Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ix-xiri ta’ proprjetà residenzjali immobbli — regoli dwar is-self fuq id-djar

Ix-xiri ta’ proprjetà residenzjali immobbli — regoli dwar is-self fuq id-djar

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/17/UE — regoli dwar is-self fuq id-djar

Id-Direttiva (UE) 2021/2167 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Magħrufa bħala d-direttiva ta’ kreditu ipotekarju, id-Direttiva 2014/17/UE għandha l-għan li tiżgura li l-konsumaturi kollha li jieħdu kreditu ipotekarju biex jixtru proprjetà immobbli jiġu infurmati u protetti kontra r-riskji b’mod adegwat.

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tapplika għas-self kollu li jsir lill-konsumaturi bl-iskop li jixtru dar, inkluż self li jiġi ggarantit minn self ipotekarju jew minn garanzija paragunabbli oħra.
  • Din tipprovdi informazzjoni aħjar lill-konsumaturi dwar prodotti ipotekarji disponibbli inkluż:
    • obbligu fuq is-selliefa biex jipprovdu fuljett ta’ informazzjoni standardizzata lill-konsumaturi (il-fuljett Ewropew ta’ informazzjoni standardizzata) li jippermettilhom ifittxu biex jidentifikaw l-aħjar prodott għalihom;
    • l-inklużjoni fil-fuljett Ewropew ta’ informazzjoni standardizzata tal-agħar sitwazzjonijiet possibbli rigward self b’imgħax flessibbli u self f’munità barranija sabiex il-konsumaturi jiġu mwissija dwar varjazzjonijiet potenzjali fir-rata tal-imgħax;
    • perjodu garantit ta’ riflezzjoni (qabel il-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kreditu) jew dritt ta’ rtirar (wara l-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kreditu) għal min jissellef;
    • obbligu fuq is-selliefa biex jagħmlu valutazzjoni dokumentata bir-reqqa fuq l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jisselleff, biex ikun żgurat li jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ ħlas lura.
  • Id-direttiva tistabbilixxi prinċipji tal-kondotta tan-negozju::
    • dawn jiżguraw li s-selliefa u l-intermedjarji ta’ kreditu (jiġifieri persuni jew kumpaniji li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi li jkunu qed ifittxu self ipotekarju) jaġixxu b’mod onest u trasparenti fl-interessi tal-konsumatur;
    • is-selliefa u l-intermedjarji ta’ kreditu għandhom jiżguraw li l-persunal tagħhom ikollu għarfien aġġornat dwar il-ftehimiet tas-self u li l-konsumaturi jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa kollha qabel jiffirmaw kwalunkwe ftehim.
  • Il-konsumaturi għandhom dritt ġenerali li jħallsu lura s-self tagħhom kmieni, biex jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispiża totali tal-ipoteka li jifdal. F’każijiet bħal dawn l-Istati Membri tal-UE jistgħu jintitolaw lis-selliefa għal kumpens ġust għal kwalunkwe spiża marbuta direttament u esklussivament mal-ħlas lura kmieni.
  • Id-direttiva tistabbilixxi reġim tal-passaport tal-UE għal intermedjarji tal-kreditu. Dan ifisser li fil-prinċipju, ladarba jkun awtorizzat fi Stat Membru wieħed, intermedjarju tal-kreditu jitħalla jagħti servizzi fl-UE kollha.

Direttiva (UE) 2021/2167 li temenda d-Direttiva 2014/17/UE

  • Biex tiżgura li l-livell tal-protezzjoni tal-konsumaturi ma tkunx affettwata jekk id-drittijiet tal-kreditur taħt ftehim ta’ kreditu ipotekarju jew il-ftehim innifsu jiġu trasferriti lil parti terza (xerrej tal-kreditu), id-Direttiva emendatorja (UE) 2021/2167 (li tarmonizza r-regoli għas-servizzi tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu fir-rigward ta’ self li ma jrendix — ara s-sommarju) iżżid artikolu ġdid mad-Direttiva 2014/17/UE li tagħti d-drittijiet lill-konsumaturi, f’każijiet ta’ trasferiment tal-kreditu, li jeċipixxu kontra x-xerrej tal-kreditu kull difiża li kienet disponibbli għalihom kontra l-kreditur oriġinali u li jkunu informati dwar it-trasferiment.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/2167 iżżid ukoll artikolu li jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni li l-kreditur għandu jikkomunika lill-konsumatur qabel jimmodifika t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ftehim ta’ kreditu.
  • Id-direttiva emendatorja tintroduċi wkoll rekwiżit biex il-kredituri jkollhom politiki u proċeduri adegwati li jippermettulhom jeżerċitaw tolleranza raġonevoli qabel jinbdew proċeduri ta’ esklużjoni fejn xieraq u jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi tal-konsumaturi. Id-direttiva emendatorja tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri possibbli ta’ tolleranza.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mill-20 ta’ Marzu 2014 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-21 ta’ Marzu 2016. Hija tapplika għall-ftehimiet ta’ kreditu ipotekarju mill-21 ta’ Marzu 2016.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/2167 għandha ssir liġi fl-Istati Membri sad-29 ta’ Diċembru 2023. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mit-30 ta’ Diċembru 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, pp. 34–85).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/17/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE (ĠU L 438, 8.12.2021, pp. 1–37).

l-aħħar aġġornament 22.02.2022

Top