil-protezzjoni tas-saħħa ta’ dawk li jkunu qed jaħdmu effettivament billi jiġi ggarantit il-leave. Il-leave fl-aħħar mill-aħħar ma jkun ta’ ebda użu għal ħaddiema li effettivament ma jkunux qed jaħdmu u għalhekk tqum id-domanda ‘leave minn xiex ?’

    25.

    Il-kwistjoni tal-leave annwali matul il-leave tal-mard fil-fatt tirrigwarda l-kwistjoni taż-żamma tal-paga, li fil-każ tal-leave annwali hija ogħla milli fil-każ ta’ kontinwazzjoni tal-paga fl-eventwalità ta’ mard. Madankollu dan l-aspett finanzjarju huwa rrilevanti fid-dawl tal-għan tad-direttiva li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema. Il-ħlas ta’ paga għall-vakanzi lil ħaddiem li jkun diġà bil-leave għal mard ma jkun xejn iktar minn vantaġġ inġustifikat għall-ħaddiem u spiża mhux ġustifikata għas-sid. Barra minn hekk, l-obbligu li jsir pagament bħal dan jista’ jkollu l-effett mhux mixtieq li fil-każ ta’ mard fit-tul is-sid jispiċċa minflok itemm il-kuntratti tal-impjieg biex jevita dan ir-riskju ta’ spiża.

    26.

    Il-Gvernijiet tal-Italja u tal-Polonja u l-Kummissjoni jieħdu pożizzjoni pjuttost iktar ikkwalifikata.

    27.

    Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jinftiehem bħala li jfisser li ħaddiem li jkun assenti għal perijodu indefinit bil-leave tal-mard hu intitolat għal-leave annwali li jkun jestendi lil hinn mis-sena kurrenti, peress li jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipji Komunitarji li d-dritt għal-leave jintilef anki jekk il-ħaddiem kien leġittimament assenti mix-xogħol għal raġunijiet ta’ saħħa. Il-Gvern Taljan jagħmel referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tistipula li fl-eventwalità tal-aggregazzjoni ta’ diversi perijodi ta’ leave iggarantiti mid-dritt Komunitarju fl-aħħar ta’ sena, it-trasferiment tal-leave għas-sena kalendarja segwenti huwa inevitabbli. Madankollu, l-iskopijiet differenti tal-leave annwali u tal-leave tal-mard jipprekludu lil ħaddiem milli jieħu l-leave annwali matul il-leave tal-mard tiegħu.

    28.

    Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għanijiet u l-prinċipji li huma inklużi fid-Direttiva 2003/88. B’hekk, l-iskop li ħaddiem jiġi eżentat mix-xogħol għal raġunijiet ta’ saħħa huwa differenti minn dak tal-leave annwali. L-ewwel każ jinvolvi eżenzjoni minn xogħol sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jirkupra l-kapaċità għax-xogħol matul il-konvalexxenza tiegħu. Fit-tieni każ, il-ħaddiem jingħata eżenzjoni mix-xogħol sabiex ikun jista’ jirkupra fiżikament u jkompli bix-xogħol normali tiegħu. Il-Gvern Pollakk għalhekk jikkonkludi li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ħaddiem bil-leave tal-mard ma jistax jieħu l-leave annwali fl-istess ħin.

    29.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, meta tiġi interpretata d-direttiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħha li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema. Hija tieħu l-pożizzjoni li jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv, jinħolqu ċerti riskji għad-drittijiet tal-ħaddiema. Peress li l-ħlas kontinwu tar-renumerazzjoni f’każ ta’ mard huwa inqas mill-paga medja tal-ħaddiem, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li ħaddiem marid ikun ittantat, għal raġunijiet finanzjarji, li jitlob leave annwali bil-ħlas.

    30.

    Barra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex loġiku li ħaddiem jiġi awtorizzat jieħu l-leave annwali tiegħu fi żmien meta jkun qed jirkupra minn mard jew korriment. Barra minn hekk, din tikkunsidra li l-funzjoni ta’ serħan tal-leave annwali tista’ tiġi ssalvagwardjata biss jekk perijodi ta’ leave jsegwu minn wieħed għall-ieħor għax altrimenti jkun hemm il-periklu li ħaddiem jirrinunzja għal-leave għal mard tiegħu favur il-leave annwali taħt pressjoni possibbli mis-sid tiegħu.

    31.

    Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu l-Gvern tal-Olanda jfisser id-dubju tiegħu dwar l-applikabbilità tad-Direttiva 2003/88 għal każijiet fejn ħaddiema jkunu assenti bil-leave għal mard għar-raġuni li din mhijiex kwistjoni rregolata bid-Direttiva. Huwa jargumenta li l-iskop tad-Direttiva 2003/88 huwa limitat għal ħaddiema attivi biss, bir-riżultat li tapplika biss il-liġi nazzjonali għall-każ preżenti. Madankollu, in-numru kbir ta’ regoli nazzjonali ma jippermettix li jsiru konklużjonijiet validi b’mod ġenerali fir-rigward tad-drittijiet ta’ ħaddiema morda.

    B — It-tieni domanda

    32.

    L-appellanti jsostnu li d-dritt għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed stipulat fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi mnaqqas fejn il-ħaddiem kien assenti bil-leave tal-mard għas-sena kollha jew għal parti mis-sena li fiha r-relazzjoni tal-impjieg tkun ġiet itterminata.

    33.

    Alternattivament, l-appellanti jargumentaw li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jimponi l-ebda rekwiżiti partikolari dwar kif id-dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed għandu jiġi eżerċitat.

    34.

    Fil-fehma tal-Gvern Belġjan it-tweġiba għat-tieni domanda hi, bħal fil-każ tal-ewwel domanda, evidenti mill-ispirtu u l-għan tad-direttiva li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, li ma jibqgħux iktar f’riskju ġaladarba r-relazzjoni tal-impjieg tiġi tterminata. Il-Gvern Belġjan għalhekk jipproponi li t-tieni domanda tiġi risposta fin-negattiv, fis-sens li l-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati rigward il-kumpens finanzjarju ma jaqgħux taħt id-direttiva u minflok huma rregolati mil-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali.

    35.

    Anki l-Gvern Ċek jibbaża ruħu fuq l-għan tad-direttiva biex jiġġustifika r-risposta negattiva tiegħu għat-tieni domanda. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, “ħin tax-xogħol” ifisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u “perijodu ta’ serħan” bħala kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol. Il-fatt li ma jingħataw l-ebda perijodi ta’ serħan ta’ kuljum, pereżempju, matul assenza għal raġunijiet ta’ mard juri li kull għotja ta’ leave hija dipendenti fuq il-fatt li l-ħaddiem ikun qed jaħdem jew ikun għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah. Għalhekk, m’hemm l-ebda dritt għal-leave fir-rigward ta’ dawn il-perijodi u għalhekk l-ebda dritt korrispondenti għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma ma jkunx ittieħed matul assenza bil-leave għal mard. Konsegwentement, għalkemm id-direttiva ma tipprekludix regola nazzjonali korrispondenti, hija ma tistipula l-ebda kundizzjonijiet rigward id-dritt possibbli għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens fir-rigward ta’ leave li ma jkunx ittieħed minħabba mard.

    36.

    Anki l-Gvern Sloven isostni li t-tieni domanda għandha tiġi risposta fin-negattiv. Dan jagħmel referenza għall-argumenti tiegħu rigward l-ewwel domanda u jżid jgħid li d-direttiva ma tiggarantixxix lil ħaddiem dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave tiegħu li ma jkunx ittieħed. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal benefiċċju bħal dan u paragun bejn il-liġi tas-Slovenja u tar-Renju Unit juri li l-Istati Membri adottaw regoli differenti f’dan ir-rigward. Madankollu, fejn Stat Membru jipprovdi għal benefiċċju bħal dan, il-kalkolu tiegħu huwa suġġett biss għal-liġi nazzjonali.

    37.

    Fir-rigward tat-tieni domanda l-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li r-risposta — negattiva — issegwi neċessarjament mir-risposta tiegħu għall-ewwel domanda. Peress li fil-każ ta’ assenza bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu ma jeżisti l-ebda dritt għal-leave, loġikament lanqas ma jeżisti xi dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed f’dan il-każ. Barra dan, għalkemm l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti lill-Istati Membri biex jipprovdu għall-pagament ta’ benefiċċju għal-leave li ma jkunx ittieħed fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata, dan ma tobbligahomx jagħmlu dan. Għalhekk, l-Istati Membri waħidhom huma responsabbli biex jistabbilixxu regoli dettaljati dwar kwalunkwe pagament ta’ benefiċċju li jista’ jiġi pprovdut.

    38.

