This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R1184
Commission Delegated Regulation (EU) 2025/1184 of 10 June 2025 amending Delegated Regulation (EU) 2016/1675 to add Algeria, Angola, Côte d’Ivoire, Kenya, Laos, Lebanon, Monaco, Namibia, Nepal and Venezuela to the list of high-risk third countries which have provided a written high-level political commitment to address the identified deficiencies and have developed an action plan with the FATF, and to remove Barbados, Gibraltar, Jamaica, Panama, the Philippines, Senegal, Uganda and the United Arab Emirates from that list
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 tal-10 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 tal-10 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista
C/2025/3815
ĠU L, 2025/1184, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1184/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
10/09/2025
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Modifies | 32016R1675 | Sostituzzjoni | anness punt I tabella | 05/08/2025 |
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Modified by | 32025R1393 | Żieda | artikolu 1a | 10/09/2025 |
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1184 |
16.7.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1184
tal-10 ta’ Ġunju 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni hija obbligata li tipproteġi b’mod effettiv l-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tidentifika pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) u b’hekk joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b’riskju għoli”). |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi. |
|
(3) |
Fil-kunsiderazzjoni tal-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
|
(4) |
Kif meħtieġ mill-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni disponibbli reċentement, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet pubbliċi reċenti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force - FATF), il-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Analiżi tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi individwali. |
|
(5) |
Mill-aħħar emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, l-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”. Fil-laqgħat plenarji tagħha fi Frar, Ġunju u Ottubru 2024 u fi Frar 2025, il-FATF żiedet l-Alġerija, l-Angola, il-Côte d’Ivoire, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela ma’ dik il-lista, u neħħiet lil Barbados, Ġibiltà, Ġamajka, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda minn dik il-lista. |
|
(6) |
L-Alġerija għamlet impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex taħdem mal-FATF u mat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (Middle East and North Africa Financial Action Task Force - MENAFATF), li hija l-korp reġjonali tat-tip tal-FATF tagħha (FATF-style regional body - FSRB), biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka (mutual evaluation report - MER) tagħha f’Mejju 2023, l-Alġerija għamlet progress fuq ħafna mill-azzjonijiet rakkomandati fil-MER inkluż billi segwiet b’mod aktar effettiv l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus (money laundering - ML). L-Alġerija ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha billi: ittejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju, speċjalment għal setturi b’riskju ogħla, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ proċeduri ġodda, valutazzjonijiet tar-riskju, manwali u linji gwida ta’ superviżjoni, kif ukoll twettaq spezzjonijiet u tapplika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; tiżviluppa qafas effettiv għall-informazzjoni bażika u dik dwar is-sjieda benefiċjarja; issaħħaħ ir-reġim tagħha ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (suspicious transaction reports - STR); tistabbilixxi qafas legali u istituzzjonali effettiv għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati (targeted financial sanctions - TFS) għall-finanzjament tat-terroriżmu (terrorism financing - TF); kif ukoll timplimenta approċċ abbażi tar-riskju għas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (non-profit organisations - NPOs), mingħajr ma tfixkel jew tiskoraġġixxi l-attività leġittima. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet l-Alġerija s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Alġerija għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Alġerija titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(7) |
