Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0206

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/206/JHA tat- 3 ta’ Marzu 2008 dwar id-definizzjoni ta’ 1-benzylpiperazine (BZP) bħala droga psikoattiva ġdida li għandha tiġi suġġetta għal miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet kriminali

    ĠU L 63, 7.3.2008, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/206/oj

    7.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 63/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/206/JHA

    tat-3 ta’ Marzu 2008

    dwar id-definizzjoni ta’ 1-benzylpiperazine (BZP) bħala droga psikoattiva ġdida li għandha tiġi suġġetta għal miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet kriminali

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/JHA ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-inizzjattiva tal-Kummissjoni,

    wara li kkonsulta l-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Tfassal rapport dwar l-Evalwazzjoni ta’ Riskju fuq 1-benzylpiperazine (BZP) fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2005/387/JHA minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew ta’ Sorveljanza dwar id-Drogi u l-Vizzju tad-Drogi u sussegwentement tressaq lill-Kunsill u l-Kummissjoni fil-31 ta’ Mejju 2007.

    (2)

    Il-BZP hi sustanza sintetika. Ġiet rappurtata għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea fl-1999. Bħall-amfetamina u l-metamfetamia, il-BZP hija stimulant tas-sistema nervuża ċentrali, imma b’ħafna inqas saħħa (madwar 10 % tad-d-amfetamina). Il-metaboliżmu tal-BZP jista jkun affettwat minn polimorfiżmi ġenetiċi f’sistemi ta’ enżimi li jwasslu għal suxxettibilità inter-individwali wiesgħa għall-effetti tal-BZP. Hemm ukoll potenzjal għal interazzjoni ma’ drogi oħra, imma globalment hemm nuqqas ta’ data farmakokinetika umana.

    (3)

    F’xi Stati Membri l-BZP hija aċċessibbli legalment minn fornituri ta’ kimika; għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, tinbiegħ bħala pilloli u kapsuli permezz ta’ siti Internet jew f’xi Stati Membri fi “ħwienet smart/ta’ ħxejjex”. Fis-suq illegali ta’ drogi, il-BZP tinbiegħ/tinxtara wkoll bħala d-droga popolari ecstasy.

    (4)

    Tlettax-il Stat Membru, u Stat terz wieħed (in-Norveġja) irrapportaw qabdiet ta’ BZP f’forma ta’ trab, kapsuli jew pilloli, li jvarjaw minn kapsola/pillola għal sa 64,900 pillola. Ftit teżisti informazzjoni li tista’ tissuġġerixxi sinteżi, ipproċessar jew distribuzzjoni ta’ BZP fuq skala kbira, u l-involviment ta’ kriminalità organizzata.

    (5)

    Il-BZP ma għandha l-ebda valur mediku stabbilit jew rikonoxxut; fl-Unjoni Ewropea ma hemm l-ebda prodott mediċinali magħruf u liċenzjat li fih il-BZP.

    (6)

    Il-BZP bħalissa ma tinsabx, u lanqas ma kienet, taħt evalwazzjoni mis-sistema tan-NU. F’ħames Stati Membri, il-BZP hi suġġetta għal miżuri ta’ kontroll u penalitajiet kriminali kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom permezz ta’ l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjonijiet tan-NU ta’ l-1961 jew l-1971. Żewġ Stati Membri japplikaw miżuri ta’ kontroll għall-BZP fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-mediċini.

    (7)

    Il-BZP instabet f’kampjuni post mortem. Madanakollu, il-punt sa fejn il-BZP kienet implikata fl-imwiet mhuwiex magħruf, minħabba li fil-każijiet kollha kienu involuti sustanzi jew ċirkostanzi oħra.

    (8)

    Ir-Rapport ta’ Stima tar-Riskju dwar il-BZP juri nuqqas ta’ evidenza xjentifika konklusiva dwar ir-riskji globali tal-BZP. Madanakollu, minħabba l-attributi stimulanti tagħha, ir-riskju għas-saħħa, in-nuqqas ta’ benefiċċji mediċi, kif ukoll meta jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni, hemm ħtieġa li l-BZP tiġi kontrollata, madankollu l-miżuri ta’ kontroll għandhom ikunu xierqa għal-livelli relattivament baxxi ta’ riskju tas-sustanza.

    (9)

    It-tqegħid tal-1-benzylpiperazine taħt kontroll jista’ jgħin sabiex ikunu evitati problemi fl-infurzar internazzjonali tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex jissottomettu l-1-benzylpiperazine (magħrufa wkoll bħala 1-benzyl-1,4-diazacyclohexane, N-benzylpiperazine jew – b’mod inqas preċiż - bħala benzylpiperazine jew BZP) għal miżuri ta’ kontroll, proporzjonali għar-riskji tas-sustanza, u penalitajiet kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità ma’ l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PODOBNIK


    (1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


    Top