IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2020
COM(2020) 253 final
WHITE PAPER
dwar il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020DC0253
WHITE PAPER on levelling the playing field as regards foreign subsidies
WHITE PAPER dwar il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin
WHITE PAPER dwar il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin
COM/2020/253 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2020
COM(2020) 253 final
WHITE PAPER
dwar il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin
WHITE PAPER
dwar il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin
Werrej
1Introduzzjoni
2Definizzjoni tal-problema
2.1Is-sussidji barranin jirriskjaw li joħolqu distorsjoni fis-suq intern tal-UE
2.2Ħarsa ġenerali lejn każijiet li jinvolvu sussidji barranin
3Analiżi tal-lakuni
3.1Regoli tal-kompetizzjoni tal-UE
3.2Il-politika kummerċjali tal-UE
3.3Akkwist pubbliku
3.4Finanzjament tal-UE
4Qafas biex jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin fis-suq intern b’mod ġenerali u fil-każ tal-akkwiżizzjonijiet u tal-akkwist pubbliku
4.1Strument ġenerali għall-qbid tas-sussidji barranin (il-Modulu 1)
4.1.1Karatteristiċi bażiċi
4.1.2Kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 1
4.1.3Valutazzjoni tad-distorsjonijiet fis-suq intern
4.1.4Test tal-interess tal-UE
4.1.5Proċedura
4.1.6Miżuri ta’ rimedju
4.1.7L-awtoritajiet superviżorji
4.2Sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE (il-Modulu 2)
4.2.1Karatteristiċi bażiċi
4.2.2Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 2
4.2.3Valutazzjoni tad-distorsjonijiet relatati mal-akkwiżizzjonijiet sussidjati
4.2.4Test tal-interess tal-UE
4.2.5Proċedura
4.2.6Miżuri ta’ rimedju
4.2.7L-awtoritajiet superviżorji
4.3Sussidji barrani fl-akkwist pubbliku (Modulu 3)
4.3.1Introduzzjoni
4.3.2Distorsjonijiet minn sussidji barranin fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku
4.3.3Proċedura
4.3.4Sussidji barranin fl-akkwist pubbliku skont ftehimiet intergovernattivi35
5Sussidji barranin fil-kuntest ta’ finanzjament mill-UE35
5.1Definizzjoni tal-problema35
5.2Qafas u miżuri biex timtela l-lakuna37
5.2.1Ġestjoni diretta37
5.2.2Ġestjoni kondiviża39
5.2.3Ġestjoni indiretta40
6Interazzjoni ma’ strumenti oħra tal-UE u internazzjonali40
6.1Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet41
6.2Regoli tal-antitrust tal-UE41
6.3Regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat42
6.4Ir-Regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku42
6.5Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji42
6.6Strumenti tad-difiża tal-kummerċ – protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati42
6.7Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB43
6.8Ftehimiet kummerċjali bilaterali44
6.9Il-Ftehim dwar il-kapitoli dwar l-Akkwist tal-Gvern u l-akkwist pubbliku fl-FTAs45
6.10Regoli settorjali: is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru u dak marittimu45
7Konsultazzjoni Pubblika46
ANNESS I: DEFINIZZJONI TA’ SUSSIDJU BARRANI47
ANNESS II: KWESTJONARJU49
1Introduzzjoni
Il-ftuħ għall-kummerċ u għall-investiment jirfed il-prosperità u l-kompetittività tal-Ewropa. Il-kummerċ jammonta għal kważi 35 % tal-PDG tal-UE. 35 miljun impjieg Ewropew huma marbuta mal-esportazzjonijiet. L-UE hija fornitur ewlieni fid-dinja u l-akbar destinazzjoni dinjija tal-investiment dirett barrani 1 b’16-il miljun impjieg Ewropew marbut miegħu.
Suq uniku b’saħħtu, miftuħ u kompetittiv jippermetti lill-kumpaniji tal-UE joperaw u jikkompetu mad-dinja kollha. Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa li fasslet triq ċara biex l-industrija tagħna tkun tista’ tmexxi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali bbażati fuq il-kompetizzjoni, is-swieq miftuħa, l-aqwa riċerka u teknoloġiji fid-dinja, u suq uniku b’saħħtu.
Sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tal-kummerċ dinji, l-Ewropa se ssegwi mudell ta’ awtonomija strateġika miftuħa. Dan ifisser li tissawwar is-sistema l-ġdida ta’ governanza ekonomika globali u jiġu żviluppati relazzjonijiet bilaterali ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li nipproteġu lilna nfusna minn prattiki inġusti u abbużivi.
Il-ftuħ għall-kummerċ u għall-investiment huwa parti mill-reżiljenza tal-ekonomija iżda huwa essenzjali, dan irid jimxi id f’id mal-ġustizzja u jkun b’regoli prevedibbli. L-ambjent ekonomiku dinji attwali huwa l-aktar wieħed diffiċli fiż-żminijiet riċenti. Il-ftuħ tal-kummerċ ibbażat fuq kondizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni qed jiġi kkontestat, kif ukoll l-objettiv li jitfittxu relazzjonijiet kummerċjali ta’ benefiċċju reċiproku. Dan jidher minn prattiki kummerċjali inġusti sponsorjati mill-istat, li jinjoraw il-forzi tas-suq u jabbużaw mir-regoli internazzjonali, bil-ħsieb li tintlaħaq dominanza f’diversi setturi tal-attività ekonomika. Tali prattiki inġusti tipikament jinkludu l-protezzjoni ta’ industriji mill-kompetizzjoni permezz ta’ ftuħ selettiv tas-suq, liċenzjar u restrizzjonijiet oħra fuq l-investiment, kif ukoll bl-għoti ta’ sussidji li jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi kemm għall-kumpaniji tal-istat kif ukoll għall-kumpaniji mis-settur privat. L-effetti ekonomiċi ta’ distorsjoni ta’ dawn il-prattiki huma rilevanti fi kwalunkwe settur affettwat, kemm strateġiku kif ukoll mhux.
Fl-ekonomija globali u magħquda tal-lum, is-sussidji barranin jistgħu madankollu joħolqu distorsjoni fis-suq intern tal-UE u jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi. Hemm għadd dejjem jikber ta’ inċidenzi li fihom is-sussidji barranin jidhru li ffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi tal-UE, influwenzaw deċiżjonijiet oħra ta’ investiment jew ħolqu distorsjoni fl-imġiba tas-suq tal-benefiċjarji tagħhom. Fl-UE, is-suq uniku u r-regoli tiegħu jiżguraw kundizzjonijiet ekwi biex l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi kollha ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskala u mill-opportunitajiet tal-ekonomija tal-UE.
Il-ġabra tar-regoli dwar is-Suq Uniku tinkludi wkoll regoli dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġi żgurat li l-impriżi jibbenefikaw minn aċċess ġust għall-kuntratti pubbliċi, u li l-awtoritajiet kontraenti jibbenefikaw minn kompetizzjoni ġusta.
Ir-regoli tal-kompetizzjoni ilhom parti mis-suq intern tal-UE mill-bidu tagħha. B’mod partikolari, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jiżguraw li s-sussidji mill-awtoritajiet pubbliċi jkunu kompatibbli mas-suq intern. Ħafna mis-sussidji barranin ikunu problematiċi kieku jingħataw mill-Istati Membri tal-UE u jiġu evalwati skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss għall-appoġġ pubbliku mogħti mill-Istati Membri tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, is-sussidji mogħtija minn awtoritajiet mhux mill-UE jaqgħu barra l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.
Barra minn hekk, il-livell limitat tal-ftuħ tas-suq domestiku ta’ pajjiżi terzi jista’ jwassal għal distorsjoni ulterjuri tas-suq. Meta benefiċjarju ma jiffaċċja l-ebda kompetizzjoni jew jiffaċċja kompetizzjoni limitata fis-suq domestiku tiegħu, jista’ jingrana l-pożizzjoni privileġġata tiegħu fi swieq oħra, u b’hekk igawdi vantaġġ mhux dovut fuq oħrajn. Is-sussidji barranin li joriġinaw fi Stati fejn l-aċċess għas-swieq huwa magħluq jew ristrett probabbilment jistgħu jikkawżaw anki aktar distorsjonijiet.
Fil-kuntest attwali tal-kriżi tal-COVID-19, l-Istati Membri tal-UE jagħtu ammonti sinifikanti ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw impriżi individwali u l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi. Din hija sitwazzjoni li fiha l-għajnuna mill-Istat hija mezz indispensabbli għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi biex jistabbilizzaw l-ekonomija u aċċelleraw ir-riċerka fejn jidħol il-coronavirus. Fl-istess ħin, l-appoġġ pubbliku għadu soġġett għall-kontroll tal-UE tal-għajnuna mill-Istat anki fis-sitwazzjoni attwali, u dan jiżgura pereżempju l-proporzjonalità tiegħu u jimminimizza l-effett potenzjalment ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-qafas ta’ valutazzjoni attwali huwa temporanju u limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għal miżuri tal-kriżi. Is-sitwazzjoni attwali turi l-importanza li jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, anki f’ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.
Din il-White Paper għandha l-għan li tniedi diskussjoni wiesgħa mal-Istati Membri, ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra, mal-partijiet konċernati kollha, inklużi l-industrija, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi, il-pubbliku inġenerali u kwalunkwe parti interessata oħra dwar l-aħjar mod biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi identifikati. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-White Paper se jħejju t-triq għall-għażla tal-mod l-aktar xieraq biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet maħluqa mis-sussidji barranin, inklużi proposti għal strumenti legali xierqa.
Il-White Paper l-ewwel tiddeskrivi r-raġunament biex jiġu indirizzati s-sussidji barranin, inklużi eżempji tipiċi ta’ sussidji barranin li jidhru li jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Imbagħad, il-White Paper tippreżenta analiżi tal-istrumenti legali eżistenti biex jiġu ndirizzati s-sussidji barranin u tiddiskuti l-kwistjoni tal-lakuna regolatorja. Sussegwentement, il-White Paper tistipula orjentazzjonijiet preliminari sustanttivi u proċedurali għal strumenti legali possibbli biex tindirizza l-lakuna regolatorja fejn jidħlu:
·Sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern fir-rigward
ol-operat ġenerali tas-suq tal-operaturi ekonomiċi attivi fl-UE;
oakkwiżizzjonijiet ta’ impriżi tal-UE;
oil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;
·Sussidji barranin fil-kuntest tal-aċċess għall-finanzjament mill-UE
2Definizzjoni tal-problema
2.1Is-sussidji barranin jirriskjaw li joħolqu distorsjoni fis-suq intern tal-UE
Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jgħinu biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern bejn l-impriżi fir-rigward tas-sussidji pprovduti mill-Istati Membri tal-UE. Madankollu, ma hemm l-ebda regola bħal din għal sussidji li awtoritajiet mhux mill-UE jagħtu lill-impriżi li joperaw fis-suq intern. Din is-sitwazzjoni tista’ tinkludi ċirkostanzi fejn l-impriżi li jibbenefikaw ikunu proprjetà ta’ kumpanija li mhix fl-UE jew ta’ gvern barrani jew li fl-aħħar mill-aħħar jkunu kkontrollati minn tali kumpanija jew gvern.
Hemm informazzjoni limitata dwar l-ammont attwali ta’ sussidji barranin li qed jingħataw. Dan huwa l-aktar minħabba nuqqas ta’ trasparenza u konformità baxxa 2 mal-obbligu ta’ notifika tas-sussidji skont il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta' Kumpens (il-Ftehim SCM 3 ). Madankollu, xi rapporti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jindikaw li l-interventi governattivi jidhru mifruxa ħafna f’ċerti settur 4 .
L-ekonomija tal-UE hija miftuħa għall-investiment barrani. Dan huwa rifless minn data ekonomika reċenti. Fl-2016, 3 % tal-kumpaniji Ewropej kienu proprjetà ta’ investituri mhux mill-UE jew ikkontrollati minnhom. Dawn jirrappreżentaw 35 % tal-assi totali u madwar 16-il miljun impjieg 5 . Dan l-aħħar, kien hemm żieda fl-investiment minn pajjiżi terzi oħra wkoll minbarra minn investituri tradizzjonali bħall-Istati Uniti u l-Kanada. L-investiment minn intrapriżi tal-istat kiber b’rata mgħaġġla matul l-aħħar ftit snin, kif ukoll kibret il-preżenza ta’ “investituri offshore”.
Il-livell ta’ investiment dirett barrani (IDB) lejn l-UE, il-kompożizzjoni tiegħu u l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar ammont mhumiex kostanti u jinbidlu l-ħin kollu. Wieħed għad irid jara l-iskala tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-livell ta’ influssi tal-IDB u l-oriġini tal-IDB lejn l-UE.
Aktar ftuħ għall-investiment barrani jġib opportunitajiet għall-ekonomija tal-UE iżda wkoll b’riskji akbar, bħal sussidji barranin, li jeħtieġ li jiġu kkontrollati biex jiġi evitat li tiddgħajfu l-kompetittività u l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-UE. It-tħassib dwar is-sussidjar jista’ jiġi aggravat meta l-impriżi pubbliċi ma jkunux soġġetti għall-istess regoli bħall-impriżi privati, u fejn ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-istat u l-impriżi tiegħu ma jkunux trasparenti. It-Trattat huwa newtrali fir-rigward tas-sjieda pubblika jew privata tal-impriżi. Kemm l-impriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati huma soġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza 6 , l-Istati Membri huma obbligati li jkunu trasparenti dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejniethom u l-impriżi pubbliċi tagħhom u jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-trasparenza skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat 7 .
Bħal fil-każ tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE, is-sussidji barranin jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern u jirriżultaw f’kundizzjonijiet mhux ekwi fejn operaturi inqas effiċjenti jikbru u jżidu s-sehem mis-suq għad-detriment ta’ operaturi aktar effiċjenti. B’mod simili, is-sussidji barranin jistgħu jirriżultaw ukoll f’emulazzjoni għalja u spiss ta’ ħela u jwasslu għal tlielaq għas-sussidji bejn l-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ trasparenza u reċiproċità fl-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi huma fatturi oħra li għandhom it-tendenza li jaggravaw dawn l-effetti dannużi.
Minbarra t-tħassib ġenerali dwar is-sussidji barranin mogħtija lil impriżi fl-UE, hemm tħassib speċifiku dwar is-sussidji barranin fil-kuntest tal-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE u tal-akkwist pubbliku.
Fejn jidħlu l-akkwiżizzjonijiet il-prezz li l-akkwirenti huma lesti li jħallsu tipikament jirrifletti l-kisbiet fl-effiċjenza jew iż-żieda fid-dħul li jistgħu jiksbu billi jakkwistaw l-assi. Madankollu, is-sussidju jista’ jippermetti lill-akkwirent sussidjat iħallas prezz ogħla biex jakkwista l-assi milli kieku kien iħallas, u b’hekk jista’ joħloq distorsjoni fil-valutazzjoni tal-assi tal-UE. Is-sussidji barranin għalhekk jistgħu jwasslu għal prezzijiet eċċessivi tax-xiri (għoti ta’ offerti ikbar) u fl-istess ħin jipprevjenu l-akkwirenti mhux sussidjati milli jiksbu kisbiet fl-effiċjenza jew milli jaċċessaw teknoloġiji ewlenin.
Is-sussidji barranin għalhekk jistgħu jwasslu għal allokazzjoni ġenerali ineffiċjenti tar-riżorsi u, b’mod partikolari, għal telf fil-kompetittività u fil-potenzjal għall-innovazzjoni tal-kumpaniji li ma jirċevux tali sussidji. F’xi każijiet, l-għoti ta’ sussidji barranin jista’ wkoll ikun xprunat minn objettiv strateġiku li jistabbilixxi preżenza qawwija fl-UE jew li jippromwovi akkwiżizzjonijiet u trasferiment ta’ teknoloġiji lejn siti oħra ta’ produzzjoni, possibbilment barra mill-UE. Għalhekk hemm bżonn speċifiku li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi fil-mira fl-UE. Dan jista’ jiżgura li l-kumpaniji kollha jikkompetu fuq l-istess livell biex jakkwistaw assi ewlenin u biex jibqgħu fuq quddiem nett teknoloġikament, filwaqt li jinżammu l-benefiċċji li jagħtu l-kompetizzjoni internazzjonali u l-investimenti diretti barranin eżoġeni.
Is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE huma fil-biċċa l-kbira miftuħa għal offerenti minn pajjiżi terzi. Il-pubblikazzjoni tal-offerti madwar l-UE tiżgura t-trasparenza u toħloq opportunitajiet tas-suq kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex fl-UE. Madankollu, il-kumpaniji tal-UE mhux dejjem jikkompetu fuq l-istess livell mal-kumpaniji li jibbenefikaw minn sussidji barranin. Il-kumpaniji sussidjati jkunu jistgħu jagħmlu offerti aktar vantaġġużi, u b’hekk jew jiskoraġġixxu lill-kumpaniji mhux sussidjati milli jipparteċipaw mill-bidu nett jew inkella jirbħu kuntratti għad-detriment ta’ kumpaniji mhux sussidjati u aktar effiċjenti 8 . Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li r-riċevituri ta’ sussidji barranin li jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi fl-UE jikkompetu fuq l-istess livell.
Ħafna xerrejja pubbliċi, konxji mill-baġits tagħhom, għandhom inċentiv biex jagħtu kuntratti lil offerenti li joffru prezzijiet baxxi irrispettivament minn jekk dawk il-prezzijiet humiex iffaċilitati minn sussidji barranin. Dan jista’ jkun il-każ mhux biss għal kuntratti mogħtija fuq il-bażi tal-prezz, iżda wkoll għal kuntratti mogħtija fuq il-bażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità, billi l-kriterji ta’ kwalità rarament jikkumpensaw differenzi importanti fil-prezzijiet, bħal dawk li jistgħu jkunu permessi minn sussidji barranin.
L-istess effett distortiv jista’ jseħħ meta kumpaniji li jibbenefikaw minn sussidji barranin ifittxu aċċess għal finanzjament mill-baġit tal-UE.
2.2Ħarsa ġenerali lejn każijiet li jinvolvu sussidji barranin
Jista’ jkun hemm diversi objettivi li jsegwu l-awtoritajiet mhux mill-UE billi jagħtu sussidji barranin, mhux neċessarjament totalment ta’ natura politika, kif ukoll jista’ jkun hemm modi differenti li bihom jiġi pprovdut sussidju lil impriża fl-UE. Hawn taħt qed jingħataw xi eżempji.
L-ewwel nett, l-impriżi jistgħu jirċievu sussidji biex jippromwovu l-attivitajiet eżistenti tagħhom fl-UE. L-istati barranin jistgħu jagħtu sussidji (pereżempju għotjiet) jew jipprovdu finanzjament orħos għal impriża fl-UE (pereżempju, sussidjarja li tinsab fl-UE). L-istati barranin jistgħu jagħtu wkoll sussidju lil kumpanija omm li tinsab barra mill-UE (pereżempju reġimi tat-taxxa tal-kumpaniji li jagħti inċentivi selettivi), li mbagħad tiffinanzja lis-sussidjarja li tkun tinsab fl-UE permezz ta’ tranżazzjonijiet intragrupp. Impriża fl-UE tista’ tirċievi wkoll finanzjament b’termini preferenzjali minn banek barranin direttament fuq struzzjoni ta’ stati barranin. Barra minn hekk, il-pajjiżi terzi jista’ jkollhom arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet lokali fl-UE jew ma’ banek tal-iżvilupp fl-UE, u għalhekk jistgħu jgħaddu sussidji barranin permezz ta’ dawn l-awtoritajiet jew banek lil impriżi fl-UE 9 .