    Fil-fehma tal-Gvern Taljan, ir-risposta għat-tieni domanda toħroġ ċara mill-argumenti rigward l-ewwel domanda. B’hekk, ħaddiem huwa dejjem intitolat għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas li huwa ma setax jieħu minħabba mard matul is-sena kurrenti saż-żmien meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun ġiet itterminata. Fil-kalkolu ta’ dak il-benefiċċju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ xhur li l-ħaddiem ħadem wara l-perijodi ta’ leave, u l-perijodi ta’ leave għal mard għandhom jiġu ekwiparati ma’ perijodi ta’ servizz.

    39.

    Il-Gvern Pollakk jirrileva li d-dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed huwa sostitut għal-leave annwali. Meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata, id-dritt għal-leave annwali jiġi kkonvertit f’dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li ħaddiem huwa intitolat għal kumpens għall-perijodu li fir-rigward tiegħu huwa jkun akkwista dritt għal-leave annwali bil-ħlas.

    40.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jagħti kumpens finanzjarju għat-telf ta’ leave annwali li ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Perijodi ta’ assenza għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem, bħal mard jew aċċidenti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ servizz u għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Barra dan, id-direttiva ma tawtorizzax lill-Istati Membri biex jillimitaw jew jirtiraw dan id-dritt tal-ħaddiem. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li ħaddiem għandu jingħata dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed minkejja l-assenza tiegħu bil-leave għal mard.

    41.

    Għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed f’każijiet individwali, il-Kummissjoni ssostni li dan għandu, sa fejn ikun effetivament jeżisti d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, jiġi evalwat bl-istess rata tar-renumerazzjoni dovuta lill-ħaddiem.

    VI — Analiżi

    A — Fuq l-ewwel domanda

    1. Rimarki preliminari

    42.

    Bl-ewwel domanda, il-House of Lords tqajjem problema fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 dwar il-portata tad-dritt tal-ħaddiema għal-leave bil-ħlas li hu ggarantit minn din id-dispożizzjoni. B’mod speċifiku, id-domanda hi jekk skont id-dritt Komunitarju, ħaddiema li jsiru inkapaċi għax-xogħol minħabba mard humiex bħala regola intitolati għal-leave annwali bil-ħlas u, jekk hu hekk, jekk dawn jistgħux jeżerċitaw dan id-dritt għal-leave matul perijodu li fih ikunu bil-leave għal mard.

    43.

    Il-problema li tqajmet tikkonċerna żewġ aspetti differenti tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas li fir-rigward tagħhom, fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinżjoni ċara. L-ewwel wieħed għandu x’jaqsam propju mal-eżistenza tad-dritt innifsu u t-tieni wieħed mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju prattiku tiegħu. Għall-finijiet ta’ kjarezza, iż-żewġ aspetti għandhom jiġu kkunsidrati wara xulxin.

    44.

    Fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċidi b’mod konkret dwar jekk id-dritt Komunitarju jikkonferix ċerti drittijiet fuq il-ħaddiema. Madankollu, titqajjem impliċitament ukoll il-kwistjoni dwar liema kundizzjonijiet timponi d-Direttiva 2003/88 fuq il-liġi nazzjonali biex dawn id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu eżerċitati. Konsegwentement, l-analiżi legali ta’ hawn taħt tammonta għal interpretazzjoni tal-espressjoni “b’konformità mal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika” li hi inkluża fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88”.

    45.

    Fir-rigward tad-diviżjoni tal-poteri leġiżlattivi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-kuntest tal-għoti tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, għandu l-ewwel jiġi rilevat li fl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/88 il-leġiżlatur Komunitarju għamel użu minn strument legali li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali ċerta diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-forma u tal-metodi ta’ traspożizzjoni imma fl-istess ħin jimponi kundizzjonijiet inkwantu d-direttiva hija vinkolanti fuq kull Stat Membru, fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb ( 5 ). Konsegwentement, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, is-sistemi legali nazzjonali jingħataw għażla kunsiderevoli imma mhux illimitata ( 6 ). Għalhekk fit-twettiq tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 7, li jieħdu l-miżuri neċessarji, l-Istati Membri għandhom dejjem jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2003/88.

    2. Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bħala dritt soċjali fundamentali

    46.

    Fil-fehma tiegħi, sabiex ikun possibbli li tingħata risposta xierqa lill-qorti nazzjonali, jeħtieġ li jittieħed pass lura u li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jiġi eżaminat kemm mil-lat kif ġie implementat fil-liġi sekondarja fi ħdan is-sistema legali Komunitarja kif ukoll mil-lat tal-kuntest iktar wiesgħa tad-drittijiet soċjali fundamentali.

    47.

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-għan tad-Direttiva 2003/88, huwa ċar kemm mill-Artikolu 137 KE, li huwa l-bażi legali tagħha, u mill-Premessi 1, 4, 7 u 8 fil-preambolu tagħha kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 1(1) innifsu li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi sabiex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tul ta’ żmien tal-ħin tax-xogħol ( 7 ). L-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża biex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema billi jiġi żgurat li dawn ikunu intitolati għal perijodi minimi ta’ serħan kuljum, kull ġimgħa u kull sena u waqfien xieraq mix-xogħol u billi jiġi pprovdut limitu massimu għat-tul medju tal-ġimgħa tax-xogħol ( 8 ).

    48.

    Madankollu, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dritt għal ammont minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma ġiex rikonoxxut għall-ewwel darba fid-direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol: dan ilu li ġie inkluż, flimkien ma’ indikazzjoni tal-perijodu ta’ leave garantit, fost id-drittijiet soċjali fundamentali rikonoxxuti mid-dritt internazzjonali. Fil-livell internazzjonali dan id-dritt fundamentali hu msemmi, pereżempju, fl-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 9 ), li jikkonferixxi fuq kulħadd “id-dritt għall-mistrieħ u ħin ħieles, inkluż il-limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat ta’ xogħol u vakanzi perjodiċi mħallsa”. Dan hu rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 2(3) tal-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa ( 10 ) u fl-Artikolu 7(d) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali ( 11 ) bħala manifestazzjoni tad-dritt ta’ kulħadd għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi.

    49.

    Fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),li hija aġenzija speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas s’issa kien is-suġġett ta’ żewġ konvenzjonijiet multilaterali. F’dan ir-rigward il-Konvenzjoni Nru 132 ( 12 ), li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973, emendat il-Konvenzjoni Nru 52 ( 13 ) li kienet fis-seħħ qabel. Dawn jimponu kundizzjonijiet vinkolanti fuq l-Istati firmatarji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan id-dritt soċjali fundamentali fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali tagħhom.

    50.

    Madankollu, dawn id-diversi strumenti internazzjonali huma distinti minn xulxin kemm f’termini tal-kontenut sostantiv tagħhom kif ukoll tal-portata leġiżlattiva tagħhom peress li f’ċerti każijiet dawn huma konvenzjonijiet internazzjonali u f’oħrajn dikjarazzjonijiet solenni mingħajr ebda forza legali ( 14 ). Il-persuni li għalihom japplikaw huma wkoll differenti, bir-riżultat li l-klassi ta’ persuni koperti ċertament mhijiex identika. Barra minn hekk, l-Istati firmatarji, bħala d-destinatarji ta’ dawn l-istrumenti, huma ġeneralment mogħtija diskrezzjoni wiesgħa għal dik li hija implementazzjoni u għalhekk il-benefiċjarji ma jistgħux jibbażaw ruħhom direttament fuq id-drittijiet tagħhom. Madankollu, huwa sinjifikattiv li f’dawk l-istrumenti internazzjonali kollha d-dritt għal perijodu ta’ leave bil-ħlas hu kjarament ikkunsidrat bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema.

    51.

    Iktar sinjifikattiv minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa l-fatt li l-inklużjoni ta’ dan id-dritt fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 15 ) tidher li tipprovdi l-iktar konferma affidabbli u definittiva li dan jikkonstitwixxi dritt fundamentali ( 16 ). L-Artikolu 31(2) tal-Karta jiddikjara li: “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi ta’ xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave bil-ħlas”. Storikament, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(3) tal-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Punt 8 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ( 17 ). Skont in-noti ta’ spjegazzjoni tas-Segretarjat tal-Praesidium, id-Direttiva 93/104, bħala l-predeċessur tad-Direttiva 2003/88 tal-lum, kienet deċisiva f’dan ir-rigward ( 18 ).

    52.

    Konsegwentement, l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bħala dritt tal-bniedem disponibbli għal kulħadd ( 19 ). Huwa veru li bħal xi strumenti internazzjonali ċċitati hawn fuq, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma ġietx rikonoxxuta bħala li għandha portata leġiżlattiva awtentika u għalhekk din primarjament tikkostitwixxi dikjarazzjoni politika. Madankollu, jiena tal-fehma li jkun ħażin li l-Karta ma tingħata ebda importanza fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 20 ). Irrispettivament mill-kwistjoni dwar l-istatus legali definittiv tal-Karta fi ħdan is-sistema legali tal-Unjoni Ewropea, li jkollha tiġi kkjarifikata fil-futur, din diġà tikkostitwixxi espressjoni konkreta tal-valuri fundamentali komuni Ewropej ( 21 ).

