Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 32011R0492

Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Statut juridique du document En vigueur: Cet acte a été modifié. Version consolidée actuelle: 01/08/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/492/oj

27.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/1


REGOLAMENT (UE) Nru 492/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ April 2011

dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni

(kodifikazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (3) ġie emendat kemm-il darba b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jkun żgurat fi ħdan l-Unjoni. Il-ksib ta’ dan l-għan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol u impjieg, kif ukoll id-dritt ta’ tali ħaddiema li jispostaw ruħhom liberament fl-Unjoni sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni impjegati suġġett għal kwalunkwe limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

(3)

Għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti bl-Artikoli 45 u 46 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu.

(4)

Il-moviment liberu jikkonstitwixxi dritt fundamentali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-mobbiltà tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni għandha tkun wieħed mill-mezzi li bihom ħaddiem hu garantit il-possibbiltà li jtejjeb il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tiegħu u jmexxi 'l quddiem l-avvanz soċjali tiegħu, filwaqt li tgħin biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Għandu jiġi affermat id-dritt tal-ħaddiema kollha fl-Istati Membri li jwettqu l-attività tal-għażla tagħhom fi ħdan l-Unjoni.

(5)

Dritt bħal dan għandu jkun gawdut mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi.

(6)

Id-dritt tal-moviment liberu, sabiex ikun jista' jiġi eżerċitat bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, jeħtieġ li l-ugwaljanza fit-trattament tkun żgurata fil-fatt u fid-dritt fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x'jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni impjegati u mal-eliġibbiltà għal dar fejn joqogħdu, u wkoll li ostakoli għall-mobbiltà tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem fl-ambjent tal-pajjiż ospitanti.

(7)

Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema tal-Unjoni jeżiġi li ċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri jkollhom l-istess prijorità fir-rigward tal-impjieg kif hu gawdut minn ħaddiema nazzjonali.

(8)

Il-mekkaniżmu għall-ikklerjar ta’ postijiet vakanti, partikolarment permezz tal- kooperazzjoni diretta bejn is-servizzi ċentrali tal-impjieg u wkoll bejn is-servizzi reġjonali, kif ukoll permezz tal-koordinazzjoni ta l-iskambju tal-informazzjoni jiżgura b'mod ġenerali stampa ċara tas-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema li jkunu jixtiequ jispostaw ruħhom iridu wkoll ikunu regolarment infurmati dwar kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol.

(9)

Rabtiet mill-qrib jeżistu bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-impjieg u t-taħriġ professjonali, partikolarment fejn tal-aħħar jimmira li jqiegħed lill-ħaddiema f'qagħda li jkunu jistgħu jilqgħu offerti tal-impjieg minn reġjuni oħra tal-Unjoni. Rabtiet bħal dawn jeħtieġu li l-problemi li jinqalgħu f'dan ir-rigward m'għandhomx ikunu aktar studjati għalihom waħedhom imma kkunsidrati bħala interdipendenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-problemi tal-impjieg fil-livell reġjonali, u hu għalhekk neċessarju li jiġu diretti l-isforzi tal-Istati Membri għall-koordinazzjoni tal-politika tagħhom dwar ix-xogħol,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-IMPJIEG, L-UGWALJANZA FIT-TRATTAMENT U L-FAMILJI TAL-ĦADDIEMA

TAQSIMA I

Eliġibbiltà għall-impjieg

Artikolu 1

1.   Kwalunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru, għandu, irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu, ikollu d-dritt li jidħol għall-attività bħala persuna impjegata, u li jwettaq attività tali, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li jirregolaw l-impjieg taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.

2.   Hu għandu, b'mod partikolari, ikollu d-dritt li jidħol għall-impjieg disponibbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor bl-istess prijorità ta’ ċittadini ta’ dak l-Istat.

Artikolu 2

Kwalunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru u kull min iħaddem li jkunu qegħdin iwettqu xi attività fit-territorju ta’ xi Stat Membru jistgħu jiskambjaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal u l-offerti tagħhom ta’ impjieg, u jistgħu jikkonkludu u jħaddmu kuntratti ta’ impjieg skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ stabbiliti b'liġi, regolament, jew azzjoni amministrativa, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni riżultanti minnhom.