F’xi każijiet, is-sussidji barranin jingħataw bl-objettiv espliċitu li jippermettu lill-kumpaniji jissottomettu offerti għal kuntratti pubbliċi, bi prezzijiet li jkunu inqas mill-prezz tas-suq jew saħansitra taħt il-kost, u b’hekk direttament “iwaqqgħu l-offerti” għad-detriment tal-impriżi kompetituri mhux sussidjati. Is-sussidji jistgħu wkoll ġeneralment jiffaċilitaw imġiba aggressiva fis-suq. Tali mġiba, li ma tkunx xprunata minn interessi kummerċjali, tista’ tkun xprunata minn għanijiet strateġiċi, sabiex jidħlu fi swieq jew f’reġjuni strateġikament importanti, jew jiksbu aċċess privileġġat għal infrastruttura kritika u maġġuri, inkluża infrastruttura rregolata mir-regoli tad-Direttiva 2014/25/UE.
Fl-aħħar, is-sussidji barranin jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-akkwiżizzjonijiet biex jgħinu lill-kumpaniji mhux tal-UE jespandu fl-UE. L-awtoritajiet mhux tal-UE jistgħu jfittxu li jiggwidaw l-akkwisti billi joffru finanzjament preferenzjali, garanziji ta’ self u mezzi oħra ta’ tnaqqis tal-kosijiet kapitali. Dawn il-miżuri jista’ jkollhom l-għan dirett li jappoġġaw l-investiment endoġenu ta’ impriżi billi jagħtu rifużjonijiet tat-taxxa ddedikati (tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul) jew finanzjament minn fondi ta’ investiment jew intermedjarji appoġġati mill-gvern 10 . Dawn il-benefiċċji possibbli differenti kollha jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-primjums offruti għall-akkwisti. Għadd sostanzjali ta’ investiment dirett barrani jseħħ permezz ta’ ċentri finanzjarji offshore li jistgħu joffru kundizzjonijiet speċjali tat-taxxa. B’mod partikolari, 10,9 % 11 tal-investituri barranin li jikkontrollaw kumpaniji tal-UE huma stabbiliti f’dawn iċ-ċentri finanzjarji offshore.
3Analiżi tal-lakuni
Hemm ċerti strumenti tal-UE u dawk internazzjonali li jenħtieġ li jitqiesu meta jiġi kkunsidrat kif se jiġu indirizzati d-distorsjonijiet kkawżati minn sussidji barranin fis-suq intern. Filwaqt li dawn ir-regoli internazzjonali u tal-UE jindirizzaw dawn id-distorsjonijiet sa ċertu punt, din l-analiżi tal-lakuni turi li l-kwistjoni sa issa għadha ma ġietx indirizzata b’mod eżawrjenti mill-ebda strument eżistenti. B’mod partikolari, fejn is-sussidji barranin jieħdu l-forma ta’ flussi finanzjarji li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi tal-UE jew fejn jappoġġaw l-operat ta’ impriża fl-UE, jidher li hemm lakuna regolatorja. L-istess japplika meta s-sussidji barranin joħolqu distorsjoni fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku jew meta s-sussidji barranin jipprovdu benefiċċju fir-rigward tal-aċċess għall-appoġġ finanzjarju tal-UE. Din il-White Paper għalhekk tistabbilixxi xi elementi possibbli biex dawn l-għodod ġodda jindirizzaw il-lakuna regolatorja eżistenti u biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.
Fl-istess ħin, jista’ jkun hemm trikkib bejn dawn l-istrument ġodda u r-regoli eżistenti. It-Taqsima 6 tispjega dan f’iktar fid-dettall u kif dawn l-istrument ġodda se jirkbu fuq regoli attwali tal-UE u internazzjonali.
3.1Regoli tal-kompetizzjoni tal-UE
Ir-regoli tal-UE dwar l-għaqdiet u l-antitrust jippermettu lill-Kummissjoni tintervjeni fejn il-konċentrazzjonijiet jew il-prattiki tas-suq tal-kumpaniji joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. La r-regoli tal-antitrust tal-UE u lanqas il-kontroll tal-għaqdiet tal-UE ma jqisu b’mod speċifiku jekk operatur ekonomiku setax ibbenefika minn sussidji barranin (anki jekk, fil-prinċipju, dan jista’ jkun parti mill-valutazzjoni) u ma jippermettux lill-Kummissjoni (jew lill-Istati Membri) tintervjeni u tiddeċiedi biss, jew anki prinċipalment, fuq din il-bażi.
Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw fejn l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Istati Membri tal-UE lill-impriżi jfixkel jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. Madankollu, l-appoġġ finanzjarju mogħti minn awtoritajiet mhux tal-UE lil impriżi fl-UE direttament jew permezz tal-kumpaniji omm tagħhom barra mill-UE mhuwiex kopert mir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat 12 .
3.2Il-politika kummerċjali tal-UE
Fil-qasam tal-politika tal-kummerċ, l-UE għandha xi ftit strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex iġġib lura kundizzjonijiet ekwi għall-kummerċ ta’ prodotti u l-investimenti: f'livell multilaterali, il-Ftehim tad-WTO SCM, f'livell bilaterali l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u miżuri unilaterali bħall-istrumenti ta’ difiża kummerċjali. Dawn l-istrumenti jippermettu lill-UE tirreaġixxi għal kompetizzjoni inġusta fejn il-prodotti jkunu ġew manifatturati bl-appoġġ ta’ finanzjament mhux mill-UE (antisussidji) 13 . Il-miżuri biex jikkumpensaw il-prattiki inġusti normalment jieħdu l-forma ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni biex jiġi eliminat id-dannu mis-sussidju li jirċievu l-kompetituri barranin.
Dawn l-istrumenti, madankollu, għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom u ma jippermettux li jiġu indirizzati s-sussidji barranin kollha li jaffettwaw is-suq intern. Ir-regoli tal-UE dwar l-anti-dumping u antisussidji japplikaw għall-importazzjoni ta’ prodotti fl-UE. Madankollu, dawn ma jkoprux il-kummerċ fis-servizzi, l-investiment jew flussi finanzjarji oħra fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat ta’ impriżi fl-UE.
Ir-Regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-UE (ir-Regolament dwar l-iskrinjar tal-IDB) 14 jikkostitwixxi għodda importanti biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku li jirriżultaw minn investimenti barranin li jimmiraw lejn l-assi kritiċi tal-UE jew tal-Istati Membri. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar IDB jiddetermina l-impatt probabbli tal-investiment dirett barrani fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku billi jikkunsidra l-effetti tiegħu, fost l-oħrajn, fuq l-infrastruttura kritika, it-teknoloġiji kritiċi, l-inputs kritiċi, u ma jindirizzax b’mod speċifiku l-kwistjoni tad-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin.
Fil-livell internazzjonali, l-UE tista’ tressaq litigazzjoni kontra membru tad-WTO għal ksur tal-Ftehim SCM, b’mod partikolari meta membru tad-WTO jagħti sussidji, projbiti taħt il-Ftehim, jew sussidji li jikkawżaw effetti negattivi għall-interessi tiegħu, u li l-kwistjoni tkun aġġudikata minn bord tad-WTO. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim SCM huwa limitat ukoll għall-kummerċ ta’ prodotti. Il-GATS tad-WTO fih mandat integrat biex jiżviluppa regoli għal sussidji fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi, iżda sa issa, l-ebda regoli bħal dawn ma ġew żviluppati.
3.3Akkwist pubbliku
Il-qafas legali eżistenti tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku ma jindirizzax speċifikament id-distorsjonijiet fis-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE kkawżati minn sussidji barranin. Bħala strumenti tas-suq uniku, id-Direttivi tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku ma jistabbilixxu l-ebda regola speċifika dwar il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw minn sussidji barranin. L-awtoritajiet kontraenti jgawdu minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fit-tfassil ta’ proċedura ta’ offerta pubblika u fl-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati fil-proċedura. Barra minn hekk l-awtoritajiet mhumiex legalment meħtieġa jinvestigaw l-eżistenza ta’ sussidji barranin meta jkunu qegħdin jevalwaw l-offerti u ma jkun hemm l-ebda konsegwenza legali speċifika marbuta mal-eżistenza ta’ sussidji barranin li jikkawża distorsjoni .
L-UE impenjat ruħha taħt diversi ftehimiet internazzjonali (bħall-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Ftehimiet bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles b'Kapitoli dwar l-Akkwisti pubbliċi) biex tagħti aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tagħha għal prodotti, servizzi u fornituri minn diversi pajjiżi terzi. Għaldaqstant, id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku jipprovdu, għax-xerrejja pubbliċi fl-UE, l-obbligu li jaċċettaw xogħlijiet, provvisti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-firmatarji ta' dawk il-ftehimiet, li mhuwiex inqas favorevoli mit-trattament mogħti lix-xogħlijiet, lill-provvisti, lis-servizzi u lill-operaturi ekonomiċi tal-UE, safejn l-akkwist pubbliku inkwistjoni jkun kopert minn dawn il-ftehimiet.
Lil hinn minn dak l-obbligu, l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi, li ma jkunux laħqu ftehim mal-UE li jipprovdi għall-ftuħ tas-suq tal-akkwist pubbliku tagħhom jew li l-prodotti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet tagħhom ma jkunux kisbu aċċess sigur għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-UE u li jistgħu jiġu esklużi 15 . Fil-prattika, id-deċiżjonijiet biex jiġu esklużi offerenti minn pajjiżi terzi mingħajr aċċess garantit jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għoti ta’ sussidji barranin, iżda fil-qafas legali ma hemm l-ebda rabta bħal din.
Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jikkunsidraw l-eżistenza ta’ sussidji barranin meta jevalwaw ir-riskji f’termini ta’ twettiq u eżekuzzjoni ta’ kuntratt. B’mod aktar speċifiku, ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jikkunsidraw id-dipendenza fuq sussidji meta jivvalutaw l-vijabbiltà finanzjarja kumplessiva ta’ offerta. Għal din il-valutazzjoni, l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24/UE 16 jipprovdi l-possibbiltà li l-awtoritajiet kontraenti jirrifjutaw offerti li jqisuhom bħala baxxi b’mod anormali f’sitwazzjonijiet fejn l-ispjegazzjonijiet u l-evidenza pprovduti mill-offerent ma jirriflettux biżżejjed il-prezz baxx offrut. Fejn, bħala parti minn dik il-valutazzjoni, jista’ jiġi stabbilit li offerent kiseb għajnuna mill-Istat tal-UE inkompatibbli mat-TFUE, li ppermettietlu jagħmel offerta baxxa, l-offerta tista’ – taħt kundizzjonijiet addizzjonali – tiġi rrifjutata fuq dik il-bażi biss 17 . B’kuntrast, l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24/UE ma fih l-ebda dispożizzjoni korrispondenti għal sussidji barranin li jippermettu lill-offerenti jissottomettu offerti baxxi. Jekk l-għotja ta’ sussidji barranin tista’ tiġi kkunsidrata fil-valutazzjoni kumplessiva, u x-xerrejja pubbliċi fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu li jirrifjutaw offerta bħala baxxa b’mod anormali, rifjut bħal dan jenħtieġ li jiġi ġġustifikat billi jintwera li s-sussidji barranin ifixklu l-vijabbiltà tal-offerta u l-kapaċità tal-offerent li jeżegwixxi l-kuntratt bil-prezz (baxx b’mod anormali) offrut 18 .
Ix-xerrejja pubbliċi fl-UE huma mħeġġa wkoll li jirrikjedu standards ambjentali u soċjali għoljin fl-akkwist pubbliku tagħhom u li jiżguraw li l-offerenti tal-UE u tal-pajjiżi terzi jkunu marbuta bl-istess standards. Jistgħu jużaw speċifikazzjonijiet tekniċi, esklużjonijiet, kriterji tal-għażla u tal-għoti kif ukoll jiddefinixxu klawżoli kuntrattwali ta’ prestazzjoni li jiżguraw ir-rispett ta’ standards għoljin 19 . Filwaqt li tali rekwiżiti jistgħu fil-prattika jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi huma mhuwiex imfassla biex jindirizzaw l-effett distortiv potenzjali tas-sussidji barranin b’mod ġenerali, u wisq inqas biex jindirizzaw entitajiet sussidjati stabbiliti fl-UE billi dawk huma diġà soġġetti għall-istess regoli bħall-pari tagħhom mhux sussidjati.
Fil-prattika x-xerrejja pubbliċi ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jinvestigaw jekk l-offerenti jibbenefikawx minn sussidji barranin jew biex jivvalutaw sa liema punt is-sussidji għandhom l-effett li jikkawżaw distorsjonijiet fis-swieq tal-akkwist pubbliku. Ix-xerrejja pubbliċi jista’ jkollhom ukoll inċentiv ekonomiku fuq terminu qasir biex jagħtu kuntratti lil dawn l-offerenti, anki jekk il-prezzijiet baxxi offruti jirriżultaw mill-eżistenza ta’ sussidji barranin.
Fl-aħħar nett, l-għan ewlieni tal-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (IPI) 20 huwa li jinċentiva lis-sħab kummerċjali biex jinnegozjaw mal-UE l-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom għan-negozji tal-UE. Dment li l-IPI jiġi adottat fil-forma attwali tiegħu, dan għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE, iżda mhux se jindirizza distorsjonijiet fil-proċessi tal-akkwist pubbliku fis-suq intern li jirriżultaw minn sussidji barranin mogħtija lil impriżi li jipparteċipaw fis-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE 21 .
Ir-regoli eżistenti fil-qasam tal-akkwist pubbliku tal-UE mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw u jirrimedjaw id-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin. Għalhekk jidher li hemm lakuna regolatorja, meta sussidji barranin jiffaċilitaw u joħolqu distorsjoni fl-offerti fi proċedura ta’ akkwist pubbliku tal-UE.
3.4Finanzjament tal-UE
L-aċċess għall-appoġġ finanzjarju tal-UE huwa soġġett għar-regoli stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju (“ir-Regolament Finanzjarju”, jew “FR”). 22 Ftehimiet ma’ pajjiżi terzi jirregolaw l-aċċess għall-finanzjament mill-UE għall-entitajiet mill-pajjiżi terzi. Dawk ir-regoli huma kkumplimentati minn regolamenti stabbiliti għall-programmi ta’ nfiq u fondi tal-UE.
Dawn ir-regoli kollha fihom dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipproteġu l-kundizzjonijiet ekwi. Pereżempju, jagħmlu dan billi jistabbilixxu miżuri biex inaqqsu l-impatt ta’ offerti anormalment baxxi 23 .
Madankollu, l-ebda waħda minn dawn ir-regoli ma tqis l-eżistenza ta’ sussidji barranin u l-impatt tagħhom fuq il-kapaċità ta’ kumpanija, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħha, biex ikollha aċċess għall-finanzjament tal-UE fuq il-bażi ta’ sussidji bħal dawn.
Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża, l-analiżi tal-lakuni fit-Taqsima 3.3 u l-kunsiderazzjonijiet dwar ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku f’dan id-dokument huma rilevanti ħafna wkoll għall-finanzjament mill-UE, billi l-Istati Membri japplikaw dawn ir-regoli għal proġetti ffinanzjati mill-UE u implimentati b’ġestjoni kondiviża.
4Qafas biex jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin fis-suq intern b’mod ġenerali u fil-każ tal-akkwiżizzjonijiet u tal-akkwist pubbliku
Kif uriet l-analiżi tal-lakuni, l-UE diġà għandha ċerti għodod biex tindirizza d-distorsjonijiet li jistgħu jikkawżaw is-sussidji barranin fis-suq intern, partikolarment fejn jingħataw sussidji barranin għall-importazzjoni ta’ prodotti. Madankollu, jirriżulta wkoll mill-analiżi tal-lakuni u d-definizzjoni tal-problemi li l-għodod eżistenti jeħtieġ li jiġu ssupplimentati biex jindirizzaw u jirrimedjaw b’mod speċifiku d-distorsjonijiet fis-suq intern tal-UE li jirriżultaw minn sussidji mogħtija minn awtoritajiet mhux tal-UE. F’din it-Taqsima, il-White Paper, għalhekk, tippreżenta għad-diskussjoni qafas li jista’ jindirizza, minn naħa waħda, id-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin ipprovduti lil operatur ekonomiku fis-suq tal-UE (il-Modulu 1) u, min-naħa l-oħra, id-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin fil-kuntest tal-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi fil-mira fl-UE (il-Modulu 2) u tal-akkwist pubbliku (il-Modulu 3). Fil-Moduli kollha, hija l-oriġini tas-sussidju, jiġifieri dak mogħti minn pajjiż terz, li huwa l-iskattatur deċiżiv. Il-Moduli jistgħu jew jiġu applikati b’mod alternattiv fuq bażi awtonoma, jew inkella flimkien.
F’dan li ġej, il-Moduli rispettivi se jiġu spjegati f’aktar dettall, l-ewwel billi jiġu ppreżentati l-karatteristiċi bażiċi ta’ kull Modulu u l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, il-kriterji possibbli li jistgħu jiggwidaw il-valutazzjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern, il-proċedura u l-miżuri ta’ rimedju possibbli.
Għall-finijiet ta’ din il-White Paper, it-terminu “sussidju barrani” huwa definit fl-Anness I.
4.1Strument ġenerali għall-qbid tas-sussidji barranin (il-Modulu 1)
4.1.1Karatteristiċi bażiċi
Il-Modulu 1 huwa maħsub bħala strument ġenerali biex jiġu indirizzati s-sussidji barranin li jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern u huma pprovduti lil benefiċjarju li huwa stabbilit jew, f’xi każijiet, attiv fl-UE 24 .
Skont dan il-Modulu, l-awtoritajiet superviżorji kompetenti (il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li se jeżerċitaw is-setgħat ta’ infurzar rispettivi tagħhom taħt sistema kondiviża ta’ rieżami biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet) jistgħu jaġixxu fuq kwalunkwe element li jikkunsidraw rilevanti li jindikaw l-għoti ta’ sussidju barrani lil benefiċjarju attiv fl-UE. L-informazzjoni tista’ pereżempju toriġina minn operaturi tas-suq jew minn Stati Membri. Każ jibda b’analiżi preliminari biex jiġi eżaminat jekk hemmx sussidju barrani li jista’ joħloq distorsjoni fis-suq intern. Jekk ma jkun hemm l-ebda tħassib fit-tmiem tar-rieżami preliminari, minħabba li jew ma jkun hemm l-ebda sussidju barrani, jew ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni ta’ distorsjoni fis-suq intern, jew il-każ ma jkunx prijorità, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tagħlaq il-każ.
Jekk ikun hemm evidenza li tissuġġerixxi li sussidju barrani jista’ joħloq distorsjoni fil-funzjonament korrett tas-suq intern, issir investigazzjoni fil-fond, li matulha l-awtorità superviżorja kompetenti tkun meħtieġa tikkonferma s-sejba preliminari tagħha li hemm sussidju barrani li ħoloq distorsjoni fis-suq intern.
Fi tmiem dik l-investigazzjoni fil-fond, jekk ikun ikkonfermat li l-funzjonament korrett tas-suq intern seta’ kien jew jista’ jkun distort permezz tas-sussidju barrani, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha l-possibbiltà timponi miżuri ta’ rimedju għal dawk id-distorsjonijiet fis-suq intern (“miżuri ta’ rimedju”). B’kuntrast ma’ dan, l-investigazzjoni tingħalaq jekk l-eżistenza ta’ sussidju barrani ma tkunx ikkonfermata, jekk ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni ta’ distorsjoni, jew jekk, wara eżerċizzju ta’ bbilanċjar, id-distorsjoni possibbli li s-sussidju jista’ jġib jitnaqqas minħabba l-impatt pożittiv li l-attività ekonomika jew l-investiment appoġġat jista’ jkollu fl-UE jew fuq l-interess ta’ politika pubblika rikonoxxut mill-UE.