    53.

    Barra dan, hija tirrifletti wkoll sostanzjalment it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Sa fejn nista’ nikkonstata, din il-konklużjoni tista’ tabilħaqq issir fir-rigward tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas peress li l-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa bbażat fuq il-kostituzzjonijiet ta’ numru kbir ta’ Stati Membri ( 22 ). Konsegwentement, huwa perfettament raġonevoli li ssir referenza għall-prinċipju li jirfed l-Artikolu 31(2) tal-Karta fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 f’tilwima legali li tikkonċerna n-natura u l-portata ta’ dritt fundamentali bħal dak in kwistjoni fil-kawża preżenti ( 23 ).

    3. Id-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas fid-dritt Komunitarju

    a) Il-kompetenza tal-Komunità sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-protezzjoni mogħtija mir-regola

    54.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-portata tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u ddeċidiet li “[i]d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ta’ kull ħaddiem irid ikun ikkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari, li ma jistax jiġi dderogat[…] u li t-twettiq fis-seħħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jrid jiġi effettwat biss fil-limiti espressament imħabbra mi[d-]Direttiva [93/104 stess]” ( 24 ). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 huma mfasslin bħala regola li tistipula li l-ħaddiem għandu jkun intitolat għal mistrieħ effettiv, bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu ( 25 ).

    55.

    Skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri għandhom rwol essenzjali x’jilagħbu fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt peress li skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, l-obbligu li jieħdu l-miżuri meħtieġa jirrikjedi li dawn jistabbilixxu regoli nazzjonali dettaljati għall-implementazzjoni ( 26 ). Dan jinkludi li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u l-Istati Membri huma ħielsa li jippreskrivu ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom il-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt, li jgawdu minnu fir-rigward tal-perijodi kollha tax-xogħol ikkompletati ( 27 ).

    56.

    Ir-referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkluża fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija intiża b’mod partikolari biex tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu qafas leġiżlattiv li jirregola aspetti organizzattivi u proċedurali tat-teħid tal-leave, bħal pereżempju, l-ippjanar tal-perijodi ta’ vakanzi, il-possibbiltà li ħaddiem jiġi obbligat jagħti avviż bil-quddiem lis-sid dwar il-perijodu li matulu jkollu l-ħsieb jieħu l-leave, il-kundizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ impjieg qabel ma jkun jista’ jittieħed leave, il-kriterji għall-kalkolu proporzjonali tad-dritt għal-leave annwali fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun waħda ta’ inqas minn sena, eċċ ( 28 ). Madankollu, dawn huma dejjem miżuri intiżi preċiżament biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave u bħala tali huma permessi mid-Direttiva 2003/88.

    57.

    Kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schultz-Hoff, li wkoll għada pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ) għandha ssir distinzjoni ċara bejn dawn ir-regoli dettaljati ta’ implementazzjoni u dawk ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-eżistenza proprja tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas, pereżempju billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kisba u/jew id-diskontinwità tad-dritt għal-leave. Għad-differenza tal-obbligu impost fuq l-impjegat, iċċitat bħala eżempju ta’ dispożizzjoni dettaljata ta’ implementazzjoni bħal din, li jagħti avviż lis-sid dwar meta jkun jixtieq jieħu l-leave annwali, li sempliċement iwettaq funzjoni ta’ koordinazzjoni fl-ippjanar operazzjonali tal-vakanzi, il-punt inkwistjoni hawnhekk dwar jekk impjegat li jkun sar inkapaċi għax-xogħol minħabba mard għandux bħala regola dritt għal-leave annwali bil-ħlas jikkonċerna l-eżistenza proprja ta’ dritt fundamentali bħal dan.

    58.

    Din il-kawża għandha x’taqsam mhux ma’ deċiżjoni dwar il-mod kif il-leave annwali bil-ħlas jiġi implementat ( 30 ) jiġifieri, it-traspożizzjoni speċifika ta’ dak id-dritt, imma mad-definizzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

    59.

    Jekk din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tfisser li ħaddiema li jkunu saru inkapaċi għax-xogħol minħabba mard ma jkollhom ebda dritt għal-leave annwali a priori, dan ikun ifisser li ċerti ħaddiema jkunu qed jiġu esklużi minn dan id-dritt permezz ta’ restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione personae ( 31 ).

    60.

    Madankollu, b’rizultat tal-armonizzazzjoni f’dan il-qasam tal-liġi soċjali dwar l-impjieg, li qed issir skont l-Artikolu 137(2)(b) KE bħala l-bażi legali tad-Direttiva 2003/88, il-Komunità issa għandha l-kompetenza tiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt ( 32 ). Li kieku din il-kompetenza kienet disponibbli għall-Istati Membri, kien ikun impossibbli fil-prattika li jiġi żgurat livell paragunabbli ta’ protezzjoni fuq il-livell Komunitarju u b’hekk li jiġi ggarantit l-għan tal-armonizzazzjoni. Għal din ir-raġuni, l-argument tal-Gvern tal-Belġju u tar-Repubblika Ċeka li d-dritt għal-leave annwali ta’ ħaddiem li jsir inkapaċi għax-xogħol minħabba mard jaqa’ taħt il-kategorij tal-modalitajiet tal-għoti tal-leave u huwa suġġett għall-poter ta’ regolamentazzjoni tal-Istati Membri għandu jiġi respint.

    b) Il-livell ta’ protezzjoni garantit mid-dritt Komunitarju

    61.

    Nikkunsidra li hu importanti li jiġi mfakkar li l-libertà tal-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni hija ristretta bil-fatt li l-Artikolu 137(2)(b) KE jfittex, bl-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet minimi, li jiggarantixxi ċertu livell ta’ protezzjoni stabbilit mid-dritt Komunitarju li taħtu l-Istati Membri m’għandhomx jinżlu. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill ( 33 ) fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet minimi” skont it-tifsira tal-bażi legali preċedenti tal-Artikolu 118a tat-Trattat KE, dik id-dispożizzjoni ma tillimitax l-azzjoni tal-Komunità għad-denominatur komuni l-iktar baxx, jiġifieri, l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni stabbilit fi Stat Membru. Dan il-kunċett għandu minflok jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Istati Membri huma liberi li jipprovdu livell ta’ protezzjoni iktar strett minn dak li jirriżulta mid-dritt Komunitarju, ikun kemm ikun għoli.

    62.

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-kliem tal-Artikolu 136 KE, li jistabbilixxi t-“titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol” bħala għan tal-politika soċjali. Dan l-għan għandu espressament jinkiseb permezz tal-armonizzazzjoni “waqt li jitkompla t-titjib” ( 34 ). Sabiex jintlaħaq dan il-għan tal-liġi primarja, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw, jew jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’, miżuri li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Bl-istess mod, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jiddikjara fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni għall-ħaddiema li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal miżuri differenti fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet minimi stipulati fiha, l-implementazzjoni tad-direttiva ma tikkostitwixxix raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema ( 35 ).

    63.

    Il-livell minimu ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa fir-rigward tad-dritt għal-leave jista’ jiġi aċċertat minn qari tad-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssottometta l-Gvern Olandiż, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma fih ebda restrizzjoni tal-klassi ta’ persuni li huma intitolati għal-leave u preċiżament ma jagħmel ebda distinzjoni bejn ħaddiema li huma ‘f’saħħithom u kapaċi għax-xogħol’ u ħaddiema li huma ‘inkapaċi għax-xogħol minħabba mard’. Anzi, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċar ħafna li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ‘kull ħaddiem’ jingħata perijodu minimu ta’ leave bil-ħlas. Barra dan, l-Artikolu 7(1) mhuwiex wieħed mid-dispożizzjonijiet li minnu l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jippermetti espressament li jsiru derogi ( 36 ).

    c) Il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132

    64.

    Fir-rigward tal-pożizzjoni legali tal-ħaddiema li jsiru inkapaċi għax-xogħol minħabba mard il-leġiżlatur Komunitarju jfittex għalhekk li jipprovdi livell ta’ protezzjoni li jkun għall-inqas paragunabbli mal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 ( 37 ). Pereżempju, l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni jidikkjara li ‘kull persuna’ li għaliha tapplika l-Konvenzjoni għandha tkun intitolata għal leave annwali bil-ħlas.

    65.

    Bħall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din il-konvenzjoni ma fiha ebda eżenzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lill-ħaddiema li jsiru inkapaċi għax-xogħol minħabba mard. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-protezzjoni li d-dritt Komunitarju jfittex li jiggarantixxi għall-ħaddiema ma tistax taqa’, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, taħt il-livell ta’ protezzjoni mogħtija bir-regoli tal-liġi dwar l-impjieg li jinsabu fil-liġi internazzjonali. Madankollu, jista’ jingħata lok għall-biża’ li ma jingħatax dan il-livell minimu ta’ protezzjoni jekk mill-bidu nett jiġi miċħud xi dritt soċjali fundamentali lil xi kategorija partikolari ta’ ħaddiema.

