Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0985

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 tat-12 ta' Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/721

    ĠU L 182, 18.7.2018, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/985/oj

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 182/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/985

    tat-12 ta' Frar 2018

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 19(6) u 20(8), 28(6) u 53(12) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara li kkunsidrat l-istrateġija Ewropea dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (2), ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali u tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni tagħhom jenħtieġ li jimmiraw biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-vetturi u fl-istess ħin isaħħu l-kompetittività tal-industrija tal-vetturi tal-Unjoni.

    (2)

    Jenħtieġ tnaqqis konsiderevoli fl-emissjonijiet tal-idrokarburi mill-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u jkun hemm konformità mal-valuri ta' limitu għat-tniġġis. Dan l-objettiv jenħtieġ li jinkiseb mhux biss bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-idrokarburi mill-egżost jew dawk evaporattivi minn dawn il-vetturi, imma wkoll billi jitnaqqsu l-livelli tal-partikoli volatili.

    (3)

    Minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) – dwar il-kategoriji tal-magni, il-limiti tal-emissjonijiet tal-egżost, iċ-ċikli tat-test, il-perjodi ta' durabbiltà tal-emissjonijiet, ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet tal-egżost, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' magni fis-servizz u t-twettiq ta' kejl u testijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-approvazzjoni tat-tip tal-UE bikrija u l-kummerċjalizzazzjoni ta' magni tal-Istadju V – għall-prestazzjoni ambjentali ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jkopru l-aspetti li jifdal ta'approvazzjoni bħal din jenħtieġ li jiġu mmudellati mill-qrib fuq dawk li jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/1628.

    (4)

    Għall-finijiet tal-istadju tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni għall-magni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, magħruf bħala l-“Istadju V”, li se jieħu post dak stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (4) jenħtieġ li jiġu ffissati limiti ambizzjużi għall-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu f'għamla ta' gass u ta' materja partikolata filwaqt li jsir allinjament mal-istandards internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' materja partikolata u ta' prekursuri tal-ożonu, bħalma huma l-ossidi tan-nitroġenu u l-idrokarburi.

    (5)

    Jenħtieġ metodu standardizzat għall-kejl tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-magni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, biex jiġi żgurat li ma jinħolqux ostakli tekniċi għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għall-istess raġuni, jixraq ukoll li jiġi żgurat li l-klijenti u l-utenti jingħataw informazzjoni oġġettiva u preċiża dwar l-istess suġġetti.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda mqiegħda fis-suq jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, it-tagħmir u l-parts li jistgħu jiġu mmuntati fuq il-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u li jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti l-funzjonament tas-sistemi li huma essenzjali f'termini tal-protezzjoni ambjentali jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kontroll minn qabel minn awtorità tal-approvazzjoni qabel ma jitqiegħdu fis-suq. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti li dawk il-parts jew dak it-tagħmir iridu jikkonformaw magħhom.

    (7)

    Il-progress tekniku u l-livell għoli ta' protezzjoni ambjentali jirrikjedu rekwiżiti tekniċi għall-introduzzjoni tal-Istadju V fir-rigward tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, li jissostitwixxi l-istadji preċedenti tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96. Ir-rekwiżiti tekniċi meħtieġa, b'mod partikolari dwar il-kategoriji tal-magni, il-valuri ta' limitu u d-dati tal-implimentazzjoni f'dan ir-Regolament, jenħtieġ ikunu allinjati ma' dawk fir-Regolament (UE) 2016/1628.

    (8)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (5), l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u parts li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”). Fil-Komunikazzjoni tagħha “CARS 2020: Pjan ta' Azzjoni għall-industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa” (6), il-Kummissjoni enfasizzat li l-aċċettazzjoni tar-regolamenti internazzjonali skont il-Ftehim tan-NU/KEE tal-1958 huwa l-aħjar mod biex jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ. Għalhekk, jenħtieġ li jintużaw ir-referenzi għar-regolamenti korrispondenti tan-NU/KEE, meta jkun xieraq, għall-finijiet li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Din il-possibbiltà hija prevista fir-Regolament (UE) Nru 167/2013.

    (9)

    Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, jenħtieġ li jintużaw ir-regolamenti tan-NU/KEE fuq bażi indaqs bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni, mhux biss tar-rekwiżiti tekniċi, iżda wkoll tal-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri amministrattivi. Jentħtieġ li l-approvazzjoni tat-tip tkun direttament ibbażata fuq standards maqbula internazzjonalment billi dak l-approċċ jista' jtejjeb l-aċċess għas-suq fil-pajjiżi terzi, b'mod partikolari f'dawk li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958, u b'hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

    (10)

    Jenħtieġ li jkun possibbli għall-magni li, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma kinux soġġetti għal approvazzjoni tat-tip relatata ma' emissjonijiet ta' inkwinanti fil-livell tal-Unjoni u għal vetturi mgħammra b'tali magni li jitqiegħdu fis-suq sad-dati obbligatorji tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 għat-tqegħid fis-suq tal-kategorija ta' magni korrispondenti, bil-kundizzjoni li dawn jikkonformaw mar-regoli nazzjonali applikabbli.

    (11)

    Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistipulax rekwiżiti tekniċi li ma jistgħux raġonevolment jiġu sodisfatti fil-ħin. L-industrija jenħtieġ li tingħata żmien biżżejjed fir-rigward tal-applikazzjoni ta' tal-limiti tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu tal-Istadju V lill-magni għall-agrikoltura u għall-forestrija. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali li jippermettu l-għoti ta' approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u l-eżenzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament tul perjodu ta' żmien limitat. B'mod partikolari, huwa meħtieġ li tiġi permessa, għal perjodu limitat ta' żmien, l-applikazzjoni tal-istadji tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni ta' qabel l-Istadju V b'mod parallel ma' dan tal-aħħar minħabba d-diffikultajiet tekniċi li għandhom ċerti kategoriji ta' vetturi, prinċipalment tratturi b'karreġġjata dejqa, biex jikkonformaw mal-limiti tal-Istadju V mid-dati ta' applikazzjoni obbligatorji tar-Regolament (UE) 2016/1628 għat-tqegħid fis-suq tal-magni.