Artikolu 3

1.   Taħt dan ir-Regolament, dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament, jew azzjoni amministrativa ta’ xi Stat Membru m'għandhomx japplikaw:

(a)

fejn huma jillimitaw l-applikazzjoni għal u l-offerti ta’ impjieg, jew id-dritt ta’ ċittadini barranin li jidħlu għal u jwettqu xogħol jew jissuġġettaw lil dawn għall-kondizzjonijiet mhux applikabbli fir-rigward tal-istess ċittadini tagħhom; jew

(b)

fejn, għalkemm applikabbli irrispettivament miċ-ċittadinanza, l-għan jew l-effett esklużiv jew prinċipali tagħhom hu li jżommu ċittadini ta’ Stati Membri oħra 'l bogħod mill-impjieg offrut.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-kondizzjonijiet marbutin ma’ għarfien lingwistiku minħabba n-natura tal-kariga li għandha timtela.

2.   Għandhom ikunu inklużi b'mod partikolari fost id-dispożizzjonijiet jew prattiki ta’ xi Stat Membru li saret referenza għalihom fl-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 1 dawk li:

(a)

jippreskrivu proċedura speċjali għar-reklutaġġ ta’ ċittadini barranin;

(b)

jillimitaw jew jagħmlu restrizzjoni fuq ir-reklamar tal-postijiet vakanti fl-istampa jew permezz ta’ xi mezz ieħor jew jagħmluh soġġett għall-kondizzjonijiet ta’ xort'oħra minn dawk applikabbli għal dawk li jħaddmu li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(c)

jissuġġettaw l-eliġibbiltà għall-impjieg għall-kondizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni mal-uffiċċji tal-impjieg jew jimpedixxu reklutaġġ ta’ ħaddiema individwali, fejn persuni li ma jgħixux fit-territorju ta’ dak l-Istat huma kkonċernati.

Artikolu 4

1.   Dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament, jew azzjoni amministrattiva tal-Istati Membri li jirrestrinġu b'numru jew persentaġġ l-impjieg ta’ ċittadini barranin fi kwalunkwe intrapriża, fergħa ta’ attività jew reġjun, jew f'livell nazzjonali, m'għandhomx japplikaw għal ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

2.   Meta fi Stat Membru l-għoti ta’ kwalunkwe benefiċċju lill-intrapriżi huwa suġġett għall-impjieg ta’ persentaġġ minimu ta’ ħaddiema nazzjonali, iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra għandhom jingħaddu bħala ħaddiema nazzjonali, suġġett għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (5).

Artikolu 5

Ċittadin ta’ xi Stat Membru li jfittex impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jirċievi l-istess għajnuna hemmhekk bħal dik mogħtija mill-uffiċċji tal-impjieg f'dak l-Istat lil ċittadini tagħhom li jkunu qegħdin ifittxu impjieg.

Artikolu 6

1.   L-ingaġġ u r-reklutaġġ ta’ ċittadin ta’ Stat Membru wieħed għal kariga fi Stat Membru ieħor m'għandhomx jiddependu fuq kriterji mediċi, professjonali jew kriterji oħrajn li huma diskriminatorji fuq il-bażi ta’ ċittadinanza, bi tqabbil ma’ dawk applikati għal ċittadini tal-Istat Membru l-ieħor li jkunu jixtiequ jwettqu l-istess attività.

2.   Ċittadin ta’ Stat Membru li għandu offerta f'ismu mingħand persuna li tħaddem fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu hu għandu ċ-ċittadinanza jista' jkollu joqgħod għal test professjonali, jekk min iħaddem espressament jitlob dan meta jkun qed jagħmel l-offerta tiegħu ta’ impjieg.

TAQSIMA 2

Impjieg u ugwaljanza fit-trattament

Artikolu 7

1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

3.   Huwa għandu ukoll, bis-saħħa tal-istess dritt u taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali, ikollu aċċess għal taħriġ fi skejjel professjonali u ċentri għal taħriġ mill-ġdid.