    66.

    Il-fatt li taħt il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 id-dritt għal-leave ma jistax jiddependi mill-kapaċità tal-ħaddiem għax-xogħol joħroġ ċar ukoll mill-kliem tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni, skont liema “assenza mix-xogħol għal raġunijiet li jkunu indipendenti mir-rieda tal-persuna impjegata kkonċernata bħalma huma mard, korriment jew maternità għandhom jingħaddu bħala parti mill-perijodu ta’ servizz”. Barra dan, l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni speċifikament jistipula li “perijodi ta’ inkapaċità għax-xogħol li jirriżultaw minn mard jew korriment ma jistgħux jingħaddu bħala parti mill-minimu preskritt ta’ leave annwali bil-ħlas”.

    67.

    Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati, b’mod konformi mal-għan tagħhom, bħala li jfissru li l-kisba tad-dritt għal-leave ma jistax bħala regola jiġi suġġett għal ċirkostanzi li l-kawżi tagħhom ikunu indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem ikkonċernat għar-raġuni, pereżempju, li dawn huma r-riżultat ta’ ġrajjiet naturali jew jikkostitwixxu każijiet ta’ forza maġġuri.

    68.

    Konsegwentement, ir-regoli tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 u tad-Direttiva 2003/88 dwar l-istabbiliment tad-dritt għal-leave huma essenzjalment l-istess f’termini tal-kontenut legali tagħhom ( 38 ). L-Istati Membri huma meħtieġa jinterpretaw dawn ir-regoli u jorganizzaw is-sistemi legali nazzjonali tagħhom b’tali mod li l-kisba tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma tiġix suġġetta għall-kapaċità tal-ħaddiem għax-xogħol.

    69.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li ħaddiem jikseb drittijiet għal-leave sa mill-ewwel ġurnata tal-impjieg u ma jitlifhomx bħala riżultat ta’ inkapaċità għax-xogħol ikkawżata minn mard ( 39 ). Għalhekk hu intitolat li jindika perijodu futur bħala leave annwali matul perijodu li altrimenti kien ikun leave tal-mard.

    4. Il-projbizzjoni tal-liġi dwar l-impjieg ta’ effetti negattivi bħala ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas

    70.

    Għalkemm kull ħaddiem huwa intitolat għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-eżerċizzju effettiv tiegħu f’każijiet individwali jista’ jiġi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet li, mingħajr ma jqiegħdu fid-dubju l-eżistenza proprja ta’ dan id-dritt, huma intiżi biex jiżugraw li l-għanijiet tad-direttiva jintlaħqu.

    a) Il-projbizzjoni ta’ effetti negattivi skont il-Konvenzjoni Nru 132

    71.

    Jista’ jitnissel prinċipju regolatorju ieħor rilevanti mill-Artikoli 5(4) u 6(2) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132, jiġifieri li l-leave li jittieħed minħabba mard ma jistax jaffettwa b’mod negattiv id-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ( 40 ). Il-fatt li l-perijodi ta’ mard jitqiesu ekwivalenti għal perijodi ta’ servizz u l-projbizzjoni tal-inklużjoni ta’ perijodi ta’ inkapaċità għax-xogħol bħala riżultat ta’ mard jew korriment fil-perijodu minimu preskritt ta’ leave huma intiżi li ma jippermettux li l-leave annwali jikkoinċidi ma’ perijodu li hu effettivament riżervat għal-leave għal mard bħala kategorija speċifika ta’ leave. Din il-projbizzjoni tad-duplikazzjoni ta’ perijodi ta’ leave tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leave tal-mard u l-leave annwali jservu skopijiet differenti u għalhekk m’għandhomx, għal finijiet legali, jitqiesu bħala li jistgħu jiġu skambjati ma’ xulxin.

    b) L-applikabbilità tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza

    72.

    Dan il-kunċett fundamentali jista’ jinsab fil-prinċipji affermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Merino Gómez ( 41 ) u FNV ( 42 ).

    73.

    Fis-sentenza Merino Gómez il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-relazzjoni skont id-dritt Komunitarju bejn il-leave annwali u l-leave tal-maternità. Din il-kawża kienet tikkonċerna speċifikament il-kwistjoni jekk skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 92/85/KEE ( 43 ) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207/KEE ( 44 ) f’każijiet fejn ftehimiet kollettivi bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiffissaw id-dati tal-leave għall-ħaddiema kollha, u fejn id-dati kkonċernati jaħbtu ma’ dawk tal-leave tal-maternità, ħaddiema għandhiex dritt li tieħu l-leave annwali matul perijodu li ma jkunx il-perijodu mifthiem, li ma jaħbatx mal-perijodu tal-leave tal-maternità tagħha. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskop tad-dritt għal-leave annwali huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-maternità. Il-leave tal-maternità huwa intiż l-ewwel nett, biex jipproteġi l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara u tat-tarbija tagħha matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u t-twelid ( 45 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li ħaddiema għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu l-leave annwali tagħha matul perijodu li ma jkunx il-perijodu tal-leave tal-maternità tagħha ( 46 ).

    74.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan il-prinċipju fis-sentenza FNV u kkjarifikat li dan kien ifisser li fl-eventwalità tal-aggregazzjoni ta’ diversi perijodi ta’ leave iggarantiti mid-dritt Komunitarju fl-aħħar tas-sena, it-trasferiment tal-leave annwali jew ta’ parti minnu għas-sena ta’ wara jista’ jkun inevitabbli ( 47 ), għax perijodu ta’ leave iggarantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed perijodu ieħor ta’ leave iggarantit minn dik il-liġi ( 48 ).

    75.

    Għalkemm it-tqala ċertament ma tistax tiġi ekwiparata ma’ kundizzjoni patoloġika, jistgħu jiġu ċċitati diversi raġunijiet biex din il-ġurisprudenza tiġi applikata mutatis mutandis għar-relazzjoni bejn il-leave annwali u leave tal-mard. Bħal-leave tal-maternità, il-leave tal-mard huwa intenzjonat li jissalvagwardja l-integrità fiżika u psikoloġika tal-ħaddiem billi jagħtih opportunità, permezz ta’ eżenzjoni mix-xogħol u l-għoti ta’ perijodu ta’ mistrieħ li jirkupra fiżikament u jintegra ruħu mill-ġdid fil-post tax-xogħol. Għad-differenza tal-leave annwali, li jservi biex jipprovdi mistrieħ, żmien ta’ distakk, u rilassament, il-leave tal-mard hu għalhekk maħsub biss biex jipprovdi konvalexxenza u fejqan, jiġifieri, biex tiġi kkurata kundizzjoni patoloġika li l-kawżi tagħha, barra dan, jaqgħu barra mill-isfera ta’ influwenza tal-ħaddiem ikkonċernat ( 49 ).

    76.

    F’dan ir-rigward jeħtieġ li naqbel mal-pożizzjoni li ħadu l-Gvern tal-Italja u dak tal-Polonja u nafferma li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-leave tal-mard u l-leave annwali jistgħu jaħbtu fl-istess perijodu mingħajr ma jiġu mdgħajfa l-iskopijiet differenti tal-leave annwali u tal-leave tal-maternità. Abbażi tal-prinċipju inerenti fil-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, l-għoti tal-leave tal-mard għad-dannu tal-leave annwali bil-ħlas għandu jiġi pprojbit peress li altrimenti dan id-dritt fundamentali jisfa’ fix-xejn.

    c) Inkomaptibbiltà mal-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

    77.

    B’żieda mad-dubji espressi dwar interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tagħti opportunità lill-ħaddiem jieħu l-leave annwali tiegħu waqt li jkun bil-leave tal-mard, jista’ jiġi argumentat ulterjorment li interpretazzjoni bħal din tkun inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva 2003/88 li tiġi mtejba s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.

    78.

    Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-għoti ta’ opportunità bħal din tidher li hija estensjoni tad-drittijiet li hu jista’ jivvanta u għalhekk ta’ vantaġġ mil-lat legali. Barra dan, ħaddiem li jieħu l-leave annwali ħafna drabi jitqiegħed f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar milli kieku kien fuq leave tal-mard peress li matul il-leave annwali tiegħu hu jgawdi mid-dritt, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jkompli jitħallas il-paga tiegħu mingħajr ebda tnaqqis, filwaqt li d-dritt tiegħu li jibqa’ jitħallas il-paga tiegħu fl-eventwalità ta’ mard skont ir-regoli nazzjonali rilevanti huwa biss frazzjoni ta’ dan l-ammont. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-kawża prinċipali peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ( 50 ), l-Artikolu 16(1) RĦX jipprovdi għal ħlas bir-rata ta’ paga ta’ ġimgħa fir-rigward ta’ kull ġimgħa ta’ leave. Mill-banda l-oħra, kif ġie ddikjarat mill-Gvern tar-Renju Unit fil-proċedura bil-miktub ( 51 ) u kkjarifikat fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, l-arranġamenti kuntrattwali mal-appellanti dwar każijiet ta’ mard kienu jipprovdu għal sitt xhur leave tal-mard bil-paga sħiħa segwiti b’sitt xhur leave tal-mard li matulhom titħallas nofs il-paga.

