EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 — jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU), li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għall-merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, adattati għal mudelli kummerċjali u għodod ta’ komunikazzjoni moderni.

PUNTI EWLENIN

Il-KDU u l-atti ta’ implimentazzjoni u delegati relatati (adottati mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regolament) għandhom l-għan li:

  • joffru ċertezza legali u uniformità akbar lin-negozji;
  • iżidu ċ-ċarezza għall-uffiċjali doganali madwar l-UE kollha;
  • ilestu l-bidla mid-dwana għal ambjent bla karti u elettroniku għalkollox;
  • jissimplifikaw ir-regoli u l-proċeduri doganali u jiffaċilitaw tranżazzjonijiet doganali aktar effiċjenti f’konformità mal-ħtiġijiet moderni ta’ kuljum;
  • jirrinfurzaw proċeduri doganali aktar veloċi għal negozji konformi u affidabbli (operaturi ekonomiċi awtorizzati);
  • jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE, kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.

Emendi

Ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Dawn jinkludu:

  • Ir-Regolament (UE) 2016/2339, li jipprovdi eżenzjonijiet mid-dikjarazzjonijiet doganali għall-merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-UE bil-baħar jew bl-ajru.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/474, li emenda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-territorju doganali u introduċa xi emendi tekniċi.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/632 li jippermetti lill-awtoritajiet doganali u lin-negozji jkomplu jużaw is-sistemi tal-IT eżistenti jew arranġamenti bbażati fuq il-karti għal numru limitat ta’ formalitajiet sa mhux aktar tard mill-2025, fejn u mbagħad jiġu implimentati sistemi tal-IT ġodda jew aġġornati.

L-atti delegati u ta’ implimentazzjoni wkoll ġew emendati diversi drabi (ara l-verżjonijiet konsolidati fit-taqsima “ Dokumenti Relatati ” hawn taħt).

Skambju u ħżin ta’ informazzjoni

Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni 2019/1026 jistabbilixxi r-regoli tekniċi għal 5 mis-17-il sistema elettronika tal-KDU tal-Programm ta’ Ħidma għall-KDU:

  • is-sistema tad-deċiżjonijiet doganali;
  • is-sistema tal-firem diġitali u tal-ġestjoni uniformi tal-utenti;
  • is-sistema tal-informazzjoni tariffarja vinkolanti Ewropea (EBTI);
  • is-sistema tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi (EORI);
  • is-sistema tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati (AEO).

Komunikazzjoni tal-2016

Sabiex tiżgura li r-regoli doganali tal-UE jiġu applikati bl-istess mod mal-UE kollha, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tappella lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jaħdmu biex jaġixxu bħala entità unika. Hija stabbilixxiet numru ta’ prijoritajiet inkluż li:

  • jiġi mħeġġeġ ftehim fost il-pajjiżi tal-UE dwar l-applikazzjoni tar-regoli doganali tal-UE;
  • l-amministrazzjonijiet doganali jiġu megħjuna biex il-ħidma ta’ 120 000 membru tal-persunal doganali ssir aktar effettiva;
  • sistemi tal-IT ġodda mal-UE kollha, iddedikati għall-proċeduri doganali, jiġu aġġornati u allinjati, sabiex tiġi żgurata l-aqwa kooperazzjoni possibbli;
  • jiġu promossi l-aħjar prattiki biex ikun aktar faċli għall-awtoritajiet nazzjonali li jikkooperaw u li jaqsmu l-informazzjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika fl-intier tiegħu mill-1 ta’ Mejju 2016. Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 450/2008 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

SFOND

Għal aktar informazzjoni:

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, pp. 1-101)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2019 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta’ din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 167, 24.6.2019, pp. 3-17)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 284 tiegħu (COM(2018) 39 final, 22.1.2018)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha (COM(2016) 813 final, 21.12.2016)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, pp. 558-893)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, pp. 1-557)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, pp. 168-182)

l-aħħar aġġornament 10.06.2020

Top