Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Reġistru tal-Unjoni għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet

Reġistru tal-Unjoni għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jiggarantixxi kontabbiltà preċiża għall-kwoti kollha maħruġa taħt is-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Reġistru tal-UE

  • Ir-Reġistru tal-UE huwa bażi ta’ data online unika u ċentralizzata mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea li żżomm il-kontijiet għall-operaturi bħall-impjanti tal-enerġija u l-operaturi tal-linji tal-ajru u marittimi.
  • Huwa jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE, li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet b’mod kosteffettiv bħala parti mill-isforzi tal-UE biex tindirizza t-tibdil fil-klima.
  • Ir-Reġistru jirreġistra:
    • faċilitajiet koperti mid-direttiva f’kull Stat Membru u kwalunkwe kwota bla ħlas allokata lil dawk il-faċilitajiet;
    • kontijiet ta’ kumpaniji jew individwi li għandhom tali kwoti;
    • trasferimenti ta’ kwoti esegwiti mid-detenturi tal-kontijiet;
    • emissjonijiet annwali vverifikati tad-diossidu tal-karbonju (is-CO2) tal-faċilitajiet u tal-operaturi tal-linji tal-ajru;
    • ir-rikonċiljazzjoni annwali tal-kwoti u tal-emissjonijiet ivverifikati.

Fażi IV

  • Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali, operazzjonali u ta’ manutenzjoni għar-Reġistru tal-UE għall-fażi IV tal-EU ETS mill-2021 sal-2030.
  • Dan jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 389/2013 (ara s-sommarju), li kopra l-fażi III (2013–2020) tal-EU ETS.

Elementi prinċipali

Ir-Regolament ikopri numru ta’ aspetti, inklużi dawn li ġejjin.

  • Is-sistema tar-reġistri titħaddem u tinżamm minn amministratur ċentrali u amministraturi nazzjonali.
  • Reġistru tat-tranżazzjonijiet tal-UE, li jivverifika, jirreġistra u jawtorizza awtomatikament it-tranżazzjonijiet kollha bejn il-kontijiet fir-reġistru, issostitwixxa r-reġistru tat-tranżazzjonijiet indipendenti tal-Komunità mill-fażi II, u issa huwa parti integrali mir-reġistru tal-UE.
  • Ir-Regolament jissimplifika r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kontijiet bil-għan li jitnaqqas il-piż fuq l-amministraturi nazzjonali.
  • Regoli speċifiċi għar-Reġistru tal-EU ETS fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal:
    • l-emissjonijiet u l-konformità vverifikati;
    • it-tranżazzjonijiet, inklużi regoli dwar l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti u l-ħolqien, l-allokazzjoni u t-trasferiment ta’ kwoti;
    • listi ta’ kontijet fiduċjarji għal tranżazzjonijiet ’l fuq minn livell limitu partikolari (valwazzjoni) li għandu jiġi stabbilit mill-amministratur ċentrali, biex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet ta’ valur għoli jkunu sikuri;
    • it-titjib tar-rabtiet bejn l-EU ETS u skemi oħra tal-ETS fejn ġie konkluż ftehim ta’ konnessjoni (eż. l-ETS Żvizzera — ara s-sommarju).
  • Meta jiġu identifikati d-diskrepanzi, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-reġistru jittermina l-proċessi rilevanti u għandu jinforma lill-kont rilevanti jew lid-detenturi ta’ kwoti li l-proċess ġie tterminat.
  • Ir-regoli u r-rekwiżiti tekniċi għar-Reġistru, inklużi helpdesks nazzjonali għad-detenturi u r-rappreżentanti tal-kontijiet.

Il-pakkett Lesti għall-mira ta’ 55%

Bħala parti mill-pakkett lesti għall-mira ta’ 55%, id-Direttiva (UE) 2023/959 emendat id-Direttiva 2003/87/KE u introduċiet setturi ġodda (pereżempju t-trasport marittimu) fl-EU ETS mill-2024. Hija ħalqet ukoll is-sistema kontigwa ETS għal bini, trasport u setturi addizzjonali mill-2027. Dawn il-bidliet huma riflessi fir-Regolament (UE) 2019/1122 mir-Regolament (UE) li jemenda 2023/2904, li daħħal regoli u għodda li jħallu lil kumpaniji tat-tbaħħir u entitajiet regolati li jinkitbu fir-reġistru għall-konformità tagħhom tal-ETS.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/2904 jagħmel ukoll dan li ġej:

  • Jintroduċi mmarkar obbligatorju ta’ tranżazzjonijiet bilaterali għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet biex jipprovdu informazzjoni aħjar fuq il-monitoraġġ u rapport ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, biex b’hekk titjieb it-trasparenza u l-integrità tas-suq tal-karbonju Ewopew. Dan jippermetti lir-regolaturi tas-suq li jirċievu informazzjoni regolari u fil-ħin mir-reġistru.
  • Jalinja d-dati ta’ konformità għal operaturi biex iċedu l-kwoti fir-Regolament (UE) 2019/1122 ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE. Dawn id-dati ta’ konformità huma t-30 ta’ Settembru għal installazzjonijiet stazzjonarji u operaturi tal-ajruplani, u t-30 ta’ Settembru u l-31 ta’ Mejju rispettivament għal operaturi marittimi u entitajiet regolati.
  • Jintrduċi tip ġdid ta’ kont ta’ reġistru għal gvernijiet mhux governattivi li jkunu daħlu f’arranġament mhux vinkolanti mal-UE konformi ma’ Direttiva 2003/87/KE.

Revoka

Ir-Regolament (UE) 2019/1122 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 389/2013. Dan tal-aħħar ikompli japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025 għall-operazzjonijiet kollha fir-rigward tal-perjodu ta’ negozjar 2013–2020 u għall-kontijiet ta’ Kjoto sat-true-up (il-perjodu addizzjonali għat-tlestija tal-impenji) tat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-2023.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolarment (UE) 2019/1122 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/2904 ser jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, pp. 3–62).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/1122 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2904 tal-25 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L., 2023/2904, 29.12.2023).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, pp. 1–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32–46).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.07.2024

Top