This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0404
Proposal for a DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on certain rules governing actions for damages under national law for infringements of the competition law provisions of the Member States and of the European Union
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea
/* COM/2013/0404 final - 2013/0185 (COD) */
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0404 final - 2013/0185 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Kuntest ġenerali Ir-Regolament Nru 1/2003[1] jagħti effett lir-regoli
tal-UE li jipprojbixxu l-ftehimiet antikompetittivi (inklużi l-kartelli) u
l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti (“ir-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni”) li huma stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), billi jistabbilixxi
l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali
tal-kompetizzjoni (national competition authorities - “NCAs”) u l-qrati
nazzjonali japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet f’każijiet
individwali. Ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi
lill-Kummissjoni u lill-NCAs setgħat biex japplikaw l-Artikoli 101 u
102 tat-Trattat[2].
Il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi li jkunu kisru dawn
id-dispożizzjonijiet[3].
Is-setgħat tal-NCAs huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament
Nru 1/2003. L-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni
mill-Kummissjoni u l-NCas hija magħrufa b’mod komuni bħala l-infurzar
pubbliku tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Flimkien mal-infurzar pubbliku, l-effett
dirett tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat ifisser li dawn
id-dispożizzjonijiet joħolqu drittijiet u obbligi
għall-individwi, li jistgħu jiġu infurzati mill-qrati nazzjonali
tal-Istati Membri[4].
Dan huwa msejjaħ l-infurzar privat tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni. Il-pretensjonijiet għad-danni
għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat jikkostitwixxu qasam
importanti tal-infurzar privat tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Minn
dan l-effett dirett tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat isegwi li kull individwu jista' jitlob kumpens
għall-ħsara mġarrba, fejn ikun hemm rabta kawżali bejn dik
il-ħsara u l-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni[5].
Il-partijiet milquta għandhom ikunu jistgħu jfittxu kumpens mhux biss
għat-telf reali mġarrab (damnum emergens) iżda wkoll
għall-gwadann li ġew imċaħħda minnu (telf ta’ profitti
jew lucrum cessans) kif ukoll l-imgħax[6]. Il-kumpens
għall-ħsara kkawżata mill-ksur tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni ma jistax jinkiseb permezz tal-infurzar pubbliku. L-għoti
ta’ kumpens huwa barra mill-qasam ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u l-NCAs u
fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali u tal-liġi u l-proċedura
ċivili. Il-konformità mar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni għalhekk hija żgurata permezz tal-infurzar pubbliku
b’saħħtu ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni u l-NCAs, flimkien
mal-infurzar privat mill-qrati nazzjonali. 1.2. Raġunijiet għall-proposta
u l-għanijiet tagħha Din il-proposta għandha l-għan li
tiżgura l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni billi (i) li tiġi ottimizzata
l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni; kif ukoll (ii) li jiġi żgurat li
l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiksbu
l-kumpens sħiħ għall-ħsara li jkunu ġarrbu. L-ottimizzazzjoni tal-interazzjoni bejn
l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni L-infurzar globali tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni huwa garantit l-aħjar permezz tal-infurzar pubbliku u
privat kumplimentari. Madankollu, il-qafas legali eżistenti ma jirregolax
tajjeb l-interazzjoni bejn iż-żewġ aspetti tal-infurzar tal-liġi
tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Impriża li tikkunsidra li tikkoopera ma'
awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-programm tagħha ta' klemenza
(li fih l-impriża tistqarr il-parteċipazzjoni tagħha f’kartell
biex tkun tista' tikseb l-immunità jew it-tnaqqis tal-multa), ma tistax tkun
taf fiż-żmien tal-kooperazzjoni tagħha jekk il-vittmi tal-ksur
tal-liġi dwar il-kompetizzjoni se jkollhomx aċċess jew le
għall-informazzjoni li tkun ipprovdiet b'mod volontarju lill-awtorità
tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha Pfleiderer
tal-2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (aktar ’il quddiem:
"il-Qorti")[7],
iddikjarat li, fin-nuqqas tal-liġi tal-UE, hija l-qorti nazzjonali li
għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali u skont
il-każ jekk għandhiex tippermetti d-divulgazzjoni tad-dokumenti,
inklużi d-dokumenti tal-klemenza. Meta tieħu tali
deċiżjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikseb bilanċ bejn
l-interess li jiġi protett l-infurzar pubbliku effettiv tar-regoli tal-UE
dwar il-kompetizzjoni u l-interess li jiġi żgurat li d-dritt
għal kumpens sħiħ jista' jiġi eżerċitat b'mod
effettiv. Dan jista’ jwassal għal diskrepanzi bejn l-Istati Membri u anke
fi ħdanhom fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-evidenza mill-fajls
tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-inċertezza li
tirriżulta dwar jekk l-informazzjoni relatata mal-klemenza tkunx tista'
tiġi divulgata x'aktarx li tinfluwenza l-għażla ta' impriża
li tikkoopera jew le mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-programm ta’
klemenza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ azzjoni li hija legalment vinkolanti
fil-livell tal-UE, l-effettività tal-programmi ta’ klemenza — li jikkostitwixxu
strumenti importanti ħafna fl-infurzar pubbliku tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni — tista' għalhekk tiġi kompromessa serjament mir-riskju
ta' divulgazzjoni ta' ċerti dokumenti fl-azzjonijiet għad-danni
quddiem il-qrati nazzjonali. Il-ħtieġa li tiġi rregolata
l-interazzjoni tal-infurzar privat u pubbliku ġiet ikkonfermata
fit-tweġibiet tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni pubblika
dwar il-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur
tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust ("White Paper")[8] u l-konsultazzjoni tal-2011
dwar approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv[9].
Ir-Riżoluzzjoni ta' Mejju 2012 tal-Kapijiet tal-Awtoritajiet
tal-Kompetizzjoni Ewropej enfasizzat ukoll l-importanza tal-protezzjoni
tal-materjal ta' klemenza fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni
ċivili[10].
Il-Parlament Ewropew enfasizza ripetutament li l-infurzar pubbliku fil-qasam
tal-kompetizzjoni huwa essenzjali u talab lill-Kummissjoni biex tiżgura li
l-infurzar privat ma jikkompromettix l-effettività tal-programmi ta' klemenza
jew tal-proċeduri ta' riżolviment[11]. L-ewwel għan ewlieni ta’ din il-proposta
għalhekk huwa li tiġi ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar
pubbliku u privat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi
żgurat li l-Kummissjoni u l-NCAs ikunu jistgħu jżommu politika
ta’ infurzar pubbliku b’saħħtu, u filwaqt li l-vittmi ta’ ksur tal-liġi
dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiksbu kumpens tal-ħsara mġarrba. L-iżgurar tal-eżerċizzju
effettiv tad-dritt tal-vittmi għal kumpens sħiħ It-tieni għan ewlieni huwa li jiġi
żgurat li l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni jkunu
jistgħu jiksbu b'mod effettiv kumpens għall-ħsara li
ġarrbu. Filwaqt li d-dritt għall-kumpens huwa
ggarantit mit-Trattat innifsu u jifforma parti mill-acquis communautaire,
l-eżerċizzju prattiku ta’ dan id-dritt huwa ħafna drabi
diffiċli jew kważi impossibbli minħabba r-regoli u l-proċeduri
applikabbli. Minkejja xi sinjali reċenti ta’ titjib f’xi Stati Membri, sa
issa, il-maġġoranza tal-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni fil-prattika ma jieħdux kumpens għall-ħsara
mġarrba. Sa mill-2005, fil-Green Paper tagħha dwar
Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust[12] (“il-Green Paper”),
il-Kummissjoni identifikat l-ostakoli ewlenin għal sistema aktar effettiva
ta’ azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Illum, dawn l-istess ostakoli
għadhom jeżistu fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri.
Dawn jirrigwardaw (i) il-kisba tal-evidenza
meħtieġa biex tingħata prova tal-każ; (ii) in-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta'
rimedju kollettiv, speċjalment għall-konsumaturi u l-SMEs; (iii) in-nuqqas ta’ regoli ċari
dwar id-difiża bbażata fuq it-trasferiment; (iv) in-nuqqas ta' valur probatorju
ċar tad-deċiżjonijiet tal-NCA; (v) il-possibbiltà li titressaq azzjoni
għad-danni wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun sabet ksur; kif ukoll (vi) kif tista' tiġi kkwantifikata
l-ħsara tal-antitrust. Minbarra dawn l-ostakoli sostantivi
speċifiċi għall-kumpens effettiv, teżisti diversità kbira
fir-rigward ir-regoli legali nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet
għad-danni tal-antitrust u li din id-diversità fil-fatt kibret fis-snin
reċenti. Din id-diversità tista’ tikkawża inċertezza legali
għall-partijiet kollha involuti f’azzjonijiet għad-danni
tal-antitrust, li mbagħad twassal għal infurzar privat mhux effettiv
tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, speċjalment fil-każijiet bejn
il-fruntieri. Bħala rimedju għal din
is-sitwazzjoni, it-tieni għan ewlieni ta’ din il-proposta huwa li
jiġi żgurat li fl-Ewropa kollha, il-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE
dwar il-kompetizzjoni jkollhom aċċess għal mekkaniżmi
effettivi għall-kisba ta’ kumpens sħiħ għall-ħsara li
jkunu ġarrbu. Dan iwassal għal kundizzjonijiet aktar indaqs
għall-impriżi fis-suq intern. Barra minn hekk, jekk il-possibbiltà li
min jikser l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat ikollu jħallas
l-ispejjeż tal-ksur tiegħu tikber, dan mhux biss se jneħħi
l-piż tal-ispejjeż mill-vittmi tal-imġiba illegali, iżda
jkun ukoll ta' inċentiv għal konformità aħjar mar-regoli tal-UE
dwar il-kompetizzjoni. Sabiex jinkiseb dan l-għan,
il-Kummissjoni ressqet proposti konkreti ta’ politika fil-White Paper
tagħha tal-2008. Fil-konsultazzjoni pubblika li saret wara,
is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati istituzzjonali bħal
pereżempju l-Parlament Ewropew[13]
u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14]
laqgħu tajjeb dawn il-miżuri ta' politika u talbu għal
leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar l-azzjonijiet
għad-danni tal-antitrust[15]. 1.3. Dispożizzjonijiet
eżistenti fil-qasam tal-proposta –
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 fuq
l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin
fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat ·
Skont l-Artikolu 2, il-piż tal-provi ta’
ksur tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 tat-Trattat
għandha ġġorru l-parti li qed tallega l-ksur. Jekk il-parti li
qed tiddefendi tapplika għall-benefiċċji tal-Artikolu 101(3)
tat-Trattat, din għandha ġġorr il-piż tal-provi li
l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma ssodisfati. Dawn ir-regoli
japplikaw kemm għall-infurzar pubbliku kif ukoll għall-azzjonijiet
ta’ kumpens tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-Artikolu 101 jew
102 tat-Trattat. ·
L-Artikolu 15(1) jipprevedi li
fil-proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102
tat-Trattat, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex
tagħtihom l-informazzjoni fil-pussess tagħha. L-Avviż
tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati
Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat[16] jelabora fuq
l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni prattika ta’ din id-dispożizzjoni. ·
L-Artikolu 16(1) jipprevedi li meta l-qrati
nazzjonali jiddeċiedu dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki
skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat li diġà huma
s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux
jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata
mill-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom ukoll jevitaw li
jagħtu deċiżjonijiet li jkunu f’kunflitt ma deċiżjoni
li tkun qed tqis il-Kummissjoni f’proċedimenti li tkun bdiet. Għal
dan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li
twaqqaf il-proċedimenti pendenti li jkollha. –
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 fih
regoli dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta'
deċiżjonijiet f’kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali[17]. Taħt il-kundizzjonijiet
stipulati f’dak ir-Regolament il-qrati tal-Istati Membri għandhom
ġurisdizzjoni li jisimgħu każi ta’ azzjonijiet għad-danni
tal-antitrust u s-sentenzi f’azzjonijiet bħal dawn huma rikonoxxuti u
infurzati fi Stati Membri oħra. –
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1206/2001
jirregola l-kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ Stati Membri differenti
fit-teħid ta’ evidenza f’kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali,
għaldaqstant jinkludi azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[18]. –
L-Artikolu 6(3) tar-Regolament
Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fih regoli dwar
il-liġi applikabbli f’azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[19]. –
Ir-Regolament 861/2007 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill[20]
jistabbilixxi proċedura Ewropea għat-talbiet żgħar,
maħsuba biex tissimplifika u tħaffef il-litigazzjoni fir-rigward
tat-talbiet żgħar fil-każijiet bejn il-fruntieri, u biex tnaqqas
l-ispejjeż. –
Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill teħtieġ lill-Istati Membri jipprevedu possibbiltà
għall-medjazzjoni fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kollha,
u għaldaqstant tinkludi azzjonijiet għad-danni tal-antitrust[21]. –
L-Artikolu 15(4) tar-Regolament
tal-Kummissjoni Nru 773/2004[22]
jistabbilixxi li d-dokumenti li jinkisbu permezz tal-aċċess
għall-fajl tal-Kummissjoni għandhom jintużaw biss
għall-iskopijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew
amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aċċess
għall-fajl[23]
jipprevedi regoli aktar dettaljati fir-rigward tal-aċċess
għall-fajl tal-Kummissjoni u l-użu ta’ dawn id-dokumenti. –
L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn
multi u t-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta' kartell (l-“Avviż ta’
Klemenza”)[24]
fih regoli dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi jistgħu
jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ta’ klemenza tagħha
sabiex jiksbu l-immunità minn multa jew inaqqsuha f’każ ta’ kartell.
Fil-paragrafu 33 jistabbilixxi li l-aċċess
għad-dikjarazzjonijiet korporattivi jiġi garantit biss
lid-destinatarji ta' dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sakemm —
flimkien mar-rappreżentanti legali li jiksbu l-aċċess f’isimhom
— ma jagħmlux kopja b’mezzi mekkaniċi jew elettroniċi
tal-informazzjoni fid-dikjarazzjoni korporattiva u sakemm l-informazzjoni
mid-dikjarazzjoni korporattiva tintuża biss għall-iskopijiet
imsemmijin fl-Avviż ta’ Klemenza. Partijiet oħra bħal
pereżempju l-ilmentaturi ma jingħatawx aċċess
għad-dikjarazzjonijiet korporattivi. Din il-protezzjoni speċifika ta’
dikjarazzjoni korporattiva ma għadhiex ġustifikata meta l-applikant
jiddivulga l-kontenut tagħha lil parti terza. Barra minn hekk, l-Avviż
tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta'
tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont
l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (l-“Avviż ta’ Riżolviment”)[25] jistabbilixxi l-qafas biex
tiġi ppremjata l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni fit-twettiq
tal-proċedimenti li bdew skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 101
tat-Trattat fil-każijiet kartell ("il-proċedura ta’
riżolviment"). Il-paragrafu 39 tiegħu fih regoli dwar id-divulgazzjoni
tas-sottomissjonijiet ta’ ftehim lill-qrati nazzjonali. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT 2.1. Konsultazzjoni mal-partijiet
interessati Kemm il-Green Paper tal-2005 kif ukoll
il-White Paper tal-2008 taw bidu għal dibattitu wiesa’ fost il-partijiet
interessati, u tressqu għadd kbir ta’ kummenti[26]. Il-konsultazzjonijiet
pubbliċi wrew appoġġ wiesa’ għall-approċċ
ġenerali tal-Kummissjoni li jippermetti l-azzjonijiet għad-danni
tal-antitrust. Dawk li wieġbu laqgħu l-prinċipju ta’ gwida
tal-kumpens u l-għażla konsegwenzjali li ma jissemmewx miżuri
bħal azzjonijiet kollettivi bi stil Amerikan, skoperta qabel
il-proċess jew danni multipli, li jsegwu prinċipalment għan ta’
deterrent. Kien hemm rikonoxximent wiesa’ tal-ostakoli li jxekklu vittmi ta’
ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni milli jsibu rimedju effettiv. Madankollu,
ġew espressi opinjonijiet differenti dwar il-miżuri sostantivi li
ssemmew sabiex jinsab rimedju għall-problemi. Fl-2011, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni
pubblika dwar approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv[27]. Fil-kuntest
tat-tweġibiet tal-partijiet interessati u l-pożizzjoni tal-Parlament
Ewropew[28],
il-Kummissjoni għażlet approċċ orizzontali għal din
il-kwistjoni milli l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi
għall-kompetizzjoni dwar ir-rimedju kollettiv f'din il-proposta.
L-adozzjoni ta' approċċ orizzontali tippermetti li jkun hemm regoli
komuni dwar ir-rimedju kollettiv għall-oqsma kollha tal-politika li fihom
ta' spiss issir ħsara mxerrda u li fihom huwa diffiċli
għall-konsumaturi u l-SMEs li jiksbu kumpens għad-danni. Bħala
l-ewwel pass ta' approċċ orizzontali għar-rimedju kollettiv,
il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni "Lejn Qafas Ewropew
għar-Rimedju Kollettiv"[29]
u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji komuni għal
mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv inġuntivi u kumpensatorji fl-Istati
Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi
tal-Unjoni.[30] Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni
pubblika fl-2011 dwar Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida dwar il-kwantifikazzjoni
tal-ħsara tal-antitrust[31].
