L-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Din tistabbilixxi s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-Unjoni Ewropea (UE). Din hija l-pedament tal-politika tal-UE sabiex tindirizza l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b’mod kosteffikaċi u ekonomikament effiċjenti. Hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ limitu u skambju*.
- Il-leġiżlazzjoni oriġinali ġiet emendata bosta drabi hekk kif tevolvi s-sistema. L-aktar bidliet reċenti ġew adottati fid-Direttiva (UE) 2023/958 u d-Direttiva (UE) 2023/959 bħala parti mill-inizjattiva tal-UE “lesti għall-mira ta’ 55 %”, li għandha l-għan li tiżgura li l-politiki tal-UE huma konformi mal-għanijiet klimatiċi tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-impenji taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta’ Pariġi.
PUNTI EWLENIN
Il-fażi attwali (ir-raba’) tal-ETS tibda mill-2021 sal-2030. Għal dan il-perjodu, l-UE waqfet mira ġdida u li tiżdied biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG b’62% meta mqabbla mal-livelli tal-2005.
Is-sistema tapplika għal:
- impjanti tal-enerġija;
- firxa wiesgħa ta’ setturi industrijali intensivi fl-enerġija;
- it-titjiriet fi ħdan l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u t-titjiriet li jitilqu lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit;
- it-trasport marittimu (l-obbligi ta’ ċediment se jiġu introdotti gradwalment bejn l-2024 u l-2026);
- emissjonijiet ta’:
- id-diossidu tal-karbonju (CO2),
- ossidu nitruż,
- perfluworokarburi,
- metan.
Ġiet stabbilita ETS separata u awtonoma biex tkopri l-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils għal setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-ETS eżistenti.
Kwoti
- Mill-1 ta’ Jannar 2005, l-operaturi tal-attivitajiet kollha koperti mil-leġiżlazzjoni kellhom kull sena jċedu għadd xieraq ta’ kwoti ta’ emissjonijiet biex ikopru l-emissjonijiet tal-GHG tagħhom tas-sena preċedenti (emissjoni waħda għal kull tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju (CO2); jew l-ammont ekwivalenti ta’ GHGs oħra b’saħħithom).
- B’mod annwali, l-għadd totali ta’ kwoti maħruġin fl-UE qed jitnaqqas b’mod gradwali: b’1.74% bejn l-2013 u l-2020, u b’2.2% bejn l-2021 u l-2023. Bejn l-2024 u l-2027, se jitnaqqsu b’4.3% fis-sena, u mill-2029 b’4.4% fis-sena.
- Is-sistema tal-kwoti ħielsa ġiet riveduta biex tiġi indirizzata l-kwistjoni rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju* b’enfasi fuq setturi f’riskju li tiġi rilokata l-produzzjoni tagħhom barra mill-UE. F’dan ir-rigward:
- konċessjonijiet bla ħlas se tiġu eliminata gradwalment abbażi ta’ rati ta’ tnaqqis ogħla;
- ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ aġġustament transkonfinali tal-karbonju (magħruf bħala CBAM) (din hija sistema ta’ pprezzar tal-karbonju li tapplika għal prodotti intensivi fl-enerġija importati fl-UE — allokazzjoni bla ħlas fl-ETS qed tiġi eliminata gradwalment sal-2034 għal dawk is-setturi koperti mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament transkonfinali tal-karbonju).
Is-settur tal-avjazzjoni
- Sa tmiem l-2026, ipprezzar tal-karbonju tal-UE se japplika għal titjiriet fi ħdan l-UE/ŻEE, u titjiriet li jitilqu lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit, u se jżomm l-ambitu ġeografiku ristrett attwali għall-applikazzjoni internazzjonali tar-regoli. Sal-1 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta rapport li jivvaluta l-integrità ambjentali tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) stabbilita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li żżomm jew testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS għal titjiriet li jitilqu fid-dawl tal-integrità ambjentali u l-ambizzjoni ta’ CORSIA fir-rigward tal-miri skont il- Ftehim ta’ Pariġi. CORSIA se tapplika għal titjiriet eks-Ewropej lejn u minn pajjiżi li jkunu qed jipparteċipaw f’CORSIA.
- Ir-regoli aġġornati jħaffu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas* billi gradwalment jiġu eliminati l-kwoti bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni b’irkantar sħiħ fl-2026.
- Mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2030, 20 miljun kwota se jiġu riżervati bħala inċentiv għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru jitbiegħdu mill-użu ta’ fjuwils fossili.
