EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti tas-sikurezza tal-makkinarju (2023)

Rekwiżiti tas-sikurezza tal-makkinarju (2023)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2023/1230 dwar il-makkinarju u li jħassar id-Direttiva 2006/42/KE u d-Direttiva 73/361/KEE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi, fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), regoli għal prodotti relatati* mal-makkinarju u makkinarju parzjalment komplut, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza għall-ħaddiema u ċ-ċittadini tal-UE.
  • Huwa jiżgura wkoll, għall-aspetti koperti mir-regolament, il-moviment liberu tal-makkinarju konformi, prodotti relatati u makkinarju parzjalment komplut fi ħdan is-suq uniku.
  • Huwa jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2006/42/KE, mill20 ta’ Jannar 2027.
  • Huwa fil-forma ta’ regolament li jiżgura interpretazzjoni aktar uniformi tal-kunċetti ewlenin.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament ikopri l-makkinarju u l-prodotti relatati li ġejjin:

  • tagħmir interkambjabbli;
  • komponenti ta’ sigurtà;
  • aċċessorji għall-irfigħ;
  • ktajjen, ħbula u ċineg;
  • apparati ta’ trażmissjoni mekkanika li jistgħu jinqalgħu.

Dawn ta’ hawn fuq huma minn hawn ’il quddiem imsejħa “makkinarju jew prodotti relatati”.

Huwa japplika wkoll għall-makkinarju parzjalment komplut.

Għadd ta’ prodotti huma esklużi b’mod espliċitu, inkluż it-trasport bl-ajru, fuq l-ilma u fuq in-networks ferrovjarji, għalkemm ir-regolament xorta japplika għall-makkinarju immuntat fuq dawk il-mezzi tat-trasport.

Obbligi ta’ operaturi ekonomiċi

Ir-regolament fih listi ta’ obbligi tal-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri.

Ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà u l-preżunzjoni tal-konformità

  • Meta jqiegħdu fis-suq makkinarju jew prodotti relatati koperti mir-Regolament jew li iqiegħduhom fis-servizz, il-manifatturi għandhom jiżguraw li dawn ikunu ġew iddisinjati u mibnija skont ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti fl-Anness III tar-regolament.
  • Meta jqiegħdu makkinarju parzjalment komplut kopert mir-regolament fis-suq, il-manifatturi għandhom jiżguraw li dan kien iddisinjat u mibni skont ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà rilevanti stabbiliti fl-Anness III tar-regolament.
  • Standards armonizzati volontarji (ċitati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) jew speċifikazzjonijiet komuni (ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali) jipprovdu, jekk jiġu applikati, preżunzjoni ta’ konformità għar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti.
  • Jistgħu jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet komuni mill-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fejn ċerti kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati.

Proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità

  • Ir-regolament jippermetti li l-proċedura ta’ kontroll tal-produzzjoni interna (“awtovalutazzjoni”) tiġi applikata sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli għall-biċċa l-kbira tal-prodotti (bl-eċċezzjoni ta’ dawk elenkati fil-Parti A tal-Anness I).
  • B’mod aktar speċifiku, għall-prodotti elenkati fl-Anness I, għandha tiġi segwita proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li tinvolvi korp notifikat; madankollu, għall-prodotti elenkati fil-Parti B ta’ dak l-anness, il-proċedura tal-kontroll tal-produzzjoni interna (“awtovalutazzjoni”) tista’ tiġi segwita meta l-prodotti jiġu ddisinjati u mibnija skont l-istandards armonizzati rilevanti (ċitati fil-Ġurnal Uffiċjali) jew l-ispeċifikazzjonijiet komuni rilevanti (ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali), jekk huma speċifiċi għal dik il-kategorija tal-prodott u jkopru r-rekwiżiti essenzjali kollha rilevanti.
  • Il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-lista tal-kategoriji fl-Anness I billi tadotta atti delegati, wara l-valutazzjoni tad-data u l-informazzjoni rilevanti.

Il-marka CE, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, l-informazzjoni dwar is-sikurezza u l-istruzzjonijiet: makkinarju jew prodotti relatati

  • Fejn il-konformità tal-makkinarju jew prodotti relatati koperti mir-regolament bir-rekwiżiti applikabbli intwerew, il-manufatturi mbagħad iridu jfasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.
  • Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u l-istruzzjonijiet għall-użu (li jinkludu wkoll l-informazzjoni dwar is-sigurtà) se jkollhom jiġu pprovduti mal-makkinarju jew prodotti relatati kollha. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u l-istruzzjonijiet għall-użu (li jinkludu wkoll l-informazzjoni dwar is-sigurtà) jistgħu jiġu pprovduti f’format diġitali. Jekk ikunu pprovduti f’format diġitali, il-manifattur għandu jissodisfa obbligi speċifiċi. Għal makkinarju jew prodotti relatati għal użu mhux professjonali, l-informazzjoni dwar is-sigurtà li hija essenzjali biex tqegħidha fis-servizz u biex tużaha b’mod sikur, madankollu, għandha tiġi pprovduta f’format stampat. Il-konsumaturi xorta jistgħu jitolbu li jiġu pprovduti l-istruzzjonijiet għall-użu f’format stampat mingħajr ħlas.

Dikjarazzjoni ta’ inkorporazzjoni tal-UE u struzzjonijiet tal-immuntar: makkinarju parzjalment komplut

  • Fejn il-konformità ta’ makkinarju parzjalment komplut kopert mir-regolament mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti, il-manifatturi għandhom ifasslu d-dikjarazzjoni ta’ inkorporazzjoni tal-UE.
  • Id-dikjarazzjoni ta’ inkorporazzjoni tal-UE u l-istruzzjonijiet tal-immuntar, li jistgħu jiġu pprovduti f’format diġitali, se jkollhom jiġu pprovduti ma’ kull tip ta’ makkinarju parzjalment komplut kopert mir-regolament. Jekk ikunu pprovduti f’format diġitali, il-manifattur għandu jissodisfa obbligi speċifiċi. Il-persuna li tinkorpora l-makkinarju parzjalment komplut xorta se tkun tista’ tiġi pprovduta bl-istruzzjonijiet tal-immuntar f’format stampat mingħajr ħlas.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament se japplika mill-20 ta’ Jannar 2027. Madankollu, l-artikoli li ġejjin japplikaw minn dawn id-dati:

  • L-Artikoli 26 sa 42 mill-20 ta’ Jannar 2024;
  • L-Artikoli 50(1) mill-20 ta’ Ottubru 2023;
  • L-Artikolu 6(7) u l-Artikoli 48 u 52 mid-19 ta’ Lulju 2023;
  • L-Artikolu 6(2) sa (6), (8) u (11), l-Artikolu 47 u l-Artikolu 53(3) mill-20 ta’ Lulju 2024.

SFOND

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2023/C 227/08 PUB/2023/477 (ĠU C 227, 29.6.2023, p. 11).

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti relatati. Dan it-terminu jkopri tagħmir interkambjabbli, komponenti ta’ sikurezza, aċċessorji għall-irfigħ, ktajjen, ħbula u ċineg, u apparati ta’ trażmissjoni mekkanika li jistgħu jinqalgħu.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar il-makkinarju u li jħassar id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 73/361/KEE (ĠU L 165, 29.6.2023, pp. 1–102).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2023/1230 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2023/C 227/08 (ĠU C 227, 29.6.2023, p. 11).

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1–44).

Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 70–115).

Ir-Regolament (UE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30–47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82–128).

l-aħħar aġġornament 28.02.2024

Top