    79.

    Madankollu, minn eżami legali iktar iddettaljat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-ħaddiem ikun jammonta għal rinunzja ta’ dritt fundamentali ( 52 ) bil-ħlas tal-paga normali bħala korrispettiv. Minħabba l-għan tagħhom iż-żewġ tipi ta’ leave ma jistgħux jiġu skambjati ma’ xulxin u għalhekk wieħed jeskludi lill-ieħor kif iddikjara korrettement il-Gvern tas-Slovenja. Meta l-leave annwali u perijodi ta’ mard assoċjati mal-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali jidħlu f’xulxin dan iwassal għal rinunzja volontarja tad-dritt għal-leave sa fejn il-ħaddiem ikun, bl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, qed jaqbel li ma jużax il-leave annwali għall-iskop li għalih kien effettivament intiż u inkambju ta’ dan jingħata benefiċċju finanzjarju.

    80.

    Fil-fehma tiegħi, rinunzja bħal din ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mad-dritt Komunitarju mingħajr ma jiġi ffrustrat l-għan leġiżlattiv tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Mhux biss il-funzjoni intiża ta’ serħan tad-dritt għal-leave annwali tiġi ostakolata jekk dan id-dritt ma jiġix eżerċitat b’mod xieraq, u b’hekk b’abbuż ta’ drittijiet ( 53 ), matul perijodi ta’ mard. Possibbiltà bħal din ta’ rinunzja għal-leave tqiegħed f’ċerti riskji d-drittijiet tal-ħaddiema, kif qalet korrettement il-Kummissjoni. Il-prospett ta’ paga kontinwa ogħla matul perijodi ta’ mard jista’ joħloq inċentiv għall-ħaddiema biex jaċċettaw it-telf ta’ din il-pożizzjoni legali. Barra dan jeżisti l-periklu li min jimpjega jista’ jinkoraġġixxi lil impjegat biex jirrinunzja għal dik il-pożizzjoni ( 54 ). Madankollu ftehim bħal dan bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ impjieg, li essenzjalment jipprovdi għall-‘fidi’ tal-leave annwali, evidentement imur kontra r-regola li tinsab fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, li espressament tipprovdi li perijodu minimu ta’ leave annwali ma jistax jiġi sostitwit bil-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed. Regola bħal din tmur ukoll kontra l-interessi ta’ min jimpjega, peress li, minkejja l-ħlas ta’ pagament ogħla għal-leave, dan ma jistax jobbliga impjegat li effettivament juża l-leave li jkun ħa għall-konvalexxenza sabiex jirkupra l-kapaċità għax-xogħol.

    81.

    Sabiex jiġu protetti l-impjegati u s-sidien u sabiex jiġi evitat li jiġi mdgħajjef id-dritt fundamentali għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas inkorporat fid-dritt Komunitarju, il-konklużjoni għandha tkun li dan id-dritt fundamentali bħala regola mhuwiex disponibbli għal impjegat biex jagħmel bih li jrid u għalhekk ma jistax jirrinunzja għalih b’mod leġittimu.

    5. Konklużjoni

    82.

    Konsegwentement, isegwi mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq li l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ma tistax tiġi suġġetta għall-kapaċità tal-ħaddiem għax-xogħol u għalhekk bħala regola ħaddiem li jsir inkapaċi għax-xogħol minħabba mard għandu dritt korrispondenti għal-leave annwali skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. Madankollu dan ma jistax jieħu dan il-leave matul perijodu li altrimenti jiġi kkunsidrat bħala leave għal mard.

    B — It-tieni domanda

    83.

    It-tieni domanda rrinvjata għandha x’taqsam mal-portata leġiżlattiva tad-dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed ipprovvdut mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. Pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed, jiġifieri, pagament għal-leave annwali mhux utilizzat jissostitwixxi l-ħin liberu mix-xogħol fejn ma jkunx jista’ jingħata aktar leave minħabba li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun ġiet itterminata. Dan id-dritt jikkostitwixxi l-unika deroga mill-projbizzjoni fundamentali ta’ kumpens stipulata mid-direttiva li altrimenti tipprojbixxi b’mod kategoriku lill-partijiet f’kuntratt ta’ impjieg milli jissostitwixxu l-leave annwali b’pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed, irrispettivament minn jekk dan għandux jittieħed fis-sena kurrenti jew fil-perijodu akkumulat.

    84.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-projbizzjoni hija intiża biex tiżgura li ħaddiem normalment ikun jista’ jgawdi minn mistrieħ effettiv, bl-iskop li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu ( 55 ). Din hi intiża biex jiġi evitat il-‘fidi’ abużiv tad-dritt għal-leave min-naħa tas-sid jew ir-rinunzja tiegħu mill-impjegat għal raġunijiet purament finanzjarji ( 56 ).

    85.

    L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jenfasizza l-funzjoni taż-żamma fis-seħħ tal-ħlas tal-paga matul perijodu ta’ leave, li hija li l-ħaddiem jitqiegħed, matul dak il-perijodu, f’pożizzjoni li, fir-rigward tar-remunerazzjoni, tkun paragunabbli mal-perijodi tax-xogħol ( 57 ). Fi kliem ieħor, l-obbligu li jsir dan il-pagament matul il-leave jiżgura li l-ħaddiem ikun finanzjarjament kapaċi li effettivament jieħu l-leave annwali tiegħu ( 58 ). Il-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed m’għandu l-ebda skop ieħor. Dan il-benefiċċju bħala kumpens huwa intenzjonat, bħala regola, li jqiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li, anki wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, ikun jista’ jieħu perijodu ta’ mistrieħ bil-ħlas qabel ma jibda relazzjoni ta’ impjieg ġdida ( 59 ). L-irtirar ta’ dan il-benefiċċju jkun ifisser li l-għan tad-Direttiva 2003/88, li impjegati jitħallew jirkupraw, ma jistax jintlaħaq.

    86.

    Fis-sentenza Robinson-Steele et ( 60 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u għall-ħlas tal-paga matul dan il-leave bħala żewġ aspetti tal-istess dritt. Fil-fehma tiegħi, din il-funzjoni identika tad-dritt għall-paga u d-dritt għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed timmilita favur li dan tal-aħħar jiġi ttrattat bħala aspett inseparabbli tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas.

    87.

    F’dan ir-rigward ir-risposta għat-tieni domanda ssegwi mill-kummenti tiegħi dwar l-ewwel parti tal-ewwel domanda. B’żieda ma’ dan, f’dan il-kuntest nixtieq nagħmel referenza għall-konklużjonijiet fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-350/06 Schultz-Hoff li għadha pendenti wkoll. Skont dawk il-konklużjonijiet, mhux biss id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas m’għandux ikun soġġett għall-kapaċità tal-ħaddiem għax-xogħol. Pjuttost, isegwi minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u r-ratio tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 li perijodu ta’ mard għandu jiġi ekwiparat ma’ perijodu ta’ servizz peress li l-assenza hija dovuta għal raġunijiet li huma indipendenti mill-kontroll tal-ħaddiem u hija għalhekk ġustifikata.

    88.

    Għalhekk, id-drittijiet kollha tal-ħaddiema jirriferu għall-istess perijodu, inkluż id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, li jista’ jittieħed meta l-kapaċità għax-xogħol tiġi ripristinata jew li — jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata — jiġi sostitwit b’pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed anki fejn ikun hemm inkapaċità totali għax-xogħol.

    89.

    Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li fejn relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata l-ħaddiema jkunu fi kwalunkwe każ intitolati skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens bħala sostitut għal-leave akkwistat imma li ma jkunx ittieħed minħabba mard. Dan huwa wkoll il-każ fejn il-ħaddiem kien fuq leave għal mard għas-sena tal-leave inkwistjoni kollha jew għal parti minnha.

    90.

    Fir-rigward tad-domanda iktar wiesgħa li tikkonċerna l-kalkolu tal-kumpens dovut, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistipula l-ebda metodu partikolari ta’ kalkolu u minflok iħalli l-adozzjoni ta’ regoli preċiżi f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali. Madankollu, sa fejn il-ħaddiema huma bħala regola intitolati għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed għandu jingħata qies tal-fatt li l-ħaddiem kien oriġinarjament akkwista dritt fl-ammont ekwivalenti għall-paga normali tiegħu. Dan jagħti lok għall-obbligu fuq l-Istati Membri li skont l-Artiklu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jiżguraw li l-ammont tal-benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed li jirċievi l-ħaddiem ikun ekwivalenti għall-paga normali tiegħu.

    VII — Konklużjoni

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għad-domandi rrinvjati lilha għal deċiżjoni preliminari mill-House of Lords:

    1.