4.1.2Kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 1
4.1.2.1Kunsiderazzjonijiet ġenerali
Il-Modulu 1 għandu kamp ta’ applikazzjoni materjali wiesa’ u jippermetti li jiġu indirizzati sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-sitwazzjonijiet kollha tas-suq 25 . Dan ifisser li l-Modulu 1 jinkludi wkoll il-possibbiltà li jiġu rieżaminati l-akkwiżizzjonijiet ffaċilitati minn sussidji barranin u/jew imġiba tas-suq minn offerent sussidjat f’akkwist pubblikku.
4.1.2.2Sussidji barranin li huma ta’ benefiċċju għal impriża fl-UE
L-għan tal-Modulu 1 huwa li jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fl-UE. Għal dan il-għan, il-Modulu 1 japplika għal impriżi stabbiliti fl-UE li jibbenefikaw minn sussidji barranin. B’mod separat, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Modulu 1 ikopri wkoll ċerti impriżi li huma b’xi mod ieħor attivi fl-UE li jibbenefikaw minn sussidji barranin. Iż-żewġ għażliet huma kkunsidrati hawn taħt. Fiż-żewġ għażliet, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biss il-possibbiltà li jieħdu azzjoni jekk is-sussidju jikkawża distorsjonijiet fis-suq intern.
·Impriżi stabbiliti fl-UE
Sussidju barrani jkun kopert minn din l-għażla jekk jipprovdi benefiċċju għal impriża 26 stabbilita fl-UE. Impriża titqies stabbilita fl-UE jekk waħda mill-entitajiet tagħha tkun stabbilita fl-UE. Meta s-sussidju jingħata lil entità stabbilita barra l-UE, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit sa liema punt il-benefiċċju tas-sussidju barrani jista’ jiġi allokat lill-entità stabbilita fl-UE, b’kunsiderazzjoni tal-kriterji rilevanti bħall-fini u l-kundizzjonijiet marbuta mas-sussidju barrani jew l-użu attwali ta’ fondi (kif evidenzjat pereżempju permezz tal-kontijiet tal-impriża inkwistjoni).
·Impriżi attivi fl-UE
Jenħtieġ li tingħata konsiderazzjoni għall-possibbiltà li jiġi applikat il-Modulu 1 mhux biss għall-impriżi stabbiliti fl-UE, iżda wkoll, għal ċerti impriżi li jibbenefikaw minn sussidji barranin u li huma b’mod ieħor attivi fl-UE, bħal meta impriża stabbilita barra mill-UE tfittex li takkwista impriża fil-mira fl-UE.
4.1.2.3Id-data minn meta jkun ingħata s-sussidju
Sussidju barrani jitqies li jaqa’ taħt il-Modulu 1 mill-mument li l-benefiċjarju jkun intitolat jirċievi s-sussidju. Il-ħlas attwali tas-sussidju mhuwiex kundizzjoni meħtieġa biex jingħata sussidju fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 1. Madankollu, il-ħlas isir rilevanti meta jiġi ddeterminat ir-rimedju xieraq kif se jiġi diskuss hawn taħt.
4.1.3Valutazzjoni tad-distorsjonijiet fis-suq intern
Ladarba tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju barrani, l-awtorità superviżorja kompetenti tivvaluta jekk is-sussidju jikkawżax distorsjoni fis-suq intern. Kemm id-distorsjonijiet attwali kif ukoll dawk potenzjali huma kkunsidrati. Ċerti kategoriji ta’ sussidji barranin jitqiesu li l-aktar għandhom mnejn joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern. Is-sussidji barranin l-oħra kollha jkunu jeħtieġu valutazzjoni aktar dettaljata skont l-indikaturi li jgħinu biex jiġi determinat jekk sussidju barrani effettivament jew potenzjalment jikkawżax distorsjoni fil-funzjonament korrett tas-suq intern. Fi kwalunkwe każ, l-impriża kkonċernata tista’ turi wkoll li s-sussidju barrani inkwistjoni ma jistax joħloq distorsjoni tas-suq intern fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.
B’mod ġenerali, huwa ssuġġerit li s-sussidji barranin taħt ċertu limitu jitqiesu li ma jkunux problematiċi billi x’aktarx ma joħolqux distorsjonijiet fil-funzjonament korrett tas-suq intern. Jenħtieġ li jiġi preżunt li sussidji barranin sa dak il-limitu li ma jkunux kapaċi joħolqu distorsjoni fil-funzjonament korrett tas-suq intern. Il-limitu jista’ jiġi stabbilit għal ammont ta’ EUR 200 000 mogħti fuq perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin. Dan l-ammont ikun allinjat mal-limitu de minimis stabbilit fir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat 27 .
4.1.3.1Kategoriji ta’ sussidji barranin meqjusa bħala li x’aktarx joħolqu distorsjoni fis-suq intern
Ċerti kategoriji ta’ sussidji barranin, bħal ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat, x’aktarx li joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern minħabba n-natura u l-forma tagħhom. Jista’ jinstab li dawn il-kategoriji ta’ sussidji barranin joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern, u jistgħu jinkludu dan li ġej:
·Sussidji fil-forma ta’ finanzjament tal-esportazzjoni, sakemm il-finanzjament tal-esportazzjoni ma jkunx ipprovdut f’konformità mal-Arranġament tal-OECD dwar il-krediti tal-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati.
·Sussidji (bħall-maħfra tad-dejn) lil impriżi f’diffikultà, jiġifieri impriżi li ma jistgħux jiksbu finanzjament jew investiment fit-tul minn sorsi kummerċjali indipendenti, sakemm ma jkunx hemm pjan ta’ ristrutturar li jwassal għall-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju u li jinkludi kontribuzzjoni proprja sinifikanti mill-benefiċjarju 28 . Is-sussidji mogħtija biex jirrimedjaw taqlib serju nazzjonali jew globali tal-ekonomija ma jaqgħux f’din il-kategorija, jekk ikunu limitati fiż-żmien u proporzjonati biex jirrimedjaw it-taqlib rispettiv.
·Sussidji li permezz tagħhom gvern jiggarantixxi djun jew obbligazzjonijiet ta’ ċerti impriżi mingħajr limitu fuq l-ammont ta’ dawk id-djun u l-obbligazzjonijiet jew it-tul ta’ żmien ta’ din il-garanzija.
·Sussidji operattivi fil-forma ta’ ħelsien mit-taxxa, barra minn miżuri ġenerali.
·Sussidji barranin li jiffaċilitaw akkwiżizzjoni direttament.
4.1.3.2Valutazzjoni tas-sussidji barranin l-oħra kollha skont l-indikaturi
Is-sussidji barranin li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq xorta jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern. Sussidji barranin bħal dawn jistgħu jippermettu operaturi inqas effiċjenti jikbru u jżidu s-sehem fis-suq intern għad-detriment ta’ operaturi aktar effiċjenti li ma jirċevux dawn is-sussidji. L-operaturi li jirċievu sussidji barranin jistgħu wkoll ikunu kapaċi jipproduċu b’mod aktar irħis u, fl-aħħar mill-aħħar, joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom fis-suq intern bi prezzijiet aktar baxxi għad-detriment tal-kompetituri li ma jirċevux dawn is-sussidji. Is-sussidji barranin jistgħu jippermettu wkoll lill-benefiċjarji tagħhom jitfgħu offerti aħjar minn ta’ operaturi oħra li jistgħu jkunu aktar effiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ prodotti jew l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi.
F’dawn il-każijiet li mhumiex fil-kategoriji stabbiliti minn qabel ta’ sussidji li joħolqu distorsjoni, is-sussidji barranin iridu jiġu eżaminati f’aktar dettall biex jiġi vvalutat jekk humiex se joħolqu distorsjoni reali jew potenzjali tal-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.
In-nuqqas ġenerali ta’ trasparenza dwar is-sussidji barranin u l-kumplessità tar-realtà kummerċjali jagħmluha diffiċli li jiġi identifikat b’mod inekwivoku jew anki biex jiġi kkwantifikat l-impatt ta’ sussidji barranin speċifiċi fuq is-suq intern. Sabiex jiġi ddeterminat impatt bħal dan, jidher għalhekk li huwa meħtieġ li tintuża ġabra ta’ indikaturi relatati mas-sussidji u mas-sitwazzjoni rilevanti tas-suq. Lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi rilevanti tista’ tinkludi l-kriterji li ġejjin:
·Id-daqs relattiv tas-sussidju inkwistjoni: aktar ma jkun kbir l-ammont ta’ sussidju f’termini relattivi, aktar ikun probabbli li jkollu impatt negattiv fuq is-suq intern; pereżempju għal sussidju ta’ investiment, id-daqs tas-sussidju jista’ jitqabbel mad-daqs tal-investiment.
·Is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju: eż., aktar ma jkun kbir il-benefiċjarju, aktar ikun probabbli li s-sussidju jikkawża distorsjonijiet. B’mod ġenerali, is-sussidji lill-impriżi żgħar u medji jistgħu jitqiesu bħala inqas probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet 29 . Inqas ma tkun utilizzata l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-benefiċjarju, aktar ikun probabbli li sussidju jikkawża distorsjonijiet.
·Is-sitwazzjoni fis-suq ikkonċernat: eż., sussidji lil benefiċjarji attivi fi swieq b’kapaċità eċċessiva strutturali huma aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet minn oħrajn. Is-sussidji lil benefiċjarji attivi fi swieq bi grad għoli ta’ konċentrazzjoni huma aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet minn oħrajn. B’mod simili, is-sussidji fi swieq ta’ teknoloġija avvanzata li qed jikbru b’rata mgħaġġla jistgħu jkunu aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet.
·L-imġiba fis-suq inkwistjoni, pereż. offerti li jgħaddu l-offerti l-oħra fl-akkwiżizzjonijiet jew offerti li joħolqu distorsjoni fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.
·Il-livell ta’ attività fis-suq intern tal-benefiċjarju: sussidji mogħtija lil impriżi b’attività limitata fis-suq intern għandhom inqas probabbiltà li jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern.
Barra minn hekk, se titqies ukoll il-possibbiltà li l-awtorità superviżorja kompetenti tkun tista’ tqis jekk il-benefiċjarju għandux aċċess privileġġat għas-suq domestiku tiegħu (permezz ta’ miżuri ekwivalenti għal drittijiet speċjali jew esklużivi) li jwassal għal vantaġġ kompetittiv artifiċjali li jista’ jintuża bħala ingranaġġ fis-suq intern tal-UE u b’hekk jiggrava l-effett ta’ distorsjoni ta’ kwalunkwe sussidju.
4.1.4Test tal-interess tal-UE
Ladarba jiġi stabbilit li sussidju barrani jkun kapaċi joħloq distorsjoni fis-suq intern, u fejn ikun hemm evidenza ta’ impatt pożittiv possibbli li l-attività ekonomika jew l-investiment appoġġati jista’ jkollhom fl-UE jew fuq l-interessi ta’ politika pubblika rikonoxxuta mill-UE, id-distorsjoni jenħtieġ li tiġi vvalutata fid-dawl ta’ dan impatt pożittiv possibbli.
F’din il-valutazzjoni jitqiesu l-objettivi tal-politika pubblika tal-UE, bħall-ħolqien tal-impjiegi, il-kisba tan-newtralità klimatika u l-protezzjoni tal-ambjent, it-trasformazzjoni diġitali, is-sigurtà, l-ordni pubbliku u s-sikurezza u r-reżiljenza pubblika. Meta jiġu bbilanċjati dawn il-kunsiderazzjonijiet kontra d-distorsjoni, jibda jsir importanti l-grad tad-distorsjoni. Barra minn hekk, l-ibbilanċjar jeħtieġ li jkun ibbażat fuq apprezzament ta’ l-interessi varji, inkluż il-ħtieġa li jitħares l-interess tal-konsumaturi. Jekk kollox ma’ kollox, id-distorsjoni fis-suq intern ikkawżata mis-sussidju barrani tiġi mitigata biżżejjed mill-impatt pożittiv tal-attività ekonomika jew l-investiment appoġġat, l-investigazzjoni fis-seħħ ma jkollhiex għalfejn titkompla.
4.1.5Proċedura
Huwa ssuġġerit li l-proċedura fil-Modulu 1 tkun tikkonsisti f’sistema b’żewġ stadji, jiġifieri rieżami preliminari tad-distorsjoni possibbli fuq is-suq intern li tirriżulta mill-eżistenza ta’ sussidju barrani u investigazzjoni fil-fond.
L-awtorità superviżorja kompetenti tista’ taħt dan il-Modulu tkun iffaċċjata b’diffikultajiet biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa b’mod partikolari minħabba li l-awtoritajiet li jagħtu s-sussidji barranin ikunu jinsabu barra mill-UE u l-istess jistgħu jkunu l-entitajiet li permezz tagħhom jistgħu jiġu mgħoddija s-sussidji.
F’dan ir-rigward, l-għodod investigattivi adegwati u l-possibbiltà li tintalab informazzjoni mill-atturi tas-suq fil-forma ta’ informazzjoni dwar is-suq se jkunu kruċjali biex l-awtorità superviżorja kompetenti tkun tista’ taġixxi.
Barra minn hekk, kemm matul l-analiżi preliminari kif ukoll fl-investigazzjoni fil-fond, ikun hemm mekkaniżmi disponibbli biex jiġbru l-informazzjoni rilevanti. L-awtorità superviżorja kompetenti tista’ timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għal nuqqas ta’ forniment f’waqtu tal-informazzjoni mitluba jew għal forniment ta’ informazzjoni mhux sħiħa, inkorretta jew qarrieqa. Jekk l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta minkejja tali sanzjonijiet, ikollha l-possibbiltà li tieħu deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, b’mod simili għall-proċedura skont l-istrumenti ta’ difiża tal-kummerċ u tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja kompetenti jista’ jkollha l-possibbiltà li tagħmel żjarat ta’ tfitix għall-fatti fil-bini fl-UE tal-allegat benefiċjarju ta’ sussidju barrani, kif ukoll f’pajjiżi terzi, jekk il-pajjiżi terzi jaqblu.
4.1.5.1Rieżami preliminari ta’ sussidju barrani possibbli
L-objettiv tar-rieżami preliminari huwa li jiġi eżaminat jekk hemmx sussidju barrani għal impriża stabbilita jew f’ċerti każijiet attiva fl-UE li jista’ joħloq distrosjoni fis-suq intern.
Jekk fi tmiem ir-rieżami preliminari, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha s-suspett li hemm sussidju barrani li jista’ joħloq distorsjoni fis-suq intern, hija tista’ tibda investigazzjoni fil-fond biex tikkonferma l-fehma preliminari tagħha li hemm sussidju barrani li jista’ joħloq distorsjoni fil-funzjonament korrett tas-suq intern. L-awtorità superviżorja kompetenti tinforma lill-impriża kkonċernata, lill-pajjiż terz li allegatament jagħti s-sussidju, u jekk ikun il-każ, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar it-tnedija ta’ investigazzjoni fil-fond.
Jekk ma jkunx hemm tħassib fi tmiem tar-rieżami preliminari, minħabba li ma jkunx hemm sussidju barrani, jew minħabba li ma jkunx hemm indikazzjonijiet ta’ distorsjoni fis-suq intern, ir-rieżami preliminari jiġi magħluq, u l-impriża kkonċernata kif ukoll il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha tal-UE jiġu infurmati b’dan.
4.1.5.2Investigazzjoni fil-fond ta’ sussidju barrani
Matul l-investigazzjoni fil-fond, il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ sussidju barrani u l-effett potenzjali ta’ distorsjoni tiegħu fis-suq intern.
Jekk l-impriża kkonċernata ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba mill-awtorità superviżorja kompetenti, jew inkella ma tikkooperax bl-aħjar ħiliet tagħha, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fi tmiem l-investigazzjoni fil-fond, l-awtorità superviżorja kompetenti tadotta deċiżjoni:
·Jekk issib sussidju barrani li joħloq distorsjoni, l-awtorità superviżorja kompetenti timponi miżuri ta’ rimedju fuq l-impriża kkonċernata (“deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju”).
·Jekk issib sussidju barrani li joħloq distorsjoni, u l-impriża kkonċernata toffri impenji, li l-awtorità superviżorja kompetenti tqis li huma xierqa u suffiċjenti biex timmitiga d-distorsjoni, l-awtorità superviżorja torbot l-impriża b’deċiżjoni ma’ dawn l-impenji (“deċiżjoni b’impenji”).
Jekk ma jkunx hemm sussidju barrani, jew jekk ma jkunx hemm indikazzjoni ta’ distorsjonijiet possibbli jew attwali fis-suq intern kbar biżżejjed biex jiġġustifikaw l-intervent, hija tagħlaq il-każ u tinforma lill-impriża kkonċernata u lill-partijiet interessati li ħadu sehem fil-proċediment, kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni, jekk il-Kummissjoni ma tkunx l-awtorità superviżorja kompetenti. Jekk il-Kummissjoni bħala awtorità superviżorja kompetenti ssib li d-distorsjoni hija mmitigata mill-impatt pożittiv tal-attività ekonomika jew tal-investiment appoġġat, tagħlaq il-każ għal dik l-istess raġuni.
4.1.6Miżuri ta’ rimedju
Miżuri ta’ rimedju jistgħu jiġu imposti biex jirrimedjaw id-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidju barrani. Skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-għajnuna mill-Istat mogħtija mhux skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi rimborżata bl-imgħax lill-Istat Membru li jkun tah. Dan il-prinċipju, applikat għas-sitwazzjoni tas-sussidji barranin ifisser li l-benefiċċju finanzjarju ta’ sussidji bħal dawn jenħtieġ li jiġi eliminat permezz ta’ ħlasijiet ta’ rimedju lill-pajjiż terz. Fil-każ ta’ sussidji barranin, madankollu, jista’ jkun diffiċli li jiġi stabbilit fil-prattika li s-sussidju barrani tassew jitħallas lura lill-pajjiż terz u b’mod irriversibbli.
Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat li lill-awtorità superviżorja kompetenti tingħatalha varjetà ta’ miżuri alternattivi ta’ rimedju. Dawn jistgħu jvarjaw minn rimedji strutturali u miżuri ta’ mġiba għal ħlasijiet ta’ rimedju lill-UE jew lill-Istati Membri. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ rimedju xierqa, iridu jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sussidju barrani u l-effett ta’ distorsjoni tiegħu fuq is-suq intern. Jekk, pereżempju, sussidju barrani ffaċilita akkwiżizzjoni, rimedji strutturali jistgħu jkunu aktar xierqa minn pagamenti ta’ rimedju.