    (12)

    Sabiex jittieħed kont tal-limiti fuq il-provvista loġistika u biex ikun jista' jkun hemm fluss produttiv “eżatt fil-ħin”, u biex jiġu evitati spejjeż u piż amministrattiv bla bżonn, jenħtieġ li manifattur, bil-kunsens tal-manifattur tal-vettura oriġinali, ikun jista' jagħmel konsenja ta' magna abbażi ta' tip approvat separatament mis-sistema ta' posttrattament tal-egżost tagħha.

    (13)

    Id-dispożizzjonijiet dwar l-istadji tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni qabel l-Istadju V huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-tip jew it-tqegħid fis-suq ta' tratturi, jenħtieġ li japplikaw biss sad-dati obbligatorji tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-magni jew għat-tqegħid tagħhom fis-suq, rispettivament, jew lil hinn minn dawk id-dati skont id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/96 jiġi mħassar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi

    (a)

    ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati, dwar il-prestazzjoni ambjentali u tal-unità ta' propulsjoni u l-livelli permissibbli tal-ħoss estern għall-approvazzjoni ta':

    (i)

    vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija,

    (ii)

    magni fir-rigward tal-installazzjoni tagħhom u l-impatt li din ikollha fuq il-prestazzjoni tal-magna,

    (iii)

    is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom; u

    (b)

    il-proċeduri tat-test meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a).

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti dettaljati fir-rigward tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-konformità tal-produzzjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “magna” tfisser konvertitur tal-enerġija, għajr turbina tal-gass, iddisinjat biex jibdel l-enerġija kimika (input) fl-enerġija mekkanika (output) bi proċess ta' kombustjoni interna; tinkludi, meta jkunu ġew installati, is-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet u l-interfaċċja tal-komunikazzjoni (hardware u messaġġi) bejn l-unità elettronika/unitajiet elettroniċi ta' kontroll tal-magna u kwalunkwe sistema oħra tal-motopropulsjoni jew unità oħra għall-kontroll tal-vettura li tkun meħtieġa għall-konformità mal-Kapitoli II u III tar-Regolament (UE) 2016/1628;

    (2)

    “tip ta' magna” tfisser grupp ta' magni li ma jkunux differenti fil-karatteristiċi essenzjali tal-magna;

    (3)

    “familja ta' magni” tfisser grupp ta' tipi ta' magni ta' fabbrikant li, minħabba d-disinn tagħhom, ikollhom karatteristiċi simili fir-rigward tal-emissjonijiet tal-egżost, u li jirrispettaw il-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet applikabbli;

    (4)

    “magna referenzjarja” tfisser tip ta' magna magħżula minn familja ta' magni b'tali mod li l-karatteristiċi tal-emissjonijiet tagħha jkunu rappreżentattivi ta' dik il-familja ta' magni;

    (5)

    “magna ta' sostituzzjoni” tfisser magna li tissodisfa ż-żewġ kriterji li ġejjin:

    (a)

    tintuża esklużivament biex tissostitwixxi magna li diġà tqiegħdet fis-suq u li ġiet installata fuq vettura agrikola u forestali;

    (b)

    tkun konformi ma' stadju tal-emissjonijiet li huwa aktar baxx minn dak applikabbli fid-data tas-sostituzzjoni tal-magna;

    (6)

    “potenza netta” tfisser il-potenza tal-magna f'kW miksuba fuq bank tat-testijiet fit-tarf tal-krankxaft, jew l-ekwivalenti tiegħu, imkejla f'konformità mal-metodu li jintuża għall-kejl tal-potenza tal-magni interna kif speċifikat fir-Regolament tan-NU/KEE Nru 120 (7) bl-użu ta' fjuwil referenzjarju jew taħlita ta' fjuwils kif speċifikat fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628;

    (7)

    “magna ta' tranżizzjoni” tfisser magna li jkollha data tal-produzzjoni tal-magna li tkun qabel id-data stabbilita fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' magni ta' Stadju V u li tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    tkun konformi mal-aħħar limiti tal-emissjonijiet applikabbli definiti fil-leġiżlazzjoni rilevanti applikabbli fl-20 ta' Lulju 2018;

    (b)

    taqa' f'medda ta' potenza, jew tintuża jew maħsuba biex tintuża f'applikazzjoni li ma kinitx soġġetta għal approvazzjoni tat-tip relatata mal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/96 fl-20 ta' Lulju 2018;

    (c)

    Hija magna fil-medda tal-potenza 56–130 kW, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istadju IIIB u installata jew maħsuba biex tiġi installata fi trattur tal-kategoriji T2, T4.1 jew C2;

    (8)

    “sistema ta' posttrattament tal-egżost” tfisser katalizzatur, filtru tal-partikoli, sistema deNOx, sistema kkombinata ta' filtru tal-partikoli deNOx jew kwalunkwe mezz ieħor li jnaqqas l-emissjonijiet, bl-eċċezzjoni tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost u t-turboċarġers, li huwa parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, iżda li jiġi installat 'l isfel mill-iżbokki tal-egżost tal-magna;

    (9)

