Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ftehim tad-WTO

Il-ftehim tad-WTO

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali tal-Urugwaj (1986-1994) — aspetti relatati mal-kummerċ f’oġġetti

Negozjati kummerċjali multilaterali tar-Round tal-Urugwaj (1986-1994) — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

Id-deċiżjoni tapprova l-ftehim li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), f’isem il-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea jew l-UE).

PUNTI EWLENIN

Att Finali li jinkorpora r-riżultati tar-Round tal-Urugwaj ta’ negozjati kummerċjali multilaterali

il-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ

  • Dan il-ftehim joħloq qafas instituzzjonali permanenti għall-ftehimiet speċifiċi elenkati hawn fuq.
  • Id-WTO hija organizzazzjoni permanenti li għandha personalità legali. Il-membri kollha tal=GATT saru membri fundaturi tad-WTO fl-1 ta’ Jannar 1995. Minn din id-data, l-applikanti li jixtiequ jingħaqdu segwew il-proċedura ta’ adeżjoni stipulata fil-ftehim li jistabbilixxi d-WTO.
  • Il-membri tad-WTO stabbilew l-għanijiet li ġejjin għall-organizzazzjoni:
    • żieda fl-istandards ta’ għajxien;
    • l-iżgurar ta’ impjieg sħiħ u volum dejjem jikber ta’ dħul reali u domanda effettiva;
    • espansjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ ta’ merkanzija u servizzi;
    • żvilupp sostenibbli u ħarsien tal-ambjent;
    • kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
  • Il-funzjonijiet tad-WTO huma li:
    • tiffaċilita l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operat tal-ftehimiet kummerċjali varji;
    • tipprovdi forum għal negozjati kummerċjali multilaterali;
    • issolvi tilwim kummerċjali, permezz tal-Korp li jipprevjeni t-Tilwim (DSB);
    • tirrevedi l-politika kummerċjali nazzjonali tal-membri tagħha;
    • tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex tiġi żgurata koerenza akbar fit-tfassil tal-politika ekonomika globali.

Struttura

  • Il-Konferenza Ministerjali hija l-ogħla korp ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tad-WHO. Hija komposta minn rappreżentanti tal-pajjiżi membri kollha u tiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn.
  • Bejn dawn il-laqgħat, il-Kunsill Ġenerali, magħmul ukoll minn rappreżentanti tal-membri kollha, jieħu deċiżjonijiet relatati mal-funzjonament tad-WTO u jissorvelja l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ministerjali. Il-Kunsill Ġenerali jiltaqa’ wkoll biex jaqdi r-responsabbiltajiet tad-DSB u tal-Korp għar-Reiżjoni tal-Politika tal-Kummerċ (TPRB) previsti fil-Mekkaniżmu għar-Reviżjoni tal-Politiki tal-Kummerċ (TPRM, ara hawn taħt).
  • Il-Kunsill Ġenerali għandu tliet korpi sussidjarji, il-Kunsill għall-Kummerċ ta’ Merkanzija, il-Kunsill għall-Kummerċ ta’ Servizzi u l-Kunsill għal Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali.
  • Barra minn hekk, hemm diversi kumitati direttament relatati mal-Kunsill Ġenerali. Dawn jinkludu l-kumitati dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, il-Kummerċ u l-Ambjent u l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali. Finalment, żewġ kumitati huma responsabbli għall-ġestjoni tal-ftehimiet plurilaterali dwar il-kummerċ ta’ inġenji tal-ajru ċivili u l-akkwist pubbliku mill-gvern.
  • Il-Kunsill Ġenerali jaħtar direttur ġenerali, li huwa responsabbli għat-tmexxija tas-Segretarjat tad-WTO.
  • Fil-prinċipju, id-WTO jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens. Meta deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’kunsens, id-deċiżjonijiet jiġu ddeterminati b’maġġoranza ta’ voti, b’kull membru tad-WTOli jkollu vot wieħed. L-UE, li hija membru sħiħ tad-WTO, għandha numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tad-WTO.
  • Kull membru tad-WTO jista’ jissottometti proposti lill-Konferenza Ministerjali biex jiġu emendati dispożizzjonijiet tad-diversi ftehimiet kummerċjali multilaterali tad-WTO.

