Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0365

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

ĠU L 118, 5.5.2005, p. 52–52 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 11–11 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/365/oj

Related international agreement

32005D0365

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

Official Journal L 118 , 05/05/2005 P. 0052 - 0052
Official Journal L 164 , 16/06/2006 P. 0011 - 0011


Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK

tal- 14 ta’ April 2005

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1) Fil-laqgħa tiegħu tas- 27 u 28 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, biex tiftaħ negozjati skond l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma’ ċerti stati terzi, sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

(2) Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mar-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

(3) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/persuni li jkollha/jkollhom is-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex torbot/jorbtu lill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar l- 14 ta’ April, 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Frieden

--------------------------------------------------

Ftehim

bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

min-naħa l-waħda, u

L-UNJONI EWROPEA, minn issa ‘l quddiem l-"UE", irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

min-naħa l-oħra,

minn issa ‘l quddiem imsejjħa "l-Partijiet",

WARA LI KKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE jaqsmu l-għanijiet biex isaħħu s-sigurtà tagħhom stess b’kull mod u biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’livell għoli ta’ sigurtà f’żona ta’ sigurtà;

WARA LI KKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE jaqblu li konsultazzjonijiet u koperazzjoni għandhom jiġu żviluppati bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà;

WARA LI KKUNSIDRAW li għalhekk, f’dan il-kuntest, teżisti ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE;

WARA LI RRIKONOXXEW li konsultazzjoni u koperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni u materjal klassifikati tar-Repubblika tal-Bulgarija u ta’ l-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u materjal relatat bejn ir-Renju tal-Bulgarija u l-UE;

Konxji li tali aċċess għal, u skambju ta’, informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġ miżuri xierqa ta’ sigurtà,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull wieħed mill-Partijiet f’kull mod, dan il-Ftehim għandu japplika għal informazzjoni jew materjal klassifikati fi kwalunkwe forma li huma ġew provduti jew skambjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni (jiġifieri, tagħrif li jista’ jiġi komunikat fi kwalunkwe forma) jew materjal determinati li jeħtieġu protezzjoni kontra l-iżvelar mhux awtorizzat u li jkunu ġew hekk kwalifikati minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilhom minn kwalunkwe parti għal dan il-Ftehim (minn issa ‘l quddiem: "informazzjoni klassifikata").

Artikolu 3

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "UE" għandha tfisser il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (minn issa ‘l quddiem "il-Kunsill"), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem "il-Kummissjoni Ewropea").

Artikolu 4

Kull Parti għandha:

(a) tipproteġi u tħares informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim provduta jew skambjata mill-Parti l-oħra;

(b) tiżgura li informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim provduta jew skambjata iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti li tipprovdiha. Il-Parti li tirċievi għandha tipproteġi u tħares l-informazzjoni klassifikata skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li għandhom klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti, kif speċifikat fl-Arranġamenti tas-Sigurtà li jridu jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12;

(ċ) ma tużax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet li ma humiex dawk stabbiliti mill-awtur u dawk li għalihom tingħata jew tiġi skambjata l-informazzjoni;

(d) ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità ta’ l-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ min joriġinah.

Artikolu 5

1. Informazzjoni klassifikata tista’ tinkixef jew tiġi rilaxxata, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur, minn Parti waħda, "il-Parti li tipprovdi", lill-Parti l-oħra, "il-Parti li tirċievi".

2. Għal rilaxx lil riċevituri oħra li mhumiex il-Partijiet ta’ dan il-Ftehim, deċiżjoni dwar żvelar jew rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata issir mill-Parti li tirċievi wara l-kunsens tal-Parti li tipprovdi, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur kif definit fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha.

3. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-ebda rilaxx ġeneriku ma hu possibbli sakemm ma jkunux ġew stabbiliti u miftehma proċeduri bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, rilevanti għall-ħtiġiet operazzjonali tagħhom.