4.   Kwalunkwe klawżola ta’ ftehim kollettiv jew individwali jew ta’ kwalunkwe regolament kollettiv ieħor li tikkonċerna l-eliġibbiltà għall-impjieg, paga u kondizzjonijiet oħra ta’ xogħol jew tkeċċija għandha tkun nulla u bla effett sa fejn tistabbilixxi jew tawtorizza kondizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 8

Ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru u li hu impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jgawdi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ sħubija fi trejdunjins u t-tħaddim ta’ drittijiet marbutin magħhom, inkluż id-dritt għall-vot u li jkun eliġibbli għall-postijiet ta’ amministrazzjoni jew treġija ta’ trejdunjin. Hu jista' jkun eskluż milli jieħu sehem fit-tmexxija ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku u milli jieħu impjieg irregolat mid-dritt pubbliku. Barra minn dan, huwa għandu jkollu d-dritt ta’ eleġibbiltà għal korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema fl-intrapriża.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa liġijiet jew regolamenti f'ċerti Stati Membri li jagħtu drittijiet aktar estensivi lil ħaddiema ġejjin minn Stati Membri oħra.

Artikolu 9

1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru u li hu impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jgawdi d-drittijiet u l-benefiċċji kollha mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma’ dar fejn jgħix inkluża l-proprjetà tat-tip ta’ dar li jeħtieġ.

2.   Il-ħaddiem imsemmi fil-paragrafu 1 jista', bl-istess dritt bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, iniżżel ismu fil-lista ta’ djar għall-abitazzjoni fir-reġjun li fih hu jkun impjegat fejn lista bħal din teżisti; huwa għandu jgawdi l-benefiċċji u prijoritajiet li jirrizultaw.

Jekk il-familja tiegħu tkun baqgħet fil-pajjiż mnejn hu jkun ġie, hija għandha tiġi kkunsidrata għal dan l-iskop bħala li toqgħod fir-reġjun imsemmi, fejn il-ħaddiema nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni simili.

TAQSIMA 3

Il-familji tal-ħaddiema

Artikolu 10

It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.

KAPITOLU II

L-IKKLERJAR TA' POSTIJIET VAKANTI U APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-IMPJIEG

TAQSIMA 1

Kooperazzjoni bejn l-istat membri u mal-kummissjoni

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri jew il-Kummissjoni għandhom jinstigaw jew flimkien jidħlu għal kwalunkwe studju dwar l-impjieg jew il-qgħad li huma jikkunsidraw neċessarju għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

Is-servizzi ċentrali tal-impjieg tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-Kummissjoni bil-għan li jaġixxu flimkien fir-rigward ta’ kklerjar ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg fi ħdan l-Unjoni u l-ippustjar riżultanti ta’ ħaddiema fl-impjieg.

2.   Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jaħtru servizzi speċjalizzati li għandhom ikunu fdati bl-organizzazzjoni ta’ xogħol fl-oqsma li saret referenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u jikkooperaw ma’ xulxin u mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni dwar kwalunkwe tibdil fil-ħatra ta’ dawn is-servizzi; il-Kummissjoni għandha tippubblika dettalji dwarhom għall-informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

1.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar problemi li jinħolqu inkonnessjoni mal-moviment liberu u l-impjieg tal-ħaddiema, kif ukoll informazzjoni dwar l-istat u l-iżvilupp tal-impjieg.

2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni bl-aħjar mod possibbli l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku msemmi fl-Artikolu 29 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Kumitat Tekniku”), għandha tistabbilixxi l-mod li bih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi mħejjija.

3.   Skont il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni bl-aħjar mod possibbli l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku, is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu jibgħat lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 18, l-informazzjoni li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-istat tas-suq tax-xogħol li tista' tkun ta’ gwida għall-ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment.

Is-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jiżguraw li tingħata pubbliċità wiesgħa lil din l-informazzjoni, partikolarment billi tiċċirkolaha fost is-servizzi tal-impjieg xierqa u bil-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni adattati biex jinfurmaw lill-ħaddiema kkonċernati.