Fehim dwar regoli u proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni ta’ tilwim

  • Is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO hija element importanti tal-ordni kummerċjali multilaterali. Hija bbażata fuq l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 u fuq ir-regoli u l-proċeduri li sussegwentement tfasslu u ġew stipulati fil-qbil dwar regoli u proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni ta’ tilwim inkorporat fil-ftehim li jistabbilixxi d-WTO.
  • Is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tkopri l-ftehimiet kummerċjali multilaterali kollha. Fil-fatt, din tapplika għall-kummerċ ta’ merkanzija, kummerċ ta’ servizzi u kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-Ftehim dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS). Din tapplika wkoll għal tilwim taħt il-Ftehim plurilaterali dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern. Xi wħud minn dawn il-ftehimiet jinkludu regoli dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim li japplikaw biss għal tilwim taħt il-ftehim imsemmi u li jistgħu jissupplimentaw jew jimmodifikaw ir-regoli tal-qbil.
  • Is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim hija amministrata mid-DSB. Il-membri kollha tad-WTO jistgħu jattendu l-laqgħat tad-DSB. Madankollu, fejn id-DSB jirregola r-regoli relatati mas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar ftehim kummerċjali plurilaterali, il-membri li huma parti mill-ftehim biss jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet jew fl-azzjonijiet meħuda mid-DSB fir-rigward ta’ tilwim taħt dan il-ftehim.
  • Il-proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim jitnieda meta membru wieħed jissottometti talba lil ieħor għal konsultazzjonijiet dwar kwistjoni speċifika. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien 30 jum mit-talba. Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jsolvu tilwima, membru jista’ jitlob lid-DSB biex iwaqqaf penil, li ġeneralment ikun jikkonsisti minn tliet esperti indipendenti, sabiex jindirizza l-kwistjoni. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jaqblu volontarjament li jagħmlu użu minn metodi oħrajn ta’ solvien ta’ tilwim, inklużi uffiċċji tajbin, konċiljazzjoni u medjazzjoni.
  • Wara li jisma’ lill-partijiet, il-panil jissottometti rapport lid-DSB. Il-panil għandu jlesti l-ħidma tiegħu fi żmien sitt xhur jew, f’każijiet ta’ urġenza, fi żmien tliet xhur. Ir-rapport tal-penil jitqies għall-addozzjoni mid-DSB 20 jum wara li jkun ġie ċċirkolat lill-membri. Dan jiġi adottat fi żmien 60 jum mid-data ta’ ċirkolazzjoni, sakemm il-proprjetarju ma jiddeċidix b’kunsens li ma jadottax ir-rapport (kunsens oppost jew negattiv), jew jekk waħda mill-partijiet tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li tappella.
  • Il-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO tippermetti lill-partijiet kollha jappellaw rapport tal-penil. Madankollu, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet tal-liġi koperti fir-rapport tal-panil u l-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-panil. L-appell jiġi eżaminat minn Korp tal-Appell permanenti kompost minn seba’ membri maħtura mid-DSB għal mandat ta’ erba’ snin. Tlieta mill-membri jservu fuq kwalunkwe każ wieħed. Ir-rapport tal-Korp tal-Appell għandu jiġi aċċettat mingħajr kundizzjonijiet mill-partijiet fit-tilwima u għandu jiġi adottat mid-DSB sakemm ma jkunx hemm kunsens negattiv, jiġifieri deċiżjoni b’kunsens biex ir-rapport ma jiġix adottat.
  • Id-DSB jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati u l-kwistjonijiet kollha pendenti jibqgħu fuq l-aġenda tal-laqgħat tiegħu sakemm jiġu solvuti. Huma stabbiliti wkoll skadenzi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti tal-panil. Meta parti tkun kapaċi timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, għandha tidħol f’negozjati mal-parti li tkun qiegħda tilmenta bil-għan li tiżviluppa kumpens aċċettabli reċiprokament. Jekk dawn in-negozjati ma jirnexxux, id-DSB jista’ jawtorizza lill-parti li tkun qiegħda tilmenta li tissospendi l-applikazzjoni lill-membru konċernat għal konċessjonijiet jew obbligi għall-membru kkonċernat. Il-kumpens u s-sospensjoni tal-konċessjonijiet huma, madankollu, biss il-miżuri temporanji li jistgħu jkunu applikati sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB jiġu implimentati mill-membru kkonċernat.
  • Fil-każijiet kollha, il-membri tad-WTO jaqblu li huma mhux ser jiddeterminaw huma stess jekk kienx hemm ksur tal-obbligi stabbiliti fi ħdan il-qafas tad-WTO, u lanqas se jissospendu konċessjonijiet. Huma għandhom japplikaw ir-regoli u l-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim stabbiliti fil-qbil.
  • Barra minn hekk, il-qbil dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni ta’ tilwim jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali ta’ membri tad-WTO li huma membri ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll membri li huma pajjiżi l-anqas żviluppati. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jagħżlu proċedura aċċellerata u jitolbu skadenzi estiżi jew għajnuna legali addizzjonali. Membri tad-WTO huma mħeġġa illi jagħtu kunsiderazzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-membri minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Il-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika tal-Kummerċ