Dan joffri ħsibijiet dwar firxa ta’ metodi użati
għall-kwantifikazzjonijiet tal-ħsara f'azzjonijiet għad-danni u
jispjega l-qawwiet u d-dgħjufijiet ta' dawn il-metodi. Il-partijiet
interessati istituzzjonali u oħrajn ġeneralment laqgħu l-idea li
tiġi ppubblikata gwida mhux vinkolanti dwar il-kwantifikazzjoni
tal-ħsara kkawżata minn ksur tal-antitrust[32]. 2.2. Ġbir u użu
tal-għarfien espert estern Il-Kummissjoni kkummissjonat studji esterni
għat-tħejjija tal-Green Paper tal-2005[33], għall-White Paper
tal-2008[34]
u għall-Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida tal-2011 dwar il-kwantifikazzjoni
tal-ħsara tal-antitrust[35]. 2.3. Valutazzjoni tal-impatt Qabel id-Direttiva proposta saret Valutazzjoni
tal-Impatt, li fil-parti l-kbira kompliet tibni fuq is-sejbiet tal-Valutazzjoni
tal-Impatt tal-White Paper. B’mod partikolari, il-miżuri li kienu
tħallew barra mill-White Paper minħabba li setgħu ma jkunux
effettivi jew eċċessivament għaljin ma reġgħux
ġew ikkunsidrati. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt[36] iffoka fuq erba’
għażliet għal inizjattiva ta’ segwitu bl-għan li tiġi
ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar privat u pubbliku tar-regoli tal-UE
dwar il-kompetizzjoni u li jiġi żgurat qafas legali aktar effettiv
għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni fl-Ewropa kollha. Dawn varjaw bejn l-ebda azzjoni fil-livell
tal-UE, approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti u żewġ
għażliet għal azzjoni tal-UE li torbot legalment. L-għażla preferuta — li hija
l-bażi ta’ din il-proposta għal Direttiva — hija meqjusa bħala
l-mod l-aktar kosteffiċjenti biex jinkisbu l-grupp ta’ għanijiet. Din
tqis b’mod dovut kemm il-kummenti ewlenin li waslu matul il-konsultazzjonijiet
pubbliċi li twettqu matul dawn l-aħħar tmien snin kif ukoll
l-iżviluppi ġudizzjarji u leġiżlattivi aktar reċenti
fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali tal-proposta L-għażla ta’ bażi legali
għal miżura Ewropea għandha tkun ibbażata fuq fatturi
oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal
eżaminazzjoni ġudizzjarja. Dawn jinkludu l-għan u l-kontenut
tal-miżura. Il-proposta attwali hija bbażata fuq l-Artikoli 103
u 114 tat-Trattat, minħabba li ssegwi żewġ miri ugwalment
importanti, li huma marbuta b’mod indiviżibbli, li huma (a) li jiġu
applikati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u
(b) li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar indaqs
għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern, u li jkun aktar
faċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex jużaw
id-drittijiet li għandhom fis-suq intern. Fir-rigward tal-ewwel għan, il-Qorti
ċċarat li l-effettività sħiħa tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni, u, b’mod partikolari, l-effett prattiku tal-projbizzjonijiet
li hemm fihom ikunu mhedda jekk ma tingħatax il-possibbiltà lil kull
persuna titlob kumpens għad-danni għat-telf imġarrab lilha minn
kuntratt jew imġiba li tista' tillimita jew tgħawweġ
il-kompetizzjoni. Huwa meqjus li l-azzjonijiet għad-danni jsaħħu
t-tħaddim tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u għalhekk
jistgħu jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti għaż-żamma
ta' kompetizzjoni effettiva fl-UE[37].
Filwaqt li tipprova ttejjeb il-kundizzjonijiet li skonthom il-partijiet li
jkunu ġarrbu ħsara jistgħu jitolbu kumpens għad-danni u
tottimizza l-interazzjoni bejn l-infurzar privat u pubbliku
tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, din il-proposta tagħti effett b’mod
ċar lil dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ifisser li d-Direttiva
proposta trid tkun ibbażata fuq l-Artikolu 103 tat-Trattat. Madankollu, din il-bażi legali
waħedha mhix biżżejjed, minħabba li kemm l-għan kif
ukoll il-kontenut tad-Direttiva proposta jmorru lil hinn minn din il-bażi
legali. Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva proposta huwa usa' milli
l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Id-diverġenza attwali
tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni
għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, inkluża
l-interazzjoni tat-tali azzjonijiet mal-infurzar pubbliku ta' dawk ir-regoli,
ħolqot kundizzjonijiet mhux indaqs fis-suq intern. Dawn id-differenzi kbar
diġà ġew deskritti fi studju kumparattiv tal-2004[38] u fil-White Paper tal-2008 u
l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanjaha. Minn dak iż-żmien, dawn
id-differenzi żdiedu minħabba żviluppi ġudizzjarji u
leġiżlattivi diverġenti f'għadd limitat biss ta' Stati
Membri. Eżempju wieħed ta’ diverġenza
huwa r-regoli nazzjonali differenzi li japplikaw għall-aċċess
għall-evidenza. Bl-eċċezzjoni ta' ftit mill-Istati Membri,
in-nuqqas ta' regoli xierqa dwar id-divulgazzjoni ta' dokumenti fil-proċedimenti
quddiem qorti nazzjonali jfisser li l-vittmi ta' ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni, li qed jitolbu kumpens tal-ħsara mġarrba, ma
għandhom l-ebda aċċess effettiv għall-evidenza.
Eżempji oħrajn jikkonċernaw ir-regoli nazzjonali dwar
it-trasferiment (fejn id-differenzi eżistenti jkollhom implikazzjonijiet
kbar fuq il-kapaċità ta' xerrejja diretti/indiretti li jitolbu kumpens
għad-danni b’mod effettiv u, bħala konsegwenza, fuq
il-possibbiltajiet tal-konvenut li jevita l-kumpens għall-ħsara
kkawżata), il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-NCA
f’azzjonijiet għad-danni sussegwenti u tar-regoli nazzjonali li huma
rilevanti għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust
(pereżempju l-eżistenza ta’ suppożizzjoni ta’ ħsara). Minħabba din id-diversità kbira
tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ir-regoli applikabbli f’xi Stati
Membri jitqiesu mill-pretendenti bħala ħafna aktar xierqa biex
iwasslu għal azzjoni għad-danni tal-antitrust f'dawk l-Istati Membri,
aktar milli f'oħrajn. Dawn id-differenzi jwasslu għal inugwaljanzi u
inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom, il-partijiet
li jkunu ġarrbu ħsara, ċittadini jew negozji, jistgħu
jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont
it-Trattat, u jaffettwaw l-effettività tat-tali dritt. Fil-fatt, meta r-regoli
ġurisdizzjonali jippermettu li pretendent jittrasferixxi l-azzjoni
tiegħu f'wieħed minn dawk l-Istati Membri "favorevoli" u
meta dak il-pretendent ikollu r-riżorsi u l-inċentivi
meħtieġa biex jagħmel hekk, għalhekk ikun aktar possibbli
li jeżerċita d-dritt tal-UE tiegħu għall-kumpens milli meta
ma jkunx jista' jittrasferixxiha. Billi l-partijiet li jkunu ġarrbu
ħsara bi pretensjonijiet iżgħar u/jew inqas riżorsi
għandhom it-tendenza li jagħżlu l-forum tal-Istat Membru ta'
stabbiliment tagħhom biex jitolbu għal kumpens għad-danni
(raġuni waħda hija li l-konsumaturi u n-negozji
ż-żgħar b'mod partikolari ma jifilħux jagħżlu
ġurisdizzjoni aktar favorevoli), ir-riżultat tad-diskrepanzi bejn
ir-regoli nazzjonali jista' jkun kundizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward
tal-azzjonijiet għad-danni u jista' jaffettwa l-kompetizzjoni fis-swieq li
fihom jaħdmu dawn il-partijiet li ġarrbu l-ħsara B’mod simili, dawn id-differenzi kbar ifissru
li l-impriżi stabbiliti u li jaħdmu fi Stati Membri differenti huma
esposti għal livelli ta' riskju differenti b’mod sinifikanti li jkunu
meqjusa responsabbli għal ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Dan
l-infurzar mhux indaqs tad-dritt tal-UE għall-kumpens jista'
jirriżulta f'vantaġġ kompetittiv għall-impriżi li ma
rrispettawx l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat, iżda li ma
għandhomx il-kwartieri ġenerali tagħhom jew li mhumiex attivi
f’wieħed mill-Istati Membri “favorevoli”. Bil-kuntrarju, l-infurzar mhux
indaqs huwa diżinċentiv għall-eżerċizzju
tad-drittijiet tal-istabbiliment u l-provvista tal-oġġetti jew
tas-servizzi f’dawk l-Istati Membri fejn id-dritt għall-kumpens jiġi
infurzat b’mod aktar effettiv. Id-differenzi fir-reġimi ta’ responsabbiltà
għalhekk jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni u
jistgħu jwasslu għal riskju ta' tgħawwiġ b’mod sostanzjali
tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet
aktar indaqs għall-impriżi li qegħdin jaħdmu fis-suq intern
u sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-partijiet li ġarrbu
l-ħsara biex jeżerċitaw id-drittijiet li għandhom fis-suq
intern, huwa xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu
d-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli nazzjonali li
jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Il-punt sa fejn issir l-approssimazzjoni
tar-regoli nazzjonali mhuwiex limitat għall-azzjonijiet għad-danni
għal ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, iżda wkoll
tar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta jiġu applikati b'mod
parallel. B'mod partikolari, meta ksur li jkollu effet fuq il-kummerċ bejn
l-Istati Membri jikser ukoll il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni,
l-azzjonijiet għad-danni bbażati fuqu għandhom jikkonformaw
mal-istess standards stabbiliti għal ksur tal-liġi tal-UE dwar
il-kompetizzjoni. L-approssimazzjoni tar-regoli sostantivi u
proċedurali nazzjonali bl-għan li tintlaħaq kompetizzjoni
mingħajr tgħawwiġ fis-suq intern u biex iċ-ċittadini u
l-impriżi jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ
id-drittijiet u l-libertajiet li għandhom fih mhijiex biss anċillari għall-għan
tal-iżgurar ta’ infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.
Din il-konklużjoni tirriżulta mhux biss mill-għanijiet,
iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva
proposta. Il-kontenut tad-Direttiva proposta ma jistax jiġi kopert b’mod
sħiħ mill-Artikolu 103 tat-Trattat minħabba li jimmodifika
wkoll ir-regoli nazzjonali applikabbli li jikkonċernaw id-dritt li
wieħed jitlob kumpens għad-danni minn ksur tal-liġi nazzjonali
dwar il-kompetizzjoni, anke jekk dan huwa biss fir-rigward tal-imġiba
antikompetittiva li għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati
Membri u li għaliha għalhekk tapplika b’mod indaqs il-liġi
tal-UE dwar il-kompetizzjoni[39].
Jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta, li ġej
mhux biss mill-għanijiet iżda wkoll mill-kontenut tal-istrument, imur
lil hinn mill-fatt li jagħti effett lill-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat u jfisser li d-Direttiva proposta trid tkun ibbażata wkoll fuq
l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dawn l-għanijiet interdipendenti,
iżda distinti, tad-Direttiva proposta ma jistgħux jintlaħqu
b’mod separat, permezz tal-adozzjoni ta’ żewġ strumenti differenti.
Pereżempju mhuwiex possibbli li tinqasam id-Direttiva proposta fi strument
wieħed, ibbażat fuq l-Artikolu 103 tat-TFUE, li japprossima
r-regoli nazzjonali fl-azzjonijiet għad-danni għal ksur
tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, u strument ieħor, ibbażat fuq
l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw
l-istess regoli sostantivi u proċedurali għall-azzjonijiet
għad-danni għal ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.
Din l-għażla ma tistax issir għal raġunijiet sostantivi u
proċedurali. Minn perspettiva sostantiva, ir-rabta
inseparabbli bejn iż-żewġ għanijiet indipendenti
ssaħħaħ il-miżuri konkreti li qed iwettquhom.
Pereżempju, l-eċċezzjonijiet għad-divulgazzjoni u
l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà jagħtu effett sħiħ
lill-Artikoli 101 u 102 anke fil-pretensjonijiet ibbażati fuq ksur
tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, meta din tkun ġiet
applikata b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Barra minn
hekk, minħabba l-ħtieġa ta' ċertezza legali u
kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern, l-istess regoli għandhom japplikaw
għall-ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u tal-liġi
nazzjonali dwar il-kompetizzjoni (meta dawn jiġu applikati b’mod parallel
mar-regoli tal-UE). Minn perspettiva proċedurali, u biex ma jiġix
affettwat il-bilanċ istituzzjonali fil-leġiżlatura tal-UE,
l-uniku mod biex jinkisbu regoli uniformi għaż-żewġ
sitwazzjonijiet huwa li jiġi adottat strument legali wieħed fl-istess
proċedura. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kontenut
tal-inizjattiva mhumiex imqassma fi strumenti separati iżda huma
indirizzati b’mod konġunt fid-Direttiva proposta, li għalhekk
għandha tkun bbażata fuq iż-żewġ Artikoli 103 u
114 tat-Trattat. 3.2. Prinċipju
tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) Id-Direttiva proposta hija konformi
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li l-għanijiet
tagħha ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, u
hemm ħtieġa ċara għal azzjoni tal-UE u valur ċar fiha.
Att legalment vinkolanti fil-livell tal-UE jkun jista’ jiżgura aħjar
li jingħata effett sħiħ lill-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat
permezz ta’ standards komuni li jippermettu t-twettiq ta’ azzjonijiet effettivi
għad-danni fl-UE kollha u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar
indaqs fis-suq intern. B’mod aktar speċifiku, id-Direttiva
proposta tista’ titqies li hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà
għar-raġunijiet li ġejjin: ·
Hemm riskju sinifikanti li l-infurzar pubbliku
effettiv mill-Kummissjoni u l-NCAs jiġi pperikolat fin-nuqqas ta’
regolamentazzjoni fl-UE kollha tal-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u
privat, u b’mod partikolari ta’ regoli Ewropea komuni dwar id-disponibbiltà
tal-informazzjoni mill-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni għall-finijiet
ta' azzjoni għad-danni. Il-punt jista’ jiġi spjegat b’mod l-aktar
ċar fir-rigward tal-informazzjoni li l-impriżi taw b’mod volontarju
lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-programm ta’ klemenza tagħhom.
In-nuqqas ta’ prevedibbiltà li jirriżulta mill-fatt li kull qorti
nazzjonali għandha tiddeċiedi fuq bażi ad hoc u skont
ir-regoli nazzjonali applikabbli jekk għandhiex tagħti
aċċess għal din l-informazzjoni li tirrigwarda l-klemenza jew le,
ma jistax jiġi indirizzat b’mod xieraq minn leġiżlazzjoni
nazzjonali — potenzjalment diverġenti. Fil-fatt, billi l-Kummissjoni u
l-NCAs jistgħu jiskambjaw informazzjoni fin-Netwerk Ewropew
għall-Kompetizzjoni, l-applikanti potenzjali għall-klemenza x’aktarx
iqisu l-leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri l-inqas livell ta’
protezzjoni (minħabba li jibżgħu li l-każ tagħhom
jista’ jiġi deċiż minn dik l-NCA). Il-livell perċepit ta’
protezzjoni tal-informazzjoni li tirrigwarda l-klemenza għalhekk se
jiġi stabbilit minn dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri
l-inqas livell ta’ protezzjoni, għad-detriment tar-regoli applikabbli fi
Stati Membri oħra. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi
stabbilit standard komuni għall-Istati Membri kollha
għall-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat. Dan jista' jsir biss
fil-livell tal-UE. ·
L-esperjenza turi li fin-nuqqas
tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-maġġoranza tal-Istati Membri
ma jipprevedux, fuq inizjattiva tagħhom stess, qafas effettiv
għall-kumpens għall-vittmi tal-ksur tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat, kif meħtieġ ripetutament mill-Qorti. Mill-pubblikazzjoni
tal-Green Paper u tal-White Paper tal-Kummissjoni, għadd żgħir
ta’ Stati Membri biss adottaw leġiżlazzjoni bl-għan li tippermetti
azzjonijiet għad-danni tal-antitrust, u anke din normalment hija limitata
għal kwisjonijiet speċifiċi u ma tkoprix il-firxa
sħiħa ta’ miżuri previsti minn din il-proposta. Minkejja il-ftit
passi li ttieħdu minn xi Stati Membri, għad hemm nuqqas ta’ kumpens
effettiv għall-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-UE tal-antitrust.
Inċentivi oħrajn fil-livell Ewropew biss jistgħu joħolqu
qafas legali li jagħti rimedju effettiv u jiggarantixxi d-dritt għal
protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. ·
Bħalissa hemm inugwaljanza kbira bejn l-Istati
Membri fil-livell tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali
garantiti mit-Trattat; din tista’ tikkawża tgħawwiġ
tal-kompetizzjoni u tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Ir-riżultat
huwa disparità evidenti anke fil-kontenut innifsu tal-intitolament
għad-danni garantit mil-liġi tal-UE. B’mod aktar speċifiku,
prentensjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru wieħed tista’ twassal
għal irkupru sħiħ tat-telf ta’ pretendent, filwaqt li pretensjoni
għal ksur identiku fi Stat Membru ieħor tista’ twassal għal
għotja ħafna aktar baxxa jew anke l-ebda għotja. Din
l-inugwaljanza tiżdied jekk — bħal ma huwa l-każ bħalissa —
xi Stati Membri biss itejbu l-kundizzjonijiet li taħthom il-vittmi ta’
ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jistgħu jitolbu għal kumpens
għall-ħsara mġarrba. Id-dimensjoni transnazzjonali
tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-rabta intrinsika tagħhom
mal-funzjonament tas-suq intern jirrikjedu miżuri fil-livell tal-UE. 3.3. Prinċipju
tal-proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) F’termini ta’ proporzjonalità, id-Direttiva
proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb
l-għanijiet tagħha b'mod effettiv, jiġifieri biex tiggarantixxi
protezzjoni effettiva tal-infurzar pubbliku tal-liġi dwar il-kompetizzjoni
fl-UE kollha, kif ukoll biex tiggarantixxi aċċess għall-vittmi
ta' ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għal mekkaniżmu realment
effettiv għall-kisba ta’ kumpens sħiħ għall-ħsara li
ġarrbu, filwaqt li jiġu protetti l-interessi leġittimi
tal-konvenuti u l-partijiet terzi. Skont id-Direttiva proposta, dawk
l-għanijiet jinkisbu wkoll bl-aktar spiża baxxa possibbli.
