Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ċerti kriptoassi

Informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ċerti kriptoassi

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2023/1113 dwar informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ċerti kriptoassi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament huwa riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi. Huwa jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 sabiex ikopri wkoll trasferimenti ta’ kriptoassi*.

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni fuq il-pagaturi u l-benefiċjarji li jakkumpanjaw it-trasferimenti tal-fondi, fi kwalunkwe munita, u dwar l-informazzjoni dwar l-oriġinaturi u l-benefiċjarji li jakkumpanjaw it-trasferimenti tal-kriptoassi, flimkien ma’ regoli dwar politiki, proċeduri u kontrolli interni biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika għat-trasferimenti tal-fondi (f’kull munita) u tal-kriptoassi mibgħuta jew riċevuti minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew minn intermedjarju rreġistrat fl-UE.

Dan ma japplikax għal:

  • trasferimenti ta’ fondi jew tokens ta’ flus elettroniċi li jużaw kards tal-pagamenti, strumenti elettroniċi tal-flus, mowbajls jew tagħmir ieħor diġitali jew tal-IT simili mħallsa qabel jew wara meta:
    • it-trasferiment huwa biex iħallas għal oġġetti jew servizzi,
    • in-numru tal-istrument jew tal-apparat tal-kard jakumpanja t-trasferimenti kollha wara t-tranżazzjoni;
  • ċerti trasferimenti bħal pagatur li jirtira flus mill-kont tagħhom stess jew il-ħlas ta’ taxxi jew multi lil awtorità pubblika;
  • trasferimenti ta’ kriptoassi meta:
    • kemm il-mittent kif ukoll il-pagatur qed jaġixxu f’isimhom stess;
    • it-trasferiment huwa minn persuna għal persuna mingħajr l-involviment ta’ fornitur ta’ servizz tal-kriptoassi.

Fornitur ta’ servizzi ta’ pagamenti lil pagatur:

  • Għandu jipprovdi u jivverifika informazzjoni bħall-isem u n-numru tal-kont tal-pagatur u l-benefiċjarju u d-dettalji tal-indirizz u tal-identità uffiċjali tal-ewwel, meta jittrasferixxu l-fondi;
  • Jista’ jillimita l-informazzjoni għad-dettalji tal-kont tal-pagatur u tal-benefiċjarju u, jekk meħtieġ, l-identifikatur uniku tat-tranżazzjoni, jekk il-fornituri kollha tas-servizzi ta’ pagament involuti fit-trasferiment ikunu stabbiliti fl-UE;
  • Għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol jekk jintalab dan mill-fornitur tas-servizz tal-benefiċjarju.

Fornitur tas-servizzi ta’ benefiċjarju:

  • għandu jivverifika jekk l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju tkunx iddaħħlet b’mod korrett fis-sistema ta’ messaġġi jew ta’ pagament u saldu u tiddetermina jekk xi data hijiex nieqsa;
  • jiddeċiedi jekk għandux jesegwixxu, jirrifjuta jew jissospendi trasferiment jekk l-informazzjoni bażika dwar il-pagatur u l-benefiċjarju ma tkunx ġiet provduta u jista’ jitlob dettalji addizzjonali;
  • iwissi fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jekk jonqsu b’mod ripetut u jipprovdu l-informazzjoni mitluba qabel ma jirrifjutaw it-trasferimenti minn dak is-sors u jinformaw lill-awtorità responsabbli għall-finanzjament kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu;
  • iqis l-informazzjoni nieqsa meta jiġi vvalutat jekk trasferiment huwiex suspettuż u għandu jiġi rrappurtat lill-unità tal-intelligence finanzjarja.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti intermedjarji għandhom ukoll obbligi meta jiġu ffaċjati b’informazzjoni nieqsa. Huma għandhom ir-responsabbiltà addizzjonali li jiżguraw li l-dettalji tal-pagatur u tal-benefiċjarju kollha jibqgħu mat-trasferiment f’kull ħin.

Fornitur ta’ oriġinatur tas-servizz tal-kriptoassi:

  • jiżgura li t-trasferimenti kollha huma akkumpanjati minn dettalji tal-oriġinatur u tal-benefiċjarju, bħal l-ismijiet tagħhom, l-indirizz tar-reġistru distribwit u n-numri ta’ kont tal-kriptoassi;
  • jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni li jkun irċieva;
  • jivverifika jekk indirizz li awtoospitat huwiex proprjetà ta’ jew ikkontrollat mill-oriġinatur għat-trasferimenti kollha ta’ aktar minn EUR 1,000.