Miżuri possibbli ta’ rimedju, fil-każ li pagamenti ta’ rimedju lil pajjiż terz ma jkunux xierqa jew fattibbli, jinkludu dawn li ġejjin:
·Bejgħ ta’ ċerti assi, tnaqqis fil-kapaċità jew preżenza fis-suq, li jistgħu jillimitaw id-distorsjonijiet possibbli fis-suq intern, b’mod partikolari marbuta ma’ sussidji barranin li jingħataw speċifikament għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fis-suq b’ispirazzjoni pereżempju mil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar 30 ;
·Projbizzjoni ta’ ċerti investimenti; dan jista’ b’mod partikolari jkun rilevanti jekk ingħata sussidju barrani għal investiment speċifiku;
·Projbizzjoni tal-akkwiżizzjoni sussidjata;
·Aċċess għal terzi persuni, pereżempju għall-apps tal-mobbiltà għall-fornituri ta’ servizzi tat-trasport jew, b’ispirazzjoni mil-Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-networks tal-broadband 31 ;
·Liċenzjar b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND). Jekk pereż. impriża tirċievi sussidji u tikseb frekwenzi tat-telekomunikazzjoni jew tipprovdi aċċess għal netwerks li jużaw dawn il-frekwenzi, l-impriża tista’ tkun obbligata li tilliċenzja dawk il-frekwenzi lil impriżi oħra;
·Projbizzjoni ta’ mġiba speċifika tas-suq marbuta mas-sussidju barrani;
·Il-pubblikazzjoni ta’ ċerti riżultati tal-R&Ż, b’mod li jippermetti li impriżi oħra jirriproduċuhom, pereżempju b’ispirazzjoni mir-rekwiżiti għal proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni 32 , jew stabbilit fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija 651/2014 33 ;
·Pagamenti ta’ rimedju lill-UE jew lill-Istati Membri.
Billi n-nuqqas ta’ trasparenza huwa ġeneralment kwistjoni kruċjali, u b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn pajjiżi terzi u impriżi pubbliċi, l-obbligi ta’ rappurtar u trasparenza għall-futur ikunu japplikaw fi kwalunkwe każ li fih jiġu imposti miżuri ta’ rimedju. Dawn l-obbligi ta’ rappurtar u trasparenza jistgħu, pereżempju, jiġu ispirati mid-Direttiva dwar it-Trasparenza 2006/111/KE. Trasparenza mtejba tista’ tikkontribwixxi biex jiġu evitati distorsjonijiet fil-futur.
L-impriża kkonċernata tista’ wkoll toffri impenji biex timmitiga d-distorsjoni. Jekk l-awtorità superviżorja kompetenti tqis li dawk l-impenji huma biżżejjed, tista’ tagħmilhom vinkolanti fuq l-impriża.
Jekk impriża ma tikkonformax mal-miżuri ta’ rimedju imposti mill-awtorità superviżorja kompetenti jew mal-impenji vinkolanti tagħha, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’, bħala sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità, timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.
Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji kompetenti li jimponu miżuri ta’ rimedju jkunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li jibda jiddekorri mill-jum li fih jingħata sussidju. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-awtorità superviżorja kompetenti fir-rigward ta’ sussidju barrani tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni. Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid.
4.1.7L-awtoritajiet superviżorji
Huwa ssuġġerit li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet superviżorji. Se jiġu previsti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti biex jiġu żgurati l-koerenza u l-effikaċja tal-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom. Għal sistema bħal din deskritta f’dan il-modulu, kompetenzi maqsuma fost diversi inforzaturi jipprovdu l-aħjar assigurazzjoni li l-aktar sussidji barranin distortivi jiġu identifikati u indirizzati b’mod effettiv. Dan jippermetti kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-punti ta’ saħħa rispettivi tagħhom biex jiżguraw li d-distorsjonijiet ikkważati mis-sussidji barranin jiġu skrutinizzati kif xieraq fl-UE.
L-Istati Membri jistgħu jużaw l-għarfien dirett tagħhom ta’ kif jaħdmu s-swieq domestiċi tagħhom. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, is-sussidji barranin jista’ jkollhom impatt fuq aktar minn Stat Membru wieħed. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tinforza l-Modulu 1, biex tiżgura applikazzjoni koerenti tar-regoli madwar l-UE, billi tibni fuq l-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ kif ukoll fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Kull awtorità superviżorja nazzjonali tkun mogħtija s-saħħa tinforza l-Modulu 1 fil-ġurisdizzjoni tagħha, definita bħala t-territorju tal-Istat Membru rispettiv. Il-Kummissjoni tkun kompetenti għal kwalunkwe sussidju barrani li jibbenefika lil xi impriża fl-UE, irrispettivament minn jekk dan jikkonċernax it-territorju ta’ Stat Membru wieħed tal-UE jew aktar minn wieħed. Il-Kummissjoni tkun ukoll esklussivament kompetenti biex tapplika t-test tal-interess tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu input fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jżommu d-diskrezzjoni, madankollu, biex jiddeċiedu jekk jinvestigawx każ individwali ta’ sussidju barrani li potenzjalment jista’ jkun ta’ distorsjoni.
Dan ifisser li sussidju barrani jista’ jiġi investigat minn
·awtorità superviżorja nazzjonali waħda; jew
·diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jaġixxu b’mod parallel (jekk sussidju barrani jkun ta’ benefiċċju għall-attivitajiet ekonomiċi f’aktar minn Stat Membru wieħed); jew
·il-Kummissjoni.
Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni
Sistema ta’ infurzar kondiviż tkun teħtieġ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effettivi fost l-infurzaturi multipli. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tista’ taħdem b’mod simili għall-kooperazzjoni eżistenti fl-antitrust, kif stabbilit fir-Regolament 1/2003 34 . Dan ikun ikkombinat ma’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jippermetti koerenza u koordinazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ sussidju fejn ikun meħtieġ. B’mod aktar speċifiku fir-rigward tal-eżistenza ta’ sussidju, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jikkoordinaw mal-Kummissjoni matul ir-rieżami preliminari u l-investigazzjoni fil-fond li ssegwi sabiex tiġi żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni tad-dixxiplina għas-sussidju.
Qed jiġi ssuġġerit li sakemm il-Kummissjoni ma tibdiex investigazzjoni fil-fond, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jibqgħu bis-setgħa li jkomplu l-każijiet tagħhom. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni tibda investigazzjoni fil-fond ta’ sussidju barrani, il-Kummissjoni tikseb il-kompetenza esklussiva għaliha, u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkollhom bżonn jissospendu l-każijiet tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jkomplu l-każijiet tagħhom biss jekk il-Kummissjoni tagħlaq l-investigazzjoni fil-fond tagħha b’mod amministrattiv.
Sabiex jiġi żgurat infurzar effiċjenti, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tibda każ; din tal-aħħar iżżomm is-setgħa li taċċetta jew tirrifjuta tali talba. Jista’ jkun mixtieq ukoll li każ jiġi trasferit minn awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar lill-Kummissjoni jew viċi versa. B’mod partikolari, fejn żewġ awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew aktar isegwu każ li jikkonċerna l-istess sussidju barrani 35 , il-Kummissjoni tidher li tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tittratta l-każ. Tali trasferiment jista’ jseħħ sakemm ikun hemm każ pendenti, u biss jekk jaqblu kemm l-awtorità rikjedenti kif ukoll dik rikjesta.
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jinfurmaw lil xulxin ukoll fil-bidu ta’ rieżami preliminari, kif ukoll fil-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond. Huma jistgħu jaqsmu dokumenti rilevanti ma’ xulxin, inkluża informazzjoni kunfidenzjali. Matul investigazzjoni fil-fond, l-awtorità superviżorja nazzjonali li taġixxi għandha titlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar jekk ġiex sodisfatt it-test tal-interess tal-UE. L-Istat Membru jkun marbut b’dik il-fehma tal-Kummissjoni. Qabel ma tadotta deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju jew b’deċiżjoni b’impenji wara investigazzjoni fil-fond, l-awtorità superviżorja nazzjonali involuta tikkonsulta mal-Kummissjoni u tinforma lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali l-oħra kollha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinvolvi lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha billi tagħtihom il-possibbiltà li joħorġu opinjoni dwar abbozz ta’ deċiżjoni (wara investigazzjoni fil-fond). Jekk il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ma jkollhom l-ebda tħassib fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn sussidju barrani u għalhekk jagħlqu każ, huma jinfurmaw lil xulxin. Dan l-għeluq mhux se jaffettwa l-kompetenza ta’ kull awtorità superviżorja li tkompli jew tiftaħ l-istess każ u tasal għal konklużjoni differenti. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ jiżguraw li l-konklużjoni tagħhom tintlaħaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.
4.2Sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE (il-Modulu 2)
4.2.1Karatteristiċi bażiċi
Il-Modulu 2 huwa maħsub biex jindirizza speċifikament id-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE (kif definit hawn taħt fit-Taqsima 4.2.2.1). Fil-qosor, huwa għandu l-għan li jiżgura li s-sussidji barranin ma jagħtux vantaġġ mhux ġust lir-riċevituri tagħhom meta jakkwirixxu (ishma fi) impriżi oħra u għalhekk għandu kamp ta’ applikazzjoni iktar ristrett mill-Modulu 1.
Is-sussidji barranin jistgħu jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern billi jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE. Dan jista’ jseħħ jew (1) direttament billi jingħata sussidju espliċitament marbut ma’ akkwiżizzjoni partikolari lil xi impriża jew (2) indirettament b’żieda de facto tas-saħħa finanzjarja tal-akkwirent u li tiffaċilita l-akkwiżizzjoni.
Skont dan il-Modulu, l-awtorità superviżorja kompetenti tirrieżamina ex ante l-akkwiżizzjonijiet ppjanati li jinvolvu sussidji barranin possibbli skont mekkaniżmu obbligatorju ta’ notifika. Il-proċess ta’ rieżami jseħħ f’żewġ stadji: fażi ta’ rieżami preliminari u, fejn rilevanti, investigazzjoni fil-fond.
Jekk fuq il-bażi ta’ rieżami preliminari, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha biżżejjed evidenza li l-kumpanija akkwirenti tibbenefika minn sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni, hija tkun tista’ tniedi investigazzjoni fil-fond. Jekk ma jkunx hemm elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw il-bidu ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-akkwist, l-awtorità superviżorja kompetenti ma taġixxix ulterjorment u tagħlaq il-każ amministrativament.
Jekk, fl-aħħar tal-investigazzjoni fil-fond, l-awtorità superviżorja kompetenti ssib li akkwiżizzjoni hija ffaċilitata minn sussidji barranin u toħloq distorsjoni fis-suq intern, ikollha ż-żewġ possibbiltajiet li ġejjin: taċċetta impenji mill-parti notifikanti li jirrimedjaw d-distorsjoni b’mod effettiv; jew, bħala l-aħħar alternattiva, tipprojbixxi l-akkwiżizzjoni.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha wkoll id-dritt li tirrevedi ex officio akkwiżizzjoni li kellha tiġi nnotifikata mill-akkwirent iżda ma kinitx, inkluż wara li titlesta. Dan ir-rieżami jista’ fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fil-projbizzjoni tal-akkwiżizzjoni jew, jekk tkun diġà lesta, fit-tħollija tagħha.
4.2.2Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 2
L-għan tal-Modulu 2 huwa li jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni ta’ impriżi fil-mira fl-UE.
It-Taqsima 4.2.2.1 tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “akkwiżizzjoni”, “l-impriża fil-mira fl-UE” u “akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjati” għall-iskop tal-Modulu 2. It-Taqsima 4.2.2.2 tiddeskrivi ż-żewġ skattaturi potenzjali għan-notifika obbligatorja minn qabel. Fl-aħħar nett, it-Taqsima 4.2.2.3 tippreżenta limiti maħsuba biex ifasslu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 2 għall-iktar akkwiżizzjonijiet problematiċi.
4.2.2.1Definizzjonijiet
Akkwiżizzjoni
Għall-iskop ta’ dan il-Modulu, “akkwiżizzjoni” tkun definit bħala:
·Akkwiżizzjoni – direttament jew indirettament – ta’ kontroll ta’ impriża, 36 jew
·Akkwiżizzjoni – diretta jew indiretat – ta’ mill-inqas [perċentwali speċifiku] % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot jew b’xi mod ieħor ta’ “influwenza materjali” f’impriża 37 .
Il-Modulu 2 għalhekk jinkludi l-akkwiżizzjoni ta’ drittijiet jew ishma minoritarji sinifikanti iżda possibbilment mhux kontrollanti.
Impriża fil-mira fl-UE
Huwa propost li kull impriża stabbilita fl-UE u li tilħaq ċertu livell ta’ fatturat fl-UE tiġi definita bħala “impriza fil-mira fl-UE”, iżda jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll kriterji oħra (ara t-Taqsima 4.2.2.3).
akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjati
Akkwiżizzjonijiet potenzjalment issussidjati jkunu definiti bħala akkwiżizzjonijiet ppjanati ta’ impriża fil-mira fl-UE fejn parti tkun irċeviet kontribuzzjoni finanzjarja minn xi gvern ta’ pajjiż terz (kif spjegat fid-dettall fid-definizzjoni tas-sussidji barranin fl-Anness I).
Qed jiġi propost li l-perjodu rilevanti li fih wieħed ikun irċieva kontribuzzjoni finanzjarja bħal din jiġi limitat għall-aħħar [tliet] snin kalendarji qabel in-notifika u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija wara n-notifika jiġu limitati għal sa sena wara l-għeluq tal-akkwiżizzjoni f’każ li l-kontribuzzjoni finanzjarja tingħata aktar tard. Eżempju ta’ din is-sitwazzjoni tal-aħħar hija sitwazzjoni fejn hemm impenn politiku li tingħata tali kontribuzzjoni finanzjarja fix-xhur li ġejjin.
4.2.2.2Obbligu ta’ notifika ex ante
Ir-rekwiżit ta’ notifika jkun ikopri l-akkwiżizzjonijiet potenzjalment issussidjati, jiġifieri fejn parti notifikanti tkun irċeviet kontribuzzjoni finanzjarja minn kwalunkwe awtorità ta’ pajjiż terz f’dawn l-aħħar tliet snin jew tistenna kontribuzzjoni bħal din fis-sena li ġejja (kif definit hawn fuq).
In-notifiki għalhekk ikunu jiffukaw biss fuq l-akkwiżizzjonijiet potenzjalment problematiċi, jiġifieri meta l-kontribuzzjoni finanzjarja minn awtorità ta’ pajjiż terz tiffaċilita l-akkwiżizzjoni.
Fl-istess ħin, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tan-notifika għal akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjati tiddependi fuq grad ta’ awtovalutazzjoni mill-impriżi. Huma jkollhom bżonn jiddeterminaw sa liema punt irċevew kontribuzzjonijiet finanzjarji minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jafu jekk għandhomx bżonn jinnotifikaw l-akkwiżizzjoni. Dan iwassal għar-riskju ta’ żball jew evażjoni sal-punt li l-impriżi jistgħu ma jkunux konxji minn tali appoġġ pubbliku jew ma jkunux lesti jiżvelawh.
Madankollu, b’kuntrast mad-definizzjoni ta’ “sussidju barrani”, il-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi (previst fl-Anness I bħala parti mid-definizzjoni tas-sussidji barranin) jenħtieġ li jkun aktar oġġettiv u inqas kontroversjali billi jħalli miftuħa d-deċiżjoni dwar jekk il-kontribuzzjoni tikkwalifikax bħala sussidju jew le. Id-definizzjoni hija allinjata wkoll ma’ kunċetti oħrajn użati b’mod komuni li jirreferu wkoll għal kontribuzzjonijiet finanzjarji (pereżempju taħt ir-regoli tad-WTO u r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat). Għalhekk jidher raġonevoli li wieħed jassumi li l-partijiet ikunu konxji li rċevew xi forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja minn awtorità ta’ pajjiż terz fl-aħħar tliet snin (jew li se jagħmlu dan fis-sena li ġejja).
Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha għodod stretti (u għalhekk ta’ deterrent) biex tittratta każijiet fejn l-akkwirenti jonqsu milli jinnotifikaw akkwiżizzjonijiet notifikabbli. B’mod partikolari, l-akkwirenti li ma jinnotifikawx jirriskjaw multi sinifikanti u l-obbligu li jħollu t-tranżazzjoni.
4.2.2.3Limiti
Il-qafas deskritt hawn fuq jista’ jinkludi limiti biex jiġu milquta aħjar il-każijiet potenzjalment problematiċi ta’ akkwiżizzjonijiet sussidjati. Il-valur attwali ta’ dawn il-limiti jkun jiddependi b’mod partikolari fuq l-għażliet magħżula fir-rigward tal-impriża fil-mira fl-UE, l-iskattar tan-notifika u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti xierqa (it-Taqsima 4.2.7).
L-ewwel nett, l-impriża fil-mira fll-UE — kull impriża stabbilita fl-UE — tista’ tiġi definita b’referenza għal diversi limiti biex jiġi żgurat li jinqabdu l-akkwiżizzjonijiet kollha ta’ interess (jiġifieri tranżazzjoni li tissodisfa kwalunkwe limitu minn dawn tiġi eżaminata):
·livell limitu kwalitattiv li jirreferi għall-assi kollha li x’aktarx jiġġeneraw fatturat sinifikanti fl-UE fil-futur 38 u / jew limitu kwantitattiv stabbilit b’referenza għall-valur tat-tranżazzjoni,
·limitu kwantitattiv ibbażat fuq il-fatturat, li jista’ jiġi stabbilit għal pereżempju EUR 100 miljun, iżda jistgħu jiġu previsti wkoll valuri, limiti jew approċċi alternattivi oħra. F’termini ġenerali, limitu ta’ fatturat aktar baxx iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe strument ġdid u jirriskja li jkopri għadd akbar ta’ akkwiżizzjonijiet żgħar, potenzjalment inqas rilevanti. Min-naħa l-oħra, limitu ogħla ta’ fatturat inaqqas il-piż amministrattiv ta’ sistema ta’ notifika minn qabel iżda jista’ ma jibqax ikopri akkwiżizzjonijiet potenzjalment rilevanti.
Ikun xi jkun il-limitu li jintgħażel irid isib bilanċ bejn l-effikaċja u l-effiċjenza.
It-tieni, l-iskattatur ta’ akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjati jista’ jkun limitat għal akkwiżizzjonijiet iffaċilitati minn ċertu volum ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Dan jista’ pereżempju jkun il-każ meta l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tirċievi l-impriża akkwirenti fit-tliet snin kalendarji ta’ qabel in-notifika jaqbeż ċertu ammont jew perċentwali stabbilit tal-prezz tal-akkwiżizzjoni. Billi dan huwa avveniment skattatur, dawn il-kriterji jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar 39 .
Fl-aħħar nett, il-valur ta’ kull wieħed minn dawn il-limiti x’aktarx jiddependi fuq l-awtorità superviżorja fdata bl-implimentazzjoni tal-Modulu 2. Il-limiti msemmija hawn fuq jistgħu japplikaw jekk il-Kummissjoni tkun esklussivament kompetenti biex timplimenta l-Modulu 2. Madankollu, limiti aktar baxxi jistgħu jkunu aktar baxxi fil-każ fejn il-kompetenza tkun kondiviża ma’ jew esklussiva għall-Istati Membri (ara t-Taqsima 4.2.7), bħala riflessjoni tad-daqsijiet iżgħar tal-ekonomiji tal-Istati Membri meta mqabbla mal-ekonomija kumplessiva tal-UE.
Minbarra l-limiti kwantitattivi ta’ hawn fuq, jistgħu jiżdiedu ċerti kriterji kwalitattivi biex jippermettu bilanċ aħjar bejn il-qbid ta’ distorsjonijiet potenzjali u l-limitar tal-piż fuq il-kumpaniji u fuq l-awtoritajiet superviżorji.
4.2.3Valutazzjoni tad-distorsjonijiet relatati mal-akkwiżizzjonijiet sussidjati
L-akkwiżizzjonijiet sussidjati jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet ekwi fejn jidħlu l-opportunitajiet ta’ investiment fis-suq intern. Eżempju ta’ tali distorsjoni huwa l-possibbiltà li akkwirent sussidjat jagħti offerta ikbar mill-kompetituri għall-akkwiżizzjoni ta’ impriża. Tali għoti ta’ offerti joħloq distorsjoni fl-allokazzjoni tal-kapital u jdgħajjef il-benefiċċji possibbli tal-akkwiżizzjoni, pereżempju f’termini ta’ kisbiet fl-effiċjenza.