L-ispejjeż potenzjali għaċ-ċittdini u n-negozji huma
proporzjonali mal-għanijiet dikjarati. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni
ttieħed bil-White Paper billi ġew esklużi aktar miżuri
radikali (pereżempju danni multipli, azzjonijiet kollettivi ta’
esklużjoni faklutattiva u regoli ta’ skoperta b’firxa wiesgħa).
L-isforzi biex jinkiseb dan il-bilanċ intlaqgħu tajjeb matul
il-konsultazzjonijiet pubbliċi. Is-salvagwardji mibnija fid-Direttiva
proposta jsaħħu aktar dan il-bilanċ billi jnaqqsu
l-ispejjeż potenzjali (speċjalment l-ispejjeż għal-litigazzjoni)
mingħajr ma jitpoġġa fil-periklu d-dritt għal kumpens.
Barra minn hekk, ċerti miżuri li ġew suġġeriti
fil-White Paper, bħal pereżempju r-rimedju kollettiv u r-regoli dwar
il-kriterju tal-ħtija, twarrbu minn dak iż-żmien
għall-iskopijiet ta’ din il-proposta. Fl-aħħar nett,
l-għażla ta’ Direttiva bħala l-istrument xieraq hija konformi
mal-prinċipju li għandu jkun hemm l-inqas intervent possibbli, sakemm
jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. 3.4. Direttiva bħala l-aktar
strument legalment vinkolanti xieraq L-għanijiet ta’ din il-proposta
jistgħu jintlaħqu l-aħjar permezz ta’ Direttiva. Dan huwa
l-aktar strument legali xieraq biex il-miżuri jitħaddmu b’mod
effettiv u biex jiffaċilitaw l-adattament mingħajr problemi
għas-sistemi legali tal-Istati Membri: –
Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri
jilħqu l-għanijiet tagħhom u jimplimentaw il-miżuri
fis-sistemi legali sostantivi u proċedurali nazzjonali tagħhom. Dan
l-approċċ jagħti lill-Istati Membri aktar libertà
fl-implimentazzjoni ta’ miżura tal-UE milli Regolament, minħabba li
l-Istati Membri titħallielhom l-għażla tal-aktar mod xieraq biex
jimplimentaw il-miżuri fid-Direttiva. Dan jippermetti lill-Istati Membri
jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu konsistenti mal-qafas legali sostantiv u
proċedurali eżistenti tagħhom. –
Barra minn hekk, Direttiva hija għodda
flessibbli għall-introduzzjoni ta' regoli komuni f’dawk l-oqsma
tal-liġi nazzjonali li huma kruċjali għall-funzjonament tas-suq
intern u għall-effettività tal-azzjonijiet għad-danni, u
għall-iżgurar ta' garanziji xierqa fl-UE kollha filwaqt li
tħalli lok lill-Istati Membri individwali jmorru lil hinn minn hekk jekk
jixtiequ. –
Fl-aħħar nett, Direttiva tevita azzjoni
mhux meħtieġa kull meta d-dispożizzjonijiet domestiċi
fl-Istati Membri huma diġà konformi mal-miżuri proposti. 4. Spjegazzjoni dettaljata
tal-proposta 4.1. Kamp
ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet (Kapitolu I: Artikoli 1 – 4) Id-Direttiva proposta għandha l-għan
li ttejjeb il-kundizzjonijiet li taħthom jista' jinkiseb kumpens
għall-ħsara kkawżata minn (a) ksur tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni, u (b) ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi
nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fejn dawn tal-aħħar ikunu applikati
minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti nazzjonali fl-istess
każ b’mod parallel mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Tali applikazzjoni
parallela hija bbażata fuq il-mod li bih ir-Regolament Nru 1/2003
jirregola r-relazzjoni bejn l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u
l-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Ir-Regolament Nru 1/2003
jipprevedi li meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-qrati
nazzjonali japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għal
ftehimiet skont it-tifsira tal-Artikolu 101, li jistgħu jaffettwaw
il-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn iridu wkoll japplikaw l-Artikolu 101.
B'mod simili, meta japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni
għal kwalunkwe abbuż projbit mill-Artikolu 102, dawn iridu wkoll
japplikaw l-Artikolu 102[40].
Fil-każijiet fejn jintalab kumpens għal ksur tal-liġi nazzjonali
u tal-UE dwar il-kompetizzjoni, huwa xieraq li l-istess regoli sostantivi u
proċedurali japplikaw għal dawk l-azzjonijiet għad-danni.
L-applikazzjoni ta’ regoli diverġenti dwar ir-responsabbiltà ċivili
għal każ wieħed ta' mġiba antikompetittiva speċifika
waħda mhux biss tagħmilha diffiċli għall-imħallfin
biex jindirizzaw il-każ, iżda timplika wkoll inċertezza legali
għall-partijiet kollha involuti u tista’ twassal għal riżultati
li ma jaqblux skont jekk il-qorti nazzjonali tqisx il-każ bħala ksur
tal-liġi nazzjonali jew tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u b’hekk tfixkel
l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk ir-regoli. Id-Direttiva proposta
għalhekk tirreferi għall-azzjonijiet għad-danni għal “ksur
tal-liġi nazzjonali jew tal-UE dwar il-kompetizzjoni” jew b’mod
konġunt “ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni”, fejn “il-liġi
nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” hija definita b’mod ristrett sabiex tkopri
biss il-każijiet fejn tiġi applikata b’mod parallel mal-liġi
tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Id-Direttiva proposta tistabbilixxi regoli (i)
li jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun
ġarrbet ħsara minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni
tingħata protezzjoni ugwali fl-Unjoni kollha u tkun tista’ tinforza b’mod
effettiv id-dritt tal-UE tagħha għal kumpens sħiħ permezz
ta’ azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali; u (ii) li
jottimizzaw l-interazzjoi bejn it-tali azzjonijiet għad-danni u l-infurzar
pubbliku tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. L-Artikolu 2 ifakkar l-acquis
communautaire dwar id-dritt tal-UE għal kumpens sħiħ.
Id-Direttiva proposta għalhekk tuża approċċ kumpensatorju:
l-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawk li ġarrbu ħsara
kkawżata minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni jiksbu kumpens
għal dik il-ħsara mill-impriża(i) li kisret/kisru l-liġi. L-Artikolu 2 ifakkar ukoll l-acquis communautaire
dwar il-locus standi u dwar id-definizzjoni tad-dannu li għandu
jingħata kumpens għalih. Il-kunċett ta’ telf reali li hemm
referenza għalih f’din id-dispożizzjoni huwa meħud
mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma jeskludi l-ebda tip ta’
dannu (materjali jew immaterjali) li seta' ġie kkawżat minn ksur
tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. L-Artikolu 3 ifakkar il-priniċpji
tal-effettività u l-ekwivalenza li għandhom jiġu ssodisfati
mir-regoli u l-proċeduri nazzjonali li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni. 4.2. Divulgazzjoni tal-evidenza
(Kapitolu II: Artikoli 5 – 8) L-istabbiliment ta’ ksur tar-regoli dwar
il-kompetizzjoni, il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust u l-istabbiliment
tal-kawżalità bejn il-ksur u l-ħsara li ġġarrbet tipikament
jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. Ħafna
mill-evidenza relevanti li jkollu bżonn pretendent biex jagħti prova
tal-każ tiegħu tkun tinsab għand il-konvenut jew għand
terzi persuni u ħafna drabi ma tkunx magħrufa biżżejjed jew
aċċessibbli għall-pretendenti (“asimmetrija tal-informazzjoni”).
Huwa ġeneralment rikonoxxut li d-diffikultà li jiffaċċja
pretendent biex jikseb l-evidenza kollha meħtieġa tikkostitwixxi
f’ħafna Stati Membri wieħed mill-ostakoli ewlenin
għall-azzjonijiet għad-danni f’każijiet ta’ kompetizzjoni.
Safejn il-piż tal-provi jaqa’ fuq l-impriża li (allegatament) tkun
wettqet il-ksur[41],
jista' jkun li din ukoll ikollha l-bżonn li jkollha aċċess
għall-evidenza li tkun f'idejn il-pretendent u/jew parti terza.
L-opportunità li l-imħallef jintalab li jordna d-divulgazzjoni
tal-informazzjoni hija għalhekk disponibbli għaż-żewġ
partijiet fil-proċedimenti. Is-sistema ta’ divulgazzjoni fid-Direttiva
proposta hija bbażata fuq l-approċċ adottat fid-Direttiva
2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[42]. L-għan tiegħu huwa
li jiżgura li fl-Istati Membri kollha jkun hemm livell minimu ta’
aċċess effettiv għall-evidenza meħtieġa
mill-pretendenti u/jew il-konvenuti li jagħtu prova għat-talba ta’
kumpens għad-danni tal-antitrust u/jew difiża relatata. Fl-istess
waqt, id-Direttiva proposta tevita obbligi ta' divulgazzjoni wiesgħa u
għaljin iżżejjed tant li jistgħu joħolqu piżijiet
mhux xierqa lill-partijiet involuti u riskji ta’ abbuż. Il-Kummissjoni
qagħdet ukoll partikolarment attenta biex tiżgura li l-proposta tkun
kompatibbli mal-ordnijiet legali differenti tal-Istati Membri. Għal dan
il-għan, il-proposta ssegwi t-tradizzjoni tal-maġġoranza
tal-Istati Membri u toqgħod fuq il-funzjoni ċentrali tal-qorti li
quddiemha titressaq azzjoni għad-danni: id-divulgazzjoni ta’ evidenza li
tinsab għand il-parti opposta jew għand parti terza jista’ jsir biss
b’ordni tal-imħallfin u huwa soġġett għal kontroll
ġuridiku strett u attiv rigward il-ħtieġa, l-iskop u
l-proporzjonalità tiegħu. Il-qrati nazzjonali għandu jkollhom
għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex
jipproteġu kwalunkwe sigriet kummerċjali jew informazzjoni
kunfidenzjali oħra li tkun divulgata waqt il-proċedimenti. Barra minn
hekk, id-divulgazzjoni ma għandhiex tiġi permessa meta tkun kontra
ċerti drittijiet u obbligi bħal pereżempju l-obbligu tas-sigriet
professjonali. Il-qrati għandhom ukoll ikunu jistgħu jimponu
sanzjonijiet li huma deterrenti biżżejjed sabiex ma jkunx hemm distruzzjoni
tal-evidenza relevanti jew ir-rifjut li wieħed jikkonforma ma’ ordni ta’
divulgazzjoni. Sabiex jiġi evitat li d-divulgazzjoni
tal-evidenza tipperikola l-infurzar pubbliku tar-regoli dwar il-kompetizzjoni
minn awtorità tal-kompetizzjoni, id-Direttiva proposta tistabbilixxi wkoll
limiti komuni fl-UE kollha għad-divulgazzjoni tal-evidenza miżmuma
fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni: (a)
L-ewwel nett, tipprevedi protezzjoni assoluta
għal żewġ tipi ta' dokumenti li jitqiesu bħala
kruċjali għall-effettività tal-għodda tal-infurzar pubbliku. Id-dokumenti
msemmija huma d-dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza u
s-sottomissjonijiet ta' ftehim. Hemm riskju li d-divulgazzjoni ta' dawn
id-dokumenti taffettwa serjament l-effettività tal-programm ta' klemenza u
tal-proċeduri ta' riżolviment. Skont id-Direttiva proposta, qorti
nazzjonali qatt ma tista’ tordna d-divulgazzjoni ta’ tali dokumenti f’azzjoni
għad-danni. (b)
It-tieni nett, tipprevedi protezzjoni temporanja
għad-dokumenti li ħejjew il-partijiet speċifikament
għall-proċedimenti tal-infurzar pubbliku (pereżempju
t-tweġibiet tal-parti għat-talba tal-awtorità għal
informazzjoni) jew li fasslet l-awtorità tal-kompetizzjoni matul
il-proċedimenti tagħha (pereżempju dikjarazzjoni
tal-oġġezzjonijiet). Dawl id-dokumenti jistgħu jiġu
divulgati għall-iskop ta' azzjoni għad-danni tal-antitrust biss wara
li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha. (c)
Minbarra l-limitazzjoni tal-kapaċità tal-qorti
nazzjonali li tordna d-divulgazzjoni, il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ hawn
fuq għandhom ukoll japplikaw jekk u meta d-dokumenti protetti jkunu nkisbu
fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-infurzar pubbliku (pereżempju
fl-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet ta' difiża
tal-partijiet). Għalhekk, meta waħda mill-partijiet fl-azzjoni
għad-danni tkun kisbet dawk id-dokumenti mill-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni, it-tali dokumenti mhumiex ammissibbli bħala evidenza
f'azzjoni għad-danni (id-dokumenti tal-kategorija (a) hawn fuq) jew huma
ammissibbli biss ladarbda l-awtorità tkun għalqet il-proċedimenti
tagħha (id-dokument tal-kategorija (b) hawn fuq). (d)
Id-dokument li jaqgħu barra mill-kategoriji
ta’ hawn fuq jistgħu jiġu divulgati fuq ordni mill-qorti fi kwalunkwe
mument. Madankollu, meta jsir dan, il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li
jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza b’referenza għall-informazzjoni
pprovduta lil awtorità tal-kompetizzjoni għall-proċedimenti
tagħha[43].
Waqt li l-investigazzjoni tkun għaddejja, tali divulgazzjoni tista’
tostakola l-proċedimenti tal-infurzar pubbliku, billi tikxef x’informazzjoni
hemm fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u għalhekk ikun jista’
jintuża biex tinkixef l-istrateġija ta’ investigazzjoni tal-awtorità.
Madankollu, l-għażla tad-dokumenti li jkunu jeżistu qabel li
jitressqu lil awtorità tal-kompetizzjoni għall-proċedimenti hija fiha
nnifisha rilevanti, billi l-impriżi huma mistiedna jipprovdu evidenza
mmirata fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-volontà tal-impriżi li
jipprovdu tali evidenza b'mod eżawrjenti jew b'mod selettiv meta jikkooperaw
mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tista' tiġi ostakolata bit-talbiet
għad-divulgazzjoni li jidentifikaw kategorija ta' dokumenti permezz
tar-referenza għall-preżenza tagħhom fil-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni aktar milli permezz tat-tip, in-natura jew
is-suġġett tagħhom (pereżempju t-talbiet
għad-dokumenti kollha fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew
id-dokumenti kollha mressqa lilha minn parti). Għalhekk, tali talbiet
kumplessivi għad-divulgazzjoni ta' dokumenti normalment għandhom jitqiesu
mill-qorti bħala mhux proporzjonati u li ma jikkonformawx mad-dmir
tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika l-kategoriji ta'
evidenza b'mod preċiż u strett kemm jista' jkun. (e)
Fl-aħħar nett, biex jiġi evitat li
d-dokumenti miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni jsiru oġġett għall-kummerċ, il-persuna li
tkun ġabet l-aċċess għall-fajl biss (jew
is-suċċessur legali tagħha fid-drittijiet relatati
mal-pretensjoni) għandha tkun tista’ tuża dawk id-dokumenti
bħala evidenza f’azzjoni għad-danni. Sabiex tinkiseb koerenza fir-rigward
tar-regoli dwar id-divulgazzjoni u l-użu ta' ċerti dokumenti
mill-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ ukoll li
jiġu emendati r-regoli eżistenti dwar it-tmexxija tal-proċedimenti
tal-Kummissjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni 773/2004[44], b'mod partikolari fir-rigward
tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni u l-użu tad-dokumenti
miksuba minnu, u n-Noti ta' spjegazzjoni ppublikati mill-Kummisjoni[45]. Il-Kummissjoni għandha
l-intenzjoni li tagħmel dan ladarba tiġi adottata din id-Direttiva
mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. 4.3. Effett
tad-deċiżjonijiet nazzjonali, il-perjodi ta’ preskrizzjoni u
l-obbligazzjoni in solidum (Kapitolu III: Artikoli 9 – 11) 4.3.1. Effett probatorju
tad-deċiżjonijiet nazzjonali Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament
Nru 1/2003, deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’
proċedimenti skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat għandha
effett probatorju f’azzjonijiet sussegwenti għad-danni billi qorti
nazzjonali ma tistax tieħu deċiżjoni li tmur kontra t-tali
deċiżjoni tal-Kummissjoni[46].
