EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0452

2010/452/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/452/PESK tat- 12 ta’ Awwissu 2010 dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

ĠU L 213, 13.8.2010, p. 43–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/02/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/452/oj

13.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/452/PESK

tat-12 ta’ Awwissu 2010

dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/736/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia (minn issa “il-Missjoni”) (1). Dik l-Azzjoni Konġunta tiskadi fl-14 ta’ Settembru 2010.

(2)

Fit-28 ta’ Mejju 2010 l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-Missjoni tiġi estiża għal perijodu addizzjonali ta’ tnax-il xahar sal-14 ta’ Settembru 2011.

(3)

L-istruttura ta’ kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(4)

Il-Kapaċità tal-Għassa stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni.

(5)

Il-Missjoni ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Missjoni

1.   Il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (minn issa “EUMM Georgia” jew il-“Missjoni”), stabbilita permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/736/PESK, ser tiġi estiża mill-15 ta’ Settembru 2010 sal-14 ta’ Settembru 2011.

2.   EUMM Georgia għandha topera konformement mal-mandat tal-missjoni stabbilit fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Mandat tal-missjoni

1.   L-EUMM Georgia għandha tipprovdi monitoraġġ ċivili tal-azzjonijiet tal-Partijiet, inkluża l-konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti u miżuri implimentattivi sussegwenti fuq bażi ġenerali fil-Ġeorġja kollha, b’ħidma kollaborattiva mill-qrib mal-imsieħba, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u konsistentement ma’ attivitajiet oħra tal-Unjoni, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni, in-normalizzazzjoni u l-bini ta’ fiduċja waqt li tikkontribwixxi wkoll għall-formazzjoni tal-politika Ewropea b’appoġġ għal soluzzjoni politika dewwiema fil-Ġeorġja.

2.   L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a)

li tikkontribwixxi għall-istabbiltà fit-tul fil-Ġeorġja kollha u fir-reġjun ta’ madwarha;

(b)

fuq perijodu qasir, l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni b’anqas riskju ta’ bidu mill-ġdid ta’ ostilitajiet, f’konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti u mal-miżuri implimentattivi sussegwenti.

Artikolu 3

Kompiti tal-missjoni

Bil-għan li twettaq il-Missjoni, il-kompiti tal-EUMM Ġeorġja ser ikunu:

1.

Stabbilizzazzjoni:

Tissorvelja, tanalizza u tirraporta dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, iċċentrat fuq il-konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ sitt punti, inkluż l-irtirar ta’ truppi, u fuq il-libertà tal-moviment u azzjonijiet minn sakkeġġatturi, kif ukoll fuq vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani u d-dritt umanitarju internazzjonali.

2.

Normalizzazzjoni:

Tissorvelja, tanalizza u tirraporta dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-governanza ċivili, b’attenzjoni speċjali għall-istat tad-dritt, għal strutturi effikaċi tar-rinfurzar tal-liġi u għal sitwazzjoni adegwata ta’ ordni pubbliku. Il-Missjoni għandha tissorvelja wkoll is-sigurtà tal-konnessjonijiet tat-trasport, ta’ infrastrutturi tal-enerġija u ta’ utilitajiet, kif ukoll l-aspetti ta’ politika u sigurtà tar-ritorn tal-persuni internament spostati u tar-refuġjati.

3.

Bini ta’ fiduċja:

Tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ tensjonijiet permezz tal-kuntatti, għall-faċilitazzjoni ta’ kuntatti bejn il-partijiet u għal miżuri oħrajn ta’ bini ta’ fiduċja.

4.

Tikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-politika Ewropea u għall-involviment futur tal-Unjoni.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.   L-EUMM Georgia għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

Kwartier Ġenerali (KĠ). Il-KĠ għandu jikkonsisti mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u tal-Persunal tal-KĠ, li jkun jipprovdi l-funzjonijiet neċessarji kollha ta’ kmand u kontroll u appoġġ għall-missjoni. Il-KĠ għandu jkun fi Tbilisi.

(b)

Uffiċċji Lokali. Uffiċċji Lokali distribwiti ġeografikament ser iwettqu kompiti ta’ monitoraġġ u jipprovdu funzjonijiet meħtieġa ta’ appoġġ għall-missjoni.

(c)

Element ta’ Appoġġ. L-Element ta’ Appoġġ għandu jkun stabbilit fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi Brussell.

2.   L-elementi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal iżjed arranġamenti dettaljati fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUMM Georgia.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUMM Georgia fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fil-livell operattiv fuq il-post.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni, inkluż f’dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effikaċi ta’ EUMM Georgia fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali, jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni, konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUMM Georgia fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, adegwatament, ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

Artikolu 7

Persunal

1.   L-EUMM Georgia għandha tikkonsisti primarjament f’persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandu jerfa’ l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal sekondat minnu, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Il-Missjoni għandha wkoll tirrekluta persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti, kif meħtieġ.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta’ sigurtà speċifiċi għall-missjoni u l-pjan ta’ sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika ta’ sigurtà fuq il-post tal-Unjoni. Fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill (2).

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal

1.   L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inklużi meta adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom jiġu miftiehma konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli għall-bidu ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta’ kmand

1.   L-EUMM Georgia għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUMM Georgia.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUMM Georgia fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUMM Georgia fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tat-TPUE, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-Kunċett tal-operazzjonijiet (CONOPS) u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-Missjoni, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Georġja, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-Missjoni, kif meħtieġ.

2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni bħall-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn strumenti ta’ ftehim konklużi konformement mal-Artikolu 37 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

Artikolu 12

Is-sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom għall-EUMM Georgia konformement mal-Artikoli 5 u 9, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-Missjoni, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u mad-dokumenti li jappoġġawha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mal-Uffiċċju ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal tal-EUMM Georgia għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda xogħlu, konformement mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjoni organizzat mill-MSO.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUMM Georgia.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni bejn il-15 ta’ Settembru 2010 u l-14 ta’ Settembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 26 600 000.

2.   L-ispiża kollha għandha tiġi amministrata konformement mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni, u għandu jkun sorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom ikunu permessi li jressqu offerti għall-kuntratti. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, ma’ Stati terzi parteċipanti, u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUMM Georgia.

5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom josservaw ir-rekwiżiti operattivi tal-Missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha.

6.   L-ispiża għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-Ġeorġja.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri rilevanti.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mal-atturi internazzjonali l-oħra preżenti fil-pajjiż.

Artikolu 16

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Ir-RGħ għandu jkun ukoll awtorizzat jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, konformement mal-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan l-għan.

3.   Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti konformement mal-proċeduri applikabbli għall-koperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-Unjoni.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

Artikolu 17

Reviżjoni tal-Missjoni

Għandha tiġi ppreżentata lill-KPS reviżjoni tal-Missjoni kull sitt xhur, abbażi ta’ rapport mill-Kap tal-Missjoni u mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-15 ta’ Settembru 2010 sal-14 ta’ Settembru 2011.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top