Fornitur ta’ servizz tal-kriptoossi tal-benefiċjarju:

  • jivverifika li l-informazzjoni dwar l-oriġinatur u l-benefiċjarju hija inkluża ma’ jew issegwi, t-trasferiment jew it-trasferiment ta’ fajls f’lottijiet ta’ -kriptoassi;
  • jiżgura li t-trasferiment tal-kriptoassi minn indirizz awtoospitat jista’ jiġi identifikat individwalment;
  • jivvaluta, għat-trasferimenti kollha ta’ aktar minn EUR 1,000 minn indirizz awtoospitat, jekk il-benefiċjarju huwiex is-sid ta’ jew jikkontrolla dak l-indirizz;
  • jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarju qabel ma jgħaddi l-kriptoassi;
  • jiddeċiedi jekk għandux jeżegwixxi, jirrifjuta, jirritorna jew jissospendi trasferiment ta’ kriptoassi li ma għandhomx informazzjoni u jieħu azzjoni xierqa ta’ segwitu;
  • jista’ jirrifjuta jew jirritorna l-kriptoassi jew jitlob aktar dettalji jekk l-informazzjoni tkun nieqsa jew mhux kompluta;
  • iwissi fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jekk jonqsu b’mod ripetut li jipprovdu l-informazzjoni mitluba qabel ma jirrifjuta t-trasferimenti minn dak is-so ir-relazzjoni kummerċjali, u jinforma lill-awtorità responsabbli għall-finanzjament kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu;
  • iqis l-informazzjoni nieqsa meta jiġi vvalutat jekk trasferiment huwiex suspettuż u għandu jiġi rrappurtat lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi intermedjarji għandhom ukoll obbligi meta jiġu ffaċjati b’informazzjoni nieqsa. Huma għandhom ir-responsabbiltà addizzjonali li jiżguraw li d-dettalji tal-oriġinaturi u tal-benefiċjarji kollha jiġu trażmessi bit-trasferiment u l-informazzjoni tinżamm u tkun disponibbli meta tintalab.

Kemm il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kif ukoll tal-kriptossi għandu:

  • ikollhom politiki, proċeduri u kontrolli interni fis-seħħ biex jiżguraw li jiġu applikati regoli nazzjonali u tal-UE meta jittrasferixxu fondi jew kriptoassi;
  • jirrispondu b’mod sħiħ u mingħajr dewmien għal talbiet mill-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
  • iżommu l-informazzjoni dwar il-pagatur/benefiċjarju u l-oriġinatur/benefiċjarju għal 5 snin bl-għażla ta’ 5 snin ulterjuti jekk Stat Membru tal-UE jiddeċiedi hekk.

L-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data joħorġu linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

L-Istati Membri:

  • jiddeterminaw sanzjonijiet għal ksur tar-regolament;
  • jippubblikaw meta dawn jiġu applikati;
  • iħeġġu r-rappurtar ta’ rendikont tal-ksur tal-liġi lill-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità.

Il-Kummissjoni Ewropea:

  • se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 2026, u kull 3 snin wara dan, dwar sanzjonijiet u attivitajiet ta’ monitoraġġ;
  • se tivvaluta r-riskji tat-trasferimenti lejn jew minn indirizzi awtoospitati tal-UE sal- 1 ta’ Lulju 2026;
  • se tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2027 dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regolament;
  • tista’ tawtorizza Stat Membru, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, biex jittratta t-trasferimenti ma’ pajjiż mhux tal-UE daqslikieku kienu operazzjoni domestika.

Ir-regolament:

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mit-30 ta’ Diċembru 2024.

SFOND

Ir-regolament huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li l-Kummissjoni ressqet f’Lulju 2021. Dan jiżgura t-traċċabilità tat-trasferimenti tal-kriptoassi biex jiġu identifikati u mblukkati tranżazzjonijiet possibbli suspettużi. Jimplimenta standards dwar teknoloġiji ġodda maħruġa mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja sabiex tindirizza l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

TERMINI EWLENIN

Kriptoassi. Rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur jew dritt li jistgħu jiġu ttrasferiti u maħżuna elettronikament permezz ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, pp. 1–39).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq tal-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, pp. 40–205).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2023/1114 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 1–18).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 73–117).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.04.2024

Top