    “apparat għat-tnaqqis tal-ħoss estern” tfisser il-komponenti, is-sistema jew l-unità teknika separata li huma parti mill-egżost u s-sistema tas-silenzjatur, inkluż is-sistema tal-egżost, is-sistema tad-dħul tal-arja, is-silenzjatur jew kwalunkwe sistema, komponent jew unità teknika separata b'rilevanza għal-livelli permissibbli tal-ħoss estern li tipproduċi vettura agrikola jew forestali, ta' tip imwaħħal mal-vettura fil-waqt tal-approvazzjoni tat-tip jew tal-estensjoni tal-approvazzjoni-tat-tip;

    (10)

    “magna SI” tfisser magna li taħdem fuq il-prinċipju tqabbid bl-ispark (“SI”);

    (11)

    “ċinga forma ta' ċinturin” tfisser ċinga flessibbli kontinwa, magħmula minn materjal bħal-lastku, rinfurzata internament biex tippermetti l-forzi trattivi;

    (12)

    “ċinga forma ta' katina” tfisser katina metallika kontinwa li taqbad fuq ir-rota motorizzata u li fiha kull ħolqa għandha paletta trażversali tal-metall, li tista' tkun mgħottija bi strippa tal-lastku għall-protezzjoni tal-wiċċ tat-triq.

    (13)

    “magna fis-servizz” tfisser magna mħaddma f'vettura agrikola u forestali fil-kundizzjonijiet u l-piżijiet tat-tagħbija normali ta' tħaddim tagħha, u li tintuża biex isiru t-testijiet ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628;

    (14)

    “potenza netta massima” tfisser l-ogħla valur tal-potenza netta fuq il-kurva nominali tal-potenza b'tagħbija sħiħa għat-tip ta' magna;

    (15)

    “data tal-produzzjoni tal-magna” tfisser id-data, mogħtija bħala x-xahar u s-sena, meta l-magna tgħaddi mill-verifika finali, wara li tkun ħalliet il-linja tal-produzzjoni, u tkun lesta biex tiġi konsenjata jew issir disponibbli għall-konsenja;

    (16)

    “data tal-produzzjoni tal-vettura” tfisser ix-xahar u s-sena li fih vettura agrikola u forestali tgħaddi mill-verifika finali wara li tkun ħalliet il-linja tal-produzzjoni u li huma indikati fuq il-marka statutorja ta' dik il-vettura;

    (17)

    “utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, għajr il-manifattur, il-manifattur tal-vettura, l-importatur jew id-distributur, li hija responsabbli mit-tħaddim tal-magna installata f'vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija;

    (18)

    “riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost” jew “EGR” tfisser mezz tekniku li hija parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet u li tnaqqas l-emissjonijiet billi tidderieġi l-gassijiet tal-egżost li jkunu ħarġu mill-kompartiment(kompartimenti) tal-kombustjoni lura fil-magna sabiex jitħalltu mal-arja li tidħol qabel jew waqt il-kombustjoni, ħlief għall-użu ta' valve timing sabiex jiżdied l-ammont ta' gass tal-egżost residwu fil-kamra(kmamar) tal-kombustjoni li jitħallat mal-arja li tidħol qabel jew waqt il-kombustjoni;

    (19)

    “tbagħbis” tfisser diżattivazzjoni, aġġustament jew modifika tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, inkluż kwalunkwe software jew element loġiku ieħor ta' kontroll ta' tali sistema, li jkollu l-effett, intenzjonat jew le, li jdgħajjef il-prestazzjoni tal-magna fir-rigward tal-emissjonijiet;

    (20)

    “tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis” tfisser komponent, sistema jew unità teknika separata li jkunu parti mis-sistema għall-posttrattament tal-emissjonijiet tal-egżost

    (21)

    “dħul inizjali fis-servizz” tfisser:

    (a)

    meta r-reġistrazzjoni ta' vetturi agrikoli jew tal-foresti tkun obbligatorja, l-ewwel reġistrazzjoni fi Stat Membru;

    (b)

    meta r-reġistrazzjoni ta' vetturi agrikoli jew forestali tkun obbligatorja biss għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq jew mhijiex obbligatorja fi Stat Membru, it-tqegħid fis-suq.

    KAPITOLU II

    REKWIŻITI SOSTANTIVI

    Artikolu 3

    Emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu

    Il-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni installati fuqhom ikunu ddisinjati, mibnija u mmuntati b'tali mod li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kategoriji ta' magni NRE jew NRS stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tiegħu, bl-adattamenti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament; ir-rekwiżiti speċifiċi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu wkoll irrispettati.

    Alternattivament, il-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni installati fuqhom jistgħu jkunu ddisinjati, mibnija u mmuntati b'tali mod li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kategorija ta' magni ATS stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tiegħu, bl-adattamenti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, meta tali vetturi jkunu mgħammra b'magna SI u jissodisfaw waħda iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Ikunu mgħammra b'sarġ u manubriju;

    (b)

    ikunu mgħammra bi stering u b'sits f'forma ta' bank jew b'sits individwali f'ringiela waħda jew aktar u jilħqu veloċità massima ddisinjata ta' iktar minn jew ugwali għal 25 km/h.

    Ir-rekwiżiti speċifiċi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu rrispettati wkoll.

    Artikolu 4

    Livelli tal-ħoss estern

    Sabiex jiġi ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, il-manifattur għandu jiżgura li l-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom li jistgħu jaffettwaw il-livelli tal-ħoss estern tal-vettura jiġu ddisinjati, mibnija u armati, u li l-livelli tal-ħoss estern tagħhom jiġu mkejla sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

    Artikolu 5

    Prestazzjoni tal-propulsjoni

    Għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, għandu jittieħed kejl tal-potenza netta, tat-torque tal-magna u tal-konsum speċifiku tal-fjuwil mill-manifattur skont il-paragrafu 5 tar-Regolament tan-NU/KEE Nru 120, is-serje 01 ta' emendi. Matul il-kejl, il-preżenza tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni jew ir-rappreżentanti tas-servizz tekniku mhijiex meħtieġa.