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jieħu leave tal-mard għal perijodu indefinit għandu d-dritt jagħżel perijodu fil-futur bħala leave annwali bil-ħlas, matul perijodu li altrimenti kien ikun inkluż fil-leave għal mard.

    Madankollu, hu ma jistax jieħu dan il-leave matul perijodu li altrimenti kienu ikun inkluż fil-leave għal mard.

    2.

    L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata, il-ħaddiema huma fi kwalunkwe każ intitolati għal pagament kumpensatorju bħala sostituzzjoni għal-leave li jkun ġie akkwistat imma li ma jkunx ittieħed minħabba mard (benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed). Dan japplika wkoll meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard għas-sena tal-leave in kwistjoni kollha jew xi parti minnha.

    Fl-evalwazzjoni tal-ammont ta’ dan id-dritt, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-ammont tal-benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jkunx ittieħed li jirċievi l-ħaddiem ikun ekwivalenti għall-paga normali tiegħu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU L 299, p. 9.

    ( 3 ) ĠU L 307, p. 18.

    ( 4 ) Bl-eċċezzjoni ta’ C. Stringer, l-appellanti kollha fil-kawża prinċipali huma rrappreżentati f’din il-kawża. Għalkemm hija mhijiex rappreżentata fil-proċeduri ta’ l-appell quddiem il-House of Lords, isimha baqa’ jintuża fl-okkju tal-kawża fil-proċeduri nazzjonali.

    ( 5 ) Ara s-sentenza ewlenija tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497, punti 69 u 73), li fih jingħad li “[l-]Istati Membri huma[…]obbligati jagħżlu, fil-limiti tal-liberta mogħtija lilhom mill-Artikolu [249 KE], l-iktar forom u metodi xierqa biex tiġi żgurata l-effettività tad-direttivi, billi jingħata qies ta’ l-għanijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 6 ) Ara L. Stärker, Kommentar zur EU-Arbeitszeit-Richtlinie, Vjenna 2006, p. 81.

    ( 7 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 37); tad-, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389, punti 45 u 47); tal-, Pfeiffer et, (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 91); u tal-, Dellas et (C-14/04, Ġabra p. I-10253, punt 40).

    ( 8 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C-303/98, Ġabra p. I-7963, punt 49; BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38); Jaeger (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 46); tat-, Wippel (C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 47); u Dellas et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41).

    ( 9 ) Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat fl-10 ta’ Diċembru 1948 bir-Riżoluzzjoni 217 A (III).

    ( 10 ) Il-Karta Soċjali Ewropea ġiet miftuħa għall-firem mill-Istati Membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u daħlet fis-seħħ fis-. L-Artikolu 2(3) tagħha jistipula li, bil-għan li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti, il-Partijiet Kontraenti jobbligaw ruħhom li jipprovdu għal minimu ta’ ġimgħatejn vakanzi annwali mħallsin.

    ( 11 ) Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali ġiet adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta’ Diċembru 1966. L-Artikolu 7(d) tiegħu jgħid li ‘[l]-Istati partijiet għal din il-Konvenzjoni jirrikonoxxu d-dritt ta’ kulħadd għat-tgawdija ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli li jiżguraw, partikolarment: …[m]istrieħ, ħin ħieles u limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat tax-xogħol u vakanzi perjodiċi mħallsin, kif ukoll renumerazzjoni għal vakanzi pubbliċi’.

    ( 12 ) Il-Konvenzjoni Nru 132 dwar Vakanzi Annwali Mħallsin (riveduta 1970), adottata mill-Konferenza Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fl-24 ta’ Ġunju 1970, li daħlet fis-seħħ fit-.

    ( 13 ) Il-Konvenzjoni Nru 52 dwar Vakanzi Annwali Mħallsin, adottata mill-Konferenza Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fl-24 ta’ Ġunju 1936, li daħlet fis-seħħ fit-. Din il-Konvenzjoni ġiet riveduta mill-Konvenzjoni 132 imma għadha miftuħa għar-ratifikazzjoni.

    ( 14 ) M. Zuleeg, “Der Schutz sozialer Rechte in der Rechtsordnung der Europäischen Gemeinschaft”, Europäische Grundrechte-Zeitschrift 1992, Ħarġa 15/16, p. 331, jirrileva li strumenti li m’għandhom l-ebda effett legali vinkolanti, bħal pereżempju l-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, iservu primarjament bħala linji gwida. L-iktar l-iktar, dawn jakkwistaw rilevanza legali meta l-qrati jiċċitawhom għall-iskop ta’ interpretazzjoni jew żvilupp ulterjuri tal-liġi. W. Balze, Überblick zum sozialen Arbeitsschutz in der EU, Europäisches Arbeits- und Sozialrecht, 38, Suppliment 1998, punt 4, jgħid korrettement li, għalkemm il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, bħala dikjarazzjoni solenni, ma tipproduċi l-ebda effetti legali vinkolanti fiha nfisha, kienet katalista sinjifikattiva għall-Program ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tat-28 ta’ Novembru 1989, li ġiet adottata fl-aħħar ta’ l-1989. Il-program ta’ azzjoni pprovda għal total ta’ 23 proposta speċifika għal direttivi, inter alia fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema u l-parti l-kbira minnhom ġew implementati sal-1993. Għalhekk, isegwi li anki dikjarazzjonijiet solenni jistgħu, bħala sors ta’ ispirazzjoni għall-attività leġiżlattiva, fl-aħħar mill-aħħar jakkwistaw rilevanza fl-implementazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali pproklamati fihom.

    ( 15 ) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ippromulgata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000 C 364, p. 1).

    ( 16 ) L-Avukat Ġenerali Tizzano jasal għall-istess konklużjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża BECTU tat-8 ta’ Frar 2001, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 26.

    ( 17 ) Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ġiet adottata fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989 mill-Kapijiet ta’ l-Istati u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. Il-punt 8 tal-Karta tal-Komunità jipprovdi li “[k]ull ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu jkollu dritt għal perijodu ta’ mistrieħ kull ġimgħa u għal leave annwali mħallas. It-tul tal-leave annwali għandu jiġi armonizzat skond prattiċi nazzjonali b’mod li jinkiseb progress” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Eichenhofer, E., Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts (editur Dauses, M. A.), Munich 2004, Volum 1, D. III., paragrafi 38 u 39, jitkellem f’dan il-kuntest espressament dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala ‘dritt soċjali fundamentali’ li jinsab fil-Karta tal-Komunità.

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, H.-W. Rengeling, Grundrechte in der Europäischen Union, Cologne 2004, punt 1016, p. 812.

    ( 19 ) E. Riedel, Charta der Grundrechte der Europäischen Union (editur Jürgen Meyer), it-tieni edizzjoni, Baden-Baden 2006, Artikolu 31, punt 20, isostni li r-rilevanza ta’ l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tikkonsisti primarjament fil-fatt li dan stabbilixxa b’mod inkontestabbli, bħala minimu soċjali, il-prinċipji tal-limitazzjoni tal-ħin massimu ta’ xogħol, ta’ perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, anki fil-każ ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg li jinvolvu xiftijiet jew sigħat ta’ xogħol varjabbli, u li stabilixxa l-leave annwali mħallas bħala wieħed mid-drittijiet tal-bniedem disponibbli universalment.

    ( 20 ) L-aħħar darba li esprimejt din il-fehma kien fil-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007 fil-kawża Zefeser (C-62/06, punt 54 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 43), b’konnessjoni mad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif għamlu preċedentement l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża BECTU, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 28, u l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu tal- fil-kawża Il-Kunsill vs Hautala (C-353/99, Ġabra p. I-9565, punti 73 sa 86). Anki l-Qorti tal-Ġustizzja iktar ma jmur qed tibbaża fuq id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ara l-iktar reċenti sentenza tas-, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38), b’riferiment għar-referenza għall-Karta fil-preambolu għad-direttiva inkwistjoni, kif ukoll is-sentenzi tat-, Unibet (C-432/05, punt 37), u tat-, Advocaten voor de Wereld C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 46).

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, M. Poiares Maduro, “The double constitutional life of the Charter of Fundamental Rights”, Unión Europea y derechos fundamentales en perspectiva constitucional, Madrid 2004, p. 306; Schmitz, T, “Die Charta der Grundrechte der Europäischen Union als Konkretisierung der gemeinsamen europäischen Werte”, Die Europäische Union als Wertegemeinschaft, Berlin 2005, p. 85 u U. Beyer, C. Oehme, F. Karmrodt, Der Einfluss der Europäischen Grundrechtecharta auf die Verfahrensgarantien im Unionsrecht, Beiträge zum Transnationalen Wirtschaftsrecht, Ħarġa 34, Novembru 2004, p. 14. I. García Perrote Escartín, “Sobre el derecho de vacaciones”, Scritti in memoria di Massimo D’Antona, volum 4 (2004), p. 3586, jassumi li d-dritt għal-leave annwali mħallas, kif inkorporat fl-Artikolu 40(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, huwa prodott tal-istrumenti internazzjonali kollha li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa jsostni li dawn l-istrumenti flimkien ikkontribwew għall-formazzjoni ta’ kuxjenza universali jew anki speċifikament Ewropea dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt soċjali fundamentali.