TAQSIMA 2

Makkinarju għall-ikklerjar ta' postijiet vakanti

Artikolu 13

1.   Is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu regolarment jibgħat lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri l-oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 18:

(a)

dettalji tal-postijiet vakanti li jistgħu jimtlew minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra;

(b)

dettalji tal-postijiet vakanti indirizzati lil pajjiżi terzi;

(c)

dettalji tal-applikazzjonijiet għal impjieg ta’ dawk li esprimew formalment ix-xewqa li jaħdmu fi Stat Membru ieħor;

(d)

informazzjoni, skont ir-reġjun u l-fergħa ta’ attività, dwar applikanti li ddikjaraw li huma effettivament lesti jaċċettaw impjieg f'pajjiż ieħor.

Is-servizz speċjalizzat ta’ kull Stat Membru għandu jgħaddi din l-informazzjoni lis-servizzi u lill-aġenziji tal-impjieg xierqa kemm jista' jkun malajr.

2.   Id-dettalji ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ċċirkolati skont sistema uniformi li għandha titwaqqaf mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 18 b'kollaborazzjoni mal-Kumitat Tekniku.

Din is-sistema tista' tigi adattata jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 14

1.   Kull post vakanti fis-sens tal-Artikolu 13, ikkomunikat lis-servizzi tal-impjieg ta’ Stat Membru, għandu jiġi nnotifikat lil u pproċessat mis-servizzi tal-impjieg kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

Dawn is-servizzi għandhom jgħaddu lis-servizzi tal-ewwel Stat Membru d-dettalji ta’ applikazzjonijiet adattati.

2.   L-applikazzjonijiet għall-impjieg imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), għandhom ikunu mwieġba mis-servizzi rilevanti tal-Istati Membri fi żmien raġonevoli, li ma jaqbiżx xahar.

3.   Is-servizzi tal-impjieg għandhom jagħtu lill-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri l-istess prijorità li jagħtu l-miżuri rilevanti lill-ħaddiema nazzjonali vis-à-vis ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 15

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 għandhom jiġu implimentati mis-servizzi speċjalizzati. Madanakollu, sa fejn kienu awtorizzati mis-servizzi ċentrali u sa fejn l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-impjieg ta’ Stat Membru u t-tekniki tat-tqegħid użati jagħmluh possibbli,

(a)

is-servizzi tal-impjieg reġjonali tal-Istati Membri għandhom:

(i)

fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13, li fuqha l-azzjoni approprjata tittieħed, iġibu flimkien b'mod dirett u jikklerjaw postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg;

(ii)

jistabbilixxu relazzjonijiet diretti għall-ikklerjar:

ta' postijiet vakanti offerti lil impjegat imsemmi;

tal-applikazzjonijiet individwali għall-impjieg mibgħutin jew lil servizz tal-impjieg speċifiku jew lil min iħaddem li qiegħed iwettaq l-attività tiegħu fl-inħawi koperti minn dan is-servizz;

fejn l-operazzjonijiet ta’ kklerjar jikkonċernaw ħaddiema staġjonali li għandhom ikunu reklutati malajr kemm jista' jkun;

(b)

is-servizzi responsabbli territorjalment għar-reġuni fil-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri jew iktar għandhom regolarment jiskambjaw informazzjoni dwar postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg fir-reġjun tagħhom u, waqt li jaġixxu skont l-arranġamenti tagħhom ma’ servizzi tal-impjieg tal-pajjiżi tagħhom, għandhom direttament iġibu flimkien u jikklerjaw postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg.