L-Angola għamlet impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex taħdem mal-FATF u mall-Grupp kontra l-ħasil tal-flus tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (Eastern and Southern Africa Anti-Money Laundering Group - ESAAMLG), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Ġunju 2023, l-Angola għamlet progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni nazzjonali, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-użu tal-intelligence finanzjarja mill-awtoritajiet kompetenti. L-Angola ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tagħha billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF; ittejjeb is-superviżjoni abbażi tar-riskju ta’ entitajiet bankarji mhux finanzjarji u ta’ negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati (designated non-financial businesses and professions - DNFBPs); tara li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess adegwat, preċiż u f’waqtu għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u li l-ksur tal-obbligi jiġi indirizzat b’mod adegwat; tagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus; tagħti xhieda tal-kapaċità li jiġi identifikat, investigat u mħarrek it-TF; u turi li għandha proċess effettiv għall-implimentazzjoni tat-TFS mingħajr dewmien. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet l-Angola s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Angola għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Angola titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(8) |
F’Ottubru 2024 il-Kosta ta’ Avorju ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u mal-Grupp Intergovernimentali ta’ Azzjoni kontra l-Ħasil tal-Flus fl-Afrika tal-Punent (Groupe Intergouvernemental d’Action contre le Blanchiment d’Argent en Afrique de l’Ouest - GIABA), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Ġunju 2023, il-Kosta tal-Avorju għamlet progress fuq ħafna mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż billi saħħet il-qafas legali tagħha tal-AML/CFT permezz ta’ diversi emendi leġiżlattivi u regolatorji importanti, aġġornat l-analiżi tal-ML/TF billi abbozzat rapporti tipoloġiċi dwar l-ogħla reati predikati tar-riskju, saħħet ir-riżorsi umani u tekniċi tal-unità tal-intelligence finanzjarja (financial intelligence unit - FIU) u tal-prosekuturi, u operazzjonalizzat l-aġenzija inkarigata mill-ġestjoni tal-assi sekwestrati u kkonfiskati. Il-Kosta tal-Avorju ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tagħha billi: issaħħaħ l-użu tagħha tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML/TF; ittejjeb l-implimentazzjoni tas-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji u n-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati u t-twettiq ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex tittejjeb il-konformità; ittejjeb il-verifika u l-aċċess għall-informazzjoni bażika u dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ persuni ġuridiċi u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ ksur; issaħħaħ l-użu tal-intelligence finanzjarja mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u t-titjib tad-disseminazzjoni mill-FIU; tagħti xhieda ta’ żieda sostnuta fl-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ ML/TF ta’ tipi differenti f’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; u ssaħħaħ il-qafas tat-TFS. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Kosta tal-Avorju s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kosta tal-Avorju għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Kosta tal-Avorju titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(9) |
Il-Kenja għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mall-Grupp kontra l-ħasil tal-flus tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (Eastern and Southern Africa Anti-Money Laundering Group - ESAAMLG), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kenja ħadet passi biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tagħha, inkluż billi lestiet valutazzjoni tar-riskju tat-TF u billi ġabet il-qafas tat-TFS tagħha relatat mal-finanzjament tal-proliferazzjoni f’konformità. Il-Kenja se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: tippreżenta r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tal-ML/TF tagħha u valutazzjonijiet tar-riskju oħrajn b’mod konsistenti lill-awtoritajiet kompetenti u lis-settur privat u taġġorna l-istrateġiji nazzjonali tal-AML/CFT; ittejjeb tas-superviżjoni tal-AML/CFT abbażi tar-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji (financial institutions - FIs) u d-DNFBPs u tadotta qafas legali għal-liċenzjar u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali; issaħħaħ il-fehim tal-miżuri preventivi mill-FIs u d-DNFBPs, inkluż biex tiżdied il-preżentazzjoni tal-STR u tiġi implimentata t-TFS mingħajr dewmien; taħtar awtorità għar-regolamentazzjoni tat-trusts u l-ġbir ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju għall-ksur tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-persuni u l-arranġamenti ġuridiċi; ittejjeb l-użu u l-kwalità tal-prodotti tal-intelligence finanzjarja; iżżid l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML u tat-TF f’konformità mar-riskji; iġġib il-qafas tat-TFS konformi mar-Rakkomandazzjoni 6 tal-FATF u tara li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tagħha; u tirrevedi l-qafas għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-NPO biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ mitigazzjoni jkunu bbażati fuq ir-riskju u ma jfixklux jew jiskoraġġixxu l-attività leġittima tal-NPO. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Kenja s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kenja għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Kenja titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(10) |