Huwa xieraq li deċiżjonijiet finali dwar ksur maħruġa
mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (jew minn qorti nazzjonali
tal-appell) ikollhom effett simili. Jekk deċiżjoni dwar ksur tkun
diġà ttieħdet u saret finali, il-possibbiltà għall-impriża
li tkun wettqet il-ksur biex terġa’ tgħaddi minn litigazzjoni
għall-istess kwistjonijiet f’azzjonijiet għad-danni sussegwenti tkun
ineffiċjenti, tikkawża inċertezza legali u twassal għal
spejjeż żejda għall-partijiet kollha involuti u
għall-ġudikatura. L-effett probatorju propost tad-deċiżjonijiet
finali dwar ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jinkludix
in-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja għall-impriżi
kkonċernati, minħabba li d-deċiżjonijiet dwar ksur
mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni xorta huma soġġetti
għal eżaminazzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, fl-UE kollha,
l-impriżi jibbenefikaw minn livell simili ta’ protezzjoni tad-drittijiet
tagħhom għad-difiża, kif spjegat fl-Artikolu 48(2)
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fl-aħħar nett,
id-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267
tat-Trattat ma jinbidlux b’din ir-regola. 4.3.2. Perjodi ta' preskrizzjoni Biex il-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni jingħataw opportunità raġonevoli biex iressqu
azzjoni għad-danni, filwaqt li jkun żgurat livell xieraq ta’
ċertezza legali lill-partijiet kollha involuti, il-Kummissjoni tipproponi
li r-regoli nazzjonali dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għal azzjoni
għad-danni: –
ikunu jippermettu lill-vittmi żmien
suffiċjenti (mill-inqas ħames snin) biex titressaq azzjoni wara li
jkunu saru jafu bil-ksur, il-ħsara li kkawża u l-identità
tal-kontraventur; –
ma jippermettux li l-perjodu ta’ preskrizzjoni
jibda qabel il-ġurnata meta l-ksur kontinwu jew ripetut ikun waqaf; kif
ukoll –
fil-każ li awtorità tal-kompetizzjoni
tiftaħ proċedimenti għal suspett ta' ksur, il-perjodu ta'
preskrizzjoni biex titressaq azzjoni għad-danni relatata mat-tali ksur
jiġi sospiż sa mill-inqas sena wara deċiżjoni tkun finali
jew meta l-proċedimenti jintemmu b'mod ieħor. 4.3.3. Obbligazzjoni in solidum Meta bosta
impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni flimkien — tipikament
fil-każ ta’ kartell — huwa xieraq li jkunu responsabbli in solidum
għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Filwaqt li d-Direttiva
proposta hija bbażata fuq din ir-regola ġenerali, tintroduċi xi
bidliet fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-benefiċjarji
tal-immunità. L-għan ta’ dawn il-bidliet huwa li tiġi salvagwardjata
l-attrattività tal-programmi ta’ klemenza tal-Kummissjoni u tal-NCAs, li huma
strumenti ewlenin fl-iskoperta ta’ kartelli u għalhekk ta’ importanza
kruċjali għall-infuzar pubbliku effettiv tar-regoli dwar
il-kompetizzjoni. Fil-fatt, billi
huwa inqas possibbli li l-benefiċjarji tal-klemenza jappellaw fuq
deċiżjoni ta’ ksur, din id-deċiżjoni ta’ spiss issir
waħda finali għalihom aktar kmieni minn għal membri oħra
tal-istess kartell. Dan jista’ jagħmel il-benefiċjarji tal-klemenza
l-miri ewlenin tal-azzjonijiet għad-danni. Biex jiġu limitati
l-konsegwenzi ta’ żvantaġġ ta’ tali esponiment, filwaqt li ma
jiġux limitati mingħajr raġuni l-possibbiltajiet
għall-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara li jiksbu kumpens
sħiħ tat-telf imġarrab, huwa propost li tiġi limitata
r-responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-immunità, kif ukoll
il-kontribuzzjoni tiegħu li għandu jagħti lill-ko-kontraventuri
skont l-obbligazzjoni in solidum, għall-ħsara li kkawża
lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu stess jew, fil-każ ta’ xiri
ta’ kartell, il-fornituri diretti jew indiretti tiegħu. Meta kartell ikun
ikkawża ħsara biss lil oħrajn li mhumiex
il-klijenti/il-fornituri tal-impriżi li jkunu wettqu l-ksur,
il-benefiċjarju tal-immunità jkun responsabbli biss għas-sehem
tiegħu ta’ ħsara kkawżata mill-kartell. Id-determinazzjoni ta’
dan is-sehem (pereżempju fatturat, sehem fis-suq, rwol fil-kartell,
eċċ.) titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm
il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza jiġu rispettati. Il-protezzjoni
tal-benefiċjarji tal-immunità madankollu, ma tistax tfixkel id-dritt
tal-UE tal-vittmi għal kumpens sħiħ. Il-limitazzjoni proposta
għar-responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-immunità għalhekk ma
tistax tkun assoluta: il-benefiċjarju tal-immunità jibqa’ kompletament
responsabbli bħala l-aħħar debitur jekk il-partijiet li jkunu
ġarrbu ħsara ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens sħiħ
mill-kontraventuri l-oħra. Biex jiġi garantit l-effet utile
ta’ din l-eċċezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara xorta jkunu jistgħu jitolbu
għal kumpens mill-benefiċjarju tal-immunità meta jsiru jafu li ma
jistgħux jiksbu kumpens sħiħ mill-ko-kartellisti. 4.4. Trasferiment
tal-ispejjeż żejda (Kapitolu IV: Artikoli 12 – 15) Il-persuni li
jkunu ġarrbu ħsara kkawżata minn ksur tar-regoli dwar
il-kompetizzjoni huma intitolati għal kumpens, irrispettivament minn jekk
ikunux xerrejja diretti jew indiretti. Il-partijiet li jkunu ġarrbu
ħsara huma intitolati għal kumpens għat-telf reali (ħsara
tal-ispejjeż żejda) kif ukoll għat-telf tal-profitti. Meta parti
li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf reali tagħha billi
tittrasferih, parzjalment jew kollu lix-xerrejja tagħha stess, it-telf
trasferit ma jkunx jirrappreżanta aktar ħsara li għaliha l-parti
li tkun ttrasferietu għandha tikseb kumpens. Madankollu, meta telf
jiġi trasferit, iż-żieda fil-prezz mix-xerrej dirett x’aktarx
twassal għal tnaqqis tal-volum mibjugħ. Dak it-telf fil-profitti, kif
ukoll it-telf reali li ma jkunx ġie trasferit (fil-każ ta’ trasferiment
parzjali) jibqa' ħsara tal-antitrust li għaliha l-parti li tkun
ġarrbet il-ħsara tista’ titlob għal kumpens. Jekk il-ħsara
tiġġarrab bħala riżultat ta’ ksur li huwa relatat ma'
provvista lill-impriża li tkun wettqet il-ksur, it-trasferiment jista’ wkoll
isir f’direzzjoni ’l fuq fil-katina tal-provvista. Dan jista’ jkun il-każ,
pereżempju, meta bħala riżultat tax-xiri ta’ kartell,
il-fornituri tal-kartellisti jimponu prezzijiet aktar baxxi, u dawk
il-fornituri mbagħad jitolbu prezzijiet aktar baxxi mill-fornituri
tagħhom stess. Sabiex jiġi żgurat li x-xerrejja
diretti u indiretti biss li jkunu realment ġarrbu l-ħsara minn
spejjeż żejda jkunu jistgħu effettivament jitolbu kumpens,
id-Direttiva proposta tirrikonoxxi b’mod espliċitu l-possibbiltà
għall-impriża li għamlet il-ksur biex tinvoka d-difiża
bbażata fuq it-trasferiment. Madankollu,
f’sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż żejda ġew trasferiti fuq
persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-livell li jmiss tal-katina
tal-provvista li għalihom huwa legalement impossibbli li jitolbu kumpens,
id-difiża bbażata fuq it-trasferiment ma tistax tiġi invokata.
Ix-xerrejja indiretti jistgħu jiffaċċjaw l-impossibbiltà legali
biex jitolbu għal kumpens minħabba r-regoli nazzjonali dwar il-kawżalità
(inklużi r-regoli dwar il-prevedibbiltà u t-tbegħid ġeografiku).
Ma jkunx ġustifikat li tiġi permessa d-difiża bbażata fuq
it-trasferiment meta jkun legalment impossibbli għall-parti li fuqha jkunu
allegatament ġew trasferiti l-ispejjeż żejda li titlob kumpens,
minħabba li dan ikun iffisser li l-impriża li tkun wettqet il-ksur
tkun ħielsa mingħajr raġuni mill-ħsara li tkun
ikkawżat. Il-piż tal-provi tat-trasferiment jaqa’ dejjem fuq
l-impriża li tkun wettqet il-ksur. Fil-każ ta' azzjoni għad-danni
mressqa minn xerrej indirett, dan jimplika supożizzjoni konfutabbli li
skontha u taħt ċerti kundizzjonijiet, sar trasferiment lil dak
ix-xerrej indirett. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qorti
nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem
tal-ispejjeż żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja
indiretti fit-tilwima pendenti quddiemha. Meta l-partijiet li jkunu ġarrbu
l-ħsara minn livelli diversi tal-katina tal-provvista jressqu azzjonijiet
separati għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni,
il-qrati nazzjonali għandhom iqisu kif dovut, safejn ikun permess skont
il-liġi nazzjonali jew tal-UE applikabbli, l-azzjonijiet paralleli jew ta’
qabel (jew sentenzi li jirriżultaw mit-tali azzjonijiet) sabiex jiġi
evitat kumpens inqas jew żejjed tal-ħsara kkawżata minn dak
il-ksur u biex tissaħħaħ il-konsistenza bejn is-sentenzi li
jirriżultaw minn tali proċedimenti relatati. Azzjonijiet li jkunu
pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati Membri diversi jistgħu jitqiesu
bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament
Nru 1215/2012[47],
jiġifieri li tant ikunu konnessi mill-qrib li jkun xieraq li
jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jiġi evitat
ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn
proċedimenti separati. Bħala konsegwenza, kull qorti għajr
il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel tista’ twaqqaf
il-proċedimenti tagħha jew tiċħad il-ġurisdizzjoni
jekk il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel ikollha
ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet ikkonċernati u l-liġi
tagħha tippermetti l-konsolidament tal-azzjonijiet. Kemm ir-Regolament
Nru 1215/2012 kif ukoll din id-Direttiva proposta għandhom
l-għan li jħeġġu l-konsistenza bejn is-sentenzi li
jirriżultaw minn azzjonijiet relatati. Biex jinkiseb dan, id-Direttiva
proposta għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tar-Regolament
Nru 1215/2012, minħabba li tkopri wkoll is-sitwazzjoni
tal-azzjonijiet sussegwenti għad-danni li huma relatati mal-istess ksur
tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, imressqa minn partijiet li ġarrbu
ħsara f’livelli diversi tal-katina tal-provvista. Dawn l-azzjonijiet
jistgħu jitressqu quddiem l-istess qorti, fi qrati differenti fl-istess
Stat Membru jew fi qrati differenti ta’ Stati Membri differenti. Fil-każijiet
kollha, id-Direttiva proposta tħeġġeġ il-konsistenza
tal-proċedimenti u s-sentenzi relatati. 4.5. Kwantifikazzjoni
tal-ħsara (Kapitolu V: Artikolu 16) Il-prova u
l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust ġeneralment tirrikjedi
l-preżentazzjoni ta’ ħafna fatti u hija għalja, minħabba li
hemm il-possibbiltà li tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ mudelli
ekonomiċi kumplessi. Sabiex jiġu megħjuna l-vittmi ta’ kartell
fil-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni, din id-Direttiva proposta tipprevedi suppożizzjoni
konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza ta’ ħsara li tirriżulta
minn kartell. Fuq il-bażi tas-sejba li aktar minn disgħa minn
għaxar kartelli fil-fatt jikkawżaw spejjeż żedja illegali[48], dan ittaffi d-diffikultajiet
u l-ispejjeż li l-parti li ġarrbet il-ħsara jkollha biex
tagħti prova li minħabba l-kartell ġew imposti prezzijiet
ogħla minn dawk li kieku kienu jiġu imposti jekk il-kartell ma
eżistiex. L-impriża li
wettqet il-ksur tista’ tiċħad din is-suppożizzjoni u tuża
l-evidenza għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħti prova li
l-kartell ma kkawżax ħsara. Il-piż tal-provi għalhekk
jitqiegħed fuq il-parti li diġà jkollha l-evidenza meħtieġa
biex tissodisfa dan il-piż tal-provi. L-ispejjeż tad-divulgazzjoni,
li x’aktarx ikunu meħtieġa biex il-partijiet li ġarrbu
l-ħsara jagħtu prova tal-eżistenza ta’ ħsara, għalhekk
jiġu evitati. Barra
mis-supożizzjoni ta' hawn fuq, il-ħsara tal-antitrust hija
kkwantifikata fuq il-bażi tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali.
Madankollu dawn iridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-ekwivalenza u
tal-effettività. B'mod partikolari dan tal-aħħar jitlob li l-piż
u l-livell tal-provi ma jistax jagħmel id-dritt tal-parti li ġarrbet
ħsara għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli
ħafna. F'termini tal-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust, fejn
is-sitwazzjoni attwali teħtieġ li titqabbel ma’ sitwazzjoni
ipotetika, dan ifisser li l-imħallfin għandhom ikunu jistgħu
jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara. Dan iżid il-possibbiltà li
l-vittmi jiksbu realment ammont xieraq ta’ kumpens għall-ħsara li
jkunu ġarrbu. Sabiex ikun aktar
faċli għall-qrati nazzjonali li jikkwantifikaw il-ħsara,
il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll gwida mhux vinkolanti dwar dan
is-suġġett permezz tal-Komunikazzjoni tagħha dwar
il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f’azzjonijiet għad-danni bbażata
fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea[49].
Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jieħu l-forma ta' Gwida Prattika dwar il-kwantifikazzjoni
tal-ħsara f’azzjonijiet għad-danni bbażata fuq ksur
tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Din il-Gwida Prattika tispjega
l-qawwiet u d-dgħjufijiet ta’ varji metodi u tekniki disponibbli biex
tiġi kkwantifikata l-ħsara tal-antitrust. Hija tippreżenta u
tiddiskuti wkoll firxa ta’ eżempji prattiċi, li juru l-effetti
tipiċi li għandu t-tendenza jkollu ksur tar-regoli tal-UE dwar
il-kompetizzjoni u kif il-metodi u t-tekniki disponibbli jistgħu jiġu
applikati fil-prattika. 4.6. Soluzzjoni Kunsenswali
għat-Tilwim (Kapitolu VI: Artikoli 17-18) Wieħed mill-għanijiet ewlenin
tad-Direttiva proposta huwa li tippermetti lill-vittmi ta’ ksur tal-liġi
dwar il-kompetizzjoni jiksbu kumpens sħiħ għall-ħsara
mġarrba. Dan l-għan jista’ jintlaħaq jew permezz ta’ azzjoni
għad-danni fil-qorti jew inkella permezz ta’ riżolviment kunsenswali
barra mill-qorti bejn il-partijiet. Biex jingħata inċentiv
lill-partijiet biex isolvu t-tilwima tagħhom b’mod kunsenswali,
id-Direttiva proposta għandha l-għan li tottimizza l-bilanċ bejn
ir-riżolvimenti barra mill-qorti u l-azzjonijiet għad-danni. Għalhekk fiha d-dispożizzjonijiet li
ġejjin: (i) is-sospensjoni tal-perjodi ta’
preskrizzjoni biex jitressqu l-azzjonijiet għad-danni sakemm
l-impriża li wettqet il-ksur u l-parti li ġarrbet il-ħsara jkunu
involuti f’soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim; (ii) is-sospensjoni
tal-proċedimenti pendenti għat-tul ta’ żmien ta’ soluzzjoni
kunsenswali għat-tilwim; (iii) it-tnaqqis tal-pretensjoni
tal-parti fir-riżolviment li ġarrbet il-ħsara bis-sehem
tal-ħsara tal-kontraventur fir-riżolviment. Għall-bqija
tal-pretensjoni, il-kontraventur ikun jista’ biss jintalab iħallas
għad-danni jekk il-ko-kontraventuri barra mir-riżolviment ma kinux
jistgħu jikkumpensaw bis-sħiħ lill-parti li ġarrbet
il-ħsara; kif ukoll (iv) id-danni mħallsa permezz ta’
riżolvimenti kunsenswali li għandhom jitqiesu meta jiġi
determinat l-ammont ta’ kontribuzzjoni li kontraventur f'riżolviment
għandu jħallas wara ordni sussegwenti biex iħallas id-danni.
F’dan il-kuntest, il-"kontribuzzjoni" tirreferi għas-sitwazzjoni
fejn l-kontraventur fir-riżolviment ma kienx konvenut fl-azzjoni
għad-danni, iżda jintalab mill-ko-kontraventuri li jkunu ġew
ordnati jħallsu d-danni, biex jikkontribwixxi skont ir-regoli
tal-obbligazzjoni in solidum. 5. IMPLIKAZZJONIJIET
BAĠITARJI Id-Direttiva proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni baġitarja. 6. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI 6.1. Tħassir
tal-leġiżlzzjoni eżistenti L-ebda att leġiżlattiv
preċedenti mhuwa mħassar permezz ta’ din il-proposta 6.2. Eżaminazzjoni L-Artikolu 21 tad-Direttiva proposta
jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
dwar l-effetti tagħha mill-inqas ħames snin wara l-iskadenza
għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. Ladarba d-Direttiva proposta tiġi
adottata, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-qafas legali
għall-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust fl-Istati Membri, filwaqt
li tiffoka prinċipalment fuq il-kisba taż-żewġ
għanijiet ewlenin tad-Direttiva proposta, jiġifieri (i) li tiġi ottimizzata l-interazzjoni
bejn l-infurzar pubbliku u privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; kif
ukoll (ii) li jiġi żgurat li l-vittmi
tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jistgħu jiksbu b’mod effettiv
il-kumpens sħiħ għall-ħsara li jkunu ġarrbu. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk id-Direttiva
hijiex qed jirnexxilha tneħħi l-ineffiċjenzi u l-ostakoli li ma
jippermettux lill-vittmi jiksbu kumpens sħiħ tal-ksur tal-antitrust u
jekk l-interazzjoni bejn l-infuzar pubbliku u privat tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni hijiex qed tiffunzjona sew, sabiex jiġi garantit
l-infurzar globali ottimali tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni.