Jekk ikun meħtieġ, is-servizzi responsabbli territorjalment għal reġuni fil-fruntiera għandhom iwaqqfu wkoll strutturi ta’ servizz u kooperazzjoni sabiex jipprovdu:

lill-utenti b'informazzjoni prattika kemm jista' jkun dwar aspetti varji ta’ mobbiltà, u

lill-amministrazzjoni u l-forza tax-xogħol, lis-servizzi soċjali (partikolarment pubbliċi, privati jew dawk ta’ interess pubbliku) u lill-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, b'qafas ta’ miżuri koordinati dwar il-mobbiltà;

(c)

is-servizzi uffiċjali tal-impjieg li jispeċjalizzaw f'xi okkupazzjonijiet jew kategoriji speċifiċi ta’ persuni għandhom jikkooperaw direttament ma’ xulxin.

2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista, imħejjija bi qbil komuni, ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu 1; il-Kummissjoni għandha tippubblika din il-lista, u kwalunkwe emenda għaliha, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

L-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ kif applikati mill-korpi ta’ implimentazzjoni previsti taħt ftehimiet konklużi bejn żewġ Stati Membri jew aktar m'għandhiex tkun obbligatorja.

TAQSIMA 3

Miżuri biex jiġi kkontrollat il-bilanċ tas-suq tax-xogħol

Artikolu 17

1.   Fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni ppreparat abbażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni għandhom mill-inqas darba fis-sena janalizzaw flimkien ir-riżultati tal-arranġamenti tal-Unjoni dwar il-postijiet vakanti u l-applikazzjonijiet għall-impjieg.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw mal-Kummissjoni l-possibbiltajiet kollha biex tingħata prijorità lil ċittadini ta’ Stati Membri meta jimtlew postijiet vakanti għall-impjieg sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg fi ħdan l-Unjoni. Huma għandhom jadottaw kull miżura neċessarja għal dan il-għan.

3.   Kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Kapitolu II, li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni meħtieġa u l-informazzjoni miksuba mill-istudji u r-riċerki magħmula, u jenfasizza kull punt utli fir-rigward tal-iżviluppi fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni.

TAQSIMA 4

Uffiċċju ewropew għall-koordinazzjoni

Artikolu 18

L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni ta’ Kklerjar ta’ Postijiet Vakanti u Applikazzjonijiet għall-Impjieg (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni”), stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni għandu jkollu l-kompitu ġenerali li jippromwovi kklerjar ta’ postijiet vakanti fuq il-livell tal-Unjoni. Huwa għandu jkun responsabbli, partikolarment, għad-doveri tekniċi kollha f'dan il-qasam li, taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huma assenjati lill-Kummissjoni, u speċjalment sabiex jgħin is-servizzi tal-impjieg nazzjonali.

Huwa għandu jagħti fil-qosor l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 12 u 13 u d-data li toħroġ mill-istudji u riċerka mwettqa b'konformità mal-Artikolu 11, sabiex joħroġ fid-deher kwalunkwe fatt utli dwar żviluppi mbassra fuq is-suq tax-xogħol tal-Unjoni; fatti bħal dawn għandhom ikunu kkomunikati lis-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri u lill-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 21 u lill-Kumitat Tekniku.

Artikolu 19

1.   L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli, partikolarment:

(a)

biex jikkoordina l-mizuri prattiċi neċessarji għall-ikklerjar ta’ postijiet vakanti fuq il-livell tal-Unjoni u biex janalizza l-movimenti riżultanti tal-ħaddiema;

(b)

biex jikkontribwixxi għal tali objettivi billi jimplimenta, f'kooperazzjoni mal-Kumitat Tekniku, metodi ta’ azzjoni konġunta fuq livell amministrattiv u tekniku;

(c)

biex iwettaq, fejn tqum ħtieġa speċjali, u bi ftehim mas-servizzi speċjalizzati, il-ġbir flimkien ta’ postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg għall-ikklerjar minn dawn is-servizzi speċjalizzati.

2.   Huwa għandu jikkomunika lis-servizzi speċjalizzati postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impjieg mibgħuta direttament lill-Kummissjoni, u għandu jkun infurmat bl-azzjoni li ttieħdet dwarhom.

Artikolu 20

Il-Kummissjoni tista', bi ftehim mal-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, u skont il-kondizzjonijiet u proċeduri li hija għandha tiddetermina fuq il-bażi tal-Opinjoni tal-Kumitat Tekniku, torganizza żjarat u inkarigi għall-uffiċjali ta’ Stati Membri oħra u wkoll programmi avvanzati għall-persunal speċjalizzat.