    ( 22 ) Skont id-dritt Komunitarju, huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol. Diversi kostituzzjonijiet fihom salvagwardji rigward kundizzjonijiet tax-xogħol li jinkludu d-dritt tal-ħaddiema għal mistrieħ. Pereżempju, l-Artikolu 11(5) tal-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu u l-Artikolu 40(2) tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja jobbligaw lill-Istat joħloq kundizzjonijiet ta’ xogħol sani u li jipprovdu jew jiżguraw mistrieħ għal ħaddiema (ara S. González Ortega, “El disfrute efectivo de la vacaciones anuales retribuidas: una cuestión de derecho y de libertad personal, de seguridad en el trabajo y de igualdad”, Revista española de derecho europeo, Nru 11 [2004], p. 423 et seq.). Fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni ta’ l-Italja hemm regola ferm iktar komprensiva, li hija iktar viċin tal-kliem fl-Artikolu 31 tal-Karta. L-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tal-Italja jipprovdi inter alia għal dritt għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u għal leave annwali mħallas. Jidher li l-Kostituzzjoni tal-Portugall kienet wieħed mill-mudelli għar-regoli tal-Karta peress li l-Artikolu 59(1)(d) tagħha jistabbilixxi d-dritt għal mistrieħ u għal ħin ħieles, limitu massimu fuq is-sigħat ta’ xogħol kuljum, perijodu ta’ mistrieħ kull ġimgħa u leave regolari mħallas (ara J. C. Vieira De Andrade “La protection des droits sociaux fondamentaux dans l’ordre juridique du Portugal”, ‘La protection des droits sociaux fondamentaux dans les États membres de l’Union européenne — Étude de droit comparé’, Ateni/Brussell/Baden-Baden 2000, p. 677). Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-antiki ta’ l-Unjoni Ewropea d-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas huwa bbażat fuq leġiżlazzjoni ordinarja li tirrifletti l-obbligi tal-leġiżlazzjoni sekondarja tad-direttiva, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju huwa kkonċernat. B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Membri l-ġodda, ħlief Ċipru, għandhom kodifikazzjoni komprensiva ta’ dan id-dritt. Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ l-Artikolu 36(f) tal-Kostituzzjoni Slovakka, ta’ l-Artikolu 66 (2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, l-Artikolu 70/B(4) tal-Kostituzzjoni Ungeriża, l-Artikolu 107 ta-Kostituzzjoni tal-Latvja u l-Artikolu 49(1) tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja, li jiggarantixxu perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas. Il-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol huma ttrattati fil-Kostituzzjoni tas-Slovenja (l-Artikolu 66), tar-Repubblika Ċeka (l-Artikolu 28) u tal-Estonja (l-Artikolu 29(4)) (ara E. Riedel, loc. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Artikolu 31, paragrafi 3 u 4)

    ( 23 ) Fil-fehma ta’ S. Smismans, “The Open Method of Coordination and Fundamental Social Rights”, Social Rights in Europe (edituri Gráinne de Búrca u Bruno de Witte), Oxford 2005, p. 229, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u d-drittijiet fundamentali, partikolarment l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, inevitabbilment se tqum fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skond S. Krebber, Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag (edituri Christian Calliess/Matthias Ruffert), l-ewwel edizzjoni, Neuwied 1999, l-Artikolu 136 KE, paragrafu 35, p. 1365, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tal-Komunità jipprovdu għajnuniet sinifikattivi għall-interpretazzjoni tat-tifsira tal-kunċetti tal-liġi dwar l-impjieg fil-livell Komunitarju. L. Stärker, Kommentar zur EU-Arbeitszeit-Richtlinie, Vienna 2006, p. 81, jattribwixxi lill-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saħansitra karattru leġiżlattiv billi jirrileva li din id-dispożizzjoni tippreskrivi l-istabbiliment tal-leave annwali mħallas. Fil-fehma ta’ G. Benedetti, “La rilevanza giuridica della Carta Europea innanzi alla Corte di Giustizia: il problema delle ferie annuali retribuite”, Carta Europea e diritti dei privati, 2000, p. 128, 129, f’tilwima legali li tikkonċerna l-portata tad-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tistax tiġi injorata, minkejja l-fatt li legalment mhijiex vinkolanti, peress li fiha dikjarazzjonijiet li jirriflettu t-tradizzjonijiet Kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Din għalhekk tiffunzjona bħala punt ta’ riferiment jew għajnuna għall-interpretazjoni tad-dritt Komunitarju.

    ( 24 ) Sentenzi tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C-124/05, Ġabra p. I-3423, punt 28; Dellas et, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 49); tat-, Merino Gómez (C-342/01, Ġabra p. I-2605, punt 29); u BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 43).

    ( 25 ) Sentenza BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 44).

    ( 26 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, (C-131/04 u C-257/04, Ġabra I-2531, punt 57).

    ( 27 ) Sentenza BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 53).

    ( 28 ) Kif ġie elenkat fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawża BECTU, li l-Avukat Generali Tizzano indirizza fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 punt 34.

    ( 29 ) Ara punti l-45 sa 49.

    ( 30 ) Fil-punt 61 tas-sentenza BECTU, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, il-Qorti tal-Ġustizzja ddecidiet li d-Direttiva 93/104 ma kinitx tostakola lill-Istati Membri milli “jorganizzaw il-mod li bih id-dritt għal-leave annwali mħallas jista’ jiġi eżerċitat billi jiġi regolat, pereżempju, il-mod li bih il-ħaddiema jistgħu jieħdu l-leave annwali li huma intitolati għalih matul l-ewwel ġimgħat ta’ l-impjieg tagħhom”.

    ( 31 ) Madankollu, dan hu preċiżament dak li l-Istati Membri mhumiex permessi li jagħmlu (ara s-sentenza BECTU, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52). Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri huma preklużi milli jillimitaw b’mod unilaterali l-intitolament għal-leave annwali mħallas mogħti lill-ħaddiema kollha billi tiġi applikata kundizzjoni għal intitolament bħal dan li jkollha l-effett li tostakola lil ċerti ħaddiema milli jibbenefikaw minnu.

    ( 32 ) L-Artikolu 137 huwa l-iktar bażi importanti għall-adozzjoni ta’ direttivi fil-qasam tal-politika soċjali. Dan jeħtieġ li l-armonizzazzjoni tingħata għan ċert, kif jirriżulta mir-rabta tal-paragrafu 2 mal-paragrafu 1. Għalhekk, l-armonizzazzjoni għandha tiġi effettwata biex tippromwovi l-funzjoni ta’ sostenn u tal-ikkumplimentar tal-attivitajiet tal-Komunità fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i). Skont il-paragrafu 1(a), dan jinkludi l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem. Sa ftit ilu l-bażi kienet l-Artikolu 118 tat-Trattat KE, li wkoll kellu orjentazzjoni primarjament ta’ politika soċjali u konsegwentement kien differenti mid-dispożizzjoni l-oħra li tiddefinixxi l-kompetenza, jiġifieri l-Artikolu 100a tat-Trattat KE (l-Artikolu 94 KE) bil-funzjoni tiegħu li tirrigwarda s-suq intern (ara S. Krebber, loc. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 23, l-Artikolu 137 KE, paragrafu 18, p. 1373).

    ( 33 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 56).

    ( 34 ) W. Balze, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, p. 38. Supplement 1998, punt 3.

    ( 35 ) Is-sentenza tat-12 ta’ November 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 42. W. Balze, Arbeitszeit, Urlaub und Teilzeitarbeit, Europäisches Arbeits- und Sozialrecht, 79. Suppliment (Ottubru 2002), B 3100, punt 6, p. 9, jinterpreta r-regoli li hemm fid-direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol bħala dispożizzjonijiet minimi b’konformi mar-raġunament sotto-intiż fl-Artikolu 137 KE u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu regoli iktar stretti dwar il-ħin tax-xogħol. Madankollu skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88 dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tad-direttiva, irrispettivament minn jekk il-livell ta’ protezzjoni pprovdut minnhom jkunx inqas dak mogħti mid-direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

    ( 36 ) Ara s-sentenzi Robinson-Steele et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 62) u BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41). F’dan is-sens, ara wkoll W. Balze, “Die Richtlinie über die Arbeitszeitgestaltung”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, Nru 7 (1994), p. 207, li ma jara ebda poter sostantiv biex issir deroga minn dawn ir-regoli.