  • It-TPRM kien stabbilit bħala miżura temporanja taħt il-GATT fl-1989, wara r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-Round tal-Urugwaj. Dan il-mekkaniżmu issa huwa parti integrali mis-sistema tad-WTO u jinkludi l-oqsma kollha koperti mill-ftehimiet tad-WTO (merkanzija, servizzi u kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali).
  • It-TPRM jimmira, b’mod partikolari, sabiex jikseb aktar trasparenza u fehim tal-politiki kummerċjali u prattiċi tal-membri tad-WTO, sabiex iħeġġeġ lill-membri biex jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fis-sistema kummerċjali multilaterali, u b’hekk jippromwovi l-funzjonament bla xkiel tas-sistema.
  • Fi ħdan i-qafas tat-TPRM, il-membri kollha tad-WTO huma soġġetti għal reviżjoni. Din ir-reviżjoni ssir kull sentejn għall-membri bl-akbar sehem tal-kummerċ dinji (bħalissa ċ-Ċina, l-UE, il-Ġappun u l-Istati Uniti), kull erba’ snin għas-16-il membru li jmiss u kull sitt snin għall-membri l-oħrajn. Perjodu itwal jista’ jiġi stabbilit għall-pajjiżi l-inqas żviluppati. Fil-prattika, ġie introdott ċertu grad ta’ flessibilità għar-rata ta’ reviżjonijiet (sa intervall ta’ sitt xhur). Fl-1996, sar qbil li kull tieni rieżami ta’ kull wieħed mill-ewwel erba’ forzi kummerċjali jkun reviżjoni provviżorja.
  • Ir-reviżjoni hija mwettqa mit-TPRB abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ politika ġenerali ppreżentata mill-membru kkonċernat u ta’ rapport imħejji mis-Segretarjat tad-WTO. Fit-tfassil tar-rapport tiegħu, is-Segretarjat ifittex l-appoġġ tal-membru kkonċernat iżda jżomm responsabbiltà sħiħa għall-fatti ppreżentati u l-fehmiet imfissra. Ir-rapport tas-Segretarjat u d-dikjarazzjoni tal-membru jiġu ppubblikati wara l-laqgħa ta’ reviżjoni, flimkien mal-minuti tal-laqgħa u t-test tal-kummenti finali magħmula mill-president tat-TPRB fl-aħħar tal-laqgħa.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

  • Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-22 ta’ Diċembru 1994.
  • Il-ftehim ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehimiet milħuqa fil ta’ negor-Round tal-Urugwaj tan-negozjati multilaterali (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 1–2).

Ir-Round tal-Urugwaj ta’ Negozjati Multilaterali (1986-1994) — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 3–10).

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 54, 1.3.2017, p. 1).

l-aħħar aġġornament 14.07.2023

Top