Artikolu 6

Kull waħda mill-Partijiet, u entitajiet tagħha kif definit fl-Artikolu 3, għandu jkollha organizzazzjoni ta’ sigurtà u programmi ta’ sigurtà, bbażati fuq tali prinċipji bażiċi u standards minimi ta’ sigurtà li għandhom jiġu mplimentati fis-sistemi ta’ sigurtà tal-Partijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12, biex jiżguraw li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni jiġi applikat għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

Artikolu 7

1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim, jkunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà kif xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jiġu maħsuba biex jiddeterminaw jekk individwu jistax ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata, b’kunsiderazzjoni tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu/tagħha u kemm wieħed jista’ joqgħod fuqu/ha.

Artikolu 8

Il-Partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta’ interess komuni ta’ sigurtà. Konsultazzjonijiet u spezzjonijiet reċiproċi ta’ sigurtà għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kif definit fl-Artikolu 11 biex jistmaw l-effikaċja ta’ l-Arranġamenti tas-Sigurtà fil-ħdan tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom li għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 9

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) Fir-rigward ta’ l-UE:

kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

Chief Registry Officer

Rue de la Loi/Wetstraat, 175

B-1048 Brussell.

Kull korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea bla ħsara għall-paragrafu 2.

(b) Fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija:

kull korrispondenza għandha tiġi indirizzata lir-Reġistru Ċentrali fil-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar Sigurtà ta’ Informazzjoni u mibgħuta, fejn xieraq, permezz tal-Missjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija lill-Unjoni Ewropea, fl-indirizzi li ġejjin:

State Commission on Information Security

Central Registry

Angel Kunchev St. 1

Sofia 1040.Mission of the Republic of Bulgaria to the European Union

Registry Officer

Rue d’Arlon

108 B-1040 Brussels.

2. B’mod eċċezzjonali, korrispondenza minn Parti waħda li hi aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operazzjonali, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra nnominati b’mod speċifiku bħala riċevituri, waqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju li jistabbilixxi l-ħtieġa li jkunu jafu. Sa fejn għandha x’taqsam l-Unjoni Ewropea, din il-korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz ta’ l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar is-Sigurtà ta’ l-Informazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u s-Segretarji-Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim:

1. Il-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar is-Sigurtà ta’ l-Informazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, li taġixxi f’isem il-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija u taħt l-awtorità tiegħu, għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lir-Repubblika tal-Bulgarija taħt dan il-Ftehim.

2. L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa ‘l quddiem: "GSC Uffiċċju tas-Sigurtà"), taħt it-tmexxija u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lill-UE taħt dan il-Ftehim.

3. Id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f’isem il-Kummissjoni Ewropea u taħt l-awtorità tagħha, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha.

Artikolu 12

L-Arranġamenti ta’ Sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 11 bi ftehim bejn it-tliet Uffiċċji konċernati għandhom jistabbilixxu l-istandards ta’ protezzjoni reċiproka ta’ sigurtà għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim. Għall-UE, dawn l-istandards għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

L-Awtoritajiet definiti fl-Artikolu 11 għandhom jistabbilixxu proċeduri li jridu jiġu segwiti fil-każ li jiġi ppruvat jew suspettat li l-informazzjoni klassifikata ġiet kompromessa bla ħsara għal dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Qabel ma tingħata informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet tas-sigurtà responsabbli definiti fl-Artikolu 11 iridu jaqblu li l-Parti li tirċievi hi kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni soġġetta għal dan il-Ftehim b’mod konsistenti ma’ l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 15

Dasn il-Ftehim bl-ebda mod ma jżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor relatat mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux f’konflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Id-differenzi kollha bejn l-UE u r-Repubblika tal-Bulgarija li jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-kompletar tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe mill-Partijiet.

3. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma’ notifika reċiproca kif previst taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 18

Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda m’għandiex taffettwa obbligi diġà kkuntrattati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skond dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi protetta skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fih.

B’XHIEDA TA’ DAN, dawn hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, dan il- 25 ta’ April 2005 f’żewġ kopji t-tnejn bil-lingwa Ingliża.

Għar-Repubblika tal-Bulgarija

+++++ TIFF +++++

Għall-Unjoni Ewropea

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top