EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assistenza makrofinanzjarja għall-Moldova

Assistenza makrofinanzjarja għall-Moldova

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Moldova

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Hija għandha l-għan li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Moldova biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha fil-kuntest ġeopolitiku attwali, tappoġġa l-aġenda ta’ stabilizzazzjoni u riforma ekonomika tagħha, u tkopri l-bilanċ tal-pagamenti tagħha.

PUNTI EWLENIN

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova

Assistenza makrofinanzjarja

  • L-assistenza Makrofinanzjarja (AMF) hija disponibbli għall-pajjiżi koperti mill- politika Ewropea tal-viċinat li jesperjenzaw kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti akuta. Din hija pprovduta fuq bażi eċċezzjonali u temporanja u għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet immedjati ta’ finanzjament estern ta’ pajjiż u tirfed ir- riformi tal-politika ekonomika.
  • L-AMF tal-UE hija mistennija taħdem flimkien mal-appoġġ baġitarju mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/947 (ara s-sommarju).

Assistenza makrofinanzjarja għall-Moldova

  • Kif ġie stabbilit mid-Deċiżjoni Emendatorja (UE) 2023/1165, l-UE se tagħmel EUR 295 miljun disponibbli għall-Moldova biex tappoġġa l-aġenda ta’ stabilizzazzjoni ekonomika u ta’ riforma tagħha.
  • Sa EUR 220 miljun se jiġu pprovduti bħala self u sa EUR 75 miljun bħala għotjiet.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lill-Moldova. Is-self għandhom maturità medja massima ta’ 15-il sena.
  • Il-Kummissjoni timmaniġġja r-rilaxx tal-AMF.
  • Il-fondi se jkunu magħmula disponibbli fuq 2.5 snin.
  • Bħala prekondizzjoni, il-Moldova għandha tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partijiet, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
  • Memorandum ta’ ftehim jistabbilixxi l-politika ekonomika u r-riformi finanzjarji, bi skeda ta’ żmien, li l-Moldova għandha timplimentahom.
  • L-AMF se tkun disponibbli f’ħames pagamenti parzjali, kull wieħed ikun fih self u element ta’ għotja.
  • Il-Kummissjoni tirrilaxxa l-pagamenti parzjali, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, fejn it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames pagamenti ma jiġux rilaxxati sa mill-inqas tliet xhur wara l-pagament preċedenti.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mid-11 ta’ April 2022.

SFOND

  • L-ekonomija tal-Moldova ntlaqtet mir-riċessjoni tal-2020 ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-istaġnar politiku wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Novembru 2020 u l-kriżi tal-enerġija riċenti li bdiet f’Ottubru 2021. Barra minn hekk, l-istabbiltà ekonomika tal-Moldova kompliet taggrava mill-invażjoni mhux ipprovokata tar-Russja fl-Ukrajna.
  • Ir-rabtiet ekonomiċi tal-pajjiż mal-UE huma żviluppati sew. L-UE hija l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Moldova, u tirrappreżenta 52% tal-kummerċ totali tagħha fl-2020.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 109, 8.4.2022, pp. 6–12).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (UE) 2022/563 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1165 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/563 fir-rigward tal-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 155, 16.6.2023, pp. 1–3).

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, pp. 1–78).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, pp. 4–738).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.06.2023

Top