Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-arranġamenti integrati ta’ rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (IPCR) tal-UE

L-arranġamenti integrati ta’ rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (IPCR) tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1993 dwar l-arranġamenti integrati tal-UE għal rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi arranġamenti għar-rispons għall-kriżijiet politiċi integrati (IPCR) tal-Unjoni Ewropea (UE). Dawn isaħħu l-kapaċità tal-UE li tieħu deċiżjonijiet politiċi rapidi meta tkun qed tiffaċċja kriżijiet* interni jew esterni kbar b’impatt wiesa’ jew b’sinifikat politiku, kemm jekk joriġinaw fl-UE kif ukoll jekk barra minnha. Kriżijiet li għalihom l-IPCR kienet attivata, bħala regola, kienu trażversali fin-natura.

PUNTI EWLENIN

L-IPCR:

  • jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu u kkoordinat fil-livell politiku tal-UE għal kriżijiet maġġuri u kumplessi;
  • huwa mfassal biex ikun flessibbli u skalabbli, u jipprovdi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-mezzi meħtieġa biex jiddeċiedi dwar l-immaniġġjar tar-rispons tal-UE;
  • hu taħt il-kontroll politiku u strateġiku tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;
  • għandu żewġ modi ta’ attivazzjoni, skont il-gravità tas-sitwazzjoni:
    • qsim tal-informazzjoni — sabiex tiġi stabbilita stampa ċara u integrata tas-sitwazzjoni u titħejja t-triq għal attivazzjoni sħiħa possibbl,
    • attivazzjoni sħiħa — biex jappoġġja l-koordinazzjoni strateġika globali billi jipprepara miżuri ta’ rispons;
  • jista’ jiffunzjona wkoll f’modalità ta’ superviżjoni, fil-każ ta’ kriżi emerġenti jew ta’ tnaqqsi mingħajr attivazzjoni ta’ IPCR, biex jippermetti l-kondiviżjoni ta’ rapporti ta’ informazzzjoni u eżistenti;
  • jappoġġja t-teħid infurmat tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill u l-koordinazzjoni politika tal-UE effettiva billi juża l-“elementi ta’ sostenn” li ġejjin:
    • diskussjonijiet informali madwar mejda bil-għan li jinfurmaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, b’parteċipanti rilevanti kif deċiż mill-Presidenza,
    • rapporti dwar sensibilizzazzjoni u analiżi integrati istituzzjonali (ISAA) biex jinfurmaw diskussjonijiet f’diskussjonijiet madwar mejda u jipprovdu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bi stampa ċara u komuni tas-sitwazzjoni, ippreparata mill-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (SEAS),
    • pjattaforma tal-web dedikata IPCR għall-iskambju u ġbir ta’ informazzjoni bejn partijiet interessati rilevanti, u ristretta għal dawk il-partijiet interessati,
    • punt ta’ kuntatt ċentrali 24/7 fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni ta’ Rispons ta’ Emerġenza (ERCC) tal-Kummissjoni, biex jiżgura l-kollegament 24/7 mal-atturi ewlenin;
  • tiżgura li l-elementi ta’ sostenn:
    • huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi,
    • ikopru s-setturi ewlenin kollha affettwati mill-kriżi,
    • jiġbru d-dimensjonijiet differenti flimkien b’mod koerenti,
    • għandhom il-livell xieraq ta’ dettall.

Id-deċiżjoni biex tattiva jew tiddiżattiva l-IPCR hi l-prerogativa tal-Presidenza, b’ċerti eċċezzjonijiet. L-IPCR hi awtomatikament attivata f’modalità sħiħa meta Stat Membru tal-UE jinvoka l-klawżola ta’ solidarjetà (Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Id-deċiżjoni biex tattiva l-IPCR f’modalità ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni tista’ tittieħed ukoll mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAS, f’konsultazzjoni mal-Presidenza.

Il-Presidenza:

  • għandu l-prerogattiva tal-attivazzjoni, id-diżattivazzjoni, l-eskalazzjoni u d-dieskalazzjoni tal-IPCR;
  • tikkonsulta u tirċievi pariri kif xieraq mill-Istati Membri, is-Segretarjat tal-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE, l-aġenziji tal-UE u l-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rilevanti;
  • tiżviluppa u taġġorna l-proċeduri operattivi standard eżistenti tal-IPCR;
  • tinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u lill-Parlament Ewropew immedjatament meta tattiva l-IPCR; is-Segretarjat tal-Kunsill imbagħad jinforma lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Dispożizzjonijiet finali jeħtieġu:

  • żvilupp ta’ politika ta’ tħejjija b’miżuri ta’ akkumpanjament u qafas ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni;
  • reviżjoni tal-arranġamenti fi żmien 12-il xahar mid-diżattivazzjoni tagħhom biex jidentifikaw u jindirizzaw kwalunkwe tagħlimiet miksuba.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mit-18 ta’ Diċembru 2018.

SFOND

Wara l-attakki terroristiċi fuq il-World Trade Center fil-11 ta’ Settembru 2001, l-UE rrealizzat li kellha bżonn ta’ qafas biex tikkoordina r-rispons tagħha għal kriżijiet maġġuri. Il-Kunsill ħoloq dan bl-adozzjoni tal-arranġamenti tal-IPCR fil-25 ta’ Ġunju 2013.

L-IPCR hi attivata bħalissa f’modalità sħiħa għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, minħabba l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u minħabba kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. Mit-2 ta’ Mejju 2023, l-attivazzjonijiet tal-IPCR għal COVID-19 u t-terremoti fis-Sirja u fit-Turkija ġew diżattivati u mbiddla għal modalità ta’ superviżjoni.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kriżi. Sitwazzjoni ta’ tali impatt wiesa’ jew sinifikat politiku li l-UE għandha tieħu deċiżjonijiet rapidi.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (ĠUJ L 320, 17.12.2018, pp. 28–34).

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — l-Artikolu 16 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 24).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — It-Titolu VII — Klawżola ta’ solidarjetà — L-Artikolu 222 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 148).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Seba’ Parti — Dispożizzjonijiet ġenerali u finali — l-Artikolu (346 (ex Artikolu 296 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 194).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà (ĠU L 192, 1.7.2014, pp. 53–58).

L-emendi suċċessivi tad-Deċiżjoni 2014/415/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, pp. 1–50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.03.2024

Top