Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-UE u New Zealand f’materji doganali

Il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-UE u New Zealand f’materji doganali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/601 dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar materji doganali

Il-ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U L-FTEHIM?

Id-deċiżjoni tadotta f’isem l-UE, il-ftehim tagħha ma’ New Zealand li jikkooperaw u jassistu b’mod reċiproku lil xulxin fir-rigward ta’ materji doganali.

Il-ftehim:

  • jipprovdi sett komprensiv ta’ regoli għall-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u New Zealand;
  • jippromwovi proċeduri għas-simplifikazzjoni tal-klerjar doganali għal merkanzija, biex jiġu ffrankati l-ħin u l-flus;
  • jipproteġi lill-pubbliku billi jipprevjeni d-dħul ta’ merkanzija ta’ ħsara jew illegali fi kwalunkwe waħda mill-ġuriżdizzjonijiet.

PUNTI EWLENIN

Bil-ftehim, l-awtoritajiet doganali tal-UE u New Zealand jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw biex:

  • jipproteġu l-kummerċ leġittimu billi jiżguraw il-konformità mal-liġi;
  • jissorveljaw il-moviment sigur tal-merkanzija fiż-żewġ direzzjonijiet billi jiffokaw fuq is-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskju;
  • jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għall-Organizzazzjoni Doganali Dinjija u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
  • jimplimentaw impenji u standards internazzjonali;
  • jikkooperaw fir-riċerka, fl-iżvilupp, fl-ittestjar u fl-evalwazzjoni ta’ proċeduri doganali ġodda, taħriġ u skambju ta’ persunal;
  • jiskambjaw informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni, l-implimentazzjoni u l-proċeduri doganali;
  • jiżviluppaw proċeduri konġunti ta’ importazzjoni, esportazzjoni u proċeduri doganali oħrajn;
  • jassistu lil xulxin fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fl-investigazzjoni u fit-trażżin tal-ksur doganali.

L-assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tista’ tkun:

  • mitluba b’mod uffiċjali jew offruta b’mod spontanju;
  • irrifjutata jew soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet jekk ikun probabbli li:
    • taffettwa s-sovranità jew ta’ New Zealand jew ta’ pajjiż tal-UE;
    • tippreġudika l-ordni pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħrajn;
    • tiżvela xi sigriet kummerċjali jew tmur kontra interessi kummerċjali leġittimi;
    • tkun inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni jew mar-regolamenti rilevanti;
  • posposta jekk tista’ tinterferixxi f’investigazzjoni li tkun għaddejja.

L-informazzjoni kollha skambjata jeħtieġ li tiġi ttrattata bħala jew kunfidenzjali jew restritta.

Kumitat ta’ kooperazzjoni doganali konġunta jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim u jindirizza kwalunkwe kwistjoni jew ilment li jista’ jirriżulta.

Il-ftehim:

  • japplika għat-territorju doganali tal-UE (kif deskritt fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 dwar il-kodiċi doganali tal-UE) u għat-territorju ta’ New Zealand, minbarra Tokelau;
  • ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-UE jew ta’ New Zealand taħt ftehimiet internazzjonali oħra li huma rratifikaw;
  • jieħu prijorità fuq kwalunkwe ftehim bilaterali tagħhom dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka.

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2018. Id-deċiżjoni ilha tapplika mis-16 ta’ April 2018.

SFOND

Fl-2017, New Zealand kien il-50 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE għall-merkanzija, filwaqt li l-UE kienet it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ New Zealand wara ċ-Ċina u l-Awstralja.

Fit-22 ta’ Mejju 2018, il-gvernijiet tal-UE awtorizzaw il-ftuħ tan-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn New Zealand u l-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/601 tas-16 ta’ April 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 5)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali (ĠU L 101, 20.4.2018, pp. 6-15)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/600 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali (ĠU L 101, 20.4.2018, pp. 3-4)

l-aħħar aġġornament 23.10.2018

Top