Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Intrastat: statistika rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'L-istatistika Ewropea tan-negozju' for an updated information about the subject.

Intrastat: statistika rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 638/2004 fuq l-istatistika rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejnil-pajjiżi tal-UE

X'INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi sistemi u proċeduri biex jissimplifika t-tħaddim tas-sistema Intrastat li oriġinarjament kienet stabbilita fl-1993 biex tiġbor informazzjoni dwar il-kummerċ ta' merkanzija intra-Unjoni Ewropea (UE).
  • Huwa għandu l-għan li jiżgura li l-pajjiżi tal-UE jiġbru data komparabbli u affidabbli għat-trażmizzjoni lill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE. L-għoti ta’ statistika bħal din dwar il-kummerċ hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ politiki dwar is-suq uniku tal-UE u għall-analiżi tas-suq.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-Regolament ikopri l-kummerċ fil-merkanzija. “Kummerċ tal-merkanzija” tfisser kwalunkwe moviment ta’ merkanzija minn pajjiż tal-UE partikolari għal ieħor u “merkanzija” tfisser kull beni immobbli, inkluż il-kurrent tal-elettriku
  • .In-negozji tal-UE li huma rreġistrati għall-finijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u li l-ammont ta’ kummerċ annwali tagħhom jaqbeż ċertu livell limitu għandhom jipprovdu dettalji tat-tranżazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Din id-data hija relatata kemm mal-wasliet (akkwisti, xiri jew importazzjoni) u mad-dispaċċi (tneħħijiet, bejgħ jew esportazzjonijiet). Negozji oħrajn huma eżentati mir-rekwiżit.
  • Il-pajjiżi tal-UE jiddefinixxu mill-ġdid il-livell limitu kull sena u jistabbilixxu valur separat għad-dispaċċi u l-wasliet (li jkun jippermetti l-ġbir ta’ ammont minimu ta’ data għal kull fluss ta’ kummerċ).

Reġistrazzjoni

Kull awtorità tal-istatistika nazzjonali ta’ pajjiż tal-UE timmaniġġja reġistru ta’ operaturi intra-UE (jiġifieri negozji) magħmul minn konsenjaturi u destinatarji.

Data miġbura għall-Intrastat

In-negozji li huma mitlubin jissottomettu dikjarazzjonijiet għall-finijiet tal-Intrastat għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

  • in-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom;
  • il-perjodu ta’ referenza;
  • il-fluss (wasla/dispaċċ);
  • il-komodità kkonċernata (permezz ta’ kodiċi bi 8 numri tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE);
  • il-pajjiż imsieħeb tal-UE;
  • il-valur tal-merkanzija fil-munità nazzjonali;
  • il-kwalità tal-merkanzija f’massa netta (il-piż eskluż l-imballaġġ) u l-unità supplimentari (litri, m2, numru ta’ oġġetti, eċċ.), jekk ikun rilevanti;
  • in-natura tat-tranżazzjoni.

Kunfidenzjalità

Parti li tipprovdi informazzjoni tista’ titlob li d-data tagħha tirċievi kunfidenzjalità statistika. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk ir-riżultati tal-istatistika li jagħmluha possibbli li jiġi identifikat il-fornitur imsemmi għandhomx jixxerrdu jew għandhomx jiġu emendati biex b’hekk it-tixrid tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzjalità statistika.

Trażmissjoni ta’ data lill-Eurostat

  • Il-pajjiżi tal-UE jibagħtu r-riżultati ta’ kull xahar tal-istatistika tagħhom dwar il-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE lill-Eurostat
  • Huma resposabbli biex jiżguraw il-kwalità tad-data mibgħuta skont l-istandards fis-seħħ. L-istatistika għandha tissodisfa ċerti kriterji:
    • rilevanza;
    • preċiżjoni;
    • prontezza;
    • puntwalità;
    • aċċessibbiltà u ċarezza;
    • komparabbiltà;
    • koerenza
  • Il-Kummissjoni Ewropea, bl-assistenza tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika li jinkludi r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, tista’ tadotta ċerti bidliet tekniċi fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2005.

SFOND

  • L-Intrastat twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 1993, id-data li fiha daħal fis-seħħ is-suq uniku tal-UE. Ħa post id-dikjarazzjonijiet doganali bħala sors ta’ data dwar il-kummerċ.
  • Għal aktar informazzjoni, ara l-websajt tal-Eurostat

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1-8)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 638/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 07.11.2016

Top