Sistema għall-iskambju tal-emissjonijiet separati għall-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali
Sabiex jinċentiva t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tat-trasport bit-triq u l-bini — li ma kinux koperti mill-ETS eżistenti — il-koleġiżlaturi qablu li jistabbilixxu, mill-2027, ETS separata iżda parallela għall-emissjonijiet mill-fjuwils maħruqin fis-setturi rilevanti. B’differenza mill-ETS eżistenti, l-hekk imsejħa ETS2 tpoġġi l-punt tar-regolament upstream, jiġifieri fuq persuni li jistgħu jħallsu dazji tas-sisa fuq l-enerġija (bħal imħażen tat-taxxa u fornituri tal-fjuwil) u mhux fuq il-konsumaturi finali tal-fjuwils. L-entitajiet regolati koperti mill-ETS2 għandhom iċedu l-kwoti għall-emissjonijiet ivverifikati tagħhom li jikkorrispondu għall-kwantitajiet tal-fjuwils li jkunu rilaxxaw għall-konsum. Għalkemm il-konsenja tal-kwoti taħt l-ETS2 se tibda biss għall-emissjonijiet fl-2028 għall-2027, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet se jibdew mill-1 ta’ Jannar 2025. Il-kwoti fl-ETS2 mhux se jiġu funġibbli b’kwoti nnegozjati fl-ETS eżistenti u se jitqiegħdu fis-suq biss permezz ta’ rkant (mhux allokazzjoni bla ħlas). In-numru totali ta’ kwoti maħruġin fl-ETS2 e jkunu mnaqqas annwalment b’5.10 % fil-bidu tas-sistema u b’5.38 % mill-2028.
Mekkaniżmi ta’ finanzjament b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju
- Il-Fond ta’ Modernizzazzjoni jappoġġja proġetti ta’ investiment ta’ modernizzar fis-settur tal-enerġija u sistemi tal-enerġija usa’ fl-Istati Membri tal-UE li l-prodott domestiku gross per capita fi prezzijiet tas-suq fl-2013 kien anqas minn 60% tal-medja tal-UE. Tliet Stati Membri bi dħul aktar baxx li l-prodott domestiku gross per capita fi prezzijiet tas-suq tagħhom kien inqas minn 75% tal-medja tal-UE mill-2016 sal-2018 żdiedu.
- Il-Fond tal-Innovazzjoni jappoġġja d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u innovazzjoni rivoluzzjonarja f’setturi koperti mill-EU ETS, inklużi sorsi rinnovabbli innovattivi, il-ġbir u l-użu tal-karbonju, u l-ħażna tal-enerġija b’fokus aktar b’saħħtu fuq it-titjib ta’ teknoloġiji ġodda.
- Il-Fond dwar il-Klima Soċjali stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/955 (ara s-sommarju) se jakkumpanja l-introduzzjoni tal-prezz tal-karbonju fis-setturi tal-bini u t-trasport bit-triq u jipprovdi finanzjament iddedikat lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-gruppi vulnerabbli l-aktar affettwati, speċjalment lill-unitajiet domestiċi fil-faqar tal-enerġija jew tat-trasport u lill-mikrointrapriżi.
Ir-rwol tal-Istati Membri
L-Istati Membri huma responsabbli għall-kompiti li ġejjin:
- il-ħruġ ta’ kwoti.
- jIżguraw li l-operaturi, l-operaturi tal-ajruplani, il-kumpaniji tat-tbaħħir u l-entitajiet regolati jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom annwalment, u jċedu għadd ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti;
- jbigħu b’irkant il-kwoti kollha mhux allokati bla ħlas jew imqiegħda f’riżerva tal-istabbiltà tas-suq;
- jiddeċiedu kif jużaw id-dħul mill-irkantijiet fuq il-klima, l-enerġija u l-finijiet soċjali;
- jipprovdu lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni;
- jiżguraw li l-kwoti jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti bejn installazzjonijiet fl-UE u lil pajjiżi mhux tal-UE fejn il-kwoti huma rikonoxxuti;
- jiddeterminaw penali għal kwalunkwe ksur tal-liġi.
Regoli dwar il-bejgħ b’irkant ta’ kwoti
- Att delegat, Regolament (UE) 2023/2830, jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE u jistabbilixxi r-regoli tal-kalendar, amministrazzjoni u aspetti oħra tal-bejgħ b’irkant ta’ kwoti. Dan iħassar u jissostitwixxi regoli li qabel kienu stipulati f’Regolament (UE) Nru. 1031/2010, waqt li jqis ir-regoli u l-elementi l-ġodda li daħlu fid-Direttiva 2003/87/KE, bħal l-estensjoni tal-ambitu tal-ETS eżistenti għat-trasport marittimu u l-introduzzjoni ta’ ETS ġodda u separati għal bini, trasport marittimu u attivitajiet industrijali mhux koperti mill-ETS eżistenti.
