EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK — miżuri restrittivi kontra s-Sirja

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 — miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

Id-deċiżjoni u r-regolament huma parti mis-sett ta’ għodda tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea (UE) u jippromwovu l-objettivi tal-PESK billi jipprovdu l-bażi legali għas-sanzjonijiet tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja.

Iż-żewġ atti legali ġew emendati f’diversi okkażjonijiet.

PUNTI EWLENIN

Restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodotti, servizzi u teknoloġija

Is-sanzjonijiet jinkludu restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-UE f’oġġetti li jistgħu jintużaw direttament jew indirettament għar-ripressjoni interna tan-nies Sirjani. Dawn jinkludu:

  • projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ armi u materjali relatati mis-Sirja;
  • restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir, oġġetti u teknoloġija li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni interna jew għall-manifattura jew il-manutenzjoni ta’ tali prodotti;
  • rekwiżit għall-Istati Membri tal-UE biex jispezzjonaw bastimenti u ajruplani jekk ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li qegħdin iġorru armamenti, materjal jew tagħmir relatat li jista’ jintuża għal ripressjoni interna;
  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ tagħmir, teknoloġija jew software primarjament intenzjonati għall-monitoraġġ jew l-interċezzjoni tal-internet jew il-komunikazzjoni bit-telefon;
  • projbizzjoni fuq istituzzjonijiet finanzjarji Sirjani milli jiftħu fergħat jew sussidjarji ġodda fl-UE jew li jistabbilixxu joint ventures ġodda jew relazzjonijiet bankarji korrispondenti ġodda ma’ banek tal-UE;
  • projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petrolifiċi mis-Sirja u fuq kwalunkwe finanzjament, assigurazzjoni jew riassigurazzjoni fir-rigward tagħhom;
  • projbizzjoni fuq investiment fl-industrija taż-żejt Sirjan;
  • projbizzjoni fuq investiment f’kumpaniji involuti fil-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija ġodda għall-produzzjoni tal-elettriku fis-Sirja;
  • projbizzjoni fuq il-kummerċ f’oġġetti li jappartjenu lill-wirt kulturali tas-Sirja li tneħħew b’mod illegali mis-Sirja bil-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn sigur ta’ dawk l-oġġetti;
  • projbizzjoni fuq il-kummerċ tad-deheb, metalli prezzjużi u djamanti ma’ korpi pubbliċi Sirjani u l-bank ċentrali.

L-iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar

Is-sanzjonijiet jimmiraw ukoll individwi u kumpaniji responsabbli għar-ripressjoni vjolenti tan-nies Sirjani, dawk li jappoġġjaw jew jagħtu vantaġġ lir-reġim, kif ukoll persuni u kumpaniji assoċjati magħhom. B’mod partikolari, id-deċiżjoni u r-regolament jimponu r-restrizzjonijiet li ġejjin.

  • L-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq aktar minn 350 individwu u mill-inqas 90 entità. Fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati b’mod ieħor jistgħu jiġu rilaxxati taħt ċertu kundizzjonijiet inkluż:
  • L-iffriżar tal-assi tal-bank ċentrali Sirjan fl-UE bi projbizzjoni fuq li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli, imma jkun hemm konċessjoni biex tkompli l-kummerċ leġittimu taħt kundizzjonijiet stretti.

L-anness għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK fih lista tal-individwi u l-kumpaniji koperti minn dawn il-miżuri li tiġi emendata regolarment.

L-istrateġija tal-UE għas-Sirja

Fl-2017, meta adotta l-istrateġija tal-UE għas-Sirja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjara li se jkompli jikkunsidra miżuri ristrettivi ulterjuri li jkollhom fil-mira tagħhom individwi u entitajiet Sirjani li jappoġġjaw ir-reġim sakemm tkompli r-ripressjoni. L-istrateġija tiffoka fuq sitt oqsma ewlenin:

  • it-tmiem tal-gwerra permezz ta’ tranżizzjoni politika ġenwina;
  • il-promozzjoni ta’ tranżizzjoni sinifikanti u inklussiva fis-Sirja;
  • li jiġu salvati l-ħajjiet billi jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli madwar il-pajjiż b’mod effettiv, effiċjenti, fil-ħin u bi prinċipju;
  • il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni permezz tat-tisħiħ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjan;
  • il-promozzjoni tar-responsabbiltà għar-reati tal-gwerra bil-għan li jiffaċilitaw proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali u ġustizzja tranżizzjonali;
  • appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni Sirjana u s-soċjetà Sirjana.

Emendi għad-deċiżjoni u għar-regolament fid-dawl tat-terremot ta’ Frar 2023

Il-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja ma tippermettix l-esportazzjoni ta’ ikel, mediċini jew tagħmir mediku għas-Sirja jew fil-mira tas-sistema tal-kura tas-saħħa tas-Sirja, u tinkludi eċċezzjoni umanitarja mifruxa ħafna sabiex tiġi żgurata l-forniment kontinwu ta’ għajnuna umanitarja lil kwalunkwe parti tal-pajjiż. Fi Frar 2023, wara terremot qawwi li aggrava l-kriżi umanitarja, il-Kunsill adotta emendi għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK u għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 sabiex jiżgura li l-assistenza għall-popolazzjoni ċivili tas-Sirja titwassal malajr. Dan involva d-deroga tar-rekwiżit għall-organizzazzjonijiet umanitarji biex ifittxu permess minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jagħmlu trasferimenti jew jipprovdu oġġetti u servizzi maħsuba għall-finijiet umanitarji lil persuni u entitajiet elenkati. Inizjalment ġiet adottata għal perjodu ta’ 6 xhur, l-eżenzjoni ġiet estiża diversi drabi, l-aktar reċenti billi emendat ir-Regolament (UE) 2023/2877 u d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2876, li tawlitha sal-1 ta’ Ġunju 2024.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

  • Id-deċiżjoni ilha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2013.
  • Ir-regolament ilu japplika mid-19 ta’ Jannar 2012. Huwa jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 442/2011.

SFOND

F’Diċembru 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2254 dwar is-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tas-Sirja. L-UE tibqa’ impenjata li ssib soluzzjoni politika dejjiema u kredibbli għas-sitwazzjoni fil-pajjiż fuq il-bażi ta’ din ir-riżoluzzjoni u tal-kommuniqué ta’ Ġinevra tal-2012.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 t’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, pp. 14–45).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, pp. 1–32).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja (JOIN(2017) 11 final, 14.3.2017).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Miżuri restrittivi — Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

l-aħħar aġġornament 27.05.2024

Top