    Minflok iwettaq il-kejl stabbilit fl-ewwel paragrafu, il-manifattur tal-vettura jew tal-magna jista' jattesta l-konformità mar-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu billi jippreżenta, lill-awtorità tal-approvazzjoni, approvazzjoni maħruġa skont ir-Regolament tan-NU/KEE Nru 120, is-serje 01 ta' emendi.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP

    Artikolu 6

    Approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' vettura agrikola u forestali fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu

    1.   Approvazzjoni tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 għandha tingħata biss lil vettura agrikola u forestali, meta din tikkonforma mar-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu stipulati fir-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tiegħu bl-adattamenti stipulati fil-Parti 1 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament; ir-rekwiżiti speċifiċi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu wkoll irrispettati.

    2.   Minbarra r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/504 (8), applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' tip ta' vettura għall-agrikoltura u għall-forestrija b'tip jew familja ta' magni approvat għandha tkun akkumpanjata minn kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE jew ċertifikat tal-approvazzjoni maħruġ skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament għat-tip ta' magna jew għall-familja ta' magni u, jekk applikabbli, għas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati li jkunu installati fuq il-vetturi agrikola u forestali.

    3.   Minbarra r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/504, applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' tip ta' vettura agrikola u forestali mingħajr tip jew familja ta' magni approvati għandha tkun akkumpanjata minn dokument ta' informazzjoni relatat mal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' tip ta' (jew tip ta' vettura fir-rigward ta') installazzjoni ta' sistema ta' magni jew ta' familja ta' magni skont l-Appendiċi 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/504 u dokument ta' informazzjoni relatat mal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' magna, familja ta' magni bħala komponent jew unità teknika separata skont l-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/504.

    Għall-finijiet ta' din l-applikazzjoni, il-manifattur għandu jressaq quddiem is-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, magna ta' vettura agrikola u forestali li tikkonforma mal-karatteristiċi tat-tip ta' magna jew, fejn applikabbli, tal-magna referenzjarja.

    Artikolu 7

    Approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' magna jew ta' familja ta' magni fir-rigward tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu

    Approvazzjoni tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 għandha tingħata biss għal tip ta' magna jew familja ta' magni jekk tikkonforma mar-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu stipulati fir-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tiegħu bl-adattamenti stipulati fil-Parti 1 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament; ir-rekwiżiti speċifiċi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu wkoll irrispettati. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip għandha tkun akkumpanjata mill-folder tal-informazzjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/504.

    Artikolu 8

    Approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' vettura agrikola u forestali fir-rigward tal-livelli ta' ħoss estern

    1.   Approvazzjoni tat-tip tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 għandha tingħata biss għal vettura agrikola u forestali meta din tikkonforma mar-rekwiżiti fir-rigward tal-livelli tal-ħoss estern stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 u fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    2.   Is-servizzi tekniċi għandhom ikejlu l-livell tal-ħoss estern tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategorija T mgħammra b'tajers pnewmatiċi u tal-kategorija C mgħammra b'ċineg forma ta' ċinturin, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip, skont il-kundizzjonijiet u l-metodi tat-test stabbiliti fil-punt 1.3.1 tal-Anness II.

    3.   Is-servizzi tekniċi għandhom ikejlu l-livell tal-ħoss estern tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija wieqfa tal-kategoriji T u C mgħammra b'ċineg forma ta' ċinturin, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip, skont il-kundizzjonijiet u l-metodi tat-test stabbiliti fil-punt 1.3.2 tal-Anness II. Għandhom jirreġistraw ir-riżultati b'konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 1.3.2.4 tal-Anness II.

    4.   Is-servizzi tekniċi għandhom ikejlu l-livell tal-ħoss estern tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategorija C mgħammra b'ċineg forma ta' ċinturin, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip, skont il-kundizzjonijiet u l-metodi tat-test stazzjonarju stabbiliti fil-punt 1.3.2 tal-Anness II.

    5.   Is-servizzi tekniċi għandhom ikejlu l-livell tal-ħoss estern tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategorija C mgħammra b'ċineg forma ta' ċinturin huma u mexjin, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip, skont il-kundizzjonijiet u l-metodi tat-test stabbiliti fil-punt 1.3.3 tal-Anness II. Għandhom jirreġistraw ir-riżultati.

    6.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip għandha tkun akkumpanjata mill-folder tal-informazzjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/504.

    Artikolu 9

    Estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE

    L-approvazzjoni tat-tip tal-UE rigward ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-livell ta' ħoss estern tista' tiġi estiża mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip għal varjanti tal-vetturi, verżjonijiet u tipi u familji differenti ta' magni, diment li l-parametri ta' dawk il-varjanti tal-vetturi, il-verżjonijiet, it-tipi u l-familji ta' magni differenti jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u r-rekwiżiti tal-livelli tal-ħoss estern stabbiliti fl-Artikolu 19(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013.

    Artikolu 10

    Bidliet sussegwenti li jaffettwaw il-prestazzjoni ambjentali u tal-propulsjoni

    Il-manifattur għandu jinnotifika lill-awtorità tal-approvazzjoni mingħajr dewmien kull modifika lis-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati li tista' taffettwa l-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni għall-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tat-tip approvat imqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013.

    In-notifika msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

    (a)

    evidenza li l-bidliet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma jiddeterjorawx il-prestazzjoni ambjentali ta' vettura f'relazzjoni mal-prestazzjoni ambjentali muri waqt l-approvazzjoni tat-tip.

