EUR-Lex Prieiga prie Europos Sąjungos teisės

Grįžti į „EUR-Lex“ pradžios puslapį

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Georgia

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Georgia

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Euratom u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE — l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

Deċiżjoni 2014/495/Euratum li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • jippromwovi l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika inkluż billi jżid il-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-politiki, il-programmi u l-aġenziji tal-UE;
  • jipprovdi bażi iktar b’saħħitha għad-djalogu politiku filwaqt li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn il-partijiet;
  • jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fil-Georgia;
  • jippromwovi, jippreserva u jsaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;
  • jippromwovi kooperazzjoni mmirata lejn ir-riżoluzzjoni tal-konflitti paċifika;
  • isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja bil-għan li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
  • jappoġġja l-isforzi tal-Georgia sabiex tiżviluppa l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tagħha, inkluż permezz tal-allinjament tal-liġijiet tagħha aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE;
  • jikseb l-integrazzjoni ekonomika gradwali tal-Georgia fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva;
  • jistabbilixxi kundizzjonijiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib f’oqsma oħra ta’ interess reċiproku.

Id-Deċiżjoni 2014/494/UE timmarka l-iffirmar u d-Deċiżjoni 2014/495/Euratom timmarka l-konklużjoni tal-ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Georgia mill-UE, l-Euratom u l-Istati Membri tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni jkopri:

Prinċipji ġenerali

Il-ftehim huwa bbażat fuq għadd ta’ prinċipji bażiċi:

Djalogu politiku

Id-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet għandu jiġi żviluppat u msaħħaħ aktar. Dan għandu numru ta’ għanijiet li jinkludu:

  • l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika u ż-żieda tal-konverġenza u l-effikaċja tal-politika u tas-sigurtà;
  • il-promozzjoni tal-prinċipji ta’ integrità territorjali, ir-rispett għal fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, is-sovranità u l-indipendenza;
  • riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti;
  • stabbiltà u sigurtà internazzjonali bbażati fuq multilateraliżmu effettiv;
  • approfondiment tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.

Libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-kooperazzjoni dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja tkopri numru ta’ kwistjonijiet speċifiċi fosthom:

  • il-protezzjoni ta’ data personali;
  • il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri;
  • il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, it-terroriżmu u d-drogi illegali.

Kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ

Il-ftehim fih firxa wiesgħa ta’ kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ inklużi:

  • trattament nazzjonali u aċċess tas-suq għall-oġġetti:
    • it-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-partijiet u t-tneħħija tad-dazji doganali fuq l-oġġetti li joriġinaw mill-parti l-oħra, b’ċerti eċċezzjonijiet (stabbiliti fl-annessi),
    • mekkaniżmu antiċirkomvenzjoni, li taħt ċerti ċirkustanzi jissospendi t-trattament preferenzjali ta’ ċerti prodotti agrikoli tal-Georgia li jidħlu fl-UE, ilu fis-seħħ mill-2016;
  • allinjament gradwali mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, il-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali, u l-akkwist pubbliku;
  • dritt ta’ stabbiliment, kummerċ ta’ servizzi u kummerċ elettroniku;
  • ħlasijiet kurrenti u l-moviment tal-kapital;
  • fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-ftehim iffirmat fl-2012 bejn l-UE u l-Georgia dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ġie integrat fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Prijorità tal-ftehim tal-aħħar kienet li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Georgia f’dan il-qasam tkun infurzata b’mod effettiv u li l-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet rilevanti u l-membri tal-ġurija jirċievu taħriġ adegwat. F’dan il-kuntest il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni (ara hawn taħt), l-UE u l-Georgia jiltaqgħu b’mod regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.

Kooperazzjoni ekonomika

Il-ftehim jirrikjedi li:

  • iż-żewġ partijiet itejbu l-għarfien tagħhom dwar l-ekonomija ta’ xulxin u jintroduċu politiki ekonomiċi biex iġibu riforma ekonomika;
  • Il-Georgia taħdem lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona, tallinja gradwalment ir-regoli ekonomiċi u finanzjarji tagħha ma’ dawk tal-UE, u tiżgura politiki makroekonomiċi sodi.

Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni

L-UE u l-Georgia jaqblu li jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib dwar firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika biex jgħinu l-iżvilupp u t-tkabbir potenzjali tal-Georgia.

Assistenza finanzjarja, regoli kontra l-frodi u ta’ kontroll

Regoli istituzzjonali u ġenerali

  • Il-ftehim iwaqqaf Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim.
  • Dan huwa megħjun minn Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u minn Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ magħmul minn impjegati għolja taċ-ċivil taż-żewġ partijiet.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

  • Il-ftehim huwa ftehim imħallat* li jirrikjedi li jiġi ratifikat minn kull Stat Membru kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2016.
  • Ċerta partijiet tal-ftehim ġew applikati b’mod provviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Ftehim imħallat: jekk is-suġġett ta’ ftehim ma jaqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE (f’dan il-każ il-ftehim jinvolvi wkoll l-Euratom), il-pajjiżi tal-Istati Membri għandhom ukoll jiffirmaw il-ftehim. Tali ftehimiet huma magħrufa bħala ftehimiet imħallta. Dan ifisser li, minbarra l-UE nnifisha, l-Istati Membri jsiru partijiet kontraenti għal partijiet kontraenti mhux tal-UE. Il-ftehimiet imħallta jistgħu wkoll jeħtieġu li jiġi adottat att intern tal-UE biex jiġu kondiviżi l-obbligi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-UE.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 4-743)

Emendi suċċessivi fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 1-3)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/495/Euratom tas-16 ta’ Ġunju 2014 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, pp. 744-745)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 203, 7.6.2016, pp. 1-112)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) 2016/401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 62-64)

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 18.6.2016, p. 1)

Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 259, 30.8.2014, p. 1)

l-aħħar aġġornament 30.04.2021

Į viršų