Il-Laos għamel impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2025 biex jaħdem mal-FATF u mal-Grupp tal-Asja/il-Paċifiku kontra l-Ħasil tal-Flus (Asia/Pacific Group on Money Laundering - APG), li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Awwissu 2023, il-Laos għamel progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż biż-żieda fir-riżorsi tal-FIU u l-eliminazzjoni tal-ishma tal-portaturi. Il-Laos se jkompli taħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF; itejjeb is-superviżjoni abbażata tar-riskju tal-każinojiet, tal-banek u tal-entitajiet ta’ rapportar f’Żoni Ekonomiċi Speċjali, inklużi permezz ta’ kontrolli xierqa; itejjeb il-kwalità u l-kwantità tal-analiżi tal-intelligence finanzjarja u t-tixrid spontanju lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jara li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jirċievu taħriġ u gwida dwar il-ħasil tal-flus; jagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML f’konformità mal-profil tar-riskju tal-Laos, b’enfasi fuq reati b’element transnazzjonali li jeħtieġu kooperazzjoni internazzjonali; jiżviluppa politika nazzjonali ta’ konfiska konsistenti mar-riskji tal-ML/TF tiegħu; jagħti xhieda li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti qed jieħdu miżuri biex jidentifikaw, jissekwestraw u, fejn applikabbli, jikkonfiskaw ir-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità f’konformità mal-profil tar-riskju; jimmonitorja l-konformità tal-FI u tad-DNFBPs mat-TFS mal-obbligi tal-finanzjament tal-proliferazzjoni (proliferation financing - PF); kif ukoll jindirizza n-nuqqasijiet ta’ konformità teknika fir-Rakkomandazzjonijiet 5, 6, 7 u 10 tal-FATF. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel il-Laos s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Laos għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Laos jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(11) |
Il-Libanu għamel impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex jaħdem mal-FATF u mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja għal-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika (Middle East and North Africa Financial Action Task Force - MENAFATF), li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Mejju 2023, il-Libanu għamel progress fuq diversi azzjonijiet rakkomandati fl-MER u applika miżuri għas-settur finanzjarju tiegħu, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ ċirkolari għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jistabbilixxi dipartiment iddedikat għall-ġlieda kontra t-tixħim u r-reati relatati mal-korruzzjoni u gwida dwar persuni politikament esposti, filwaqt li ħa miżuri kontra attività finanzjarja mhux liċenzjata. Il-Libanu ser ikompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: Jevalwa r-riskji speċifiċi ta’ ML/TF identifikati fl-MER u jara li jkun hemm fis-seħħ politiki u miżuri biex jittaffew dawk ir-riskji; isaħħaħ il-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni f’waqtha u effettiva tat-talbiet għal assistenza legali reċiproka, l-estradizzjoni u l-irkupru tal-assi; isaħħaħ il-fehim tar-riskju tad-DNFBPs u japplika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi tal-AML/CFT; jara li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aġġornata u li jkun hemm fis-seħħ sanzjonijiet adegwati u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-persuni ġuridiċi; isaħħaħ l-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-prodotti tal-FIU u tal-intelligence finanzjarja; jagħti xhieda ta’ żieda sostnuta fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u s-sentenzi tal-qorti għat-tipi ta’ ML f’konformità mar-riskju; itejjeb l-approċċ tiegħu għall-irkupru tal-assi u jidentifika u jissekwestra movimenti transfruntiera illeċiti ta’ muniti u metalli u ħaġar prezzjużi; iwettaq investigazzjonijiet tat-TF u jaqsam l-informazzjoni relatata ma’ dawn l-investigazzjonijiet ma’ sħab barranin kif mitlub fl-MER; isaħħaħ l-implimentazzjoni tat-TFS mingħajr dewmien, b’mod partikolari fid-DNFBPs u ċerti istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; kif ukoll jagħmel monitoraġġ immirat u abbażi tar-riskju tal-NPOs ta’ riskju għoli, mingħajr tfixkil jew skoraġġiment tal-attivitajiet leġittimi NPO. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel il-Libanu s’issa, minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti li joffru sfida, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Libanu għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Libanu jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(12) |