    ( 37 ) Wieħed għandu jiftakar f’dan ir-rigward li, skond il-premessa (6) tal-preambolu għad-Direttiva 2003/88, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ l-ILO fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Dan ġie rilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali Kokott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-Konklużjonijiet tagħha tat-12 ta’ Jannar 2006 fil-kawża Federatie Nederlandse Vakbeweging (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24). Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 li tieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji essenzjali stipulati fil-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 132 hi essenzjali minħabba l-fatt li l-liġi ta’ l-ILO stabbiliet l-istandards internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-liġi dwar l-impjieg. Mad-daqqa t’għajn, jeżisti grad wiegħsa ta’ konverġenza bejn iż-żewġ strumenti legali. Madankollu, minn ħarsa iktar mill-viċin huwa evidenti li ċerti regoli inklużi fid-Direttiva 2003/88 imorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132. Għal din ir-raġuni jista’ jingħad b’mod korrett dwar id-Direttiva 2003/88 li din tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ din il-konvenzjoni li hija speċifika għall-Komunità. (ara J. Murray, Transnational Labour Regulation: The ILO and EC Compared, Den Haag 2001, p. 185).

    ( 38 ) Konsegwentement, m’hemmx għalfejn jiġi eżaminat sa liema punt l-Istati Membri huma marbutin b’obbligi sostanzjalment differenti li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 132 u d-Direttiva 2003/88. Ara, f’dan is-sens, il-kummenti tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Jannar 1991 fil-kawża Stöckel (C-345/89, Ġabra I-4047, punt 11).

    ( 39 ) Ara, evidentement fl-istess sens, anki l-Avukat Ġenerali Tizzano, li fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża BECTU ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, jesprimi dubju dwar il-kompatibbilità mad-dritt Komunitarju ta’ regola nazzjonali li tostakola lill-ħaddiema milli jakkwistaw drittijiet għal-leave mill-ewwel ġurnata tal-impjieg.

    ( 40 ) Ara, f’dan is-sens, ukoll I. García Perrote Escartín, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 3584, p. 3595.

    ( 41 ) Sentenza Merino Gómez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24).

    ( 42 ) Sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24).

    ( 43 ) Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

    ( 44 ) Direttiva 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ professjonali, il-promozzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).

    ( 45 ) Sentenzi Merino Gómez( iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 32); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C-411/96, Ġabra I-6401, punt 41); tat-, Thibaut (C-136/95, Ġabra p. I-2011, punt 25); ta’ l-, Webb (C-32/93, Ġabra p. I-3567, punt 20); tal-, Habermann-Beltermann (C-421/92, Ġabra p. I-1657, punt 21); u tat-, Hofmann (C-184/83, Ġabra, p. 3047, punt 25).

    ( 46 ) Sentenza Merino Gómez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 38).

    ( 47 ) Sentenzi Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 24), u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-519/03, Ġabra p. I-3067, punt 33).

    ( 48 ) Sentenzi Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 24), Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 33), u Merino Gómez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 41).

    ( 49 ) S. González Ortega, op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 432, jgħid li l-ewwel stadju tal-leave tal-maternità huwa intiż biex jippermetti lill-omm tirkupra fiżikament u li tipprotteġġi l-kundizzjoni bioloġika tagħha wara l-ħlas. Dan għalhekk iservi skop differenti mit-tieni stadju ta’ dan il-leave, li huwa li jippermetti lil omm tieħu ħsieb it-tarbija tagħha u li jippromwovi r-relazzjoni li teżisti bejn l-omm u t-tarbija tagħha. L-awtur jislet paralleli bejn l-ewwel stadju tal-leave tal-maternità u l-leave għal mard u għalhekk jargumenta favur l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-ġurisprudenza dwar ir-relazzjoni bejn il-leave tal-maternità u l-leave annwali għar-relazzjoni bejn il-leave għal mard u l-leave annwali.

    ( 50 ) Punt 13 tad-deċiżjoni tar-rinviju tal-House of Lords tat-13 ta’ Diċembru 2006.

    ( 51 ) Punt 22 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit tat-13 ta’ April 2007.

    ( 52 ) Skond P. Fischinger, “Der Grundrechtsverzicht”, Juristische Schulung (2007), Ħarġa 9, p. 808, ir-rinunzja għal dritt fundamentali għandha tiġi interpretata bħala li tfisser il-kunsens tad-detentur ta’ dritt fundamentali għal impediment speċifiku ta’ u preġudizzju għal drittijiet fundamentali. Madankollu, dak li mhuwiex intenzjonat huwa rinunzja permanenti, għal kollox li fil-prattika qajla wieħed jista’ jimmaġina, tal-protezzjoni mogħtija minn dritt fundamentali wieħed jew minn diversi drittijiet fundamentali. Għandha ssir ukoll distinzjoni stretta bejn rinunzja għal dritt fundamentali interpretata bħala tali u n-nuqqas ta’ eżerċizzju purament fattwali ta’ dritt fundamentali. B’kuntrast ma’ nuqqas ta’ eżerċizzju purament fattwali ta’ dritt fundamentali, huwa inerenti f’rinunzja element legali peress li l-persuna li qed tagħti l-kunsens hija obbligata bil-ftehim b’tali mod li ma tistax sussegwentement teċċepixxi li d-dritt fundamentali tagħha ġie ostakolat b’mod illegali. L-hekk imsejħa ‘dimensjoni negattiva’ għad-drittijiet fundamentali, li timplika pereżempju, id-dritt tal-individwu li ma jkollu l-ebda opinjoni jew li ma jappartjeni għal ebda skola ta’ ħsieb, bl-istess mod m’għandha l-ebda konnessjoni mar-rinunzja għal dritt fundamentali. Fil-fehma ta’ R. Adam “Der Grundrechtsverzicht des Arbeitnehmers”, Arbeit und Recht (2005), Ħarġa 4, p. 130, rinunzja bħal din isseħħ fejn id-dritt fundamentali ta’ ħaddiem huwa ristrett b’kuntratt jew il-poter ġestjonali tas-sid mingħajr konċessjonijiet reċiproċi bħal fil-każ ta’ tranżazzjoni. Meta d-dritt għal-leave jiġi eżerċitat matul perijodi ta’ mard ma jista’ jkun hemm l-ebda kwistjoni ta’ xi konċessjoni mis-sid peress li dan sempliċement jobbliga ruħu li jħallas lill-ħaddiem il-paga normali tiegħu mingħajr mal-impjegat jiġi kkumpensat għax ikun issagrifika l-leave annwali tiegħu.

    ( 53 ) Abbuż ta’ drittijiet ifisser l-użu mhux xieraq ta’ pożizzjoni legali u jillimita l-possibbiltà tal-eżerċizzju ta’ dritt eżistenti. Dan iffisser li l-eżerċizzju ta’ dritt legali formali huwa ristrett mill-prinċipju tal-bona fide. Anki persuna li għandha dritt li, formalment, jista’ jiġi infurzat, ma tistax tuża dan id-dritt abużivament. Ara f’dan is-sens Creifelds, Rechtswörterbuch (editur von Klaus Weber), is-17-il edizzjoni, München 2002, p. 1109, li jgħid li l-eżerċizzju ta’ dritt soġġettiv huwa abużiv fejn, għalkemm huwa formalment konsistenti mal-liġi, jiġi eżerċitat b’mala fede minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali.

    ( 54 ) Fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Federatie Nederlandse Vakbeweging (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24) l-Avukat Ġenerali Kokott indikat li jeżisti riskju simili fil-każ ta’ kumpens finanzjarju fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ leave annwali li jiġi ttrasferit għal sena oħra. Fil-fehma tagħha din il-possibbiltà toħloq inċentivi, li jkunu inkompatibbli mal-għanijiet tad-direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li wieħed ma jiħux leave annwali jew li impjegati jiġu nkoraġġuti ma jagħmlux dan.

    ( 55 ) Sentenzi BECTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 44), Merino Gómez (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 30) u Robinson-Steele et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 60).

    ( 56 ) Fis-sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà ta’ kumpens finanzjarju fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ leave annwali toħoloq inċentiv li huwa inkompatibbli mal-għanijiet tad-direttiva, li ma jiġix utilizzat il-leave jew li l-impjegati jiġu nkoraġġuti biex ma jiħduhx. M. Fenski, “Urlaubsrecht im Umbruch?”, Der Betrieb, Ħarġa 12 (2007), p. 688, u K. Jacobsen, Münchener Anwaltshandbuch Arbeitsrecht (editur Wilhelm Moll), l-ewwel edizzjoni 2005, § 25, punt 102, jagħmlu referenza għall-prattika illegali li jigi ‘mifdi’ l-leave matul relazzjoni ta’ impjieg eżistenti.

    ( 57 ) Sentenza Robinson-Steele et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 58).

    ( 58 ) A. L Bogg, “The right to paid annual leave in the Court of Justice: the eclipse of functionalism”, European Law Review, volum 31 (2006), Nru 6, p. 899.

    ( 59 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Avukat Ġenerali Tizzano fl-Opinjoni tiegħu fil-kawża BECTU (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38).

    ( 60 ) Sentenza Robinson-Steele et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 58).

    Fuq