Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0778

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/778/PESK tad- 29 ta’ Novembru 2007 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo

ĠU L 312, 30.11.2007, p. 68–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/778/oj

30.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 312/68


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/778/PESK

tad-29 ta’ Novembru 2007

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK (1).

(2)

Fis-16 ta’ Ottubru 2007, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn 'il quddiem “PS” qabel li l-EUPT Kosovo għandu jiġi estiż b'perijodu ta’ erba' xhur wara l-iskadenza tal-mandat eżistenti fit-30 ta’ Novembru 2007, sal-31 ta’ Marzu 2008.

(3)

Il-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija fis-Segretarjat tal-Kunsill u l-EUPT Kosovo ser ikomplu t-tħejjijiet tekniċi għal Missjoni tal-PESD futura fil-Kosovo, inkluż għall-ġenerazzjoni ta’ forza informali u indikattiva, għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi u għall-akkwist.

(4)

Saret stima tar-riskju operattiv tal-varar ta’ Missjoni PESD eventwalment possibbli fil-futur li wriet li sabiex jiġi żgurat li l-Missjoni tkun mgħammra skond il-proċess ta’ ġenerazzjoni tal-forza ppjanat sal-jum tat-trasferiment ta’ l-awtorità, huwa meħtieġ li jsir akkwist sinifikanti minn qabel ta’ tagħmir għall-Missjoni.

(5)

L-akkwist minn qabel ta’ tagħmir huwa kkunsidrat li jinvolvi riskji finanzjarji sinifikanti.

(6)

L-akkwist minn qabel ta’ tagħmir huwa separat minn, u mingħajr preġudizzju għal, kwalunkwe deċiżjoni politika sussegwenti dwar jekk għandhiex tiġi skjerata l-Missjoni.

(7)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill approva Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili ta’ l-UE fl-Immaniġġar ta’ Krizijiet. Dawn il-Linji Gwida jipprevedu, partikolarment, li l-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll f'livell strateġiku għall-ippjanar u t-tmexxija ta’ l-operazzjonijiet ċivili kollha għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli tal-PESK (minn hawn 'il quddiem “SĠ/RGħ”. Dawn il-Linji Gwida jipprevedu wkoll li d-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (KĊPT) stabbilit fi ħdan is-Segretarjat tal-Kunsill ser ikun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għal kull operazzjoni ċivili għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

(8)

L-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll imsemmija hawn fuq hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kontrattwali tal-Kap ta’ l-EUPT Kosovo lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-EUPT Kosovo.

(9)

Il-kapaċità ta’ l-għassa stabbilita fi ħdan is-Segretarjat tal-Kunsill għandha tiġi attivata għall-EUPT Kosovo.

(10)

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK għandha tiġi estiża u emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK hija b'dan emendata kif ġej.

1)

L-Artikolu 2(5) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE ta’ immaniġġar ta’ kriżijiet futura possibbli fir-rigward tal-mezzi meħtieġa minnha ta’ appoġġ, inkluż it-tagħmir kollu, is-servizzi u l-post u t-tfassil ta’ termini ta’ referenza relatati jew speċifikazzjonijiet tekniċi. Il-proposta ta’ azzjonijiet biex jiġu akkwistati t-tagħmir, is-servizzi u l-post meħtieġa, b'kont meħud tal-possibbiltà li t-tagħmir, il-post u l-materjali adatti jittieħdu minn sorsi disponibbli, inkluż l-UNMIK, fejn dan ikun rilevanti, fattibbli u kost-effiċjenti. It-tnedija ta’ proċeduri għal sejħa għal offerti u l-għotja ta’ kuntratti li jippermettu t-twassil fil-ħin ta’ tagħmir, servizzi u post biex jiġi żgurat li l-missjoni tkun mgħammra b'mod adegwat mill-jum tat-trasferiment ta’ awtorità. Dan għandu jsir f'żewġ stadji. L-ewwel stadju għandu jibda ma’ l-adozzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u għandu jipprovdi għall-akkwist, notevolment ta’ vetturi, tagħmir ta’ l-IT, tagħmir ta’ komunikazzjonijiet, postijiet (tagħmir u xogħol ta’ titjib), tagħmir ta’ sigurtà, u uniformijiet, sa 75 % tal-baġit allokat għan-nefqa kapitali. It-tieni stadju, li jkopri l-ħtiġijiet ta’ akkwist li jibqa' tal-missjoni, għandu jibda wara l-qbil tal-Kunsill biex tiġi stabbilita operazzjoni ta’ l-UE ta’ immaniġġar ta’ kriżijiet.”

2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu ġdid li ġej:

“Artikolu 3 a

Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (KĊPT) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPT Kosovo.