Bħala parti minn dan il-proċess ta’ monitoraġġ,
il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha mal-partijiet interessati
rilevanti kollha. Fl-aħħar nett, evalwazzjoni ex-post
fir-rigward tal-ħtieġa għal aktar bidliet se titwettaq ladarba
l-miżuri mressqa mid-Direttiva jkunu qed jiġu implimentati
bis-sħiħ fl-Istati Membri, jiġifieri mill-inqas ħames snin
wara d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. 6.3. Dokumenti ta' spjegazzjoni Id-Direttiva proposta tistabbilixxi
miżuri speċifiċi għall-approssimazzjoni tar-regoli
nazzjonali sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet
għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Hemm bosta obbligi
legali li jirriżultaw mid-Direttiva proposta. It-traspożizzjoni
effettiva tagħha għalhekk se tirrikjedi li jsiru emendi
speċifiċi u mmirati għar-regoli nazzjonali rilevanti. Għalhekk,
sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-implimentazzjoni korretta,
mhuwiex biżżejjed li l-Istati Membri jissottomettu t-test
tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, minħabba li tista' tkun
meħtieġa valutazzjoni globali tar-reġim li jirriżulta skont
il-liġi nazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri
għandhom ukoll jissottomettu lill-Kummissjoni dokumenti ta' spejgazzjoni
li juru liema dispożizzjonijiet eżistenti jew ġodda skont il-liġi
nazzjonali se jimplimentaw il-miżuri individwali stabbiliti fid-Direttiva
proposta. 6.4. Żona Ekonomika Ewropea Id-Direttiva proposta hija relatata
mal-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, billi tiġi
ottimizzata l-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u privat ta’ dawn
id-dispożizzjonijiet kif ukoll billi jitjiebu l-kundizzjonijiet li
taħthom il-vittmi tal-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jkunu
jistgħu jitolbu kumpens għad-danni. Id-Direttiva proposta
tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern minħabba li
toħloq kundizzjonijiet aktar indaqs kemm għall-impriżi li jiksru
r-regoli dwar il-kompetizzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ din
l-imġiba illegali. Minħabba dawn l-għanijiet fl-oqsma
tal-kompetizzjoni u s-suq intern, li huma parti mir-regoli legali
taż-ŻEE, il-proposta hija rilevanti għaż-ŻEE. 2013/0185 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar ċerti regoli li jirregolaw
l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur
tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati
Membri u tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 103 u
114 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea[50], Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[51], Waqt li jaġixxu skont il-proċedura
ordinarja leġiżlattiva, Billi: (1) L-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (aktar ’il quddiem
imsejjaħ it-Trattat) huma kwistjoni ta’ politika pubblika u għandhom
jiġu applikati b’mod effettiv fl-Unjoni kollha sabiex jiġi
żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx imfixkla. (2) L-infurzar pubbliku ta' dawk
id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jitwettaq mill-Kummissjoni bl-użu
tas-setgħat previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003
tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli
tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat[52] (aktar 'il quddiem:
ir-Regolament Nru 1/2003). L-infurzar pubbliku jitwettaq ukoll
mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jistgħu jieħdu
d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003. (3) L-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi
u joħolqu, għall-individwi kkonċernati, drittijiet u obbligi li
l-qrati nazzjonali jridu jinfurzaw. Il-qrati nazzjonali għandhom rwol
ugwalment essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni
(infurzar privat). Meta jieħdu deċiżjoni dwar tilwim bejn
individwi privati, huma jipproteġu d-drittijiet soġġettivi skont
il-liġi tal-Unjoni, pereżempju billi jagħtu kumpens
għad-danni lill-vittmi ta’ ksur. L-effett sħiħ
tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, u b’mod partikolari l-effett prattiku
tal-projbizzjonijiet stipulati fihom, jeħtieġ li kulħadd —
individwu, inklużi l-konsumaturi u l-impriżi, jew awtorità pubblika —
ikun jista’ jagħmel talba għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali
għall-ħsara kkawżata lilu minn ksur ta’ dawk
id-dispożizzjonijiet. Dan id-dritt tal-Unjoni għal kumpens japplika
b’mod ugwali għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 minn impriżi
pubbliċi jew impriżi li ngħataw drittijiet speċjali jew
esklużivi mill-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 106
tat-Trattat. (4) Id-dritt tal-Unjoni
għall-kumpens għall-ħsara tal-antitrust jirrikjedi li kull Stat
Membru jkollu regoli proċedurali li jiżguraw l-eżerċizzju
effettiv ta' dak id-dritt. Il-ħtieġa għal rimedji
proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal
protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stipulat fl-ewwel paragrafu
tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[53] u fl-Artikolu 19(1),
it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. (5) Sabiex jiġi żgurat
l-infuzar pubbliku u privat effettiv tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, huwa
meħtieġ li jiġi rregolat il-mod kif iż-żewġ forom
ta' infurzar huma kkoordinati, pereżempju l-arranġamenti għall-aċċess
għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tali
koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tevita wkoll id-diverġenza tar-regoli
applikabbli, li tista' tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. (6) Skont l-Artikolu 26(2)
tat-Trattat, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni
li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u
l-kapital huwa żgurat. Jeżistu differenzi kbar bejn ir-regoli
fl-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għal ksur
tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Dawk
id-differenzi jwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet
li taħthom, il-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jistgħu
jeżerċitaw id-dritt għall-kumpens li għandhom skont
it-Trattat, u jaffettwaw l-effettività sostantiva tat-tali dritt. Billi
l-partijiet li ġarrbu l-ħsara ta' spiss jagħżlu l-forum
tal-Istat Membru tagħhom ta' stabbiliment biex jitolbu kumpens
għad-danni, id-diskrepanzi bejn ir-regoli nazzjonli jwasslu għal
kundizzjonijiet mhux indaqs fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni u
jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-swieq li fihom jaħdmu dawn
il-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-impriżi li wettqu l-ksur. (7) L-impriżi stabbiliti u
li qegħdin jaħdmu fi Stati Membri differenti huma soġġetti
għal regoli proċedurali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-punt sa
liema jkunu jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ksur tal-liġi
dwar il-kompetizzjoni. Dan l-infurzar mhux indaqs tad-dritt tal-Unjoni
għall-kumpens jista' jirriżulta f'vantaġġ kompetittiv għal
xi impriżi li kisru l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat, u nuqqas ta'
inċentiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' stabbiliment u
l-provvista ta' oġġetti jew servizzi f'dawk l-Istati Membri fejn
id-dritt għal kumpens huwa infurzat b'mod aktar effettiv.
Għaldaqstant, id-differenzi fir-reġimi ta’ responsabbiltà applikabbli
fl-Istati Membri jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni kif
ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. (8) Għalhekk huwa
meħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar indaqs
għall-impriżi li jaħdmu fis-suq intern u li jittejbu
l-kundizzjonijiet għall-konsumaturi biex jeżerċitaw
id-drittijiet li jiksbu mis-suq intern. Għalhekk huwa wkoll xieraq li
tiżdied iċ-ċertezza legali u li jitnaqqsu d-differenzi bejn
l-Istati Membri fir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet
għad-danni għall-ksur tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni u,
meta tkun applikata flimkien ma' din tal-aħħar, il-liġi
nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Approssimazzjoni ta' dawn ir-regoli
tgħin ukoll biex tiġi evitata l-emerġenza ta' differenzi usa'
bejn ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni
fil-każijiet ta' kompetizzjoni. (9) L-Artikolu 3(1)
tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li "Fejn l-awtoritajiet
tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet
nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet minn
assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens
tal-Artikolu [101(1)] tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn
l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dawn ħa japplikaw
ukoll l-Artikolu [101] tat-Trattat għal ftehim bħal dawn,
deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet
tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw
liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż
projbit mil-Artikolu [102] tat-Trattat, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu
[102] tat-Trattat." Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u
għal ċertezza legali akbar u kundizzjonijiet aktar indaqs għall-impriżi
u l-konsumaturi, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva
għandu jiġi estiż għall-azzjonijiet għad-danni
bbażati fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta
tiġi applikata skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE)
Nru 1/2003. L-applikazzjoni ta' regoli diverġenti dwar
ir-responsabbiltà ċivili għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat u għall-ksur tar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar
il-kompetizzjoni li għandhom jiġu applikati fl-istess każ u
b'mod parallel għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jaffettwaw
b'mod negattiv il-pożizzjoni tal-pretendenti fl-istess każ u l-ambitu
tal-pretensjonijiet tagħhom, u jikkostitwixxu ostakolu
għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. (10) Fin-nuqqas tal-liġi
tal-Unjoni, l-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mir-regoli u
l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri. Jeħtieġ li r-regoli
nazzjonali kollha li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt
għall-kumpens għal ħsara li tirriżulta minn ksur
tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat, inklużi dawk li
jikkonċernaw aspetti mhux ikkunsidrati minn din id-Direttiva bħal
pereżempju l-kunċett tar-relazzjoni kawżali bejn il-ksur u
l-ħsara, josservaw il-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. Dan
ifisser li ma jistgħux ikunu fformulati jew applikati b’mod li
jagħmilha eċċessivament diffiċli jew prattikament
impossibbli biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens
iggarantit mit-Trattat, u ma jistgħux ikunu fformulati jew applikati b’mod
inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal azzjonijiet simili
domestiċi. (11) Din id-Direttiva tafferma
mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt tal-Unjoni
għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi
tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-locus
standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif kien iddikjarat
fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u ma
tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li
ġarrab xi ħsara kkawżata minn ksur jista’ jagħmel talba
għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens),
għall-profitt li ġie miċħud lilu (telf ta' profitt jew lucrum
cessans) u għall-ħlas ta’ imgħax li jakkumula
miż-żmien meta saret il-ħsara sakemm jitħallas il-kumpens.
Dan id-dritt huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew
ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u
għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod — irrispettivament jekk
teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impriża ħatja
tal-ksur, u mingħajr kunsiderazzjoni jekk jinstabx jew le li kien hemm
ksur fil-passat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma
għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi
ta' rimedju kollettiv għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat. (12) Azzjonijiet għad-danni
għal ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni
tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza
meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija
ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet
terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-pretendent u ma tkunx
aċċessibbli għalih. F’dawn iċ-ċirkustanzi,
rekwiżiti legali stretti biex il-pretendenti jasserixxu fid-dettal
il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn
qabel dokumenti speċifikati b'mod preċiż ta' evidenza ta' appoġġ
jistgħu jimpedixxu bla bżonn l-eżerċizzju effettiv
tad-dritt għall-kumpens iggarantit mit-Trattat. (13) L-evidenza hija element
importanti għat-tressiq ta' azzjonijiet għad-danni għal ksur
tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Madankollu,
billi l-litigazzjoni tal-antitrust hija kkaratterizzata minn asimmetrija
tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-partijiet li jkunu
ġarrbu ħsara jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza
li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun
meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi
tal-evidenza. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-mezzi, dawn
tal-aħħar għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti
fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu
għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk il-partijiet li jkunu
ġarrbu l-ħsara. Il-qrati nazzjonali jistgħu wkoll jordnaw
id-divulgazzjoni tal-evidenza minn partijiet terzi. Meta l-qorti nazzjonali
tkun tixtieq tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza mill-Kummissjoni, il-prinċipju
ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
(l-Artikolu 4(3) TUE) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament
Nru 1/2003 fir-rigward tat-talbiet għall-informazzjoni, huma
applikabbli. (14) L-evidenza rilevanti
għandha tiġi divulgata b'deċiżjoni tal-qorti u taħt
il-kontroll strett tagħha, speċjalment rigward il-ħtieġa u
l-proporzjonalità tal-miżura tad-divulgazzjoni. Mir-rekwiżit
tal-proporzjonalità jirriżulta li t-talbiet għad-divulgazzjoni
jistgħu jinbdew biss ladarba parti li tkun ġarrbet il-ħsara
tistabbilixxi b'mod kredibbli, fuq il-bażi ta' fatti li huma disponibbli
għaliha b'mod raġonevoli, li l-parti tkun ġarrbet ħsara li
ġiet ikkawżata mill-konvenut. It-talba għad-divulgazzjoni għandha
tirreferi għal kategoriji ta' evidenza li jkunu preċiżi u
stretti kemm jista' jkun fuq il-bażi ta' fatti disponibbli b'mod
raġonevoli. (15) Ir-rekwiżit
tal-proporzjonalità għandu jiġi vvalutat b'attenzjoni wkoll meta jkun
hemm riskju li d-divulgazzjoni tikxef l-istrateġija ta' investigazzjoni
ta' awtorità tal-kompetizzjoni billi jiġi divulgat liema dokumenti huma
parti mill-fajl jew jikkawża effett negattiv fuq il-mod li bih
il-kumpaniji jikkooperaw mal-awtorità tal-kompetizzjoni. Għalhekk it-talba
għad-divulgazzjoni ma għandhiex titqies proporzjonata meta tirreferi
għad-divulgazzjoni ġenerika tad-dokumenti fil-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni relatati ma' każ speċifiku, jew tad-dokumenti
kollha sottomessi minn parti fil-kuntest ta' każ speċifiku. Barra
minn hekk, tali talbiet wesgħin għad-divulgazzjoni ma jkunux
kompatibbli mad-dmir tal-parti li qed tagħmel it-talba li tispeċifika
l-kategoriji tal-evidenza b'mod l-aktar preċiż u strett possibbli. (16) Meta l-qorti titlob lil qorti
kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor evidenza jew titlob li
tinġabar evidenza direttament minn Stat Membru ieħor, japplikaw
id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001
tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati
tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali[54]. (17) Filwaqt li l-evidenza
rilevanti li jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra
kunfidenzjali għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fl-azzjonijiet
għad-danni, it-tali informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi protetta
kif xieraq. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandu jkollhom
għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta' miżuri biex it-tali
informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix divulgata matul il-proċedimenti.
Dawn jistgħu jinkludu l-possibbiltà ta’ smigħ provat, jillimitaw
l-għadd ta’ persuni bi dritt li jaraw l-evidenza, u istruzzjoni
lill-esperti biex jipproduċu sintesi tal-informazzjoni b’mod aggregat jew
f’forma mhux kunfidenzjali. Miżuri li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali u
informazzjoni kunfidenzjali oħra ma jistgħux fil-livell prattiku
jimpedixxu l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens. (18) L-effettività
u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat
mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni
jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward l-interazzjoni
tar-regoli dwar id-divulgazzjoni tal-evidenza u l-mod kif dawn l-Artikoli
jiġu infurzati minn awtorità tal-kompetizzjoni. id-divulgazzjoni
tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi
dwar il-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni. Il-limitazzjonijiet
għad-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhomx jipprevjenu
lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw
id-deċiżjonijiet tagħhom skont ir-regoli tal-Unjoni jew
nazzjonali applikabbli. (19) Il-programmi ta' klemenza u l-proċeduri ta'
riżolviment huma għodda importanti għall-infurzar pubbliku
tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni minħabba li jikkontribwixxu
għall-iskoperta, il-prosekuzzjoni effiċjenti u s-sanzjonar tal-aktar
ksur serju tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. L-impriżi jistgħu
jaqtgħu qalbhom milli jikkooperaw f'dan il-kuntest jekk id-divulgazzjoni
tad-dokumenti li jipproduċu biss għal dan l-għan jesponihom
għal responsabbiltà ċivili f'kundizzjonijiet agħar milli dawk
tal-ko-kontraventuri li ma jikkooperawx mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
Sabiex ikun żgurat li l-impriżi huma lesti li jipproduċu
dikjarazzjonijiet minn jeddhom li jirrikonoxxu s-sehem tagħhom fi ksur
tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni lil awtorità
tal-kompetizzjoni f'programm ta’ klemenza jew proċedura ta’
riżolviment, tali dikjarazzjonijiet għandhom jitħallew barra
mid-divulgazzjoni tal-evidenza. (20) Barra
minn hekk, eċċezzjoni dwar id-divulgazzjoni għandha tapplika
għal kull miżura ta’ divulgazzjoni li tinterferixxi bla bżonn
ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja minn awtorità tal-kompetizzjoni
rigward il-ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.