F’Ġunju 2024, Monaco għamel impenn politiku ta’ livell għoli lill-FATF u lill-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa (MONEYVAL), li hija l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Diċembru 2022, Monaco għamel progress sinifikanti f’diversi azzjonijiet rakkomandati fl-MER, inkluż billi stabbilixxa superviżur ġdid ikkombinat tal-FIU u tal-AML/CFT, saħħaħ l-approċċ tiegħu għad-detezzjoni u l-investigazzjoni tat-TF, implimenta t-TFS u wettaq superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-NPOs. Monaco se jkompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu billi: isaħħaħ il-fehim tar-riskju fir-rigward tal-ML u tal-frodi tat-taxxa fuq l-introjtu mwettqa barra mill-pajjiż; jagħti xhieda ta’ żieda sostnuta f’talbiet ħerġin biex jiġi identifikat u mfittex il-qbid ta’ assi kriminali barra mill-pajjiż; isaħħaħ l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet għall-ksur tal-AML/CFT u l-ksur tar-rekwiżiti bażiċi u tas-sjieda benefiċjarja; ilesti l-programm ta’ riżorsi tiegħu għall-FIU tiegħu u jsaħħaħ il-kwalità u l-puntwalità tar-rapportar tal-STR; isaħħaħ l-effiċjenza ġudizzjarja, inkluż permezz ta’ żieda fir-riżorsi għall-imħallfin u l-prosekuturi investigattivi u japplika sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ML; kif ukoll jara li jkun hemm żieda fil-qbid ta’ proprjetà suspettata li tirriżulta minn attivitajiet kriminali. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel Monaco s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li Monaco għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li Monaco jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(13) |
In-Namibia għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mal-ESAAMLG, li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, in-Namibja ħadet passi biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tagħha, inkluż billi saħħet ir-riżorsi tal-FIU iddedikati kemm għar-responsabbiltajiet ta’ superviżjoni tagħha kif ukoll għall-analiżi operazzjonali u strateġika, u żiedet ir-riżorsi finanzjarji u umani tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi (law enforcement agencies - LEAs) iddedikati għat-TF. In-Namibja se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: issaħħaħ is-superviżjoni tagħha bbażata fuq ir-riskju tal-AML/CFT permezz tat-twettiq ta’ spezzjonijiet mhux fuq il-post u fuq il-post imsaħħa permezz ta’ għodod superviżorji ta’ valutazzjoni tar-riskju u bl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi tal-AML/CFT; issaħħaħ il-miżuri preventivi permezz ta’ spezzjonijiet u sensibilizzazzjoni biex jiġi żgurat li l-FIs u d-DNFBPs japplikaw miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta kif ukoll obbligi tat-TFS relatati mat-TF u mal-PF mingħajr dewmien; iżżid il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ persuni u arranġamenti ġuridiċi, u l-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra ksur tal-konformità mal-obbligi tas-sjieda benefiċjarja; ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-FIU u l-LEAs biex jissaħħu l-użu u l-integrazzjoni tal-intelligence finanzjarja fl-investigazzjonijiet; issaħħaħ il-kapaċitajiet operazzjonali tal-awtoritajiet involuti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML billi dawn l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’riżorsi adegwati u taħriġ immirat; kif ukoll tagħti xhieda tal-kapaċitajiet tal-LEAs li jinvestigaw każijiet ta’ ML/TF u jagħmlu prosekuzzjoni b’mod effettiv tagħhom. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet in-Namibia s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-Namibia għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li n-Namibja titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(14) |
In-Nepal għamel impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2025 biex jaħdem mal-FATF u mal-APG li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Awwissu 2023, in-Nepal għamel progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż razzjonalizzazzjoni tat-talbiet ta’ MLA u żieda fil-kapaċitajiet tal-FIU. In-Nepal se jkompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: itejjeb il-fehim tiegħu tar-riskji ewlenin tal-ML/TF; itejjeb is-superviżjoni abbażi tar-riskju tal-banek kummerċjali, il-kooperattivi b’riskju ogħla, il-każinojiet, in-negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjużi, u s-settur tal-proprjetà immobbli; jagħti xhieda li qiegħed jidentifika u jissanzjona servizzi ta’ trasferiment ta’ flus jew ta’ valur/fornituri ta’ servizzi hundi materjalment sinifikanti, mingħajr ma tiġi mfixkla l-inklużjoni finanzjarja; iżid il-kapaċità u l-koordinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjonijiet tal-ML; jagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML; jagħti xhieda li qiegħed jieħu miżuri biex jidentifika, jittraċċa, jirrestrinġi, jissekwestra u, fejn applikabbli, jikkonfiska r-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità f’konformità mal-profil tar-riskju; kif ukoll jindirizza n-nuqqasijiet ta’ konformità teknika fir-reġim ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati tiegħu għal TF u PF. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel in-Nepal s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-Nepal għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li n-Nepal jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(15) |
Il-Venezwela għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja għall-Karibew (Caribbean Financial Action Task Force - CFATF), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Il-Venezwela se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF, inkluż fir-rigward tat-TF u tal-persuni u l-arranġamenti ġuridiċi; tara li l-firxa sħiħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u DNFBPs ikunu soġġetti għal miżuri tal-AML/CFT u superviżjoni bbażata fuq ir-riskju; tara li informazzjoni adegwata, preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-ħin; issaħħaħ ir-riżorsi tal-FIU u ttejjeb l-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-intelligence finanzjarja; issaħħaħ l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ML u t-TF; tara li tieħu miżuri għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-NPOs għat-TF li jkunu mmirati, proporzjonati u abbażi tar-riskju u ma jkunux ifixklu jew jiskoraġġixxu attivitajiet leġittimi fis-settur tan-NPO; kif ukoll li timplimenta TFS relatati ma’ TF u PF mingħajr dewmien. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Venezwela s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Venezwela għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Venezwela titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela għandhom jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mat-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni rrieżaminat il-progress li sar mill-Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT rispettivi tagħhom. Dawk il-ġuriżdizzjonijiet li ġew identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 tneħħew mil-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud” f’Ottubru 2023 (il-Panama), fi Frar 2024 (Barbados, Ġibiltà, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda), f’Ġunju 2024 (il-Ġamajka), f’Ottubru 2024 (is-Senegal) u fi Frar 2025 (il-Filippini). |
|
(18) |
L-FATF laqgħet b’mod pożittiv il-progress sinifikanti li sar mill-Barbados, Ġibiltà (3), il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda fit-titjib tar-reġimi tagħhom ta’ AML/CFT. L-FATF innotat ukoll li dawk il-ġurisdizzjonijiet stabbilew oqfsa legali u regolatorji biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Għaldaqstant, Barbados, Ġibiltà, il-Ġamakja, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda ma għadhomx soġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF fl-ambitu tal-proċess ta’ konformità globali tagħha dwar l-AML/CFT u se jkomplu jaħdmu mal-korpi reġjonali tat-tip FATF tagħhom biex ikomplu jsaħħu r-reġimi tal-AML/CFT tagħhom. |
|
(19) |
Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda saħħew l-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u indirizzaw in-nuqqasijiet tekniċi biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda ma għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom. Għalhekk jixraq li Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew mit-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675. |
|
(20) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fil-punt I, it-tabella hija sostitwita bit-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1675/oj).
(3) Bla ħsara għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.
ANNESS
|
“Nru |
Pajjiż terz b’riskju kbir |
|
1 |
L-Afganistan |
|
2 |
L-Alġerija |
|
3 |
L-Angola |
|
4 |
Il-Burkina Faso |
|
5 |
Il-Kamerun |
|
6 |
Il-Kosta tal-Avorju |
|
7 |
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo |
|
8 |
Il-Haiti |
|
9 |
Il-Kenja |
|
10 |
Il-Laos |
|
11 |
Il-Libanu |
|
12 |
Il-Mali |
|
13 |
Monaco |
|
14 |
Il-Mozambique |
|
15 |
Il-Myanmar |
|
16 |
In-Namibja |
|
17 |
In-Nepal |
|
18 |
In-Niġerja |
|
19 |
L-Afrika t’Isfel |
|
20 |
Is-Sudan t’Isfel |
|
21 |
Is-Sirja |
|
22 |
It-Tanzanija |
|
23 |
Trinidad u Tobago |
|
24 |
Vanuatu |
|
25 |
Il-Venezwela |
|
26 |
Il-Vjetnam |
|
27 |
Il-Jemen.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1184/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)