L-istandard legali li bih l-awtorità superviżorja kompetenti tivvaluta l-akkwiżizzjoni jkun id-distorsjoni fis-suq intern minħabba l-faċilitazzjoni ta’ akkwiżizzjoni permezz ta’ sussidji barranin. Fi kliem ieħor, awtorità superviżorja kompetenti jkollha bżonn turi li akkwiżizzjoni tkun iffaċilitata minn sussidju barrani u turi wkoll id-distorsjoni li tirriżulta fis-suq intern.
Is-sussidji barranin jistgħu jiffaċilitaw akkwiżizzjoni direttament jew de facto. Is-sussidji li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni direttament huma sussidji pprovduti għall-akkwiżizzjoni (fejn tista’ tiġi stabbilita r-rabta mal-akkwiżizzjoni). Fid-dawl tal-ħsara serja li jikkawżaw lill-kundizzjonijiet ekwi għall-investimenti, is-sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwisti direttament normalment jitqiesu li joħolqu distorsjoni fis-suq intern.
Faċilitazzjoni de facto tista’ tirriżulta f’każijiet fejn sussidji barranin iżidu s-saħħa finanzjarja tal-akkwirent. F’każ ta’ faċilitazzjoni de facto, l-akkwiżizzjonijiet sussidjati jridu jiġu eżaminati f’aktar dettall biex jiġi vvalutat jekk dawn attwalment jew potenzjalment joħolqux distorsjoni fil-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.
In-nuqqas ġenerali ta’ trasparenza dwar is-sussidji barranin u l-kumplessità tar-realtà kummerċjali, jistgħu jagħmluha diffiċli li tiġi identifikata b’mod inekwivoku d-distorsjoni minn akkwiżizzjonijiet sussidjati speċifiċi. Sabiex tiġi ddeterminata din id-distorsjoni, jidher għalhekk meħtieġ li jintużaw ġabra ta’ indikaturi relatati mal-akkwiżizzjonijiet sussidjati u s-sitwazzjoni rilevanti tas-suq. Lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi rilevanti tista’ tinkludi l-kriterji li ġejjin:
·Id-daqs relattiv tas-sussidju inkwistjoni: aktar ma jkun kbir l-ammont tas-sussidju f’termini relattivi, aktar ikun probabbli li jkollu impatt negattiv fuq is-suq intern.
·Is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju: pereż. aktar ma tkun kbira l-impriża fil-mira fl-UE jew l-akkwirent, aktar ikun probabbli li l-akkwiżizzjoni sussidjata toħloq distorsjoni. Bl-istess mod, inqas ma tkun użata l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impriża fil-mira fl-UE jew tal-akkwirent, aktar ikun probabbli li akkwiżizzjoni sussidjata toħloq distorsjonijiet.
·Is-sitwazzjoni fis-suq / fis-swieq ikkonċernat(i): pereż. akkwiżizzjonijiet sussidjati fejn l-impriża fil-mira fl-UE tkun attiva fi swieq b’kapaċità strutturali żejda huma aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet minn oħrajn. B’mod simili, akkwiżizzjonijiet sussidjati fejn l-impriża fil-mira fl-UE tkun attiva fi swieq bi grad għoli ta’ konċentrazzjoni, huma aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet minn oħrajn. B’mod simili, is-sussidji fi swieq ta’ teknoloġija avvanzata li qed jikbru b’rata mgħaġġla jistgħu jkunu aktar probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet. L-eżistenza ta’ offerti kompetittivi hija aspett wieħed tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni fis-suq intern, mingħajr ma hija fiha nnifisha determinanti.
·Il-livell ta’ attività fis-suq intern tal-partijiet konċernati: akkwiżizzjonijiet sussidjati fejn il-partijiet, b’mod partikolari l-kumpanija fil-mira, ikollhom attivitajiet limitati fis-suq intern meta mqabbla mal-attivitajiet globali tagħhom huma inqas probabbli li joħolqu distorsjoni fis-suq intern.
Barra minn hekk, se titqies ukoll il-possibbiltà li l-awtorità superviżorja kompetenti tkun tista’ tqis jekk il-benefiċjarju għandux aċċess privileġġat għas-suq domestiku tiegħu (permezz ta’ miżuri ekwivalenti għal drittijiet speċjali jew esklużivi) li jwassal għal vantaġġ kompetittiv artifiċjali li jista’ jintuża bħala ingranaġġ fis-suq intern tal-UE u b’hekk jiggrava l-effett ta’ distorsjoni ta’ kwalunkwe sussidju. Jekk l-awtorità superviżorja kompetenti tistabbilixxi li akkwist ġie ffaċilitat direttament jew de facto minn sussidji barranin u ħoloq distorsjoni fis-suq intern, hija tista’ timponi miżuri ta’ rimedju kif spjegat hawn taħt (ara t-Taqsima 4.2.6).
4.2.4Test tal-interess tal-UE
Skont il-Modulu 1, id-distorsjoni stabbilita tkun ibbilanċjata kontra l-impatt pożittiv li l-investiment jista’ jkollu fl-UE jew fuq l-interessi ta’ politika pubblika rikonoxxuta mill-UE (ara t-Taqsima 4.1.4).
4.2.5Proċedura
Il-Modulu 2 jistabbilixxi sistema ta’ notifika f’żewġ stadji.
Fl-ewwel pass, l-akkwirenti jkunu obbligati jippreżentaw avviż qasir ta’ informazzjoni lill-awtorità superviżorja kompetenti. Dan l-avviż ikun fih l-informazzjoni bażika meħtieġa għall-awtorità superviżorja kompetenti biex tidentifika operazzjonijiet possibbilment problematiċi li jinvolvu sussidji barranin. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, għal kull waħda mill-impriżi akkwirenti u destinatarji, xi wħud mill-elementi ta’ hawn taħt jew kollha kemm huma:
·informazzjoni legali, fosthom is-sjieda u l-governanza;
·informazzjoni dwar il-finanzjament;
·informazzjoni dwar il-fatturat għall-aħħar tliet snin (fl-UE u madwar id-dinja);
·deskrizzjoni tan-negozju (fl-UE u madwar id-dinja);
·il-finanzjament tat-tranżazzjoni;
·is-sorsi ewlenin tal-finanzjament ġenerali tal-akkwirent;
·il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li ġew riċevuti għall-finijiet tat-tranżazzjoni;
·kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi riċevuta f’dawn l-aħħar tliet snin;
·informazzjoni dwar akkwirenti prospettivi alternattivi tal-impriża fil-mira fl-aħħar tliet snin, fosthom kull offerta li waslet bħala parti mill-proċess ta’ bejgħ tal-impriża fil-mira.
Sommarju qasir tal-akkwiżizzjoni propost jista’ jiġi ppubblikat għall-partijiet interessati biex jikkummentaw fi żmien stipulat.
Fil-kuntest ta’ sistema ta’ notifika minn qabel, ikun hemm l-hekk imsejjaħ perjodu ta’ waqfien: l-akkwirenti ma jkunux jistgħu jagħlqu t-tranżazzjoni għal [x] ġranet tax-xogħol wara li jirċievu n-notifika sħiħa mill-awtorità superviżorja kompetenti. Sabiex tiġi ppreservata l-integrità tal-investigazzjoni u s-sistema ta’ notifika minn qabel, il-perjodu ta’ waqfien jista’ jiġi estiż kif meħtieġ sakemm il-partijiet ma jipprovdux informazzjoni preċiża fil-ħin.
Matul dak iż-żmien, l-awtorità superviżorja kompetenti tirrieżamina l-informazzjoni u tista’ tiddeċiedi, fit-tieni pass, li tiftaħ investigazzjoni fil-fond, jekk ikollha evidenza suffiċjenti li turi li l-kumpanija akkwirenti setgħet ibbenefikat minn sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni.
Jekk l-awtorità superviżorja kompetenti ma tiftaħx investigazzjoni fil-fond, il-partijiet jitħallew jagħlqu t-tranżazzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ waqfien ta’ wara n-notifika inizjali, mingħajr preġudizzju għal obbligi legali oħra (bħall-kontroll tal-għaqdiet fl-UE jew l-iskrinjar tal-IDB, jekk applikabbli). Barra minn hekk, fuq talba debitament ġustifikata tal-akkwirent, il-perjodu sospensiv inizjali jista’ jiġi rrinunzjat – jew l-akkwirent ikun jista’ jagħlaq it-tranżazzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna t-tmiem tal-perjodu – mill-awtorità superviżorja kompetenti.
Jekk l-awtorità superviżorja kompetenti tiftaħ investigazzjoni fil-fond, il-perjodu ta’ waqfien jkun imtawwal: il-partijiet ma jkunux jistgħu jagħlqu t-tranżazzjoni qabel [x] ġranet tax-xogħol wara li jirċievu l-informazzjoni sħiħa mill-awtorità superviżorja kompetenti. Bħal fil-fażi preliminari, il-perjodu ta’ waqfien totali jista’ jiġi estiż kif meħtieġ sabiex tiġi ppreservata l-integrità tal-investigazzjoni u s-sistema ta’ notifika minn qabel.
Wara l-investigazzjoni fil-fond, tliet eżiti jkunu possibbli:
·L-ewwel nett, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tikkonkludi li ma hemmx distorsjoni (permezz tal-faċilitazzjoni ta’ akkwiżizzjoni) u tiddeċiedi li ma toġġezzjonax għall-akkwiżizzjoni.
·It-tieni nett, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni kondizzjonali li tagħmel l-impenji offruti mill-akkwirent legalment vinkolanti. Dawn ir-rimedji jkunu jeħtieġu li jirrimedjaw b’mod effettiv id-distorsjoni li tirriżulta mill-akkwiżizzjoni ffaċilitata.
·It-tielet, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi t-tranżazzjoni proposta, jekk issib li s-sussidji barranin jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni u jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern.
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema obbligatorja ta’ notifika minn qabel u biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni, jekk l-akkwirent ma jinnotifikax akkwiżizzjoni notifikabbli, l-awtorità superviżorja kompetenti tista’ tiftaħ investigazzjoni ex officio ta’ akkwiżizzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 2.
L-awtorità superviżorja kompetenti tista’ wkoll tibda proċedura amministrattiva għall-ksur tar-regoli proċedurali, pereżempju jekk ikun hemm indikazzjonijiet li s-sottomissjonijiet tal-partijiet inkludew informazzjoni qarrieqa jew mhux sħiħa, jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-impenji vinkolanti ma kinux implimentati b’mod korrett jew f’każ li tranżazzjoni ma tkunx ġiet notifikata, iżda suppost kellha tiġi notifikata. Is-sanzjonijiet għal ksur proċedurali jenħtieġ li jkollhom effett ta’ deterrent 40 .
Il-proċedura għalhekk tistabbilixxi l-mekkaniżmi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni rilevanti, fil-forma ta’ sanzjonijiet stretti għall-forniment ta’ informazzjoni mhux sħiħa jew żbaljata, u l-obbligu ta’ waqfien li jipprevjeni l-akkwiżizzjoni milli tiġi implimentata qabel tieħu deċiżjoni l-Kummissjoni.
4.2.6Miżuri ta’ rimedju
L-akkwirent jista’ joffri impenji adegwati biex jirrimedja d-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin, li l-awtorità superviżorja kompetenti tagħmel vinkolanti fuq l-akkwirent fid-deċiżjoni tagħha jekk tikkunsidrahom effettivi.
F’dan ir-rigward, it-Taqsima 4.1.6 dwar il-miżuri ta’ rimedj taħt il-Modulu 1 fil-prinċipju tapplika mutatis mutandis. Madankollu, jista’ jkun hemm xi differenzi bejn iż-żewġ moduli f’dan ir-rigward. Fil-prattika, il-pagamenti ta’ rimedju u l-obbligi ta’ trasparenza jistgħu jkunu inqas probabbli li jkunu miżuri ta’ rimedju effettivi skont il-Modulu 2. Għal dik ir-raġuni, il-fokus tal-impenji x’aktarx li jkun fuq rimedji strutturali.
4.2.7L-awtoritajiet superviżorji
It-taqsima preżenti tqis il-qafas istituzzjonali biex jiġi indirizzat l-impatt tas-sussidji barranin fis-suq intern. Fiha jiġi diskuss sa liema punt il-kompetenzi jistgħu jitqiegħdu fil-livell tal-UE jew fil-livell tal-Istati Membri jew jiġu kondiviżi bejn iż-żewġ livelli.
Sistema ta’ infurzar ex ante għall-akkwiżizzjonijiet ibbażati fuq in-notifiki, hija aktar ikkumplikati biex tinqasam bejn diversi inforzaturi milli huma sistemi bħal dak stabbilit taħt il-Modulu 1, notevolment minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien sinifikanti. Dan ikun jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi amministrattivi multipli biex jiġu ttrattati n-notifiki fi skadenzi qosra, jiġu ddefiniti limiti xierqa għal kull infurzatur u jiġu stabbiliti sistemi kumplessi ta’ referenza biex joperaw meta l-limiti ma jwasslux għal allokazzjoni xierqa tal-każijiet. Il-konsistenza fost l-infurzaturi tista’ wkoll issir aktar diffiċli biex tinkiseb.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa ssuġġerit li l-Kummissjoni tista’ ssir esklussivament responsabbli għall-infurzar tal-Modulu 2 b’notifika minn qabel tal-akkwiżizzjoni. Sistema ċentralizzata bħal din fil-livell tal-UE twassal għal kostijiet kumplessivi tal-infurzar aktar baxxi, kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-kumpaniji, u għal aktar ċertezza legali. B’mod partikolari, sistema bħal din tiżgura kontroll one-stop-shop madwar l-UE kollha għall-akkwiżizzjonijiet ogħla minn ċerti limiti u tevita li għal akkwiżizzjoni ssussidjata waħda, il-kumpaniji jista’ jkollhom jittrattaw ma’ diversi awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti fl-istess ħin. Dan jevita wkoll li l-Istati Membri jkollhom jirriproduċu 27 konfigurazzjoni amministrattiva ċentralizzata simili ex ante, b’mod partikolari meta jkun għad ma hemmx biżżejjed esperjenza biex jiġi ddeterminat kemm-il akkwiżizzjoni tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv mis-sussidji barranin. L-Istati Membri jkunu involuti permezz ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni fil-bidu u matul il-proċedura tal-Kummissjoni u jkunu kkonsultati dwar deċiżjonijiet finali, wara investigazzjonijiet fil-fond.
Jekk il-Modulu 2 jiġi kkombinat mal-Modulu 1, l-Istati Membri jkunu jistgħu, fi kwalunkwe każ, jeżaminaw l-akkwiżizzjonijiet ex post, anki dawk irħas mill-limiti stabbiliti fil-Modulu 2, filwaqt li jiżguraw sistema effettiva ta’ kontroll tas-sussidji barranin b'kostijiet ġenerali amministrattivi tal-infurzar pubbliku limitati.
4.3Sussidji barrani fl-akkwist pubbliku (Modulu 3)
4.3.1Introduzzjoni
L-istabbiliment ta’ suq uniku għall-akkwist pubbliku huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tas-suq intern. Il-pubblikazzjoni tal-offerti madwar l-UE tiżgura t-trasparenza u toħloq opportunitajiet tas-suq kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex fl-UE. Ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jissalvagwardjaw kundizzjonijiet ġusti għall-operaturi ekonomiċi kollha li jikkompetu għall-proġetti fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE, u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-aċċess għall-kuntratti pubbliċi.
Fil-proċedura tal-akkwist pubbliku, il-kriterji tal-għoti, pereżempju l-kriterji soċjali jew ambjentali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u/jew il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.
Il-qafas tal-akkwist pubbliku jiddependi fuq strumenti oħra tal-UE biex tiġi miġġielda kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinżammu kundizzjonijiet ekwi fil-prattika. Għalhekk, pereżempju, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jiżgura li l-offerenti ma jibbenefikawx minn għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern tal-UE u li tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi proċedura speċifika ta’ akkwist pubbliku.
Dan il-modulu, li se jiġi implimentat bi strument legali xieraq (ara t-Taqsima 4.3.3.3), jiżgura li s-sussidji barranin ikunu jistgħu jiġu indirizzati fi proċeduri tal-akkwist pubbliku individwali. Ix-xerrejja pubbliċi tal-UE jkunu meħtieġa jeskludu mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku lil dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu rċevew sussidji barranin distorsivi. Din ir-raġuni ġdida għall-esklużjoni tista’ tapplika kemm għall-proċedura inkwistjoni iżda tista’ twassal ukoll għal esklużjoni minn proċeduri tal-akkwist pubbliku sussegwenti, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. L-iskop ta’ din ir-raġuni għall-esklużjoni se jiġi definit fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-UE skont il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO (GPA) u skont id-diversi ftehimiet bilaterali li jipprevedu aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE.
4.3.2Distorsjonijiet minn sussidji barranin fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku
Rieżami speċifikament iddedikat għad-distorsjonijiet fl-akkwist pubbliku jkollu l-għan li jippreserva l-kundizzjonijiet ekwi f’dak il-qasam speċifiku. Għalhekk, filwaqt li l-eżistenza ta’ sussidju barrani (l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja u ta’ benefiċċju) tkun iddeterminata skont l-istess prinċipji bħal dawk deskritti f’Anness I ta’ dan id-dokument, l-assenza jew il-preżenza ta’ effett ta’ sussidju barrani tiġi vvalutata b’rabta ma’ proċedura ta’ akkwist pubbliku speċifika. Huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sussidju barrani jiffaċilitax il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku, jiġifieri jekk dan jippermettix lill-operatur ekonomiku li jibbenefika mis-sussidju jipparteċipa fil-proċedura, għad-detriment ta’ impriżi mhux sussidjati. Għalhekk, is-sussidji barranin fl-akkwist pubbliku jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-proċedura tal-akkwist pubbliku direttament, billi jagħmlu rabta espliċita bejn is-sussidju u proġett partikolari ta’ akkwist pubbliku jew indirettament, billi jżidu de facto s-saħħa finanzjarja tal-benefiċjarju. Meta dan jippermetti lir-riċevitur jissottometti offerta liema – mingħajr is-sussidju – kienet tkun ekonomikament inqas sostenibbli, speċjalment f’każ ta’ offerti li jkunu inqas sew mill-prezz tas-suq jew inqas mill-kost, jitqies li jkun hemm distorsjoni. F’każijiet oħra, id-distorsjoni tista’ tiġi eżaminata skont il-prinċipji u l-kriterji deskritti fit-Taqsima 4.1.3 sa fejn huma rilevanti u kapaċi juru li s-sussidju barrani jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-akkwist pubbliku 41 .
4.3.3Proċedura
4.3.3.1Il-bidu tal-proċedura
L-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċeduri tal-akkwist pubbliku se jkollhom jinnotifikaw lill-awtorità kontraenti meta jissottomettu l-offerta tagħhom jekk huma, inkluż kwalunkwe membru tal-konsorzju tagħhom, jew sottokuntratturi u fornituri jkunu rċevew kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Anness I fl-aħħar tliet snin qabel il-parteċipazzjoni fil-proċedura u jekk tali kontribuzzjoni finanzjarja tkun mistennija tingħata matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
Sabiex jiġu indirizzati biss dawk is-sussidji barranin fl-akkwist pubbliku li jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet fil-proċedura tal-akkwist pubbliku, u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv għax-xerrejja pubbliċi u għall-awtoritajiet superviżorji kompetenti, jistgħu jiġu introdotti limiti u kundizzjonijiet addizzjonali għan-notifiki, pereż.:
·Il-perjodu rilevanti ta’ sussidju jista’ jkun limitat, pereżempju għal perjodu ta’ [tliet] snin kalendarji qabel id-data tan-notifika u inkluża s-sena ta’ wara t-tlestija mistennija tal-kuntratt.
