EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni msaħħa dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà matrimonjali u sħubijiet reġistrati

Kooperazzjoni msaħħa dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà matrimonjali u sħubijiet reġistrati

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2016/1103 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali

Regolament (UE) 2016/1104 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Iż-żewġ regolamenti jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għall-patrimonju ta’ koppji miżżewġa jew sħab reġistrati fejn il-koppji għandhom nazzjonalitajiet differenti tal-UE jew fejn il-koppji għandhom proprjetajiet f’pajjiż ieħor tal-UE.

Huma jiddeskrivu regoli riveduti, maqbula minn 18-il pajjiż tal-UE, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar reġimi ta’ proprjetà matrimonjali* jew konsegwenzi patrimonjali* ta’ sħubija reġistrata* li jirriżultaw meta ż-żwiġijiet jew is-sħubijiet reġistrati jiġu xolti, jew f’każ ta’ mewt ta’ wieħed mis-sħab.

PUNTI EWLENIN

It-18-il pajjiż tal-UE li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa huma l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja, kif awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/954. Pajjiżi oħra huma ħielsa li jingħaqdu fi kwalunkwe ħin wara li jiġi adottat ir-regolament. F’dan ir-rigward, l-Estonja ħabbret l-interess tagħha, u li hija tikkunsidra li tieħu sehem fil-kooperazzjoni wara l-adozzjoni tiegħu.

Ambitu

Kwistjonijiet dwar il-kapaċità legali tal-konjuġi, ir-rikonoxximent jew il-validità taż-żwieġ, l-obbligi ta’ manteniment u l-wirt mhumiex koperti. Ir-regolamenti ma jbiddlux il-liġijiet nazzjonali dwar iż-żwieġ jew is-sħubijiet reġistrati, u jistipulaw li l-liġi applikabbli tapplika għall-assi kollha irrispettivament minn fejn jinsabu l-assi, u se jiġu applikati sew jekk huma jew mhumiex il-liġi ta’ pajjiż tal-UE.

Ġurisidizzjoni

Ir-regolamenti għandhom l-għan li jippermettu liċ-ċittadini li jressqu il-każijiet tagħhom quddiem il-qrati tal-istess pajjiż tal-UE. Il-konjuġi u s-sħab jistgħu jaqblu dwar liema liġijiet tal-pajjiż se japplikaw għall-proprjetà matrimonjali u sħubijiet reġistrati tagħhom, jew:

  • fil-pajjiż fejn wieħed jew it-tnejn huma “residenti abitwali”;
  • fil-pajjiż taċ-ċittadinanza ta’ kull wieħed jew waħda mill-konjuġi jew sieħeb jew sieħba;
  • fil-pajjiż li taħt il-liġi tiegħu nħolqot is-sħubija reġistrata.

Fejn il-koppja ma tagħmilx din l-għażla, il-ġurisdizzjoni tiġi deċiża fil-każ ta’ proprjetà matrimonjali bbażata fuq (meħuda fl-ordni):

  • il-pajjiż fejn it-tnejn li huma għexu wara tmiem iż-żwieġ; jew
  • in-nazzjonalità komuni tal-koppja meta ntemm iż-żwieġ; jew
  • il-pajjiż li miegħu l-koppja għandhom l-eqreb konnessjoni fil-perjodu li fih intemm iż-żwieġ.

Jekk iż-żwieġ ma jiġix rikonoxxut bil-liġi nazzjonali għall-finijiet ta’ proprjetà matrimonjali, il-qorti tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni, u bl-istess mod għal sħubija reġistrata. Ir-regolament ma għandux jimpedixxi lill-partijiet milli jittransiġu l-każ b’mod amikevoli barra l-qorti, pereżempju quddiem nutar, f’pajjiż tal-UE tal-għażla tagħhom.

Ir-regolament ta’ sħubija reġistrata jistabbilixxi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati, partikolarment il-likwidazzjoni tal-assi u l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati fuq relazzjoni legali bejn sieħeb jew sieħba u partijiet terzi.

Rikonixximent u infurzar tad-deċiżjonijiet

Ir-regolamenti fihom regoli dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ regoli oħra tal-UE li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni jinkludu ċirkostanzi fejn tali rikonoxximent ovvjament imur kontra l-politika pubblika fil-pajjiż tal-UE li fih qed jintalab ir-rikonoxximent.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

Ħlief għal xi kwistjonijiet amministrattivi preparatorji, ir-regolamenti japplikaw mid-29 ta’ Jannar 2019.

TERMINI EWLENIN

Reġimi ta’ proprjetà matrimonjali: regoli dwar ir-relazzjonijiet ta’ proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, bħala riżultat ta’ żwieġ jew it-tkissir tiegħu.
Sħubija reġistrata: ir-reġim li jirregola l-ħajja komuni bejn żewġ persuni prevista mil-liġi, li r-reġistrazzjoni tagħha hija obbligatorja skont dik il-liġi u li tissodisfa l-formalitajiet legali kollha rikjesti minn dik il-liġi għall-ħolqien tagħha.
Konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati: regoli dwar ir-relazzjonijiet ta’ proprjetà tas-sħab, bejniethom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, bħala riżultat tar-relazzjoni legali maħluqa mir-reġistrazzjoni tas-sħubija jew ix-xoljiment tagħha.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU L 183, 8.7.2016, pp. 1-29)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1103 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal-24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati (ĠU L 183, 8.7.2016, pp. 30-56)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

DOKUMENT RELATAT

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/954 tad-9 ta’ Ġunju 2016 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta’ proprjetà ta’ koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati (ĠU L 159, 16.6.2016, pp. 16-18)

l-aħħar aġġornament 07.09.2018

Top