L-informazzjoni li tħejjiet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul
il-proċedimenti tagħha għall-infurzar tal-liġi nazzjonali
jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (bħal pereżempju Dikjarazzjoni
tal-Oġġezzjonijiet) jew minn parti f'dawk il-proċedimenti
(bħal pereżempju tweġibiet għat-talbiet ta' informazzjoni
tal-awtorità tal-kompetizzjoni), għandhom għalhekk ikunu jistgħu
jiġu divulgati f'azzjonijiet għad-danni biss wara li l-awtorità
tal-kompetizzjoni tkun sabet ksur tar-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni dwar
il-kompetizzjoni jew inkella tkun temmet il-proċedimenti tagħha. (21) Minbarra l-evidenza msemmija
fil-premessi (19) u (20), il-qrati nazzjonali għandhom ikunu
jistgħu jordnaw, fil-kuntest ta' azzjoni għad-danni, id-divulgazzjoni
tal-evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta'
awtorità tal-kompetizzjoni ("informazzjoni pre-eżistenti"). (22) Kull persuna fiżika jew
ġuridika li tikseb l-evidenza permezz tal-aċċess għall-fajl
ta' awtorità tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet
tagħha ta' difiża b'rabta ma' investigazzjonijiet ta' awtorità tal-kompetizzjoni,
tista' tuża dik l-evidenza għall-finijiet ta' azzjoni għad-danni
li tkun parti minnha. Tali użu għandu wkoll jiġi permess
għall-persuna fiżika jew legali li tkun ittrasferiet id-drittijiet u
l-obbligi tagħha, inkluż permezz tax-xiri tal-pretensjoni
tagħha. Fil-każ li l-evidenza tkun inkisbet minn persuna
ġuridika li tifforma parti minn grupp korporattiv li jikkostitwixxi
impriża waħda għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat, l-użu tat-tali evidenza jkun permess ukoll għal
entitajiet ġuridiċi oħra li jappartjenu lill-istess
impriża. (23) Madankollu, l-użu msemmi
fil-premessa preċedenti ma jistax inaqqas bla raġuni l-effettività
tal-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni minn awtorità
tal-kompetizzjoni. Il-limitazzjonijiet għad-divulgazzjoni msemmijin
fil-premessi (19) u (20) għalhekk għandhom japplikaw b'mod
ugwali għall-użu tal-evidenza li tinkiseb biss permezz
tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni. Barra minn
hekk, l-evidenza li tkun inkisbet minn awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest
tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandhiex issir
oġġett għall-kummerċ. Il-possibbiltà li tintuża
l-evidenza li tkun inkisbet biss permezz tal-aċċess għall-fajl
ta' awtorità tal-kompetizzjoni għalhekk għandha tkun limitata
għall-persuna fiżika jew ġuridika li eżerċitat
id-drittijiet tagħha ta' difiża u s-suċċessuri legali
tagħha, kif imsemmi fil-premessa preċedenti. Madankollu, din
il-limitazzjoni ma tipprojbix lil qorti nazzjonali milli tordna d-divulgazzjoni
ta' dik l-evidenza fil-kundizzjonijiet previsti f'din id-Direttiva. (24) Li ssir pretensjoni
għad-danni, jew il-bidu ta’ investigazzjoni minn awtorità
tal-kompetizzjoni, jinvolvi riskju li l-impriżi kkonċernati
jistgħu jeqirdu jew jaħbu l-evidenza li tista' tkun utli biex
tiġi sostanzjata pretensjoni għad-danni ta' parti li ġarrbet
ħsara. Sabiex l-evidenza rilevanti ma tiġix distrutta u biex ikun
żgurat li ordnijiet tal-qorti li jitolbu d-divulgazzjoni ta’ evidenza
jitwettqu, il-qrati għandu jkollhom is-saħħa li jimponu sanzjonijiet
suffiċjentement deterrenti. Safejn jirrigwarda l-partijiet
fil-proċedimenti, ir-riskju li jsiru inferenzi negattivi
fil-proċedimenti għad-danni jista' jkun sanzjoni partikolarment
effettiva u jista' jevita dewmien żejjed. Għandu jkun hemm ukoll
sanzjonijiet għal min ma jonorax l-obbligu ta' protezzjoni ta'
informazzjoni kunfidenzjali u għal użu abbużiv minn
informazzjoni li tkun divulgata. B'mod simili, is-sanzjonijiet għandhom
ikunu disponibbli jekk l-informazzjoni miksuba permezz tal-aċċess
għall-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni bl-eżerċizzju
tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-investigazjonijiet ta' dik
l-awtorità tal-kompetizzjoni, tintuża b'mod abbużiv f'azzjonijiet
għad-danni. (25) L-Artikolu 16(1)
tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu
dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki skont l-Artikolu 101
jew l-Artikolu 102 tat-Trattat li diġà huma s-suġġett ta’
deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux jieħdu
deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata
mill-Kummissjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali,
biex ma jkunx hemm inkonsistenza fl-applikazzjoni ta’ dawk
id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, biex tiżdied l-effettività u
l-effikaċja proċedurali tal-azzjonijiet għad-danni u biex
jitrawwem il-funzjonament tas-suq intern għall-impriżi u
l-konsumaturi, b'mod simili ma għandux ikun possibbli li tiġi
ddubitata deċiżjoni finali ta' awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali
jew qorti tal-appell li ssib ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat
f’azzjonijiet għad-danni relatati mal-istess ksur, irrispettivament jekk
l-azzjoni tressqitx fl-Istat Membru fejn hemm l-awtorità jew il-qorti
tal-appell. L-istess għandu japplika għal deċiżjoni li fiha
ġie konkluż li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar
il-kompetizzjoni nkisru f'każijiet fejn il-liġi nazzjonali u
tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huma applikati fl-istess każ u b'mod
parallel. Dan l-effett tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet
tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-qrati tal-appell li jsibu ksur tar-regoli dwar
il-kompetizzjoni għandu japplika għall-parti operattiva
tad-deiċżjoni u l-premessi ta' appoġġ tagħha. Dan huwa
bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont
l-Artikolu 267 tat-Trattat. (26) Ir-regoli nazzjonali dwar
il-bidu, it-tul, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodi ta’
preskrizzjoni ma għandhomx ixekklu milli jitressqu azzjonijiet
għad-danni. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-azzjonijiet
li jibnu fuq is-sejba ta' ksur ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew ta' qorti
tal-appell. Għan dan l-għan, il-partijiet li jkunu ġarrbu
ħsara xorta għandhom ikunu jistgħu jressqu azzjoni
għad-danni wara l-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni, li
jkollhom l-għan li jinfurzaw il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar
il-kompetizzjoni. (27) Meta
bosta impriżi jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni b'mod konġunt
(bħal pereżempju fil-każ ta' kartell) huwa xieraq li jiġi
previst li dawn il-kontraventuri konġunti jkunu responsabbli in solidum
għall-ħsara kollha kkawżata mill-ksur. Fosthom, il-kontraventuri
konġunti għandu jkollhom id-dritt li jiksbu kontribuzzjoni jekk
waħda mill-impriżi li jkunu għamlu l-ksur tkun ħallset
aktar mis-sehem tagħha. Id-determinazzjoni ta' dak is-sehem bħala
r-responsabbiltà relattiva ta' kontraventur speċifiku u l-kriterji rilevanti,
bħal pereżempju l-fatturat, is-sehem fis-suq, jew ir-rwol
fil-kartell, hija kwistjoni għal-liġi nazzjonali applikabbli, filwaqt
li jiġu rispettati l-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza. (28) L-impriżi li jikkooperaw
mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi programm ta' klemenza għandhom rwol
ewlieni fl-iskoperta ta' ksur ta' kartell sigriet u biex iwaqqfu dan il-ksur, u
b'hekk ta' spiss inaqqsu l-ħsara li setgħet tiġi kkawżata
li kieku kompla sar il-ksur. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li
l-impriżi li jkunu rċevew l-immunità minn multi minn awtorità
tal-kompetizzjoni f'programm ta' klemenza jiġu protetti milli jiġu
esposti mingħajr raġuni għall-pretensjonijiet għad-danni,
filwaqt li jitqies li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li
tkun sabet il-ksur tista' ssir finali għal dak li qed jirċievi
l-immunità qabel ma ssir finali għal impriżi oħra li ma jkunux
irċevew l-immunità. Għalhekk huwa xieraq li l-benefiċjarju
tal-immunità jinħeles fil-prinċipju mill-obbligazzjoni in solidum għall-ħsara
kollha u li l-kontribuzzjoni tiegħu ma jaqbiżx l-ammont
tal-ħsara kkawżata lix-xerrejja diretti jew indiretti tiegħu
stess jew, fil-każ ta' kartel għax-xiri, il-fornituri diretti jew
indiretti tiegħu. Sal-punt fejn kartell ikun ikkawża ħsara lil
oħrajn li mhumiex il-klijenti/il-fornituri tal-impriżi li jkunu
wettqu l-ksur, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità ma
għandhiex taqbeż ir-responsabbiltà relattiva tiegħu
għall-ħsara kkawżata mill-kartell. Dan is-sehem għandu
jiġi determinat skont l-istess regoli li ntużaw biex jiġu
determinati l-kontribuzzjonijiet fost l-impriżi li wettqu l-ksur
(il-premessa (27) hawn fuq). Il-benefiċjarju tal-immunità għandu
jibqa' responsabbli bis-sħiħ għall-partijiet li jkunu
ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew
indiretti tiegħu biss meta dawn ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens
sħiħ minn impriżi oħra li wettqu ksur. (29) Il-konsumaturi u
l-impriżi li jkunu ġarrbu ħsara minn ksur tal-liġi
nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huma intitolati għal
kumpens għat-telf reali u għat-telf mill-profitt. It-telf reali
jista’ jirriżulta mid-differenza fil-prezz bejn dak li filfatt
tħallas u dak li kellu jitħallas kieku ma kienx hemm il-ksur
tal-liġi. Meta parti li tkun ġarrbet ħsara tkun naqqset it-telf
reali tagħha billi tittrasferih kollu jew parzjalment lix-xerrejja
tagħha stess, it-telf li jkun ġie trasferit ma jkunx
jirrappreżanta aktar ħsara li għaliha l-parti li tkun
ittrasferietu għandha tikseb kumpens. Għalhekk huwa xieraq
fil-prinċipju li l-impriża li tkun wettqet il-ksur tiġi permessa
li tinvoka t-trasferiment tat-telf reali bħala difiża kontra
pretensjoni għad-danni. Huwa xieraq li jiġi previst li l-impriża
li wettqet il-ksur, sakemm tinvoka d-difiża bbażata fuq
it-trasferiment, trid tagħti prova tal-eżistenza u l-limitu
tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda. (30) Madankollu, f'sitwazzjoni fejn
l-ispejjeż żejda ġew trasferiti lil persuni li legalment ma
jkunux jistgħu jitolbu għal kumpens, mhuwiex xieraq li l-impriża
li wettqet il-ksur tiġi permessa li tinvoka d-difiża bbażata fuq
it-trasferiment, billi din teħlisha mir-responsabbiltà
għall-ħsara li kkawżat. Il-qort li quddiemha tkun tressqet
l-azzjoni għalhekk għandha tivvaluta, meta tiġi invokata
d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, jekk il-persuni li lilhom
ġew allegatament trasferiti l-ispejjeż żejda jistgħux
legalement jitolbu għal kumpens. Filwaqt li x-xerrejja indiretti huma
intitolati li jitolbu għal kumpens, ir-regoli nazzjonali
tal-kawżalità (inklużi r-regoli dwar il-previdibbiltà u
t-tbegħid ġeografiku), applikati skont il-prinċipji
tal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jfissru li ċerti persuni
(pereżempju f'livell tal-katina tal-provvista li huwa 'l bogħod
mill-ksur) legalment ma jkunux jistgħu jitolbu għal kumpens
f'każ speċifiku. Biss meta l-qorti ssib li l-persuna li lilha
ġew allegatament trasferiti l-ispejjeż żejda tkun tista' titlob
għal kumpens legalment, din tkun tista' tavvaluta l-merti tad-difiża
bbażata fuq it-trasferiment. (31) Il-konsumaturi jew
l-impriżi, li lilhom ġie trasferit it-telf reali ġarrbu
ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar
il-kompetizzjoni. Filwaqt li tali ħsara għandha tiġi kkumpensata
mill-impriża li tkun għamlet il-ksur, jista’ jkun partikolarment
diffiċli għall-konsumaturi jew għall-impriżi li ma xtrawx
huma stess mingħand dik l-impriża biex jippruvaw l-ambitu
tal-ħsara. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li, meta
l-eżistenza ta' pretensjoni għad-danni jew l-ammont li għandu
jingħata jiddependi fuq jekk jew sa liema punt ikunu ġew trasferiti
l-ispejjeż żedja mħallsa mix-xerrej dirett tal-impriża li
tkun wettqet il-ksur lix-xerrej indirett, dan tal-aħħar huwa meqjus
li jkun ta l-prova li l-ispejjeż żejda mħallsa minn dak
ix-xerrej dirett ikunu ġew trasferiti għal-livell tiegħu, fejn ikun
jista' juri prima facie li tali trasferiment twettaq. Barra minn hekk
huwa xieraq li jiġi definit taħt liema kundizzjonijiet ix-xerrej
indirett għandu jitqies li jkun stabbilixxa t-tali prova prima facie.
Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-trasferiment, il-qorti nazzjonali
għandu jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem tal-ispejjeż
żejda ġie ttrasferit għal-livell tax-xerrejja indiretti
fit-tilwima pendenti quddiemha. L-impriża li tkun għamlet il-ksur għandha
tiġi permessa li tagħti prova li turi li t-telf reali ma jkunx
ġie trasferit jew ma jkunx ġie trasferit kollu. (32) Il-ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni ta' spiss jirrigwarda l-kundizzjonijiet u l-prezz li bih
jinbigħu l-oġġetti jew is-servizzi u jwassal għal
spejjeż żejda u ħsara oħra għall-klijenti
tal-impriżi li jkunu qed jagħmlu l-ksur. Il-ksur jista' wkoll
jikkonċerna l-provvisti lill-impriża li tkun qed tagħmel il-ksur
(pereżempju fil-każ ta' kartell tax-xerrej). Ir-regoli ta' din
id-Direttiva u b'mod partikolari r-regoli dwar it-trasferiment għandhom
japplikaw kif xieraq. (33) L-azzjonijiet għad-danni
jistgħu jitressqu kemm mill-partijiet li ġarrbu l-ħsara li xtraw
l-oġġetti jew is-servizzi mingħand l-impriża li
għamlet il-ksur kif ukoll minn xerrejja iktar l-isfel fil-katina tal-provvista.
Fl-interess ta' konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn tali
proċedimenti relatati u għalhekk biex ikun evitat li l-ħsara
kkawżata mill-ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar
il-kompetizzjoni ma tiġix kkumpensata kollha kemm hi jew li l-impriża
li għamlet il-ksur tkun meħtieġa tħallas
għall-ħsara li ma tkunx saret, il-qrati nazzjonali għandhom
iqisu kif dovut, sakemm ikun permess skont il-liġi tal-Unjoni u dik
nazzjonali, kwalunkwe azzjoni relatata u sentenza mogħtija, partikolarment
fejn issib li kien hemm prova ta' trasferiment. Dan għandu jkun bla
ħsara għad-drittijiet fundamentali tad-difiża u għal
rimedju effettiv u proċess ġust ta' dawk li ma kinux partijiet f'dawn
il-proċedimenti ġudizzjarji. Tali azzjonijiet pendenti quddiem il-qrati
ta’ Stati Membri differenti, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala
relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament
Nru 1215/2012. Taħt din id-dispożizzjoni, il-qrati nazzjonali
ħlief dik imqabbda l-ewwel mill-każ, jistgħu jissospendu
l-proċeduri jew, taħt ċerti ċirkustanzi, jirrifjutaw li
jagħtu sentenza. (34) Parti li tkun ġarrbet
ħsara li tkun tat prova li ġarrbet ħsara bħala
riżultat minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, xorta trid
tagħti prova tal-limitu tal-ħsara mġarrba sabiex tikseb id-danni.
Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust hija proċess li
jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ħafna fatti u hemm il-possibbiltà li
tkun meħtieġa l-applikazzjoni ta’ mudelli ekonomiċi kumplessi.
Dan ta' spiss huwa proċess għali u jikkawża diffikultajiet
għall-partijiet li ġarrbu ħsara fir-rigward tal-ksib tad-dejta
meħtieġa biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom. Fil-fatt,
il-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust tista' tikkostitwixxi ostakolu
sostanzjali li jipprojbixxi lill-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara
milli jiksbu d-danni ta' kumpens għall-ħsara mġarrba. (35) Bħala rimedju
għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet
assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara tal-antitrust u sabiex
tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet għad-danni, huwa
xieraq li wieħed jissoponi li fil-każ ta' ksur ta' kartell, il-ksur
ikkawża ħsara, b'mod partikolari, permezz ta' effett fuq il-prezz.
Skont il-fatti tal-każ dan ifisser li l-kartell wassal għal żieda
fil-prezz jew impedixxa li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien
iseħħ li kieku ma sarx il-ksur. L-impriża li wettqet il-ksur
għandha tkun libera li tirrifjuta t-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq
li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli,
minħabba n-natura sigrieta ta' kartell, li żżid l-asimmetrija
tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli
għall-parti li ġarrbet il-ħsara biex tikseb l-evidenza
meħtieġa biex tagħti prova tal-ħsara. (36) Fin-nuqqas ta' regoli
tal-Unjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara kkawżata minn ksur
tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, is-sistema legali domestika ta' kull Stat
Membru u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw liema rekwiżiti
għandha tissodisfa l-parti li ġarrbet il-ħsara meta tagħti
prova tal-ammont ta' ħsara li tkun ġarrbet, l-eżattezza li biha
għandha tagħti prova ta' dak l-ammont, il-metodi li jistgħu
jintużaw fil-kwantifikazzjoni tal-ammont u l-konsegwenzi ta' jekk ma
jkunux jistgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha stabbiliti.
Madankollu, dawn ir-rekwiżiti domestiċi ma għandhomx ikunu inqas
favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili
(il-prinċipju tal-ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu
l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għad-danni prattikament impossibbli
jew diffiċli ħafna (il-prinċipju tal-effettività). F'dan
ir-rigward għandhom jitqiesu l-asimmetriji tal-informazzjoni possibbli
bejn il-partijiet u l-fatt li l-kwantifikazzjoni tal-ħsara tirrikjedi
valutazzjoni ta' kif is-suq ikkonċernat kien jevolvi li kieku ma kienx sar
ksur; Din il-valutazzjoni timplika paragun ma' sitwazzjoni li b'definizzjoni
hija ipotetika u għalhekk ma tista' qatt issir b'eżattezza totali.
Għalhekk huwa xieraq li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa
li jagħmlu stima tal-ammont tal-ħsara kkawżta mill-ksur
tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. (37) Il-partijiet li ġarrbu
l-ħsara u l-impriżi li għamlu l-ħsara għandhom
jiġu mħeġġa biex jaqblu fuq kumpens tal-ħsara
kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni permezz ta' mekkaniżmi
għas-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim bħal pereżempju
riżolvimenti barra mill-qorti, l-arbitraġġ u l-medjazzjoni. Fejn
ikun possibbli, it-tali soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim għandha
tkopri l-aktar partijiet li ġarrbu l-ħsara u impriżi li għamlu
l-ksur possibbli. Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar
is-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim għalhekk huma maħsuba biex
jiffaċilitaw l-użu tat-tali mekkaniżmi u jżidu
l-effettività tagħhom. (38) Il-perjodi ta' preskrizzjoni
għat-tressiq ta' azzjoni għad-danni jistgħu jkunu b'mod li
jimpedixxu lill-partijiet li ġarrbu l-ħsara u l-imprizi li
għamlu l-ħsara milli jkollhom biżżejjed żmien biex
jaslu għal qbil dwar il-kumpens li għandu jitħallas. Sabiex
it-tnejn jingħataw l-opportunità ġenwina biex ifittxu soluzzjoni
kunsenswali għat-tilwim qabel ma jibdew il-proċedimenti quddiem
il-qorti nazzjonali, il-perjodu ta' preskrizzjoni għalhekk għandu
jiġi sospiż għat-tul ta' żmien tal-proċess ta'
soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. (39) Barra minn hekk, meta
l-partijiet jiddeċiedu li jfittxu soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim
wara li tkun tressqet azzjoni għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali
għall-istess pretensjoni, dik il-qorti tista' tissosspendi
l-proċedimenti li tressqu quddiemha għat-tul ta' żmien
tal-proċess ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. Meta tqis jekk
għandhomx jiġu sospiżi l-proċedimenti, il-qorti nazzjonali
għandha tqis l-interess fi proċedura espedjenti. (40) Biex jitħeġġew
ir-riżolvimenti kunsenswali, impriża li tkun għamlet ksur li
tħallas id-danni permezz ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim ma
għandhiex titqiegħed f'pożizzjoni vis-à-vis il-ko-kontraventuri
tagħha agħar minn dik li kienet tkun fiha mingħajr is-soluzzjoni
kunsenswali. Dan jista' jseħħ jekk kontraventur fir-riżolviment
għat-tilwim ikun baqa' responsabbli in solidum għall-ħsara
kkawżata mill-ksur anke wara li jinsab riżolviment kunsenswali.