KAPITOLU III

KUMITATI BIEX TIĠI ŻGURATA KOOPERAZZJONI MILL-QRIB BEJN L-ISTATI MEMBRI F'MATERJI LI JIKKONĊERNAW IL-MOVIMENT LIBERU TAL-ĦADDIEMA U L-IMPJIEG TAGĦHOM

TAQSIMA 1

Il-kumitat konsultattiv

Artikolu 21

Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun responsabbli biex jassisti l-Kummissjoni fl-eżami ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tiegħu, f'materji li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-impjieg tagħhom.

Artikolu 22

Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun responsabbli, partikolarment:

(a)

biex jeżamina kull problema li tikkonċerna l-moviment liberu u l-impjieg fil-qafas tal-politiki nazzjonali dwar ħaddiema disponibbli, bil-għan li ssir koordinazzjoni tal-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri, li b'hekk tikkontribwixxi għall-izvilupp tal-ekonomiji u għal titjib fil-bilanċ tas-suq tax-xogħol;

(b)

biex jagħmel studju ġenerali tal-effetti tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe mizuri supplementari;

(c)

biex jissottometti lill-Kummissjoni kwalunkwe proposta motivata sabiex jiġi rivedut dan ir-Regolament;

(d)

biex jagħti, jew fuq talba tal-Kummissjoni inkella fuq l-inizjattiva tiegħu stess, opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ġenerali jew dwar kwistjonijiet ta’ prinċipju, partikolarment dwar skambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna żvilupp fis-suq tax-xogħol, dwar il-moviment ta’ ħaddiema bejn Stati Membri, dwar programmi jew mizuri biex jiġu żviluppati gwida professjonali u taħriġ professjonali li x'aktarx izidu l-possibbiltajiet ta’ moviment liberu u impjieg, u dwar il-forom kollha ta’ assistenza lill-ħaddiema u l-familji tagħhom, inklużi għajnuna soċjali u djar għall-ħaddiema.

Artikolu 23

1.   Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn sitt membri għal kull Stat Membru, li tnejn minnhom għandhom jirrappreżentaw il-Gvern, tnejn lit-trejdunjins u tnejn lill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem.

2.   Għal kull waħda minn dawn il-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1, membru supplenti wieħed għandu jkun maħtur minn kull Stat Membru.

3.   Iż-żmien ta’ kariga tal-membri u tal-membri supplenti għandu jkun ta’ sentejn. Il-ħatra tagħhom tista' tiġi mġedda.

Mat-tmiem taż-żmien tagħhom fil-kariga, il-membri u l-membri supplenti għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu mibdula jew sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda.

Artikolu 24

Il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat Konsultattiv għandhom ikunu maħtura mill-Kunsill li għandu jagħmel ħiltu, meta jkun qiegħed jagħżel rappreżentanti ta’ trejdunjins u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, biex jikseb rappreżentazzjoni adekwata fuq il-Kumitat tas-setturi ekonomiċi varji konċernati.

Il-lista tal-membri u tal-membri supplenti għandha tkun ippubblikata mill-Kunsill għall-informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun ippresedut minn membru tal-Kummissjoni jew rappreżentant tiegħu. Il-President m'għandux jivvota. Il-Kumitat għandu jiltaqa' għall-inqas darbtejn fis-sena. Huwa għandu jiġi msejjaħ mill-President tiegħu, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, inkella fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri.

Is-servizzi segretarjali għandhom ikunu pprovduti għall-Kumitat mill-Kummissjoni.

Artikolu 26

Il-President jista' jistieden individwi jew rappreżentanti ta’ korpi b'esperjenza wiesgħa fil-qasam tal-impjieg jew moviment ta’ ħaddiema biex jieħdu sehem f'laqgħat bħala osservaturi jew bħala esperti. Il-President jista' jkun assistit minn konsulenti esperti.