·In-notifika tista’ tkun meħtieġa biss ‘il fuq minn ċertu valur ta’ kontribuzzjoni finanzjarja barranija,
·Jista’ jiġi definit limitu ogħla mil-limiti tal-applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku.
L-iskop tal-introduzzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet u l-limiti jkun li l-istrument ikun iffokat fuq il-każijiet l-aktar rilevanti. F’termini ġenerali, limitu ta’ notifika aktar baxx u n-nuqqas tal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq iwessgħu l-ambitu tal-istrument u jkun hemm mnejn ikopru numru ogħla ta’ parteċipazzjonijiet potenzjalment inqas rilevanti fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Min-naħa l-oħra, limitu ta’ notifika ogħla li jinkludi l-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq inaqqas il-piż amministrattiv ta’ sistema ta’ notifika minn qabel iżda jista’ ma jibqax ikopri l-proċeduri potenzjalment rilevanti kollha. Għal offerti sussidjati fi proċeduri tal-akkwist pubbliku li jaqgħu barra mill-ambitu tal-Modulu 3, tibqa’ l-possibbiltà li dan l-aġir jiġi indirizzat taħt il-Modulu 1 sal-punt li jikkawża distorsjonijiet fis-suq intern.
B’mod ġenerali, in-notifika jenħtieġ li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk l-operatur ekonomiku jkunx qed jibbenefika minn sussidji barranin fil-proċedura tal-akkwist pubbliku. Notifika sħiħa trid tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
·informazzjoni legali, inklużi s-sjieda u l-governanza tal-offerent, kwalunkwe membru tal-konsorzju u dawk is-sottokuntratturi u l-fornituri li rċevew kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin;
·is-sorsi ewlenin tal-finanzjament ġenerali tal-offerta;
·l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin riċevuti fl-aħħar 3 snin;
·kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin riċevuti speċifikament għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura tal-akkwist pubbliku;
·kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin li se jiġu riċevuti matul l-eżekuzzjoni mistennija tal-kuntratt.
Wara li teżamina l-kompletezza tan-notifika, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat in-notifika lill-awtorità superviżorja kompetenti (ara hawn taħt it-Taqsima 4.3.3.2), biex tinvestiga l-informazzjoni u tivvaluta l-eżistenza ta’ sussidju barrani. Għal raġunijiet ta’ trasparenza n-notifiki se jiġu ppubblikati.
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti għodod stretti u ta’ deterrent biex jittrattaw każijiet fejn l-operaturi ekonomiċi jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu ta’ notifika jew fejn huma jippreżentaw informazzjoni mhux korretta. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika jista’ jiġi ssanzjonat mill-awtorità kontraenti b’multi sinifikanti u in extremis bl-esklużjoni mill-proċedura tal-akkwist pubbliku jew bit-terminazzjoni ta’ kuntratt fis-seħħ.
Obbligu ta’ notifika minn qabel f’każ ta’ parteċipazzjonijiet sussidjati fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku jkun jeħtieġ grad ta’ awtovalutazzjoni mill-operaturi ekonomiċi. Dawn ikunu jeħtieġu jiddeterminaw sa liema punt huma benefiċjarji ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin sabiex jaċċertaw jekk hemmx rekwiżit li tiġi nnotifikata l-preżentazzjoni tal-offerta, li tinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja. Tali awtovalutazzjoni fiha riskju sinifikanti ta’ żball u ta’ ċirkomvenzjoni intenzjonata mill-operaturi ekonomiċi, billi jistgħu ma jkunux konxji mill-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ma jkunux iridu jiżvelaw l-eżistenza tagħhom lill-awtoritajiet kontraenti.
It-terzi persuni u l-kompetituri huma għalhekk intitolati li jinfurmaw lill-awtorità kontraenti li kellha ssir notifika fil-proċedura. Dawn is-sottomissjonijiet għandhom ikunu sostanzjati u jipprovdu evidenza prima facie għall-ħtieġa ta’ notifika.
4.3.3.2L-investigazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti u l-interazzjoni mal-proċedura ta’ akkwist pubbliku li tkun għaddejja
Qed jiġi ssuġġerit, bl-istess mod bħal fil-Modulu 1, li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw setgħat u li s-sistema tkun tipprevedi wkoll il-koordinazzjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tista’ taħdem b’mod simili għall-kooperazzjoni eżistenti fl-antitrust, skont ir-Regolament 1/2003 42 .
Malli tirċievi notifika kompluta, l-awtorità kontraenti tibgħat in-notifika lill-awtorità superviżorja kompetenti fil-livell tal-Istat Membru biex tinvestiga l-informazzjoni u tivvaluta l-eżistenza ta’ sussidju barrani. Tista’ wkoll tallerta lill-awtorità superviżorja nazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn ikollha biżżejjed indikazzjonijiet plawżibbli li offerent irċieva sussidju barrani li ma ġiex innotifikat.
L-investigazzjoni se tkun f’żewġ passi b’rieżami preliminari u investigazzjoni fil-fond. F’rieżami preliminari, l-awtorità superviżorja nazzjonali se tfittex li tikseb l-informazzjoni meħtieġa dwar l-eżistenza ta’ sussidju barrani u l-kondizzjonijiet li fuqhom ikun ingħata. Jekk, fil-kuntest tar-rieżami preliminari, l-awtorità superviżorja nazzjonali tikkonkludi li ma jeżistix sussidju barrani, hija tinforma lill-awtorità kontraenti dwar din il-konklużjoni u li ma għandhiex ħsieb tibda investigazzjoni fil-fond. Jekk, madankollu, l-awtorità superviżorja nazzjonali tikkonkludi fil-fażi tar-rieżami preliminari li jista’ jkun hemm sussidju barrani, hija tiftaħ investigazzjoni fil-fond biex tikkonferma l-eżistenza tas-sussidju barrani. Fiż-żewġ każijiet, l-awtorità superviżorja nazzjonali tinforma lill-Kummissjoni, lill-awtorità kontraenti kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti kollha tal-Istati Membri l-oħra b’dan permezz ta’ avviż sommarju.
Fi tmiem il-proċedura fil-fond, l-awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tasal għall-konklużjoni li ma hemmx sussidju barrani fil-proċedura tal-akkwist pubbliku jew tista’ tiddeċiedi li jeżisti (ara t-Taqsima 4.3.3.3). Madankollu, fiż-żewġ każijiet u qabel ma din il-konklużjoni tiġi kkomunikata lill-awtorità kontraenti, l-awtorità superviżorja nazzjonali tinforma lill-Kummissjoni dwar abbozz ta’ deċiżjoni, biex b’hekk tiżgura li d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tintlaħaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.
Ir-rieżami jrid jiżgura li l-proċeduri tal-akkwist pubbliku jiġu ttardjati l-inqas possibbli. Għalhekk, jiġu introdotti limiti ta’ żmien stretti, bħal massimu ta’ [15-il] jum ta’ ħidma għar-rieżami preliminari mill-awtorità superviżorja nazzjonali u [mhux aktar minn tliet 3 xhur] għal rieżami fil-fond. Jekk il-Kummissjoni, meta tiġi infurmata dwar id-deċiżjoni finali, ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali, l-iskadenza għar-rieżami fil-fond tiġi estiża.
Matul l-investigazzjoni, l-awtorità kontraenti tkun ipprojbita milli tagħti l-kuntratt lill-operatur ekonomiku investigat 43 . Apparti dan il-proċedura ta’ akkwist pubbliku titkompla. Dan ikollu l-konsegwenzi li ġejjin:
·Man-notifika u t-trażmissjoni tagħha lill-awtorità superviżorja kompetenti, l-awtorità kontraenti jenħtieġ li twettaq l-evalwazzjoni tal-offerti.
·Hija tista’ tistabbilixxi l-operatur ekonomiku li lilu jingħata l-kuntratt fuq il-bażi tal-evalwazzjoni jekk ma tiħux inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ distorsjoni ta’ sussidju barrani.
·Jekk dan l-operatur ekonomiku ma jkunx operatur ekonomiku taħt investigazzjoni, l-awtorità kontraenti tista’ tagħti l-kuntratt u tikkonkludi l-proċedura ta’ akkwist pubbliku. F’dan il-każ hija tinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti.
·Jekk l-operatur ekonomiku li lilu jkun se jingħata l-kuntratt ikun operatur ekonomiku taħt investigazzjoni, il-proċedura ta’ akkwist pubbliku għandha tiġi sospiża sakemm l-awtorità superviżorja kompetenti tkun wettqet ir-rieżami tagħha tas-sussidju barrani u tibgħat l-opinjoni tagħha lill-awtorità kontraenti.
4.3.3.3Miżuri ta’ rimedju
Jekk l-awtorità superviżorja tikkonferma fir-rieżami tagħha li l-operatur ekonomiku jkun irċieva sussidju barrani, l-awtorità kontraenti tiddetermina jekk dak is-sussidju jkunx qed joħloq distorsjoni fil-proċedura tal-akkwist pubbliku. Jekk dan ikun il-każ, hija teskludi lil dan l-operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ akkwist pubbliku li tkun għaddejja.
Jista’ wkoll jiġi previst li tiġi introdotta esklużjoni ta’ tali operatur ekonomiku minn proċeduri ta’ akkwist pubbliku futuri għal massimu ta’ [tliet] snin. Matul dak il-perjodu, l-operatur ekonomiku se jkollu l-opportunità li juri li ma għadux jibbenefika minn sussidju barrani distortiv meta jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku u f’dan il-każ jista’ jipparteċipa fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku futuri.
B’mod aktar speċifiku:
·Jekk l-awtorità superviżorja tasal għall-konklużjoni li ma hemmx sussidju barrani fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku, hija tikkomunika din il-konklużjoni lill-awtorità kontraenti b’deċiżjoni. F’dan il-każ, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jiġix eskluż mill-proċedura ta' akkwist pubbliku mill-awtorità kontraenti (sakemm l-awtorità kontraenti ma ssibx raġuni oħra għall-esklużjoni, differenti mill-eżistenza ta’ sussidju barrani distortiv, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku).
·Min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità superviżorja tasal għall-konklużjoni li hemm sussidju barrani, hija tikkomunika din il-konklużjoni lill-awtorità kontraenti, li mbagħad tiddetermina, fuq il-bażi ta’ metodoloġija uniformi 44 , jekk dak is-sussidju ħoloqx distorsjoni fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku u, jekk iva, timponi miżuri ta’ rimedju fuq l-operatur sussidjat. Il-miżuri ta’ rimedju għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jikkonsistu fl-esklużjoni tal-offerent sussidjat mill-proċedura ta’ akkwist pubbliku li għaddejja u potenzjalment ukoll l-esklużjoni tal-offerent issussidjat minn proċeduri ta’ akkwist pubbliku futuri għal ċertu żmien.
L-introduzzjoni ta’ din ir-raġuni għall-esklużjoni għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn l-offerenti li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat u dawk li jibbenefikaw minn sussidji barranin. Il-qafas attwali tal-akkwist pubbliku ma fihx bażi għall-esklużjoni speċifika ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat meta l-għajnuna tkun inkompatibbli mar-regoli tal-UE 45 . Sabiex jiġi żgurat trattament nondiskriminatorju u ugwali, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-effetti ta’ din l-esklużjoni fuq l-impriżi soġġetti għal proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat.
Id-Deċiżjoni tkun soġġetta għal rimedji.
4.3.4Sussidji barranin fl-akkwist pubbliku skont ftehimiet intergovernattivi
Ċerti akkwisti pubbliċi, speċjalment għal proġetti kbar ta’ infrastruttura, jistgħu jiġu organizzati taħt ftehimiet intergovernattivi ma’ pajjiżi li mhumiex soġġetti għar-reġim tal-akkwist pubbliku tal-UE. Il-proċeduri tal-offerti skont dawn il-ftehimiet huma eżentati mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/24/UE 46 . Il-Ftehimiet intergovernattiv iridu jkunu maħsuba għall-implimentazzjoni jew l-isfruttament konġunt tal-proġett mill-firmatarji tagħhom, u r-reġim tal-akkwist pubbliku tal-ftehim irid ikun kompatibbli mat-Trattat tal-UE. Fir-rigward tal-akkwisti pubbliċi koperti mid-direttivi tal-akkwist pubbliku, ma hemmx skrutinju speċifiku tas-sussidji barranin u tal-effett ta’ distorsjoni tagħhom fuq l-akkwist pubbliku taħt tali ftehimiet. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi anki għal akkwisti pubbliċi taħt tali ftehimiet, huwa rakkomandabbli li jiġi applikat l-approċċ issuġġerit anki għal akkwisti pubbliċi taħt dawk il-ftehimiet. Minħabba n-natura speċifika ta’ dawn il-ftehimiet, l-awtorità superviżorja kompetenti f’dawn il-każijiet jenħtieġ li tkun il-Kummissjoni.
5 Sussidji barranin fil-kuntest ta’ finanzjament mill-UE
5.1Definizzjoni tal-problema
L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jikkompetu għall-appoġġ finanzjarju mill-UE fuq bażi ugwali fl-istrumenti (dwar il-politiki interni u esterni) u fl-modi ta’ implimentazzjoni differenti kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-finanzjament mill-UE ma jikkontribwixxix biex jiffavorixxi kumpaniji li jkunu rċevew sussidji barranin distortivi kontra kumpaniji oħrajn.
Taħt ġestjoni kondiviża, xi Stati Membri u offerenti ġibtu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal offerti bi prezzijiet partikolarment baxxi sottomessi fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku minn kumpaniji mhux mill-UE. Il-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku kif deskritti fit-Taqsimiet 3.3 u 4.3 huma rilevanti wkoll fil-ġestjoni kondiviża.
Il-mezzi xierqa għall-indirizzar tad-distorsjoni possibbli fil-kundizzjonijiet ekwi tal-finanzjament mill-UE permezz ta’ sussidji barranin fil-proċessi tal-għoti jeħtieġ li jkun ivvalutat bir-reqqa skont in-natura speċifika tal-istrument u tal-kostijiet sottostanti meta mqabbla mal-impatt mistenni tal-miżuri.
Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-awtorità kontraenti titlob offerti għal prodotti u servizzi minn operaturi ekonomiċi fis-suq. Sussidji barranin li jiffavorixxu ċerti offerenti joħolqu distorsjoni fil-proċess tal-akkwist pubbliku. Lil hinn mill-għoti attwali, jekk jiġi affettwat minn sussidji barranin, kwalunkwe finanzjament żburżat permezz tal-akkwist pubbliku jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jimmina l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.
L-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-UE li huma proprjetà ta’ jew finalment ikkontrollati minn kumpanija mhux tal-UE jew minn gvern barrani huma intitolati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ finanzjament mill-UE (sakemm ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni). L-impriżi stabbiliti barra l-UE għandhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku imnedija mill-Istituzzjonijiet tal-UE jekk ikun jeżisti ftehim ma’ dak il-pajjiż terz fil-qasam tal-akkwist pubbliku li jagħtihom id-dritt jipparteċipaw.
Fiż-żewġ xenarji, bis-saħħa tas-sussidji barranin, dawk l-operaturi ekonomiċi jistgħu jew jippreżentaw offerta anormalment baxxa jew ikollhom il-possibbiltà li xorta waħda jwaqqgħu lill-offerenti oħra, u b’hekk jostakolaw l-opportunitajiet għall-kompetituri. Ir-riskju li s-sussidji barranin jistgħu joħolqu distorsjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, għalhekk, huwa preżenti irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tal-operatur ekonomiku.
B’kuntrast mal-akkwist pubbliku, fil-proċeduri tal-għoti ta’ għotjiet, l-Unjoni tikkontribwixxi għal proġett jew għal programm li jimplimenta objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Dawn l-attivitajiet ġeneralment jikkonċernaw appoġġ lil NGOs, lil awtoritajiet pubbliċi jew kważi pubbliċi, attivitajiet bażiċi ta’ riċerka u żvilupp, eċċ., permezz ta’ kontribuzzjoni maħsuba biex tirrimborża parzjalment il-kostijiet imġarrba minn entitajiet attivi f’attivitajiet mhux tas-suq jew ta’ qabel it-tqegħid fis-suq. Għall-fondi tal-UE implimentati taħt ġestjoni indiretta, l-UE tafda l-implimentazzjoni tal-baġit lil diversi sħab, fosthom korpi tal-liġi pubblika u organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżi terzi inklużi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Filwaqt li l-objettiv jenħtieġ li jkun li l-mezzi kollha ta’ żborżament ta’ fondi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għal miżuri ekwivalenti biex jiġu evitati l-effetti ta’ distorsjoni tas-sussidji barranin, xi entitajiet inkarigati jkunu soġġetti għal ċerti limitazzjonijiet ta’ governanza u għalhekk jistgħu ma jkunux jistgħu jimplimentaw b’mod sħiħ il-politiki speċifiċi tal-UE.
Għalhekk, f’dan l-istadju, il-punti prinċipali tal-miżuri possibbli huma żviluppati l-aktar fir-rigward tal-akkwist pubbliku, fejn il-kwistjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ġusta hija l-aktar akuta u fejn teżisti bażi komuni konsiderevoli b’kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-akkwist pubbliku (Modulu 3 hawn fuq).
Il-partijiet ikkonċernati huma mistiedna wkoll jikkummentaw dwar kif jistgħu potenzjalment jiġu indirizzati l-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sussidji barranin kif previst f’din il-White Paper fir-rigward tal-għotjiet (taħt kwalunkwe mod ta’ ġestjoni) jew taħt ġestjoni indiretta.
5.2Qafas u miżuri biex timtela l-lakuna
5.2.1Ġestjoni diretta
5.2.1.1Akkwist
Ir-regoli dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE li jimplimentaw il-baġit tal-UE 47 .
Fejn japplika l-Ftehim multilaterali dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“GPA”) konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku jinfetħu għall-operaturi ekonomiċi stabbiliti fil-pajjiżi li jkunu rratifikaw dak il-ftehim, skont il-kundizzjonijiet stipulati fih. Il-GPA jagħti aċċess għal ċerti proċeduri ta’ akkwist pubbliku mnedija mill-Kummissjoni, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mill-Kunsill f’isimhom stess.
Entitajiet stabbiliti f’ċerti pajjiżi terzi jistgħu jingħataw aċċess għall-finanzjament mill-UE permezz ta’ ftehimiet speċjali jew bilaterali 48 . L-operaturi ekonomiċi stabbiliti fil-pajjiżi skont il-Ftehim Ekonomiku Ewropew (FEE) jibbenefikaw minn aċċess sħiħ għall-akkwist tal-UE.
Il-baġit tal-UE jenħtieġ li jintefaq skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba: Kull operatur ekonomiku jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jagħmel l-aħjar offerta għall-baġit tal-UE u jikkompeti għall-finanzjament mill-UE bl-istess kundizzjonijiet.
Għall-akkwist pubbliku tal-UE b’ġestjoni diretta, ir-Regolament Finanzjarju jipprovdi li japplikaw l-istess standards bħal dawk imposti fuq l-awtoritajiet kontraenti koperti mid-Direttivi dwar l-Akkwist pubbliku. Strument legali adottat biex jindirizza speċifikament il-kwistjoni tas-sussidji barranin li joħoqlu distorsjoni jkun ukoll ikkoppjat fl-akkwisti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-UE jew jiġi replikat fir-Regolament Finanzjarju. Xi devjazzjonijiet għal dan ta’ hawn fuq (pereż. rigward ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini) japplikaw għall-akkwist pubbliku fl-azzjoni esterna tal-UE.