    (b)

    deskrizzjoni tat-tip ta' magni jew tal-familja ta' magni, inkluża s-sistema ta' posttrattament tal-egżost, skont l-Artikolu 11 u l-Anness IX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/656 (9);

    (c)

    informazzjoni skont l-Appendiċi 2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/504.

    KAPITOLU IV

    EKWIVALENZA

    Artikolu 11

    Ekwivalenza tal-approvazzjonijiet tat-tip alternattivi

    1.   L-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u l-marki statutorji korrispondenti ta' tipi ta' magni jew familji ta' magni mogħtija fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2016/1628 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip u l-marki tal-approvazzjoni mogħtija għal magni skont dan ir-Regolament.

    2.   Dikjarazzjoni ta' konformità mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/1628 għandha tiġi aċċettata mill-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, skont dan ir-Regolament, ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b'magni b'dik id-dikjarazzjoni ta' konformità.

    3.   L-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija għal magni u l-marki statutorji korrispondenti li jkunu f'konformità mar-regolamenti tan-NU/KEE msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628 kif ukoll l-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija għal magni fuq il-bażi tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 42(3) ta' dak ir-Regolament, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija b'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-marki statutorji korrispondenti meħtieġa skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/504 bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti tal-Anness XIII tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/654 (10) huma ssodisfati.

    KAPITOLU V

    AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI DWAR IT-TISWIJA U L-MANUTENZJONI TAL-VETTURI

    Artikolu 12

    Obbligu tal-manifatturi tal-magni

    Sabiex jitwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 56 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 u l-Artikolu 8 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1322/2014 (11), meta l-manifattur ta' vettura agrikola jew forestali ma jkunx il-manifattur tal-magna, il-manifattur tal-magna għandu jagħmel disponibbli lill-manifattur tal-vettura l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfa dawk l-obbligi.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 13

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   Mill-21 ta' Lulju 2018

    (a)

    l-awtoritajiet ta' approvazzjoni ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ġdid ta' magni jew familja ġdida ta' magni meta dak it-tip ta' magni jew familja ta' magni jkunu konformi mal-Artikoli 3, 5 u 7;

    (b)

    l-awtoritajiet tal-approvazzjoni ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ġdid ta' vetturi meta dak it-tip ta' vetturi jikkonforma mal-Artikoli 3 sa 6 u l-Artikolu 8;

    (c)

    l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta' magni li jikkonformaw mal-Artikoli 3, 5 u 7 jew mal-Artikolu 11 u t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija li jikkonformaw mal-Artikoli 3 sa 6 u l-Artikolu 8.

    2.   Sakemm id-data mandatorja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-kategorija ta' magni kkonċernata, kif stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom ikomplu jagħtu approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u eżenzjonijiet lil tipi ta' vetturi jew tipi ta' magni u familji ta' magni għall-agrikoltura u għall-forestrija skont ir-Regolament (UE) 2015/96, fil-verżjoni tiegħu applikabbli nhar fl-20 ta' Lulju 2018.

    3.   Mid-dati obbligatorji tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-kategorija ta' magni kkonċernata, kif stipulat fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri ma għandhomx jippermettu iktar it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi jew it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' magni approvati għat-tip fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2015/96.

    Sa dawn id-dati, l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi jew it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' magni skont ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament Delegat r-Regolament (UE) 2015/96. L-iskema ta' flessibbiltà prevista fl-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament Delegat għandu japplika biss għal vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b'magni approvati skont ir-rekwiżiti tal-istadju tal-limiti tal-emissjonijiet li jippreċedi immedjatament dak applikabbli.

    4.   Il-magni li ma kinux soġġetti għal approvazzjoni tat-tip relatata mal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/96 nhar fl-20 ta' Lulju 2018 jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu mibjugħa jew jidħlu fis-servizz sad-data obbligatorja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 f'dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta' magna tal-kategorija kkonċernata, kif stabbilit fl-Anness III għal dak ir-Regolament, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali fis-seħħ.

    Vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija approvati għat-tip skont ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u mgħammra b'dawk il-magni jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jinbiegħu, jiġu rreġistrati jew jidħlu fis-servizz sal-istess dati.

    5.   Il-magni ta' tranżizzjoni jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu mibjugħa jew jidħlu fis-servizz matul l-24 xahar wara d-data obbligatorja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 f'dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-kategorija ta' magni kkonċernata, kif stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

    Vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b'magni ta' tranżizzjoni jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jinbiegħu, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz matul l-24 xahar wara d-data obbligatorja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 f'dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-kategorija ta' magni kkonċernata, kif stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, dment li dawk il-vetturi jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikollhom data tal-produzzjoni qabel 18-il xahar wara d-data obbligatorja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 f'dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-kategorija ta' magni kkonċernata, kif stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament;

    (b)

    ikunu mmarkati skont ir-rekwiżiti tal-punt 2.1 tal-Parti 2 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    Għall-magni tal-kategorija NRE, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-estensjoni tal-perjodu ta' 24 xahar u tal-perjodu ta' 18-il xahar imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi b'perjodu addizzjonali ta' 12-il xahar għall-manifatturi tal-vetturi bi produzzjoni annwali totali ta' inqas minn 100 unità ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b'magna. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' dik il-produzzjoni annwali totali, il-manifatturi kollha tal-vetturi taħt il-kontroll tal-istess persuna fiżika jew ġuridika għandhom jitqiesu bħala manifattur tal-vetturi wieħed.