Għalhekk kontraventur fir-riżolviment fil-prinċipju ma
għandux jikkontribwixxi għall-ko-kontraventuri tiegħu mhux
fir-riżolviment meta dawn tal-aħħar ikunu ħallsu d-danni
lill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara li magħha l-ewwel
kontraventur ikun sab soluzzjoni qabel. Il-konnessjoni ta' din ir-regola ta'
nonkontribuzzjoni hija li l-pretensjoni tal-parti li ġarrbet il-ħsara
titnaqqas bis-sehem tal-kontraventur fir-riżolviment tal-ħsara kkawżata
lilha. Dan is-sehem għandu jiġi determinat skont l-istess regoli li
ntużaw biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet fost l-impriżi
li wettqu l-ksur (il-premessa (27) hawn fuq). Mingħajr it-tali
tnaqqis, il-kontraventuri mhux fir-riżolviment jkunu affettwati
mingħajr bżonn mir-riżolviment li fih ma kinux parti.
Il-ko-kontraventur fir-riżolviment xorta jkollu jħallas
għad-danni jekk din tkun l-unika possibbiltà għall-parti li tkun
ġarrbet il-ħsara li tikseb kumpens sħiħ. (41) Meta l-ko-kontraventuri fir-riżolviment
jintalbu biex jikkontribwixxu għad-danni li jkunu tħallsu
sussegwentement mill-ko-kontraventuri mhux fir-riżolviment, il-qorti
nazzjonali għandha tqis id-danni li diġà jkunu tħallsu permezz
tar-riżolviment kunsenswali, u b'hekk tkun qed iżżomm
f'moħħha li mhux il-ko-kontraventuri kollha huma neċessarjament
involuti b'mod ugwali fl-ambitu sostantiv, temporali u ġeografiku
sħiħ tal-ksur. (42) Din id-Direttiva tirrispetta
d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. (43) Minħabba li jkun
impossibbli, b'diverġenzi fl-għażliet tal-politika u r-regoli
legali fil-livell nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni
għall-kumpens f'azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli
tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li jiġi żgurat l-effett
sħiħ tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u li jiġi
żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-impriżi u
l-konsumaturi, dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu
biżżejjed mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk,
minħabba l-effettività u l-konsistenza meħtieġa fl-applikazzjoni
tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, jintlaħqu aħjar fil-livell
tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għalhekk jadottaw din
id-Direttiva, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat
fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju
tal-propozjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx
lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. (44) Skont id-Dikjarazzjoni
Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta'
spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011[55], l-Istati Membri impenjaw
ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika
tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument jew bosta
dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u
l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.
Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li
t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: KAPITOLU I KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni
tad-Direttiva 1. Din id-Direttiva tistipula
ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna
li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-Artikoli 101 u 102
tat-Trattat jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, tista' b'mod
effettiv teżerċita d-dritt għal kumpens sħiħ għal
dik il-ħsara. Tistabbilixxi wkoll regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux
imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli
għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni
ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali
ħsara. 2. Din id-Direttiva tistipula
wkoll regoli għall-koordinazzjoni bejn l-infurzar tar-regoli dwar
il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta' dawn
ir-regoli f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. Artikolu 2 Dritt għal kumpens
sħiħ 1. Kwalunkwe wieħed li jkun
ġarrab ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi nazzjonali jew
tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandu jkun jista' jitlob kumpens
sħiħ għal dik il-ħsara. 2. Kumpens sħiħ
għandu jqiegħed lil kull min ġarrab il-ħsara
fil-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku l-ksur ma sarx. Għandu
għalhekk jinkludi kumpens għat-telf reali u għat-telf ta’ profitt,
u l-ħlas tal-imgħax miż-żmien meta saret il-ħsara
sakemm ikun realment tħallas il-kumpens relatat ma' dik il-ħsara. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara jistgħu
jeżerċitaw b'mod effettiv il-pretensjonijiet tagħhom
għad-danni. Artikolu 3 Prinċipji ta’ effettività u
ekwivalenza L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward azzjonijiet
għad-danni jkunu mfassla u applikati b'mod li jiżgura li kull parti
li tkun ġarrbet il-ħsara tkun tista' teżerċita b'mod
effettiv id-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ
għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni. Kwalunkwe regola jew proċedura nazzjonali rigward
azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101
u 102 tat-Trattat ma għandux ikun inqas favorevoli għall-partijiet li
jkunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet
domestiċi simili. Artikolu 4 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Direttiva,
għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: 1. "ksur tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni" tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat
jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni skont it-tifsira
tal-paragrafu 2; 2. "il-liġi nazzjonali
dwar il-kompetizzjoni" tfisser id-dispożizzjonijiet tal-liġi
nazzjonali li b'mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk
tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u li huma applikati għall-istess
każ u b'mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont
l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003; 3. "azzjoni
għad-danni" tfisser azzjoni skont il-liġi nazzjonali li biha
parti li tkun ġarrbet ħsara titlob kumpens għad-danni quddiem
qorti nazzjonali; din tista' wkoll tkopri azzjonijiet li bihom xi ħadd li
jaġixxi f'isem ta' parti jew bosta partijiet li jkunu ġarrbu
ħsara tressaq talba għad-danni quddiem qorti nazzjonali, meta
l-liġi nazzjonali tipprevedi din il-possibbiltà; 4. "talba
għad-danni" tfisser talba għal kumpens ta’ ħsara
kkawżata minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; 5. “parti li ġarrbet
ħsara” tfisser kull min ikollu raġuni biex jagħmel talba
għad-danni; 6. “awtorità nazzjonali
tal-kompetizzjoni” tfisser awtorità nnominata minn Stat Membru skont
l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tkun responsabbli
għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat; 7. “awtorità tal-kompetizzjoni”
tfisser il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni; 8. "qorti nazzjonali"
jew "qorti" tfisser kwalunkwe qorti jew tribunal ta' Stat Membru
skont it-tifsira tal-Artikolu 267 tat-Trattat; 9. “qorti tal-appell” tfisser
qorti nazzjonali li għandha s-setgħa tirrevedi
d-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li
fil-kuntest tagħha jista' jkun ukoll li jkollha s-setgħa li ssib ksur
tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat; 10. “deċiżjoni dwar
ksur” tfisser deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti
tal-appell li ssib ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; 11. deċiżjoni ta’ ksur
“finali” tfisser deċiżjoni dwar ksur ta’ awtorità tal-kompetizzjoni
jew qorti tal-appell li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell; 12. "kartell" tfisser
ftehim u/jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar li
għandha l-għan li tikkoordina l-imġiba kompetittiva tagħhom
fis-suq u/jew tinfluwenza l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, permezz ta'
prattiki bħal pereżempju l-iffissar jew il-koordinazzjoni
tal-prezzijiet tal-bejgħ jew tax-xiri jew ta' kundizzjonijiet
kummerċjali oħrajn, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew
tal-bejgħ, il-kondiviżjoni tas-swieq u l-klijenti inklużi l-immanuvrar
tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet
u/jew l-azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħra; 13. "programm ta'
klemenza" tfisser programm li fuq il-bażi tiegħu
parteċipant f'kartell sigriet, b'mod indipendenti mill-impriżi
l-oħra involuti fil-kartell, jikkoopera ma' investigazzjoni tal-awtorità
tal-kompetizzjoni, billi jipprovdi b'mod volontarju preżentazzjonijiet
tal-għarfien tiegħu tal-kartell u r-rwol tiegħu fih, u bħala
skambju għal dan il-parteċipant jirċievi l-immunità minn
kwalunkwe multa li għandha tiġi imposta għall-kartell jew
tnaqqis tat-tali multa; 14. “dikjarazzjoni korporattiva
ta' klemenza” tfisser preżentazzjoni orali jew bil-miktub ipprovduta b'mod
volontarju minn, jew f’isem, impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni, li
tiddeskrivi l-għarfien tal-impriża dwar kartell sigriet u r-rwol
tagħha fih, li tkun tfasslet speċifikament biex titressaq
lill-awtorità bil-għan li tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-multi taħt
programm ta’ klemenza rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat
jew id-dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi nazzjonali; dan ma
jinkludix dokumenti jew informazzjoni li teżisti irrispettivament
mill-proċedimenti ta' awtorità tal-kompetizzjoni ("informazzjoni
pre-eżistenti"); 15. “sottomissjoni ta' ftehim”
tfisser preżentazzjoni pprovduta b'mod volontarju minn, jew f’isem
impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeskrivi l-għarfien
mill-impriża tas-sehem tagħha fil-ksur tal-Artikolu 101
tat-Trattat jew ta' dispożizzjoni korrispondenti skont il-liġi
nazzjonali u r-responsabbiltà tagħha f'dan il-ksur, li tkun tfasslet
speċifikament bħala talba formali sabiex l-awtorità tapplika
proċedura espedjenti; 16. “spejjeż żejda”
tfisser kwalunkwe differenza pożittiva bejn il-prezz imħallas
realment u l-prezz li kellu jitħallas fin-nuqqas ta’ ksur ta' liġi
dwar il-kompetizzjoni; 17. "riżolviment
kunsenswali" tfisser ftehim li bih jitħallsu d-danni wara soluzzjoni
kunsenswali għat-tilwim. KAPITOLU II DIVULGAZZJONI TA’ EVIDENZA Artikolu 5 Divulgazzjoni ta’ evidenza 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li meta pretendent ikun ippreżenta fatti u evidenza
raġonevolment disponibbli li jagħtu biżżejjed provi biex
wieħed jissospetta li hu, jew dawk li qed jirrappreżenta, ikunu ġarrbu
ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni
mill-konvenut, il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw li l-konvenut jew parti
terza jiddivulgaw l-evidenza, irrispettivament minn jekk din l-evidenza hijiex
ukoll inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni jew le,
soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu wkoll
jordnaw lill-pretendent jew parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza fuq talba
mill-konvenut. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara
għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qrati nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza
msemmija fil-paragrafu 1 meta l-parti li titlob id-divulgazzjoni (a)
uriet li l-evidenza fil-kontroll tal-parti
l-oħra jew ta’ parti terza hija rilevanti biex tissostanza t-talba jew
id-difiża tagħha; kif ukoll (b)
speċifikat partijiet minn din l-evidenza jew
kategoriji ta' din l-evidenza definiti b'mod kemm jista’ jkun preċiż
jew strett fuq il-bażi ta’ fatti raġonevolment disponibbli; 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza
għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta' jekk kwalunkwe
divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali
għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet
terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw: (a)
il-possibbiltà li l-ksur allegat tal-liġi dwar
il-kompetizzjoni jkun sar; (b)
l-għan u l-ispiża biex issir
id-divulgazzjoni, speċjalment jekk hemm partijiet terzi involuti; (c)
jekk l-evidenza li għandha tiġi divulgata
fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna
l-partijiet terzi, u l-arranġamenti għall-protezzjoni tat-tali
informazzjoni kunfidenzjali; kif ukoll (d)
fil-każijiet fejn il-ksur qed jiġi jew
ġie investigat minn awtorità tal-kompetizzjoni, jekk it-talba ġietx
ifformulata speċifikament fir-rigward tan-natura, is-suġġett jew
il-kontenut tat-tali dokumenti aktar milli talba mhux speċifika li
tikkonċerna d-dokumenti sottomessi lil awtorità tal-kompetizzjoni jew
miżmuma fil-fajl tat-tali awtorità tal-kompetizzjoni. 4. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom
miżuri effettivi biex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u
informazzjoni kunfidenzjali oħra kemm jista' jkun sabiex jiġi
garantit livell xieraq ta' protezzjoni ta' informazzjoni bħal din u tkun
disponibbli evidenza rilevanti li tkun fiha tali informazzjoni fl-azzjoni
għad-danni. 5. L-Istati Membri għandhom
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħtu effett
sħiħ lill-privileġġi legali u drittijiet oħra biex ma
jkunux obbligati jiddivulgaw l-evidenza. 6. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li, safejn il-qrati tagħhom ikollhom is-setgħat biex
jordnaw id-divulgazzjoni mingħajr is-smigħ tal-persuna li
mingħandha qed tintalab id-divulgazzjoni, l-ebda penalità għan-nuqqas
ta' konformità ma' tali ordni ma tkun tista' tiġi imposta sakemm
id-destinatarju tat-tali ordni ma jkunx instema' mill-qorti. 7. L-evidenza għandha
tinkludi kull tip ta’ evidenza ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali vestita
, partikolarment dokumenti u kull oġġett ieħor li jkun jinkludi
informazzjoni irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija
maħżuna. 8. Bla ħsara
għall-obbligu stipulat fil-paragrafu 4 u l-limiti stipulati
fl-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux jostakola lill-Istati Membri
milli jżommu jew jintroduċu regoli li jistgħu jwasslu għal
divulgazzjoni usa’ ta’ evidenza. Artikolu 6 Limiti għad-divulgazzjoni
tal-evidenza mill-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li, għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati
nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw lil parti jew
parti terza biex tiddivulga kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta' evidenza
li ġejjin: (a)
dikjarazzjonijiet korporattivi ta' klemenza; kif
ukoll (b)
sottomissjonijiet ta' ftehim. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li, għall-fini tal-azzjonijiet għad-danni, il-qrati
nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta'
evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet
il-proċedimenti tagħha jew tkun ħadet deċiżjoni
msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jew
fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003: (a)
l-informazzjoni li tħejjiet minn persuna
fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti
ta' awtorità tal-kompetizzjoni; (b)
l-informazzjoni li tfasslet minn awtorità
tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha. 3. id-divulgazzjoni tal-evidenza
fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda
mill-kategoriji elenkati fil-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu jista'
jiġi ordnat fl-azzjonijiet għad-danni fi kwalunkwe mument. Artikolu 7 Limiti għall-użu
tal-evidenza miksuba biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta'
awtorità tal-kompetizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-evidenza li taqa' taħt waħda mill-kategoriji
elenkati fl-Artikolu 6(1) li tinkiseb minn persuna fiżika jew
ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha ta'
difiża skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 jew
id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali, ma tkunx
ammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-evidenza li taqa' taħt waħda mill-kategoriji
elenkati fl-Artikolu 6(2) li tinkiseb minn persuna fiżika jew
ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża
skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, jew
id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali ma tkunx
ammissibbli fl-azzjonijiet għad-danni sakemm dik l-awtorità
tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha jew tkun
ħadet deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament
Nru 1/2003 jew fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-evidenza li tinkiseb minn persuna fiżika jew
ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta' awtorità
tal-kompetizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha
tad-difiża skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 jew
id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali, u li mhijiex
inadmissibbli skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu, tkun tista'
tintuża biss f'azzjoni għad-danni minn dik il-persuna jew
mill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur
tad-drittijiet tagħha, inkluża l-persuna li xtrat il-pretensjoni
tagħha. Artikolu 8 Sanzjonijiet 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq
partijiet, partijiet terzi u r-rappreżentanti legali tagħhom
fil-każ ta’: (a)
nuqqas jew rifjut li jikkonformaw ma’ ordni
tal-qorti ta’ divulgazzjoni; (b)
id-distruzzjoni ta' evidenza rilevanti,
bil-kundizzjoni li, fil-mument tad-distruzzjoni: (i) il-parti li tkun qed tagħmel
id-distruzzjoni kienet parti fil-proċedimenti ta' awtorità
tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-imġiba sottostanti fl-azzjoni
għad-danni; jew (ii) il-parti li tkun qed tagħmel
id-distruzzjoni kienet taf jew kellha b'mod raġonevoli tkun taf li kienet
tressqet azzjoni għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali u li l-evidenza
kienet rilevanti biex tissustanzja l-pretensjoni għad-danni jew
difiża kontriha; jew (iii) il-parti li tkun qed tagħmel
id-distruzzjoni kienet taf li l-evidenza kienet rilevanti
għall-azzjonijiet pendenti jew prospettivi għad-danni mressqa minnha
jew kontriha; (c)
in-nuqqas jew ir-rifjut li wieħed jikkonforma
ruħu mal-obbligi imposti minn ordni tal-qorti biex tipproteġi
informazzjoni kunfidenzjali; jew (d)
l-abbuż tad-drittijiet relatati
mad-divulgazzjoni tal-evidenza previsti f'dan il-Kapitolu, u tal-evidenza u
l-informazzjoni miksuba taħtu. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-qrati
nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u disważivi. Is-sanzjonijiet
disponsibbli għall-qrati nazzjonali għandhom jinkludu, safejn
għandha x’taqsam l-imġiba ta’ parti involuta fi proċedimenti ta’
azzjoni għad-danni, il-possibbiltà li jikkonkludu l-kontra bħal
pereżempju l-preżunzjoni li l-kwistjoni rilevanti kienet ippruvata
jew ma jilqgħux talbiet u difiżi kollha jew in parti, u l-possibbiltà
li jordnaw il-ħlas tal-ispejjeż. KAPITOLU III EFFETT TAD-DEĊIŻJONIJIET
NAZZJONALI, IL-PERJODI TA' PRESKRIZZJONI, L-OBBLIGAZZJONI IN SOLIDUM Artikolu 9 Effett tad-deċiżjonijiet
nazzjonali L-Istati Membri
għandhom jiżguraw li, fejn qrati nazzjonali jiddeċiedu,
f’azzjonijiet għad-danni, dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew
prassi skont l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat jew skont il-liġi
dwar il-kompetizzjoni li jkunu diġà s-suġġett ta’
deċiżjoni finali dwar ksur minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni
jew minn qorti tal-appell, dawn il-qrati ma jkunux jistgħu jieħdu
deċiżjonijiet li jmorru kontra t-tali sejba ta' ksur. Dan l-obbligu
huwa bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 267
tat-Trattat. Artikolu 10 Perjodi ta' preskrizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perjodi ta' preskrizzjoni
għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni skont dan l-Artikolu. Dawk
ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perjodu ta' preskrizzjoni,
it-tul ta' żmien tal-perjodu u ċ-ċirkustanzi li taħthom
il-perjodu jista' jiġi interrott jew sospiż. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni ma jibdiex jgħodd qabel ma
parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun taf, jew jista' jkun
raġonevolment mistenni li tkun taf: (i) bl-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur, (ii) bil-kwalifikazzjoni tat-tali imġiba
bħala ksur tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni; (iii) bil-fatt li l-ksur ikkawża
ħsara lilha, kif ukoll (iv) bl-identità tal-kontraventur li
kkawża t-tali ħsara. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jgħodd qabel
il-jum meta l-ksur kontinwu jew ripetut ikun waqaf. 4. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni
għad-danni huwa mill-inqas ħames snin. 5. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jekk
awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini
tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti fir-rigward ta' ksur li
miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni
għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur
tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor. Artikolu 11 Obbligazzjoni in solidum 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-impriżi li kisru l-liġi dwar il-kompetizzjoni
permezz ta' imġiba konġunta huma responsabbli in solidum
għad-dannu kkawżat mill-ksur: kull waħda mill-impriżi li
jkunu wettqu l-ksur huwa obbligat li jagħti kumpens sħiħ
għall-ħsara u l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tista'
titlob kumpens sħiħ minn kwalunkwe waħda minnhom sakemm tkun
ġiet ikkumpensata bis-sħiħ. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li impriża li tkun ingħatat l-immunità minn multi minn
awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza tkun obbligata lejn
il-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara għajr ix-xerrejja jew
il-fornituri diretti jew indiretti tagħha biss meta t-tali partijiet li
ġarrbu l-ħsara juru li ma jistgħux jiksbu kumpens
bis-sħiħ mill-impriżi l-oħra li kienu involuti fl-istess
ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li impriża li tkun wettqet ksur tista' tirkupra
kontribuzzjoni minn kwalunkwe impriża oħra li wettqet ksur u l-ammont
ta' din il-kontribuzzjoni jkun iddeterminat fid-dawl tar-responsabbiltà
relattiva tagħhom għall-ħsara kkawżata mill-ksur. L-ammont
tal-kontribuzzjoni ta' impriża li tkun ingħatat immunità mill-multi
minn awtorità tal-kompetizzjoni taħt programm ta' klemenza ma
għandhiex taqbeż l-ammont tal-ħsara li tkun ikkawżat
lix-xerrejja jew lill-fornituri diretti jew indiretti tagħha stess. 4. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li, sal-punt fejn il-ksur ikkawża ħsara lill-partijiet
li ġarrbu ħsara għajr ix-xerrejja jew il-fornituri diretti jew
indiretti tal-impriżi li wettqu l-ksur, l-ammont tal-kontribuzzjoni
tal-benefiċjarju tal-immunità jkun iddeterminat fid-dawl
tar-responsabbiltà relattiva tiegħu għal dik il-ħsara. KAPITOLU IV TRASFERIMENT TAL-ISPEJJEŻ ŻEJDA Artikolu 12 Difiża bbażata fuq
it-trasferiment 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-konvenut f'azzjoni għad-danni jista' jinvoka,
bħala difiża kontra talba għad-danni, il-fatt li l-pretendent
ittrasferixxa l-ispejjeż żejda kollha jew parti minnhom li
rriżultaw mill-ksur. Il-piż tal-provi li l-ispejjeż żejda
ġew trasferiti għandu jkun tal-konvenut. 2. Sakemm l-ispejjeż
żejda ġew trasferiti lil persuni fil-livell li jmiss tal-katina
tal-provvista li għalihom huwa legalment impossibbli li jitolbu għal
kumpens għall-ħsara tagħhom, il-konvenut ma għandux ikun
jista' jinvoka d-difiżia msemmija fil-paragrafu preċedenti. Artikolu 13 Xerrejja indiretti 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li meta f'azzjoni għad-danni l-eżistenza ta' talba
għad-danni jew l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata
jiddependu fuq jekk — jew sa liema punt — ġewx trasferiti l-ispejjeż
żejda lill-pretendent, il-piż tal-prova tal-eżistenza u l-ambitu
tat-tali trasferiment jaqa' fuq il-pretendent. 2. Fis-sitwazzjoni msemmija
fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ix-xerrej indirett għandu jitqies
li jkun ta prova li sar trasferiment fuqu meta jkun wera li: (a)
il-konvenut kiser il-liġi dwar
il-kompetizzjoni; (b)
il-ksur irriżulta fi spejjeż żejda
għax-xerrej dirett tal-konvenut; kif ukoll (c)
huwa jkun xtara l-oġġetti jew is-servizzi
li kienu s-suġġett tal-ksur jew xtara oġġetti jew servizzi
mnisslin minn jew fihom l-oġġetti jew is-servizzi li kienu
s-suġġett tal-ksur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-qorti jkollha s-setgħa li tikkalkola liema sehem ta' dawk
l-ispejjeż żejda ġie trasferit. Dan il-paragrafu huwa bla ħsara
għad-dritt tal-kontraventur li juri li l-ispejjeż żejda ma kinux
ġew trasferiti, jew mhux kollha, lix-xerrej indirett. Artikolu 14 Telf tal-profitt u ksur fil-livell
tal-provvista 1. Ir-regoli stabbiliti f'dan
il-Kapitolu huma bla ħsara għad-dritt ta' parti li tkun ġarrbet
ħsara li titlob għal kumpens għat-telf ta' profitt. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li r-regoli stipulati f’dan l-Artikolu japplikaw fejn il-ksur
tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandu x’jaqsam mal-provvista
tal-impriża li tkun wettqet il-ksur. Artikolu 15 Azzjonijiet għad-danni
mill-pretendenti f’livelli differenti tal-katina tal-provvista 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta' jekk il-piż tal-prova li
jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ikunx issodisfat,
il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni għad-danni jqisu
kif dovut (a)
l-azzjonijiet għad-danni li huma relatati
mal-istess ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, iżda li jitressqu
mill-pretendenti minn livell oħra tal-katina tal-provvista; jew (b)
is-sentenzi li jirriżultaw mit-tali
azzjonijiet. 2. Dan l-Artikolu huwa bla
ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 30
tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012. KAPITOLU V KWANTIFIKAZZJONI TAL-ĦSARA Artikolu 16 Kwantifikazzjoni tal-ħsara 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li fil-każ ta' ksur ta' kartell, jiġi preżunt li
l-ksur ikkawża ħsara. L-impriża li wettqet il-ksur għandu
jkollha d-dritt li tirrifjuta din il-preżunzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-piż u l-livell tal-provi u d-determinazzjoni tal-fatti
meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara ma tagħmilx
l-eżerċizzju tad-dritt tal-parti li ġarrbet il-ħsara
għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati
Membri għandhom jipprevedu li l-qorti tingħata s-setgħa li
tagħmel stima tal-ammont ta' ħsara. KAPITOLU VI SOLUZZJONI KUNSENSWALI GĦAT-TILWIM Artikolu 17 Effett sospensiv tas-soluzzjoni kunsenswali
għat-tilwim 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-perjodu ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' azzjoni
għad-danni jkun sospiż għat-tul ta' żmien tal-proċess
ta' soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. Is-sospensjoni tal-perjodu ta'
preskrizzjoni japplika biss fir-rigward ta' dawk il-partijiet li huma jew kienu
involuti fis-soluzzjoni kunsenswali għat-tilwim. 2. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet azzjoni
għad-danni jkunu jistgħu jissospendu l-proċedimenti jekk
il-partijiet f'dawk il-proċedimenti jkunu involuti f'soluzzjoni
kunsenswali għat-tilwim fir-rigward tal-pretensjoni koperta minn dik
l-azzjoni għad-danni. Artikolu 18 Effett tar-riżolvimenti
kunsenswali fuq azzjonijiet għad-danni sussegwenti 1. L-Istati Membri għandhom
jiżguraw li wara riżolviment kunsenswali, is-sehem tal-ħsara, li
l-ksur ikkawża lill-parti li ġarrbet il-ħsara,
tal-ko-kontraventur fir-riżolviment, jitnaqqas mill-pretensjoni tal-parti
fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara. Il-ko-kontraventuri
barra mir-riżolviment ma jistgħux jirkupraw il-kontribuzzjoni
mill-ko-kontraventur fir-riżolviment għall-pretensjoni li jkun
għad fadal. Biss meta l-ko-kontraventuri barra mir-riżolviment ma
jkunux jistgħu jħallsu d-danni li jikkorrispondu
għall-pretensjoni li jkun għad fadal, il-ko-kontraventur
fir-riżolviment jiġi obbligat li jħallas id-danni lill-parti
fir-riżolviment li tkun ġarrbet il-ħsara. 2. Fid-determinazzjoni
tal-kontribuzzjoni ta' kull ko-kontraventur, il-qrati nazzjonali għandhom
iqisu kif dovut kwalunkwe riżolviment kunsenswali preċedenti li
jinvolvi il-ko-kontraventur rilevanti. KAPITOLU VII DISPOŻIZZJONIJIET
FINALI Artikolu 19 Eżaminazzjoni Il-Kummissjoni għandha teżamina din
id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [...]
mill-aktar tard [għandha tkun ikkalkulata bħala 5 snin wara d-data
ffissata bħala skadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva] Artikolu 20 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw
ma' din id-Direttiva sa mill-aktar tard [għandha tkun ikkalkulata
bħala sentejn wara d-data ta' adozzjoni ta' din id-Direttiva].
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta'
dawk id-dispożizzjonijiet. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri,
dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew
għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-ħin
tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom
jistabbilixxu kif issir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din
id-Direttiva. Artikolu 21 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 22 Destinatarji Din
id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Strasburgu, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
LEĠIŻLATTIVA Din
il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE. [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003
tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli
tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat,
ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett
mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82
tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Il-kontenut
tagħhom ma nbidilx. [2] L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003,
rispettivament. [3] L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. [4] L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003. Ara
wkoll il-Każ 127/73, BRT v. SABAM, [1974] Ġabra 51,
paragrafu 16; Każ C-282/95 P, Guérin Automobiles v il-Kummissjoni,
[1997] Ġabra I-1503. paragrafu 39. [5] Ara l-Każ C-453/99, Courage u Crehan, [2001]
Ġabra I-6297; Każijiet Konġuti C-295/04 sa C-298/04, Manfredi,
[2006] Ġabra I-6619; Każ C-360/09, Pfleiderer AG v
Bundeskartellamt, [2011] Ġabra I-5161; u Każ C-199/11 il-Komunità
Ewropea v. Otis NV u oħrajn, [2012] Ġabra I-0000. [6] Manfredi, ara n-nota f’qiegħ
il-paġna 5, paragrafu 95. [7] Każ C-360/09, Pfleiderer AG v Bundeskartellamt,
[2011] Ġabra I-5161. [8] COM(2008) 165 final; ara wkoll id-Dokument ta'
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness mal-White Paper, SEC(2008) 404. [9] Konsultazzjoni pubblika “Lejn approċċ Ewropew
koerenti għar-rimedju kollettiv” (Towards a coherent European approach to
collective redress), ara http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_collective_redress/index_en.html. [10] Riżoluzzjoni tal-Kapijiet tal-Awtoritajiet Ewropej
tal-Kompetizzjoni tat-23 ta’ Mejju 2012, Protezzjoni
tal-materjal dwar il-klemenza fil-kuntest tal-azzjonijiet ċivili
għad-dannu, disponibbli fi: http://ec.europa.eu/competition/ecn/leniency_material_protection_en.pdf. [11] Ara r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew
tat-2 ta’ Frar 2012 dwar “Lejn approċċ Ewropew
Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (2011/2089(INI)): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0021+0+DOC+XML+V0//MT
u fir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI))
http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0031+0+DOC+XML+V0//MT. [12] COM(2005) 672 finali; ara wkoll id-Dokument ta' Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni anness mal-Green Paper, SEG(2005) 1732. [13] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet
għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust
(2008/2154(INI). [14] Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet
għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, ĠU C 228, 22.09.2009, p. 40. [15] Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika
tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI)). [16] ĠU C 101, 27,4.2004, p. 54. [17] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001
tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u
rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u
kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Dan ir-Regolament
reċentement ġie aġġornat bir-Regolament UE
Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u
r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili
u kummerċjali, ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1, li
fil-maġġoranza se jidħol fis-seħħ
fl-10 ta' Jannar 2015. [18] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001
tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati
Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali,
ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1. [19] Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi
applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II),
ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40. [20] Ir-Regolament
(KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea
għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199 , 31.07.2007, p. 1. [21] Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’
medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136,
24.5.2008, p. 3. [22] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004
tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri
mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU
L 123/18, 27.4.2004, p. 18. [23] L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli
tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont
l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57
tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ĠU
C 325/07, 22.12.2005, p. 7. [24] Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u
t-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta’ kartell, ĠU C 298,
08.12.2006, p. 17. [25] ĠU 2008/C 167/1. [26] Il-kummenti bil-miktub li rċeviet il-Kummissjoni
matul il-konsultazzjoni pubblika jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/green_paper_comments.html
(konsultazzjoni dwar il-Green Paper) u hawn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/white_paper_comments.html
(konsultazzjoni dwar il-White Paper). [27] Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9 hawn fuq. [28] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-2 ta' Frar 2012 dwar “Lejn Approċċ Ewropew
Koerenti għar-Rimedju Kollettiv”(2011/2089(INI)): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0021+0+DOC+XML+V0//MT. [29] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni, Lejn Qafas Ewropew Orizzontali għar-Rimedju Kollettiv,
COM(2013) 401 final. [30] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji
komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u
kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet
mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni, C(2013) 3539 final. [31] Konsultazzjoni pubblika dwar Abbozz ta’ Dokument ta’ Gwida
- Nikkwantifikaw il-ħsara fl-azzjonijiet ta’ kumpens għad-danni
bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat,
aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_actions_damages/index_en.html. [32] Is-sottomissjonijiet li waslu fil-konsultazzjoni pubblika
huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_actions_damages/index_en.html#contributions. [33] “Studju dwar il-kundizzjonijiet tal-pretensjonijiet
għad-danni fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni”
(Study on the conditions of claims for damages in case of infringement of EC
competition rules), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/study.html. [34] “Isiru aktar effettivi l-azzjonijiet għad-danni
tal-antitrust fl-UE: l-impatt fuq il-protezzjoni soċjali u x-xenarji
potenzjali” (Making antitrust damages actions more effective in the EU: welfare
impact and potential scenarios), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/files_white_paper/impact_study.pdf. [35] “Il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust - Lejn gwida
mhux vinkolanti għall-qrati” (Quantifying antitrust damages - Towards
non-binding guidance for courts), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/quantification_study.pdf. [36] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni,
Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, Azzjonijiet għad-danni għal ksur
tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, Strasburgu 11-6-2013, SWD(2013) 203 final. [37] Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5 hawn fuq. [38] Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 33 hawn fuq. [39] Ara aktar 'il quddiem fit-taqsima 4.1 hawn taħt. [40] Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003. [41] pereżempju fir-rigward tad-difiża bbażata
fuq it-trasferiment, ara t-taqsima 4.4 hawn taħt. [42] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 157, 30.04.2004, p. 45. [43] Ovvjament, l-istess limitazzjoni tapplika meta l-qrati
nazzjonali jordnaw id-divulgazzjoni ta’ dokumenti tal-kategorija (b) hawn fuq,
ladarba awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti
tagħha. [44] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004
tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri
mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU
L 123, 27.04.2004, p. 18. [45] L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn
il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni
tal-Artikoli 81 u 82 KE, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 54;
L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-aċċess
għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 u 82
tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u
r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ĠU C 325,
22.12.2005, p. 7. u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta'
proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu
adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli,
ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1. [46] Każ C-199/11 il-Komunità Ewropea v. Otis u
oħrajn, [2012] Ġabra I-0000. [47] Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar
il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi
kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 351, 20.12.2012,
p. 1. [48] “Il-kwantifikazzjoni tad-danni tal-antitrust - Lejn gwida
mhux vinkolanti għall-qrati” (Quantifying antitrust damages - Towards
non-binding guidance for courts), aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/actionsdamages/quantification_study.pdf,
p. 91. [49] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni
tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur
tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, C(2013) 3440. [50] ĠU C , , p. . [51] ĠU C , , p. . [52] ĠU L 1, 4.1.2003, p 1. B’effett
mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82
tat-Trattat tal-KE saru rispettivament l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.
Iż-żewġ gruppi ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi
fis-sustanza. [53] ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391. [54] ĠU L 174, 27,6.2001, p 1. [55] ĠU C 369, 17,12.2011, p. 14.