Il-kwistjoni tas-sussidji barranin jenħtieġ li tiġi indirizzata billi jiġu adattati r-raġunijiet tal-esklużjoni f’qafas legali rivedut applikabbli għall-Istituzzjonijiet tal-UE. Bħala konsegwenza, offerent li jkun irċieva sussidji barranin distorsivi jenħtieġ li jiġi eskluż mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jkunu għaddejjin u minn dawk futuri għal ċertu perjodu ta’ żmien. Sistema ta’ obbligu ta’ notifika minn qabel jenħtieġ li tiġi implimentata għal tipi speċifiċi ta’ kuntratti (pereż. ogħla minn ċerti limiti jew f’setturi speċifiċi - ara hawn taħt). Meta jissottomettu l-offerta tagħhom, l-offerenti kollha jkollhom jinnotifikaw, flimkien mal-offerta tagħhom, jekk huma, inklużi l-membri tal-konsorzju, is-sottokuntratturi u l-fornituri jkunux irċevew kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Anness I fl-aħħar tliet snin qabel il-parteċipazzjoni fil-proċedura u jekk tali kontribuzzjoni finanzjarja tkunx mistennija tingħata matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Bħala regola ġenerali, il-passi proċedurali jenħtieġ li jiġu adattati b’mod xieraq għal dawk previsti għall-akkwist pubbliku mill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali fit-Taqsima 4.3 hawn fuq.
Meta jinstab li jeżisti sussidju barrani, imbagħad jiġi vvalutat jekk is-sussidju barrani joħloqx distorsjoni fil-proċedura tal-akkwist pubbliku, f’liema każ l-offerent jiġi eskluż mill-proċedura.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ nefqa sostanzjali, setturi ta’ teknoloġija avvanzata, b’kapital intensiv jew swieq li qed jikbru malajr, l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jwettqu konsultazzjonijiet preliminari tas-suq. L-għodda diġà hija prevista mir-Regolament Finanzjarju 49 u jenħtieġ li tintuża biex tinġabar informazzjoni dwar is-swieq u l-atturi ewlenin tagħhom. Dan imbagħad jippermetti lill-awtorità kontraenti tadatta l-proċedura u tipprevjeni distorsjonijiet potenzjali li jistgħu jirriżultaw minn sussidji barranin.
5.2.1.2Għotjiet
L-għotjiet huma kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit tal-UE mogħtija lil terza persuna involuta f’attivitajiet li jaqdu l-politiki tal-Unjoni.
Skont in-natura tal-programm, ir-regoli għall-għotjiet normalment ikun fihom kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi. Pereżempju, l-eliġibbiltà għall-finanzjament hija regolarment soġġetta għall-istabbiliment f’pajjiż taż-ŻEE/EFTA jew f’pajjiż li kkonkluda ftehim speċifiku mal-UE.
Għalhekk, applikanti stabbiliti fl-UE u f’pajjiżi terzi, fejn applikabbli, jikkompetu għall-għotjiet.
Kwistjonijiet li jirriżultaw minn sussidji barranin jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kriterji ta’ esklużjoni b’mod konsistenti ma’ dak li hu pprovdut għall-akkwist pubbliku fit-Taqsima 5.2.1.1. Meta jissottomettu l-proposta tagħhom, l-applikanti jenħtieġ li jinnotifikaw lill-awtorità tal-għoti jekk ikunux irċevew sussidju barrani. Jistgħu japplikaw limiti simili għal dawk li qed jiġu kkunsidrati fit-Taqsima 4.3.3.1 50 .
L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli mill-proċedura jenħtieġ li jibgħat in-notifika lill-awtorità superviżorja biex tivvaluta l-eżistenza ta’ sussidju barrani. Se jkunu meħtieġa limiti ta’ żmien proċedurali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċess. F’każ li l-awtorità superviżorja tkun ħarġet deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ sussidju barrani li joħloq distorjsoni, il-kwistjoni ta’ jekk is-sussidju barrani joħloqx distorsjoni jew x’aktarx li joħloq distorsjoni fil-proċedura tal-għotja tkun trid tiġi indirizzata.
Bħala eżempju, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom għal għotja mill-UE, l-applikanti li jissottomettu baġits b’kostijiet jenħtieġ li jiddikjaraw jekk huma rċevewx kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Anness I fit-tliet snin preċedenti qabel il-parteċipazzjoni fil-proċedura u jekk tali kontribuzzjoni finanzjarja hijiex mistennija li tiġi riċevuta matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Meta jinstab li jeżisti sussidju barrani, imbagħad jiġi vvalutat jekk is-sussidju barrani joħloqx distorsjoni fil-proċedura tal-għoti, f’liema każ l-applikant jiġi eskluż mill-proċedura.
Jistgħu jiġu kkunsidrati adattamenti għas-sistema deskritta hawn fuq għal xenarji li jaffettwaw l-għotjiet ta’ għotjiet, bħal fil-każ ta’ konsorzji ta’ riċerka b’maġġoranza ta’ parteċipanti mill-UE.
5.2.2Ġestjoni kondiviża
5.2.2.1Akkwist
Taħt ġestjoni kondiviża, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tinqasam bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
L-akbar fondi bħalissa huma l-fondi għall-politika agrikola komuni (il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 51 ) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“il-Fondi SIE”).
Il-Fondi SIE huma l-għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE, b’madwar EUR 350 biljun disponibbli għall-perjodu 2014-2020 taħt il-Politika ta’ Koeżjoni (mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali “FEŻR”, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew) biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività b’mod soċjali, inklużiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
L-użu tal-Fondi SIE fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali huwa rregolat mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 52 (“RDK”) u regolamenti relatati speċifiċi għall-Fondi. Huma previsti programmi simili għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss 2021–27; barra minn hekk, l-irkupru Ewropew mill-kriżi ekonomika pprovokata mill-pandemija tas-COVID-19 se jkun appoġġat minn programmi ġodda ffinanzjati min-Next Generation EU u soġġetti għal ġestjoni kondiviża (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u REACT UE) 53 .
Taħt ġestjoni kondiviża l-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji, li jgawdu minn sussidji barranin, fi proġetti kofinanzjati pereż. mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni sseħħ fil-biċċa l-kbira fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku fejn awtorità pubblika li hija l-benefiċjarju tal-finanzjament mill-UE tniedi sejħa għall-offerti, pereżempju għal investiment kbir fl-infrastruttura. Proċeduri bħal dawn huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 2014/24/UE. Madwar nofs il-Fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li jirrappreżentaw aktar minn EUR 200 biljun (b’kofinanzjament nazzjonali) fil-perjodu finanzjarju attwali, jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku.
Il-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ akkwist pubbliku mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali huma dawk deskritti fit-Taqsimiet 3.3u 4.3 u l-miżuri stabbiliti biex jiġu indirizzati s-sussidji barranin skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku applikabbli b’mod ġenerali jenħtieġ li japplikaw bl-istess mod biex jiġi evitat li l-finanzjament mill-UE użat permezz tal-akkwist pubbliku jikkontribwixxi għal distorsjonijiet fis-suq intern.
5.2.2.2Għotjiet
L-istess prinċipji bħal fit-Taqsima 5.2.1.2 japplikaw mutatis mutandis għal għotjiet mogħtija taħt ġestjoni kondiviża.
5.2.3Ġestjoni indiretta
Għall-fondi mill-UE implimentati taħt ġestjoni indiretta, l-UE tafda l-implimentazzjoni tal-baġit lil diversi Sħab ta’ Implimentazzjoni, fosthom korpi tal-liġi pubblika ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, dment li dawn jiżguraw livell ekwivalenti vverifikat ta’ protezzjoni tal-baġit tal-UE. Ammont dejjem jiżdied ta’ finanzjament mill-UE qed jitqassam permezz ta’ garanziji baġitarji biex jiġi mobilizzat l-investiment privat (pereż. il-FEIS, l-InvestEU, l-EFSD). Il-pakkett ta’ rkupru jkompli jsaħħaħ dawn l-istrumenti u, taħt InvestEU, jipproponi li jsir investiment f’katini tal-valur ewlenin kruċjali għar-reżiljenza futura u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Il-korpi ta’ governanza rilevanti u l-leġiżlazzjoni sekondarja se jistabbilixxu kwalunkwe rekwiżit meħtieġ relatat mal-kontroll tal-intermedjarji (fondi, veikoli bi skop speċjali u oħrajn), b’rispett sħiħ tal-qafas legali. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu potenzjalment jinkludu l-kwistjonijiet relatati mal-għoti ta’ sussidji barranin.
Hemm interess qawwi li jiġi żgurat li fejn jidħol il-finanzjament estern (barra mill-UE) ir-regoli tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jimplimentaw proġetti appoġġati mill-baġit tal-UE, bħall-BEI jew il-BERŻ, jirriflettu l-approċċ għas-sussidji barranin deskritti f’din il-White Paper.
F’każijiet fejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-UE, jistgħu jintalbu jtejbu l-politiki tal-akkwist pubbliku tagħhom sabiex jittrattaw ma’ offerti baxxi b’mod mhux normali, li jistgħu jirriżultaw minn sussidji barranin u jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif qed jindirizzaw dawn il-każijiet fil-prattika. B’mod parallel mal-konsultazzjoni pubblika skattata minn din il-White Paper, il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu ma’ dawn is-sħab għal dan il-għan. L-implimentazzjoni ta’ objettivi ta’ politika tal-UE minn xi entitajiet fdati tista’ teħtieġ arranġamenti speċifiċi minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-governanza tagħhom.
6Interazzjoni ma’ strumenti oħra tal-UE u internazzjonali
Kif deskritt fl-analiżi tal-lakuni, l-istrumenti eżistenti tal-UE u internazzjonali, minn naħa, u l-miżuri l-ġodda dwar is-sussidji barranin, min-naħa l-oħra, jistgħu jirkbu fuq xulxin. Għalhekk huwa importanti li jiġu determinati r-relazzjoni u l-interazzjoni bejn l-istrumenti differenti.
Il-bażi legali ta’ kwalunkwe proposta għal strumenti legali dwar sussidji barranin se tiddependi mill-għan u l-kontenut speċifiku tagħhom. Kwalunkwe strument ġdid fi kwalunkwe każ ikun soġġett għar-rispett sħiħ tat-Trattati (b’mod partikolari l-konformità mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat, bħal-libertà ta’ stabbiliment meta l-impriża tkun stabbilita fl-UE — l-Artikoli 49 u 54 TFUE — u l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, protett bl-Artikolu 63 TFUE). Se jikkonforma wkoll mal-obbligi internazzjonali tal-UE (b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (General Agreement on Trade in Services, GATS), il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (Government Procurement Agreement, GPA) tad-WTO, il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (Agreement on Subsidies and Countervailing Measures, ASCM) u l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (free trade agreements, FTAs) konklużi mill-Unjoni Ewropea ma’ għadd kbir ta’ pajjiżi.
6.1Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet
L-UE għandha sistema ta’ kontroll tal-għaqdiet stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill 139/2004, 54 li tistabbilixxi sistema ta’ notifika minn qabel u approvazzjoni għal bidliet fil-kontroll fuq impriżi li jaqbżu ċerti limiti ta’ fatturat fl-UE. Il-konċentrazzjonijiet huma ddikjarati kompatibbli mas-suq intern biss sakemm ma jfixklux il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinifikanti. Filwaqt li s-sussidji jistgħu jitqiesu meta tiġi vvalutata, pereżempju, is-saħħa finanzjarja tal-entità magħquda meta mqabbla mar-rivali tagħha, l-enfasi tal-analiżi tal-impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva hija fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni f’suq partikolari, mhux fuq l-eżistenza jew l-effetti ta’ sussidji barranin bħala tali. L-istrument il-ġdid għalhekk, bl-objettiv differenti tiegħu, jikkomplementa r-Regolament dwar l-Għaqdiet. Jekk akkwist partikolari jrid jiġi nnotifikat kemm taħt dan l-istrument il-ġdid kif ukoll taħt ir-Regolament dwar l-Għaqdiet, in-notifika u l-valutazzjoni possibbli jiġu ttrattati b’mod parallel, iżda separatament minn xulxin taħt l-istrumenti rispettivi.
6.2Regoli tal-antitrust tal-UE
L-UE għandha sistema ta’ regoli dwar l-antitrust stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, li tipprojbixxi prattiki miftiehma ta’ impriżi li għandhom l-objettiv jew l-effett li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern, kif ukoll abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti. Jistgħu jingħataw eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ prattiċi miftiehma meta, taħt ċerti kondizzjonijiet, dawn jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni ta’ prodotti jew għall-promozzjoni ta’ progress tekniku jew ekonomiku. Filwaqt li r-regoli tal-antitrust jindirizzaw it-tipi kollha ta’ mġiba antikompetittiva fis-suq ma jqisux jekk l-imġiba fis-suq hijiex relatata ma’ sussidji mogħtija minn Stat Membru jew minn gvern mhux tal-UE. Strument ġdid għalhekk ikun jikkomplementa r-regoli attwali tal-antitrust tal-UE b’enfasi speċifika fuq id-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin 55 .
6.3Regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat
L-UE għandha sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikoli 107 u 108 TFUE li tapplika meta jingħata appoġġ finanzjarju minn Stat Membru tal-UE lil impriża jew grupp ta’ impriżi li jwassal għall-eżistenza ta’ vantaġġ li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Strument ġdid għalhekk ikun separat mir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għax japplika biss jekk l-appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ sussidju jingħata minn pajjiżi li mhumiex fl-UE.
6.4Ir-Regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku
Il-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE eżistenti ma fihx regoli speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw minn sussidji barranin. Din il-White Paper tipproponi modulu speċifiku għad-distorsjonijiet fl-akkwist pubbliku. L-għan huwa strument legali mmirat li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. B’dan l-għan speċifiku, jikkomplementa l-qafas eżistenti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.
Strument legali jintroduċi l-possibbiltà li offerenti sussidjati jiġu esklużi minn proċedura ta’ akkwist pubbliku li tkun għaddejja. Għal dan il-għan, se tiġi introdotta esklużjoni statutorja ġdida, li tikkumplimenta r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku. L-esklużjoni mill-awtorità kontraenti tkun soġġetta għal rieżami skont ir-regoli nazzjonali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar ir-Rimedji 89/665/KEE u 92/13/KEE 56 .
6.5Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji
Id-definizzjoni ta’ sussidju skont il-Ftehim SCM tikkoinċidi sew mad-definizzjoni ta’ sussidju stabbilita fl-anness u li tista’ tiġi inkorporata fi strument ġdid. Eċċezzjoni waħda hija kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ xiri ta’ servizzi. Madankollu, il-Ftehim SCM ikopri biss l-importazzjonijiet sussidjati ta’ prodotti minn pajjiżi terzi. Għalhekk ma japplikax għal sussidji relatati mal-kummerċ fis-servizzi u fir-rigward tat-twaqqif u l-operat ta’ impriżi fl-UE li huma appoġġati minn sussidji barranin u li ma jinvolvux kummerċ ta’ prodotti.
6.6Strumenti tad-difiża tal-kummerċ – protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji hija bbażata fuq ir-regoli stipulati fil-Ftehim SCM. F’każ li prodotti jiġu importati fl-UE, u jkun hemm biżżejjed evidenza li jkollha t-tendenza li turi li huma jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli barranin, ikun possibbli li titnieda investigazzjoni antisussidji 57 .
Bħala regola ġenerali, l-investigazzjonijiet huma kkawżati minn ilment imressaq mill-industrija tal-UE li tipproduċi l-istess prodott bħal dak importat fl-UE. F’ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni madankollu għandha wkoll l-għażla li tniedi investigazzjoni ex officio 58 . L-investigazzjoni se tiddetermina (i) l-eżistenza ta’ sussidji li jkunu ta’ benefiċċju għall-importazzjonijiet minn pajjiż terz; (ii) dannu attwali jew theddida ta’ dannu għal industrija tal-UE li tikkompeti mal-importazzjonijiet (iii) rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu; u (iv) jekk l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju hijiex fl-interess tal-UE. Jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni timponi miżuri kumpensatorji, normalment fil-livell tal-ammont ta’ sussidjar stabbilit għall-importazzjonijiet.
Il-proposti xierqa għall-istrumenti legali, li se jitfasslu f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim SCM, u b’mod partikolari mill-Artikolu 32(1) tiegħu, ikunu komplementari għall-istrumenti ta’ difiża kummerċjali tal-UE. Ir-Regolament Antisussidji tal-UE jippermetti lill-UE taġixxi kontra importazzjonijiet sussidjati ta’ prodotti minn pajjiż terz iżda mhux kontra sussidji relatati mal-kummerċ fis-servizzi u fir-rigward tat-twaqqif u l-operat ta’ kumpaniji fl-UE li huma appoġġati minn sussidji barranin u li ma jinvolvux kummerċ ta’ prodotti. B’kuntrast ma’ dan, strument ġdid ikun ikopri s-sussidjar tal-impriżi li jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tuża l-esperjenza miksuba f’każ ta’ difiża tal-kummerċ sabiex tiggwida l-valutazzjoni tagħha, pereżempju, ta’ jekk jeżistix sussidju barrani fil-kuntest ta’ dan l-istrument il-ġdid.
6.7Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB
Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB japplika għal kwalunkwe investiment dirett barrani fl-UE li x’aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Investigazzjoni tiskatta jew permezz ta’ notifika minn Stat Membru li investiment dirett barrani jkun għaddej minn skrinjar taħt mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar, jew inkella mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru li jagħmel talba ex officio għal informazzjoni fir-rigward ta’ investiment dirett barrani li ma jkunx għaddej minn skrinjar.
Il-valutazzjoni jenħtieġ li timmira li tiddetermina jekk investiment dirett barrani hux probabbli li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB jiddeskrivi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati, bħall-effetti potenzjali fuq l-infrastruttura kritika, it-teknoloġiji kritiċi, il-provvista ta’ inputs kritiċi, l-aċċess għal informazzjoni sensittiva, u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Huwa wkoll possibbli li jitqiesu elementi addizzjonali, bħal jekk l-investitur hux direttament jew indirettament ikkontrollat minn gvern barrani, involviment preċedenti tal-investitur f’attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru, jew ir-riskju serju li l-investitur barrani jkun involut f’attivitajiet illegali jew kriminali. Il-valutazzjoni dwar jekk investitur hux ikkontrollat minn gvern barrani tista’ tkun ibbażata fuq varjetà ta’ indikaturi, li wieħed minnhom huwa l-fatt li l-investitur ibbenefika minn finanzjament sinifikanti. Madankollu, dan huwa biss wieħed mill-indikaturi possibbli li għandu jitqies u mhuwiex ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ kontroll tas-sussidji barranin skont ir-Regolament tal-Iskrinjar tal-IDB kif tkun tagħmel il-proposta xierqa għal strumenti legali.
Reġim legali ġdid bħal dan ikun komplementari għar-Regolament tal-Iskrinjar IDB. L-ewwel nett, filwaqt li r-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB jippermetti l-valutazzjoni tat-theddid għas-sigurtà u l-ordni pubbliku, strument ġdid jivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali fis-suq intern. It-tieni, filwaqt li r-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB jiffoka fuq assi kritiċi bħal infrastruttura kritika, teknoloġiji kritiċi jew provvista ta’ inputs kritiċi (b’konsegwenza tal-enfasi tar-Regolament fuq investimenti li x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku), strument ġdid fil-prinċipju ma jkunx limitat f’termini ta’ assi kritiċi. It-tielet, filwaqt li r-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB jimmira għat-tipi kollha ta’ investiment barrani dirett, l-iskattaturi ta’ strument ġdid huma s-sussidji barranin li jistgħu jkunu marbuta ma’ investiment jew le.