Artikolu 27

1.   Opinjoni mogħtija mill-Kumitat m'għandhiex tkun valida jekk żewġ terzi tal-membri ma jkunux preżenti.

2.   Opinjonijiet għandhom jaffermaw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati; huma għandhom jiġu adottati b'maġġoranza assoluta tal-voti validament mitfugħa; huma għandhom ikunu akkumpanjati bi stqarrija bil-miktub tal-opinjonijiet espressi mill-minoranza, meta din tal-aħħar titlob hekk.

Artikolu 28

Il-Kumitat Konsultattiv għandu jistabbilixxi l-metodi ta’ ħidma tiegħu b'regoli ta’ proċedura li għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Kunsill, wara li jkun irċieva opinjoni mill-Kummissjoni, ikun ta l-approvazzjoni tiegħu. Id-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda li l-Kumitat jiddeċiedi li jagħmel għal dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-istess proċedura.

TAQSIMA 2

Il-kumitat tekniku

Artikolu 29

Il-Kumitat Tekniku għandu jkun responsabbli li jassisti lill-Kummissjoni biex tħejji, tippromwovi u ssegwi x-xogħol u l-miżuri tekniċi kollha sabiex jingħata effett lil dan ir-Regolament u kwalunkwe miżura supplementari.

Artikolu 30

Il-Kumitat Tekniku għandu jkun responsabbli, partikolarment:

(a)

biex jippromwovi u javvanza kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi konċernati fl-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet tekniċi kollha marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-impjieg tagħhom;

(b)

biex jifformula proċeduri għall-organizzazzjoni tal-attivitajiet konġunti tal-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati;

(c)

biex jiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni li x'aktarx tkun ta’ użu għall-Kummissjoni u għall-istudji u riċerka previsti f'dan ir-Regolament u jinkoraġġixxi skambju ta’ informazzjoni u esperjenza bejn il-korpi amministrattivi kkonċernati;

(d)

biex jinvestiga fuq livell tekniku l-armonizzazzjoni tal-kriterji li bihom Stati Membri jevalwaw l-istat tas-swieq tax-xogħol tagħhom.

Artikolu 31

1.   Il-Kumitat Tekniku għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istat Membri. Kull Gvern għandu jaħtar bħala membru tal-Kumitat Tekniku, wieħed mill-membri li jirrappreżentawh fuq il-Kumitat Konsultattiv.

2.   Kull Gvern għandu jaħtar membru supplenti minn fost ir-rappreżentanti l-oħra tiegħu, membri jew membri supplenti, fuq il-Kumitat Konsultattiv.

Artikolu 32

Il-Kumitat Tekniku għandu jkun ippresedut minn membru tal-Kummissjoni jew rappreżentant tiegħu. Il-President m'għandux jivvota. Il-President u l-membri tal-Kumitat jistgħu jkunu assistiti minn konsulenti esperti.

Is-servizzi segretarjali għandhom ikunu pprovduti lill-Kumitat mill-Kummissjoni.

Artikolu 33

Il-proposti u l-opinjonijiet formulati mill-Kumitat Tekniku għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni, u l-Kumitat Konsultattiv għandu jkun infurmat b'dan. Kwalunkwe proposta u opinjoni tali għandha tkunu akkumpanjata bi stqarrija bil-miktub tal-opinjonijiet espressi mill-membri varji tal-Kumitat Tekniku meta dawn tal-aħħar jitolbu hekk.

Artikolu 34

Il-Kumitat Tekniku għandu jistabbilixxi l-metodi ta’ ħidma tiegħu b'regoli ta’ proċedura li għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Kunsill, wara li jkun irċieva opinjoni mill-Kummissjoni, ikun ta l-approvazzjoni tiegħu. Id-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda li l-Kumitat jiddeċiedi li jagħmel għal dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-istess proċedura.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 35

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konsultattiv u tal-Kumitat Tekniku fis-seħħ fit-8 ta’ Novembru 1968 għandhom ikomplu japplikaw.

Artikolu 36

1.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jittrattaw dwar eliġibbiltà għall-impjieg imħarreġ fil-qasam tal-enerġija nukleari, lanqas kwalunkwe miżura meħuda b'konformità ma’ dan it-Trattat.

