Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Għajnuna umanitarja

F’dinja fejn l-impronta ta’ kunflitti u diżastri qiegħda kontinwament tespandi, l-għajnuna umanitarja hija l-pilastru ewlieni tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea (UE) u parti importanti mill-kapaċità tagħha li tipproġetta l-valuri globali tagħha.

L-azzjoni umanitarja tal-UE timmira li ssalva u tippreserva l-ħajja, tipprevjeni u ttaffi t-tbatija umana u tissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet barra mill-UE affettwati minn diżastri naturali u kriżijiet ikkawżati mill-bniedem.

L-azzjonijiet tal-EU fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huma bbażati fuq il-ħtiġijiet u jitwettqu b’konformità mal-liġi internazzjonali u mal-prinċipji umanitarji internazzjonali (l-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza) li huma minquxa fil- Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja . F’Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE, li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-politika tal-UE fil-qasam tal-għajnuna umanitarja.

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili u għall-Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja Ewropea (ECHO) huwa nkarigat mill-implimentazzjoni tal-għajnuna umanitarja tal-UE. Il-mandat tiegħu jkopri wkoll it-tnaqqis tar-riskji u t-tħejjija għad-diżastri.

L-għajnuna ffinanzjata mill-UE titwettaq fi sħubiji ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (bħal aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-komponent internazzjonali tal-moviment tas-Salib l-Aħmar/in-Nofs Qamar l-Aħmar), organizzazzjonijiet umanitarji mhux governattivi jew aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri tal-UE. L-għajnuna tkopri oqsma bħall-ikel u n-nutrizzjoni, il-kenn, is-saħħa, l-ilma u s-sanità.

L-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi l-bażi legali għall-għajnuna umanitarja.

ARA WKOLL

nach oben