    6.   Għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq ta' magni ta' sostituzzjoni għal vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija skont il-paragrafi 10 u 11 tal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/1628, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-magni ta' sostituzzjoni jikkonformaw mal-marka msemmija fil-punt 6 tal-Anness XX tar-Regolament (UE) 2015/208 (12), l-Artikolu 32(2)(e) tar-Regolament (UE) 2016/1628 u l-punti 1 u 5.4 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2015/504.

    Artikolu 14

    Eżenzjonijiet

    1.   Bil-kunsens tal-manifattur tal-vettura, manifattur tal-magni jista' jagħti lil dak il-manifattur tal-vettura, magna separatament mis-sistema ta' posttrattament tal-egżost tagħha b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/654.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid temporanju fis-suq, għall-finijiet tal-ittestjar fuq il-post skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness XI tar-Regolament Delegat (UE) 2017/654, ta' magni li ma kellhomx it-tip approvat tal-UE b'konformità mal-Artikoli 3, 5 u 7 ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Revoka

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/96 huwa b'dan revokat.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.

    (2)  COM(2010)186 finali, 28.4.2010.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

    (4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 tal-1 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ambjentali u tar-rendiment tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi agrikoli u forestali (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u parts li jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).

    (6)  COM(2012) 636 final tat-8 ta' Novembru 2012.

    (7)  Ir-Regolament Nru 120 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni tal-magni b'kombustjoni interna li għandhom jiġu installati fi tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u f'makkinarju mobbli mhux tat-triq, fir-rigward tal-kejl tal-potenza netta, it-torque nett u l-konsum speċifiku tal-fjuwil [2015/1000] (ĠU L 166, 30.6.2015, p. 170)

    (8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/504 tal-11 ta' Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 85, 28.3.2015, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/656 tad-19 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi r-rekwiżiti amministrattivi relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq skont ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 102, 13.4.2017, p. 364).

    (10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/654 tad-19 ta' Diċembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u ġenerali relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna ta' makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 102, 13.4.2017, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1322/2014 tad-19 ta' Settembru 2014 li jissupplimenta u jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-bini tal-vetturi u tar-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 364, 18.12.2014, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/208 tat-8 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' sikurezza funzjonali tal-vetturi għall-approvazzjoni ta' vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija (ĠU L 42, 17.2.2015, p. 1).


    ANNESS I

    Rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu

    PARTI 1

    Adattament għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628

    1.   Għall-finijiet tal-għoti ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, għal vettura agrikola u forestali jew għal tip ta' magna jew ta' familja ta' magni bħala komponent, l-adattamenti li ġejjin tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1628 applikabbli skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 għandhom jiġu kkunsidrati:

    1.1.

    Ir-referenzi għal “makkinarju mobbli mhux tat-triq” fir-Regolament (UE) 2016/1628 għandhom jinqraw bħala referenzi għal “vettura għall-agrikoltura u għall-forestrija”.

    1.2.

    Ir-referenzi għall-“fabbrikant ta' tagħmir oriġinali” jew “OEM” fir-Regolament (UE) 2016/1628 għandhom jinqraw bħala referenzi għall-“manifattur tal-vettura”.

    1.3.

    Id-dati tal-applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-magni msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 għandhom jinqraw bħala dati ta' applikazzjoni għad-dħul inizjali fis-servizz tal-magni u tal-vetturi.

    1.4.

    Id-dati għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-magni, jew, fejn applikabbli, id-dati għall-approvazzjoni tat-tip għal tip ta' magna jew familja ta' magni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 għandhom jinqraw bħala dati għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal tip ta' vettura jew, fejn applikabbli, tip ta' magna jew familja ta' magni.

    2.   Il-manifatturi tal-magni għandhom jużaw il-parametri stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2017/656 meta jiddefinixxu t-tipi ta' magni u l-familji ta' magni, u l-modalitajiet tat-tħaddim tagħhom.

    PARTI 2

    Rekwiżiti speċifiċi

    1.   Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1322/2014, il-konformità tal-produzzjoni tal-magni għandha tiġi ċċekkjata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/1628 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/654.

    2.   Immarkar

    2.1.   Il-magna għandu jkollha fuqha l-marka statutorja skont l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2015/504.

    3.   Monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-magni fis-servizz

    3.1.   Il-manifatturi tal-magni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-magni fis-servizz stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1628 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2017/655 (1).

    4.   L-installazzjoni tal-magna fil-vettura

    4.1.   Il-magna installata f'vettura agrikola u forestali għandu jkollha l-istess prestazzjoni rigward l-emissjonijiet ta' inkwinanti bħalma kellha fl-approvazzjoni tat-tip.

    4.2.   L-installazzjoni ta' magna f'vettura agrikola u forestali għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-istruzzjonijiet li l-manifattur tal-magna għandu jipprovdi lill-manifattur tal-vettura, kif stipulat fil-punt 4.3.

    4.3.   Il-manifattur tal-magna għandu jipprovdi lill-manifattur tal-vettura bl-informazzjoni u l-istruzzjonijiet kollha biex ikun żgurat li l-magna tikkonforma mat-tip ta' magna approvata meta tiġi installata fil-vettura. L-istruzzjonijiet għal dan l-iskop għandhom jiġu identifikati b'mod ċar lill-manifattur tal-vettura b'konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628 u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2017/654.

    5.   Il-manifattur tal-magna għandu jagħmel disponibbli għall-manifattur tal-vettura l-informazzjoni kollha rilevanti u l-istruzzjonijiet meħtieġa intenzjonati għall-utent finali, kif stabbiliti fl-Artikolu 43(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2016/1628 u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/654.

    6.   Prevenzjoni tat-tbagħbis

    6.1.   Il-manifatturi tal-magni għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dettalji tekniċi stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/656 għall-prevenzjoni tat-tbagħbis.