Jista’ jkun hemm trikkib fuq il-Modulu 2 (u possibbilment fuq il-Modulu 1) jekk investiment dirett barrani jikkostitwixxi akkwist li huwa ffaċilitat minn sussidju barrani u jqajjem tħassib fir-rigward tas-sigurtà u l-ordni pubbliku. Dan jista’ jwassal għal proċeduri paralleli fejn akkwist pubbliku appoġġat minn sussidju barrani jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kemm taħt il-mekkaniżmu tal-iskrinjar tal-IDB kif ukoll taħt strument ġdid fejn jidħlu s-sussidji barranin. L-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IBD u ta’ strument ġdid b’mod parallel tkun indipendenti, billi jimmiraw lejn objettivi differenti.
6.8Ftehimiet kummerċjali bilaterali
L-UE għandha diversi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) fis-seħħ. Dawn ivarjaw minn ftehimiet kummerċjali li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jneħħu jew jillimitaw it-tariffi fuq prodotti għal ftehimiet ta’ unjoni doganali u anki għal ftehimiet li jipprovdu aċċess wiesa’ għas-suq intern. Fil-kuntest tat-tkabbir, l-UE kkonkludiet Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fil-ftehimiet internazzjonali tagħha, l-UE tapplika b’mod ġenerali żewġ approċċi differenti għas-sussidji: l-“approċċ tad-WTO+” (il-Ftehim SCM bi projbizzjoni addizzjonali tas-sussidji l-aktar dannużi, l-obbligi ta’ trasparenza u l-konsultazzjoni bilaterali) u l-“approċċ ta’ għajnuna mill-Istat” (regoli simili għar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat).
Fiż-żewġ approċċi, u skont il-ftehim rispettiv, huwa possibbli li jkun hemm trikkib mal-istrument il-ġdid. L-“approċċ tad-WTO+” fil-prinċipju jippermetti l-qbid ta’ sussidji b’effett negattiv fuq il-kummerċ u l-investiment bejn il-partijiet kontraenti. Sussidju li jaqa’ taħt wieħed mill-ftehimiet b’approċċ tad-WTO+ jista’ għalhekk, fil-prinċipju, jaqa’ wkoll taħt l-istrument il-ġdid (pereżempju għotjiet ta’ sussidju minn stat barrani lil kumpanija domestika; bl-għajnuna ta’ dan is-sussidju, il-kumpanija barranija takkwista impriża fil-mira fl-UE; is-sussidju fil-prinċipju jkun kopert kemm mill-ftehim kummerċjali kif ukoll mill-istrument il-ġdid). Fl-“approċċ tal-għajnuna mill-Istat” ukoll, dan it-trikkib huwa possibbli, billi l-ftehimiet rispettivi jippermettu li tinqabad għajnuna mill-Istat b’effett fuq il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet kontraenti (eż. l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil fornituri barranin tas-servizz; il-fornituri barrani tas-servizz ikollu wkoll stabbiliment fl-UE; fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat tkun koperta kemm mill-ftehim kummerċjali kif ukoll mill-istrument il-ġdid). Fil-każ ta’ tali trikkib, jekk matul kwalunkwe azzjoni taħt l-istrument il-ġdid jidher aktar xieraq li d-distorsjoni maħluqa tiġi indirizzata mis-sussidju barrani taħt id-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim jew il-konsultazzjoni tal-ftehim kummerċjali rispettiv, l-azzjoni taħt l-istrument il-ġdid tista’ tiġi sospiża. L-azzjoni tista’ terġa’ tibda timponi miżuri ta’ rimedju jew tadotta impenji f’żewġ xenarji alternattivi: (1) is-soluzzjoni tat-tilwim skont il-ftehim kummerċjali jkunu ġew konklużi u jkunu wasslu għas-sejba li hemm ksur, iżda l-parti li twettaq il-ksur ma tiħux azzjonijiet korrettivi; (2) fi żmien 12-il xahar mis-sospensjoni tal-azzjoni, id-distorsjoni kkawżata mis-sussidju barrani ma tkunx ġietx eliminata.
6.9Il-Ftehim dwar il-kapitoli dwar l-Akkwist tal-Gvern u l-akkwist pubbliku fl-FTAs
Il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jippermetti lill-operaturi minn 19-il sieħeb parteċipanti l-oħra tad-WTO iressqu offerti għal ċerti kuntratti pubbliċi fl-UE, u lill-kumpaniji mill-UE jagħmlu offerti għal kuntratti ta’ 19-il sieħeb ieħor tad-WTO. Barra minn hekk, diversi FTAs fihom kapitoli speċifiċi dwar l-akkwist pubbliku. Il-GPA u l-kapitoli dwar l-akkwist pubbliku ta’ FTAs ma japplikawx awtomatikament għall-akkwist pubbliku kollu tal-partijiet. L-iskedi ta’ kopertura jiddeterminaw liema entitajiet pubbliċi jridu jikkonformaw mar-regoli tal-ftehimiet u sa liema punt l-akkwist tagħhom huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-partijiet l-oħra tal-GPA u tas-sħab tal-FTA. Huma koperti biss l-akkwisti pubbliċi li jaqbżu l-valuri ta’ limitu speċifikati indikati fl-iskedi ta’ kopertura ta’ kull parti. L-esklużjoni ta’ offerenti taħt l-istrument propost dwar l-akkwist pubbliku se jkollha tiżgura l-kompatibbiltà mal-impenji tal-UE għal akkwist pubbliku kopert, speċjalment l-Artikolu VIII tal-GPA u mad-dispożizzjonijiet simili fl-FTA.
6.10Regoli settorjali: is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru u dak marittimu 59
Ir-Regolament 2019/712 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet u tadotta miżuri ta’ rimedju jekk issib prattiki li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni permezz ta’ diskriminazzjoni jew permezz ta’ sussidji bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-UE u t-trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi u li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu lit-trasportaturi tal-ajru tal-UE.
L-investigazzjoni tiskatta meta jkun hemm evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ prattika li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, li tikkawża dannu jew theddida ta’ dannu lit-trasportaturi tal-UE. Id-determinazzjoni ta’ “dannu” tinvolvi l-eżami ta’ (i) is-sitwazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati tal-UE; u (ii) is-sitwazzjoni ġenerali fis-swieq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru affettwati.
Qed jiġi ssuġġerit li jiġu esklużi sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/712 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe strument ġdid.
Ir-Regolament 4057/86 60 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni u tadotta miżuri ta’ rimedju jekk issib prattiki li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fit-trasport marittimu permezz ta’ vantaġġi mhux kummerċjali mogħtija lil sidien ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi minn stat mhux tal-UE.
L-investigazzjoni tiskatta jew permezz ta’ lment jew meta Stat Membru jkollu fil-pussess tiegħu evidenza kemm ta’ prattiki ta’ prezzijiet inġusti kif ukoll tad-dannu li jirriżulta minn dan. L-eżami tad-dannu tkopri l-ipprezzar offrut mill-kompetituri tas-sidien ta’ bastimenti mill-UE u l-effett ta’ dan l-ipprezzar analizzat permezz ta’ indikaturi ekonomiċi differenti.
Qed jiġi ssuġġerit li jiġu esklużi sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 4057/86 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe strument ġdid.
7Konsultazzjoni Pubblika
Il-Kummissjoni tistieden kummenti dwar il-proposti stabbiliti fil-White Paper permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa li tinsab fuq https://ec.europa.eu/info/consultations_mt . Għall-finijiet tal-istrutturar tas-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, l-Anness II jinkludi kwestjonarju li l-partijiet interessati huma mistiedna jwieġbu.
Il-konsultazzjoni hija miftuħa għall-kummenti sat-23 ta’ Settembru 2020. Hija prattika standard li l-Kummissjoni tippubblika s-sottomissjonijiet li tirċievi b’risposta għal konsultazzjoni pubblika. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jitlob li s-sottomissjonijiet, jew partijiet minnhom, jibqgħu kunfidenzjali. Jekk dan ikun il-każ, indika b’mod ċar fuq il-paġna ta’ quddiem li s-sottomissjoni tiegħek jenħtieġ li ma ssirx pubblika u ibgħat ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħek lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni.
ANNESS I: DEFINIZZJONI TA’ SUSSIDJU BARRANI
Għall-finijiet ta’ din il-White Paper, “sussidju barrani” tirreferi għal kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ta’ Stat mhux membru tal-UE 61 , li jagħti benefiċċju lil riċevitur 62 u li huwa limitat, fil-liġi jew fil-fatt, għal impriża jew industrija individwali jew għal grupp ta’ impriżi jew industriji.
Is-sussidji barranin ikunu jaqgħu taħt l-istrument legali ġdid biss dment li jikkawżaw direttament jew indirettament distorsjonijiet fis-suq intern. Għalhekk, id-definizzjoni attwali tkopri (i) sussidji barranin mogħtija direttament lil impriżi stabbiliti fl-UE; (ii) sussidji barranin mogħtija lil impriża stabbilita f’pajjiż terz fejn tali sussidju jintuża minn parti relatata stabbilita fl-UE; u (iii) sussidji barranin mogħtija lil impriża stabbilita f’pajjiż terz fejn tali sussidju jintuża biex jiffaċilita l-akkwiżizzjoni ta’ impriża tal-UE jew biex tipparteċipa fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tieħu diversi forom. Pereżempju, tista’ jikkonsisti f’dan il-proċess:
- it-trasferiment ta’ fondi jew obbligazzjonijiet (injezzjonijiet ta’ kapital, għotjiet, self, garanziji ta’ self, inċentivi fiskali, tpaċija ta’ telf operattiv, kumpens għal piżijiet finanzjarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi, maħfra ta’ dejn jew skedar mill-ġdid);
- dħul pubbliku mitluf jew mhux miġbur, bħal trattament tat-taxxa preferenzjali jew inċentivi fiskali bħal krediti tat-taxxa;
– il-forniment ta’ prodotti jew servizzi jew ix-xiri ta’ prodotti u servizzi.
Fid-determinazzjoni ta’ jekk kontribuzzjoni finanzjarja tagħtix benefiċċju lil xi impriża jew industrija, skont xi tkun il-forma tal-kontribuzzjoni finanzjarja, jenħtieġ li jittieħed kont ta’ dan li ġej: il-prattika normali tal-investiment tal-investituri privati, ir-rati għall-finanzjament li jistgħu jinkisbu mis-suq 63 , ir-remunerazzjoni xierqa għal oġġett jew servizz partikolari. Jekk ma jkunx hemm punti ta’ referenza li jistgħu jitqabblu b’mod dirett, il-punti ta’ referenza eżistenti jistgħu jiġu aġġustamenti 64 jew inkella l-kundizzjonijiet tas-suq jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ metodi ta’ valutazzjoni ġeneralment aċċettati 65 . Għall-finijiet ta’ din il-White Paper huwa preżunt li sussidji barranin taħt il-limitu ta’ EUR 200 000 lil impriża fuq tliet snin ma joħolqux distorsjonijiet fis-suq intern.
Il-kunċett issuġġerit ta’ “sussidji barranin” jibni fuq id-definizzjoni ta’ sussidju stabbilita fir-Regolament tal-UE antisussidju 66 u fir-Regolament tal-UE dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bl-ajru 67 . Dawk id-definizzjonijiet jiddependu wkoll fuq id-definizzjoni tas-sussidju stabbilita fir-regoli rilevanti tad-WTO, b’mod partikolari fil-Ftehim SCM, filwaqt li jirrikonoxxu li sussidju jista’ jingħata direttament jew indirettament lil impriża attiva fl-UE. Id-differenza ewlenija hija li sussidju barrani huwa kontribuzzjoni finanzjarja li tibbenefika direttament jew indirettament lil impriża fl-UE, li toffri prodotti jew servizzi jew tinvolvi ruħha f’investimenti, filwaqt li s-sussidji taħt iż-żewġ Regolamenti u l-Ftehim SCM normalment jingħataw lil benefiċjarji barra mill-UE.
Id-definizzjoni tippermetti wkoll li l-Kummissjoni tagħmel użu mis-sejbiet fl-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ taħt ir-Regolament tal-UE kontra s-sussidji u r-Regolament tal-UE dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru (għad-dettalji, ara t-taqsima 6, l-interazzjoni ma’ strumenti oħra tal-UE).
ANNESS II: KWESTJONARJU
Il-mistoqsijiet ta’ hawn taħt jenħtieġ li jitwieġbu permezz ta’ konsultazzjoni pubblika ddedikata għal din il-White Paper fis-sit web tal-istħarriġ tal-UE.
Introduzzjoni
1.Introduċi ruħek u spjega l-interess u l-motivazzjoni tiegħek biex tipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika.
Mistoqsijiet dwar it-tliet Moduli
Mistoqsijiet ġenerali
1.Taħseb li hemm bżonn ta’ strumenti legali ġodda biex jindirizzaw id-distorsjonijiet tas-suq intern li jirriżultaw minn sussidji mogħtija minn awtoritajiet mhux mill-UE (“sussidji barranin”)? Spjega u agħti wkoll eżempji ta’ distorsjonijiet fil-passat li rriżultaw minn sussidji barranin.
2.Taħseb li l-qafas ippreżentat fil-White Paper jindirizza b’mod adegwat id-distorsjonijiet ikkawżati mis-sussidji barranin fis-suq intern? pjega.
Modulu 1
1.Taħseb li l-Modulu 1 jindirizza b’mod xieraq id-distorsjonijiet fis-suq intern permezz ta’ sussidji barranin meta jingħataw lil impriżi fl-UE?
2.Taqbel mal-qafas proċedurali ppreżentat fil-White Paper, jiġifieri proċedura ta’ investigazzjoni f’żewġ stadji, l-għodod tat-tfittix tal-fatti tal-awtorità kompetenti, eċċ.? (Ara t-Taqsima 4.1.5. tal-White Paper)
3.Taqbel mal-kriterji sostantivi ta’ valutazzjoni (it-Taqsima 4.1.3) u mal-lista ta’ miżuri ta’ rimedju (it-Taqsima 4.1.6) ippreżentati fil-White Paper?
4.Taħseb li huwa utli li jiġi inkluż test tal-interess tal-UE għall-objettivi ta’ politika pubblika (it-Taqsima 4.1.4) u fil-fehma tiegħek xi kriterji jenħtieġ li jkunu inklużi f’dan it-test?
5.Taħseb li l-Modulu 1 jenħtieġ li jkopri wkoll l-akkwiżizzjonijiet sussidjati (pereż. dawk taħt il-limitu stabbilit fil-Modulu 2)? (it-Taqsima 4.1.2)
6.Taħseb li jenħtieġ li jkun hemm limitu minimu (de minimis) għall-investigazzjoni tas-sussidji barranin taħt il-Modulu 1 u jekk iva, taqbel mal-mod kif jiġi ppreżentat fil-White Paper (it-Taqsima 4.1.3)?
7.Taqbel li r-responsabbiltà tal-infurzar taħt il-Modulu 1 jenħtieġ li tinqasam bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (it-Taqsima 4.1.7)?
Modulu 2
1.Taħseb li l-Modulu 2 jindirizza b’mod xieraq id-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin li jiffaċilitaw l-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi stabbiliti fl-UE (l-impriżi fil-mira fl-UE)?
2.Taqbel mal-qafas proċedurali għall-Modulu 2, jiġifieri sistema ex ante obbligatorja ta’ notifika, proċedura ta’ investigazzjoni f’żewġ stadji, l-għodod tal-awtorità kompetenti biex tfittex il-fatti, eċċ. (Ara t-Taqsima 4.2.5 tal-White Paper)
3.Taqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Modulu 2 (it-Taqsima 4.2.2) f’termini ta’
·definizzjoni ta’ akkwiżizzjoni
·definizzjoni u limiti tal-impriża fil-mira fl-UE (4.2.2.3)
·definizzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjat
Fir-rigward tal-limiti, agħti l-opinjonijiet tiegħek dwar il-limiti xierqa.
4.Taħseb li l-Modulu 2 jenħtieġ li jinkludi obbligu ta’ notifika għall-akkwiżizzjonijiet kollha ta’ impriżi fil-mira fl-UE jew dan l-obbligu jenħtieġ li jkun għal akkwiżizzjonijiet potenzjalment sussidjati biss (it-Taqsima 4.2.2.2)?
5.Taqbel mal-kriterji sostantivi ta’ valutazzjoni fil-Modulu 2 (it-Taqsima 4.2.3) u mal-lista ta’ miżuri ta’ rimedju (it-Taqsima 4.2.6) ippreżentata fil-White Paper?
6.Taħseb li huwa utli li jiġi inkluż test tal-interess tal-UE għall-objettivi ta’ politika pubblika (it-Taqsima 4.2.4) u fil-fehma tiegħek xi kriterji jenħtieġ li jkunu inklużi f’dan it-test?
7.Taqbel li r-responsabbiltà tal-infurzar taħt il-Modulu 2 jenħtieġ li tkun tal-Kummissjoni (it-Taqsima 4.2.7)?
Modulu 3
1.Taħseb li hemm bżonn li jiġu indirizzati b’mod speċifiku d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku? pjega.
2.Taħseb li l-qafas propost għall-akkwist pubbliku fil-White Paper jindirizza b’mod xieraq id-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku? pjega.
3.Taħseb li l-interazzjoni prevista bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-awtoritajiet superviżorji hija adegwata, pereżempju fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk is-sussidju barrani joħloqx distorsjoni fil-proċedura rilevanti tal-akkwist pubbliku?
4.Taħseb li kwistjonijiet oħra minbarra dawk li jinsabu f’din il-White Paper jenħtieġ li jiġu indirizzati fil-kuntest tal-akkwist pubbliku u tas-sussidji barranin?
L-interazzjoni bejn il-Moduli 1, 2 u 3
1.Taħseb li
a.il-Modulu 1 jenħtieġ li jopera bħala modulu awtonomu;
b.il-Modulu 2 jenħtieġ li jopera bħala modulu awtonomu;
c.il-Modulu 3 jenħtieġ li jopera bħala modulu awtonomu;
d.il-Moduli 1, 2 u 3 jenħtieġ li jingħaqdu u joperaw flimkien?
Kwistjonijiet marbuta ma’ sussidji barranin fil-kuntest ta’ finanzjament mill-UE
1.Taħseb li hemm bżonn ta’ xi miżuri oħra biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet potenzjali fis-suq intern li jirriżultaw minn sussidji mogħtija minn awtoritajiet mhux tal-UE fil-kuntest speċifiku tal-finanzjament mill-UE? pjega.
2.Taħseb li l-qafas għall-finanzjament mill-UE ppreżentat fil-White Paper jindirizza b’mod xieraq id-distorsjonijiet potenzjali kkawżati minn sussidji barranin f’dan il-kuntest? pjega.
Nota ta’ sfond riċenti mħejjija mis-Segretarjat tad-WTO( G/SCM/W/546/Rev.10 ') tinnota li bejn l-1995 u l-2017 l-għadd ta’ membri li naqsu milli jagħmlu notifika żdied drastikament. Minn April 2019, 77 membru tad-WTO kienu għadhom ma ppreżentawx notifiki ta’ sussidju għall-2017, 62 membru għadhom ma ssottomesewx notifiki ta’ sussidju għall-2015. Ara wkoll: https://www.wto.org/english/news_e/news19_e/scm_30apr19_e.htm
Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, COM(2016) 34 final, id-29 ta’ Jannar 2016. Din il-proposta qed tiġi diskussa fil-Kunsill.