This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0754
Commission Implementing Regulation (EU) No 754/2014 of 11 July 2014 concerning the denial of authorisation of Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) and Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) as feed additives Text with EEA relevance
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 754/2014 tal- 11 ta' Lulju 2014 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 754/2014 tal- 11 ta' Lulju 2014 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 205, 12.7.2014, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 205/10 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 754/2014
tal-11 ta' Lulju 2014
dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistabbilixxi l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għar-rifjut ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(7) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 10(1) sa (4) tiegħu, jistipula d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-prodotti li kienu jintużaw bħala addittivi tas-silaġġ fl-Unjoni dakinhar li daħal fis-seħħ dak ir-Regolament. |
(2) |
Skont l-Artikolu 10(7) tar- Regolament (KE) Nru 1831/2003, il-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044), li qabel kien imsejjaħ Lactococcus lactis (NCIMB 30044), kienu ddaħħlu fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha. |
(3) |
Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqu applikazzjonijiet biex il-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jiġu awtorizzati bħala addittivi tal-għalf għal kull speċi tal-annimali, u ntalab li dawn l-addittivi jiġu klassifikati fil-kategorija tal-“addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali tal-“addittivi tas-silaġġ”. Dawk l-applikazzjonijiet tressqu magħhom id-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
(4) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha tas-6 ta' Marzu 2014 (2) li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) huma reżistenti għat-tetraċiklina, li hija antibijotiku użat fil-mediċina umana u veterinarja. |
(5) |
It-tagħrif disponibbli ma jippermettix l-esklużjoni tar-riskju li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jistgħu jinfirxu fost mikroorganiżmi oħra li huma reżistenti għal dak l-antibijotiku. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) ma jħallux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, meta jintużaw bħala addittivi tal-għalf skont il-kundizzjonijiet proposti. |
(6) |
Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, mhux sodisfatti. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi fl-għalf għandha tiġi miċħuda. |
(7) |
Peress li l-użu ulterjuri tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi tal-għalf jista' jikkawża riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, dawk l-addittivi tal-għalf għandhom jiġu rtirati mis-suq mill-aktar fis possibbli. B'kunsiderazzjoni ta' raġunijiet prattiċi, madankollu, huwa neċessarju li l-partijiet interessati jingħatalhom perjodu ta' żmien li matulu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti tas-silaġġ prodotti b'dawk l-addittivi tal-għalf. |
(8) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ċaħda tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) bħala addittivi tal-għalf għandha tiġi miċħuda.
Artikolu 2
Miżuri tranżitorji
1. Il-ħażniet eżistenti ta' Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) u taħlitiet lesti minn qabel li jinkluduhom għandhom jitneħħew mis-suq mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2014.
2. Is-silaġġ prodott bil-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30068) u l-Pediococcus pentosaceus (NCIMB 30044) jew bit-taħlitiet lesti minn qabel li jinkluduhom qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jista' jintuża sakemm jispiċċaw il-ħażniet.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) EFSA Journal 2014; 12(3):3609 u EFSA Journal 2014; 12(3):3610.