Madanakollu, dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategorija ta’ ħaddiema msemmija fl-ewwel subparagrafu u għall-membri tal-familji tagħhom sa fejn il-pożizzjoni legali tagħhom mhijiex irregolata mit-Trattat jew il-mizuri msemmija hawn fuq.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa miżuri meħudin skont l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-obbligi ta’ Stati Membri li joħorġu minn relazzjonijiet speċjali jew ftehimiet fil-futur ma’ ċerti pajjiżi jew territorji mhux Ewropej, ibbazati fuq rabtiet istituzzjonali eżistenti fit-8 ta’ Novembru 1968, jew ftehim diġà ezistenti fit-8 ta’ Novembru 1968 ma’ ċerti pajjiżi jew territorji mhux Ewropej, ibbazati fuq rabtiet istituzzjonali bejniethom.

Ħaddiema minn pajjiżi jew territorji bħal dawn li skont din id-dispożizzjoni qegħdin iwettqu attivitajiet bħala persuni impjegati fit-territorju ta’ xi wieħed minn dawk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jinvokaw il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 37

L-Istati Membri għandhom, għal skopijiet ta’ informazzjoni, jikkomunikaw lill-Kummisjoni t-test ta’ ftehimiet, konvenzjonijiet jew arranġamenti konklużi bejniethom fil-qasam tal-ħaddiema disponibbli bejn id-data tal-iffirmar tagħhom u dik tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 38

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri b'konformità ma’ dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, hija għandha taġixxi b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali tal-Istati Membri.

Artikolu 39

In-nefqa amministrattiva tal-Kumitat Konsultattiv u tal-Kumitat Tekniku għandha tkun inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-taqsima dwar il-Kummissjoni.

Artikolu 40

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 41

Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 42

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ April 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 170.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2011.

(3)  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.

(4)  Ara l-Anness I.

(5)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA’ LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68

(ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 312/76

(ĠU L 39, 14.2.1976, p. 2)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92

(ĠU L 245, 26.8.1992, p. 1)

 

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77)

L-Artikolu 38(1) biss


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68

Dan ir-Regolament

L-Ewwel Parti

Kapitolu I

Titolu I

Taqsima 1

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Titolu II

Taqsima 2

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Titolu III

Taqsima 3

Artikolu 12

Artikolu 10

It-Tieni Parti

Kapitolu II

Titolu I

Taqsima 1

Artikolu 13

Artikolu 11

Artikolu 14

Artikolu 12

Titolu II

Taqsima 2

Artikolu 15

Artikolu 13

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 18

Artikolu 16

Titolu III

Taqsima 3

Artikolu 19

Artikolu 17

Titolu IV

Taqsima 4

Artikolu 21

Artikolu 18

Artikolu 22

Artikolu 19

Artikolu 23

Artikolu 20

It-Tielet Parti

Kapitolu III

Titolu I

Taqsima 1

Artikolu 24

Artikolu 21

Artikolu 25

Artikolu 22

Artikolu 26

Artikolu 23

Artikolu 27

Artikolu 24

Artikolu 28

Artikolu 25

Artikolu 29

Artikolu 26

Artikolu 30

Artikolu 27

Artikolu 31

Artikolu 28

Titolu II

Taqsima 2

Artikolu 32

Artikolu 29

Artikolu 33

Artikolu 30

Artikolu 34

Artikolu 31

Artikolu 35

Artikolu 32

Artikolu 36

Artikolu 33

Artikolu 37

Artikolu 34

Ir-Raba’ Parti

Kapitolu IV

Titolu I

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 35

Artikolu 40

Artikolu 41

Titolu II

Artikolu 42(1)

Artikolu 36(1)

Artikolu 42(2)

Artikolu 36(2)

Artikolu 42(3), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 36(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 42(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 36(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 43

Artikolu 37

Artikolu 44

Artikolu 38

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 39

Artikolu 47

Artikolu 40

Artikolu 41

Artikolu 48

Artikolu 42

Anness I

Anness II


Haut