Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0756

Regolament (UE) Nru 756/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 8 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34) dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2014/30)

ĠU L 205, 12.7.2014, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/756/oj

12.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/14


REGOLAMENT (UE) Nru 756/2014 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta' Lulju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34) dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji

(BĊE/2014/30)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1072/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/34) (2) daħal fis-seħħ fis-27 ta' Novembru 2013 u ser japplika għar-rapportar ta' dejta dwar ir-rata tal-imgħax ta' istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) sa mill-1 ta' Jannar 2015.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34) jeħtieġ ir-rapportar separat ta' dejta relatata mal-volumi ta' negozju ġdid ta' self innegozjat mill-ġdid u, b'mod parallel, il-paragrafu 4 tal-Parti 13 tal-Anness II għal-Linja Gwida BĊE/2014/15 (3) jeħtieġ ukoll il-forniment ta' dejta dwar ir-rati tal-imgħax applikabbli għal self innegozjat mill-ġdid.

(3)

Huwa neċessarju li l-kamp ta' applikazzjoni ta' self innegozjat mill-ġdid fir-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34) jiġi allinjat mal-Linja Gwida BĊE/2014/15, sabiex b'hekk tiġi żgurata r-reġistrazzjoni xierqa ta' negozjati mill-ġdid ta' self li jseħħu fi ħdan il-perjodu ta' rapportar li matulu jkun ingħata s-self kif ukoll ir-rapportar preċiż ta' volumi ta' negozju ġdid ta' self innegozjat mill-ġdid fil-każ ta' self li jkun għadu ma nġibidx totalment, jiġifieri self meħud biċċa biċċa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda

Fit-Taqsima VI tal-Parti 2 tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1072/2013 (BĊE/2013/34), il-punt 22 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“22.

Għar-rapportar separat ta' volumi ġodda ta' negozju ta' self innegozjat mill-ġdid lil unitajiet domestiċi u korporazzjonijiet mhux finanzjarji fl-istatistika tar-rati tal-imgħax ta' IFM, self innegozjat mill-ġdid jinkludi kull self ġdid għan-negozju, minbarra self li jiġġedded u overdrafts u dejn tal-karta tal-kreditu, li jkunu ngħataw iżda jkunu għadhom ma tħallsux lura fil-mument meta jiġu nnegozjati mill-ġdid.”

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01, Volum 03, p. 23-34).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1072/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Settembru 2013 dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/34) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 51).

(3)  Linja Gwida BĊE/2014/15 tal-4 ta' April 2014 dwar statistika monetarja u finanzjarja (adottata fl-4 ta' April 2014 u disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu). Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top