- Regolament delegat (UE) 2023/2830 jitratta aspetti bħal:
- id-disinn ta’ irkant (prodotti rkantati, format tal-irkant, sottomissjoni u rtirar ta’ offerti, prezz tal-irtirar tal-irkant u riżoluzzjoni ta’ offerti pariġġ).
- kalendarji tal-irkant (kalendar, frekwenza u distribuzzjoni tal-volum tal-għajnuna, ċirkostanzi li jżommu lil irkanti milli jsiru, volumi annwali ta’ kwoti tal-irkanti),
- aċċess għal irkanti,
- ħatra ta’ rkantatur(i) u kompiti relatati,
- irkant ta’ kwoti għall-Fond tal-Innovazzjoni, il-Fond tal-Modernizzazzjoni, il-Faċilità tar-Reżiljenza u l-Fond tal-Klima Soċjali,
- proċeduri għall-kanċellanzzjoni ta’ kwoti,
- il-ħatra ta’ pjattaforma u servizzi komuni tal-irkant ipprovduti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni,
- il-ħatra u kompiti ta’ pjattaformi tal-irkant ta’ pajjiż nonparteċipanti (fejn Stat Membru ma jipparteċipax fil-ħatra tal-pjattaforma komuni tal-irkant),
- rappurtar dwar tranżazzjonijiet,
- pagament u trasferiment ta’ dħul minn bejgħ b’irkant,
- kunsinna ta’ kwoti rkantati,
- ġestjoni ta’ kollaterali,
- tariffi u spejjeż,
- sorveljanza ta’ rkant, miżuri ta’ rimedju u sanzjonijiet,
- trasparenza u kunfidenzjalità.
Ir-rwol tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni:
- tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-EU ETS u l-politiki tal-klima u l-enerġija li jakkumpanjawh;
- għandha s-setgħa li tiddefinixxi r-regoli tekniċi meħtieġa sabiex timplimenta leġiżlazzjoni bażika;
- iżżomm reġistru indipendenti u log tat-tranżazzjonijiet li jirrekordjaw is-sjieda, il-ħruġ, it-trasferiment u kanċellazzjoni ta’ kwoti.
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tippreżenta kull sena valutazzjoni tal-funzjonament tas-swieq tal-karbonju tal-UE.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?
- Id-Direttiva 2003/87/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2003.
- Il-bidliet introdotti bir-reviżjoni tal-2023 tad-Direttiva (UE) 2023/958 u d-Direttiva (UE) 2023/959 dwar installazzjonijiet stazzjonarji, l-avjazzjoni u l-marittima għandhom jiġu trasposti mill-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2023.
- Madanakollu, l-Istati Membri se jkollhom japplikaw diversi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-allokazzjoni bla ħlas biss mill-1 ta’ Jannar 2026.
- L-iskadenza għat-traspożizzjoni tar-regoli tal-ETS l-ġdida għall-bini, għat-trasport bit-triq u għas-setturi addizzjonali hija t- 30 ta’ Ġunju 2024.
SFOND
TERMINI EWLENIN
Il-prinċipju ta’ limitu u skambju. L-EU ETS taħdem fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju. Limitu huwa stabbilit fuq l-ammont totali ta’ ċerti GHGs li jistgħu jiġu emessi mill-fabbriki, impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet oħrajn fis-sistema. Il-limitu jitnaqqas matul iż-żmien sabiex jonqos it-total tal-emissjonijiet GHG. Is-sistema tippermetti li l-kwoti tal-emissjonijiet jiġu negozjati sabiex l-emissjonijiet totali tal-installazzjonijiet u tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu fil-limitu, u l-miżuri li jiswew l-inqas ikunu jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-emissjonijiet.
Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tirreferi għas-sitwazzjoni li tista’ sseħħ jekk, għal raġunijiet ta’ spejjeż relatati mal-politiki dwar il-klima, in-negozji kellhom jittrasferixxu l-produzzjoni lil pajjiżi oħrajn b’restrizzjonijiet inqas stretti fuq l-emissjonijiet. Dan jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet totali tagħhom. Ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jista’ jkun ogħla f’ċerti industriji intensivi fl-enerġija.
Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-persuni li jniġġsu jġarrbu l-ispiża tat-tniġġis li jikkawżaw.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32–46).
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/87/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, pp. 1–51).
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dwar il-kalendar, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L, 2023/2830, 20.12.2023).
Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, pp. 1–17).
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021–2023 (ĠU L 212, 3.7.2020, pp. 14–17).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 tal-31 ta’Ottubru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività (ĠU L 282, 4.11.2019, pp. 20–24).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 21.03.2024