    (1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/655 tad-19 ta' Diċembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi mill-magni b'kombustjoni interna fis-servizz installati f'makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 102, 13.4.2017, p. 334).


    ANNESS II

    Rekwiżiti għall-emissjonijiet tal-ħoss estern

    1.   Livelli permissibbli tal-ħoss estern.

    1.1.   Is-sistema tal-istrumentazzjoni, inklużi l-mikrofoni, il-kejbils u l-windskrin, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti għal strument tal-Klassi 1 stabbiliti f'IEC 61672-1:2013. Il-filtri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti għal strument tal-Klassi 1 mogħtija f'IEC 61260:1995.

    1.2.   Il-kundizzjonijiet tal-kejl

    1.2.1.   Il-kejl għandu jsir fuq vetturi agrikoli u forestali mhux mgħobbija f'kundizzjoni li jistgħu jitħaddmu f'żona miftuħa u kwieta biżżejjed (il-ħsejjes tal-madwar u l-ħoss tar-riħ għandhom ikunu mill-inqas 10 dB (A) taħt il-livell tal-ħoss estern li jkun qiegħed jitkejjel).

    1.2.2.   Din iż-żona tista' tkun f'għamla ta', pereżempju, spazju miftuħ b'raġġ ta' 50 metru li jkollu parti ċentrali b'raġġ ta' mill-anqas 20 metru li jkun prattikament livell; l-ispazju jista' jkun miksi bil-konkrit, bl-asfalt jew b'materjal simili u ma jistax ikun kopert b'borra għamla ta' trab, ħaxix twil, ħamrija mhux kompatta jew irmied.

    1.2.3.   Il-wiċċ tal-mogħdija tat-test għandu jkun tali li ma jikkawżax ħoss eċċessiv tat-tajers. Din il-kundizzjoni tapplika biss għall-kejl tal-ħoss estern magħmul minn vetturi agrikoli u forestali waqt li jkunu qed jiċċaqilqu.

    1.2.4.   Il-kejl għandu jsir f'temp tajjeb bi ftit riħ. L-ebda persuna apparti l-osservatur li jkun qiegħed jieħu l-kejl bl-apparat ma tista' tibqa' qrib il-vettura agrikola u forestali jew il-mikrofonu, peress li l-preżenza tal-ispettaturi qrib il-vettura agrikola u forestali jew qrib il-mikrofonu tista' taffettwa b'mod konsiderevoli r-riżultati tal-kejl bl-apparat. Tlugħ u nżul notevoli tal-indikatur li jidhru li ma jkollhomx x'jaqsmu mal-karatteristiċi tal-livell tal-ħoss ġenerali għandhom jiġu injorati fit-teħid tal-kejl.

    1.3.   Metodu ta' kejl

    1.3.1.   Il-kejl tal-livell tal-ħoss estern ta' vetturi agrikoli u forestali waqt li jkunu qed jiċċaqilqu

    1.3.1.1.   Għandu jsir kejl mill-inqas darbtejn fuq kull naħa tal-vettura agrikola u forestali. Il-kejlijiet preliminari jistgħu jittieħdu għal finijiet ta' aġġustament, iżda ma għandhomx jitqiesu.

    1.3.1.2.   Il-mikrofonu għandu jkun 1,2 metri 'l fuq mil-livell tal-art f'distanza ta' 7,5 metri 'l bogħod mill-mogħdija tal-linja ċentrali tal-vettura agrikola u forestali, CC, imkejla tul il-linja perpendikulari PP′ ta' dik il-linja (il-Figura 1).

    1.3.1.3.   Żewġ linji AA′ u BB′, parallelli mal-linja PP′ u li jinsabu rispettivament 10 metri 'l quddiem u 10 metri lura mil-linja, għandhom jiġu mmarkati fil-mogħdija tat-test. Il-vetturi agrikoli u forestali għandhom javviċinaw il-linja AA′ b'veloċità kostanti, kif speċifikat hawn taħt. L-aċċelleratur għandu mbagħad jingħafas kompletament kemm jista' jkun malajr u jinżamm hekk sa mal-parti ta' wara tal-vettura agrikola u forestali tkun qasmet il-linja BB′; l-aċċelleratur għandu mbagħad jiġi rilaxxat malajr kemm jista' jkun. Jekk il-vettura agrikola jew forestali tkun imqabbda ma' karru, dan ma għandux jitqies fid-determinazzjoni ta' meta tinqasam il-linja BB′.

    1.3.1.4.   Il-livell massimu tal-ħoss irrekordjat għandu jikkostitwixxi r-riżultat tal-kejl.

    Figura 1

    Image Test ta 'immaġni

    1.3.1.5.   Il-veloċità kostanti qabel ma tibda tintlaħaq il-linja AA′ għandha tkun tliet kwarti tal-veloċità massima skont id-disinn (vmax) kif iddikjarata mill-manifattur u li tista' tinkiseb fl-ogħla gear użat għall-moviment fit-triq.”;

    1.3.1.6.   Interpretazzjoni tar-riżultati

    1.3.1.6.1.   Sabiex jitqiesu l-ineżattezzi fl-istrumenti tal-kejl, ir-riżultat miksub minn kull kejl għandu jiġi ddeterminat billi jitnaqqas 1 dB(A) mir-riżultat tal-istrument tal-kejl.

    1.3.1.6.2.   Il-kejl għandu jitqies validu jekk id-differenza bejn iż-żewġ kejliet konsekuttivi fuq l-istess naħa tal-vettura agrikola u forestali ma tkunx teċċedi 2 dB(A).