2.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EUPT Kosovo f'livell strateġiku, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet f'livell strateġiku kif meħtieġ mill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat emittenti jew istituzzjoni ta’ l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li jiġi mwettaq korrettament id-dmir ta’ diliġenza ta’ l-Unjoni Ewropea.”

3)

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo u l-persunal

1.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EUPT Kosovo f'livell ta’ teatru.

2.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika, anke fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ l-EUPT Kosovo.

3.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ l-EUPT Kosovo, inkluż f'dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effettiv ta’ l-EUPT Kosovo f'teatru, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tiegħu, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet f'livell strateġiku tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-EUPT Kosovo. Għal dan il-għan, il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-UE konċernata.

6.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrappreżenta lill-EUPT Kosovo fiż-żona ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata ta’ l-EUPT Kosovo.

7.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jikkoordina, kif xieraq, ma’ atturi oħrajn ta’ l-UE fl-art.

8.   L-EUPT Kosovo għandha primarjament tikkonsisti f'persunal ċivili sekondat mill-Istati Membri jew mill-Istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż relatati għal kwalunkwe mill-persunal sekondat bl-inklużjoni tas-salarji, il-koperta medika, l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-Kosovo, u l-allowances minbarra dawk per diems.

9.   L-EUPT Kosovo jista' jirrekluta wkoll perunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali, jekk dan ikun meħtieġ.

10.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess uniku ta’ l-EUPT Kosovo. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 bl-adozzjoni tar-regolamenti tal-Kunsill dwar is-sigurtà (minn hawn 'l quddiem imsemmija ‘r-regolamenti tal-Kunsill dwar is-sigurtà’ (2)”.

4)

L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Katina ta’ Kmand

1.   L-EUPT Kosovo għandu jkollu linja unifikata ta’ kmand.

2.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-EUPT Kosovo.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand ta’ l-EUPT Kosovo f'livell strateġiku, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ u, għaldaqstant, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku. Wara l-istabbiliment ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ krizijiet fil-Kosovo u qabel it-tnedija tal-fażi operattiva tal-missjoni, il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo permezz tal-Kap ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar jiġi maħtur.

4.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EUPT Kosovo f'livell ta’ teatru u għandu jkun direttament responsabbli għall-kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ krizijiet fil-Kosovo u qabel it-tnedija tal-fażi operattiva, il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jaġixxi taħt id-direzzjoni tal-Kap ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar jiġi maħtur.

6.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ krizijiet fil-Kosovo u qabel it-tnedija tal-fażi operattiva, il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili permezz tal-Kap ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar jiġi maħtur.

7.   Ladarba l-KPS jilħaq qbil fil-prinċipju dwar il-ħatra tal-Kap ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, għandhom jiġu żgurati koordinament u koordinazzjoni xierqa mill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo.”

5)

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-EUPT Kosovo. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti dwar il-ħatra tal-Kap ta’ l-EUPT Kosovo. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-terminu ta’ l-EUPT Kosovo għandhom jibqgħu kompitu tal-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, regolarment u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap ta’ l-EUPT Kosovo dwar kwistjonijiet fl-oqsma tagħhom ta’ responsabbiltà.”

6)

L-Artikolu 8 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiggwida l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap l-EUPT u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPT Kosovo skond l-Artikoli 3 a u 5 u f'koordinazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn hawn 'il quddiem ‘l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-SĠK’).

2.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta’ l-EUPT Kosovo u sabiex jiżgura konformità ma’ rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EUPT Kosovo skond il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta’ appoġġ tiegħu.

3.   L-EUPT Kosovo għandu jkollu Uffiċjal tas-Sigurtà ddedikat li jirrapporta lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo.

4.   Il-persunal ta’ l-EUPT għandu jkollu taħriġ obbligatorju dwar is-sigurtà qabel ma jibda l-kariga tiegħu.”

7)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu ġdid li ġej:

“Artikolu 13a

L-għassa

Il-kapaċità ta’ l-għassa għandha tiġi attivata għall-EUPT Kosovo.”

8)

L-Artikolu 14 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu, sal-31 ta’ Jannar 2008, jevalwa jekk l-EUPT Kosovo għandhiex tkompli wara l-31 ta’ Marzu 2008, b'kont meħud tal-ħtieġa ta’ transizzjoni bla xkiel għal operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo.”

9)

L-Artikolu 15(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2008.”

Artikolu 2

L-ammont finanzjarju ta’ referenza kif stabbilit fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK għandu jiżdied b'EUR 22 000 000, għal total ta’ EUR 76 500 000, sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat ta’ l-EUPT Kosovo għall-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINO


(1)  ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19. Azzjoni Konġunta kif emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2007/520/PESK (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 28).

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).


Top