    1.3.1.6.3.   L-ogħla livell tal-ħoss imkejjel għandu jikkostitwixxi r-riżultat tat-test. Jekk ir-riżultat jaqbeż il-livell massimu permissibbli tal-ħoss għall-kategorija tal-vettura agrikola u forestali ttestjata b'tal-anqas 1 dB(A), għandhom jittieħdu żewġ kejliet oħra. Tlieta minn dawn l-erba' kejliet għandhom jaqgħu fil-limiti preskritti.

    1.3.2.   Kejl tal-ħoss estern ta' vetturi agrikoli u forestali wieqfa

    1.3.2.1.   Il-pożizzjoni tal-istrument tal-kejl tal-livell tal-ħoss

    Il-kejl għandu jsir fil-punt X (il-Figura 2), f'distanza ta' seba' (7) metri mill-eqreb wiċċ għall-vettura agrikola u forestali. Il-mikrofonu għandu jitqiegħed 1,2 metru 'l fuq mil-livell tal-art.

    1.3.2.2.   In-numru ta' kejliet: Mill-anqas għandhom isiru żewġ kejliet.

    1.3.2.3.   Kundizzjonijiet tat-test għall-vetturi agrikoli u forestali

    1.3.2.3.1.   Il-magna tal-vettura agrikola u forestali li ma jkollhiex regolatur tal-veloċità għandha tinstaq għal tliet kwarti tal-veloċità rpm li, skont il-manifattur tal-vettura agrikola u forestali, fiha tiżviluppa potenza netta massima tagħha. Il-veloċità tal-magna f'rpm għandha titkejjel permezz ta' strument indipendenti, eż. bank tar-rombli u takometru. Jekk il-magna tkun mgħammra b'regolatur li ma jħallix lill-magna teċċedi l-veloċità li fiha tiżviluppa l-potenza massima tagħha, din għandha titħaddem bil-veloċità massima permessa mir-regolatur.

    1.3.2.3.2.   Qabel ma jittieħed il-kejl, il-magna għandha tinġieb għat-temperatura li fiha taħdem normalment.

    1.3.2.4.   Interpretazzjoni tar-riżultati

    1.3.2.4.1.   Il-kejliet kollha rrekordjati tal-livell tal-ħoss estern għandhom jingħataw fir-rapport. Il-veloċità tal-magna għandha tiġi rrekordjata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8. L-istat tat-tagħbija tal-vettura agrikola u forestali għandu jiġi rreġistrat ukoll.

    1.3.2.4.2.   Il-kejl għandu jitqies validu jekk id-differenza bejn iż-żewġ kejliet konsekuttivi fuq l-istess naħa tal-vettura agrikola u forestali ma tkunx teċċedi 2 dB(A).

    1.3.2.4.3.   Il-figura massima rrekordjata għandha tikkostitwixxi r-riżultat tal-kejl.

    1.3.3.   Id-dispożizzjonijiet għall-ittestjar tal-ħoss estern għall-vetturi tal-kategorija C biċ-ċineg forma ta' ktajjen waqt iċ-ċaqliq

    Għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategorija C mgħammra b'ċineg forma ta' ktajjen, il-ħoss waqt iċ-ċaqliq għandu jitkejjel b'vetturi mhux mgħobbija f'kundizzjoni li jistgħu jitħaddmu b'veloċità kostanti ta' 5 km/h (+/– 0,5 km/h), bil-magna fil-veloċità nominali fuq saff ramel umdu kif speċifikat fil-paragrafu 5.3.2 ta' ISO 6395:2008. Il-mikrofonu għandu jitqiegħed skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 1.3.1. Il-valur tal-ħoss imkejjel għandu jiġi rrekordjat fir-rapport tat-test.

    2.   Sistema tal-egżost (Silenzjatur)

    2.1.   Jekk il-vettura agrikola u forestali tkun mgħammra b'tagħmir iddisinjat biex inaqqas il-ħoss tal-egżost (silenzjatur), għandhom japplikaw ir-rekwiżiti ta' din it-taqsima. Jekk il-bokka tal-magna tkun mgħammra b'filtru tal-arja li jkun meħtieġ sabiex jassigura l-konformità mal-livell tal-ħoss permissibbli, il-filtru għandu jitqies parti mis-silenzjatur, u r-rekwiżiti ta' dan il-punt 2 għandhom japplikaw ukoll għal dak il-filtru.

    Il-pajp tal-egżost għandu jkun f'tali mod li l-gassijiet tal-egżost ma jkunux jistgħu jidħlu fil-kabina.

    Figura 2

    Pożizzjonijiet tal-kejl għal vetturi agrikoli u forestali wieqfa

    Image

    2.2.   Disinn tas-sistema tal-egżost għandu jkun anness maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-vettura agrikola u forestali.

    2.3.   Is-silenzjatur għandu jkun immarkat b'referenza għall-għamla u t-tip tiegħu u din għandha tkun tista' tinqara faċilment u ma tkunx tista' titħassar.

    2.4.   L-użu ta' materjal fibruż assorbenti huwa permissibbli fil-binja tas-silenzjatur biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    2.4.1.

    il-materjal fibruż assorbenti ma jistax jitqiegħed f'dawk il-partijiet tas-silenzjatur li minnhom jgħaddi l-gass;

    2.4.2.

    apparat adattat għandu jassigura li l-materjal fibruż assorbenti jinżamm f'postu l-ħin kollu li dak is-silenzjatur ikun qed jintuża;

    2.4.3.

    il-materjal fibruż assorbenti għandu jkun reżistenti għal temperatura ta' mill-anqas 20 % ogħla mit-temperatura operattiva (gradi C) li jista' jkun hemm fir-reġjun tas-silenzjatur fejn ikunu jinsabu dawk il-materjali fibrużi assorbenti.


    Top