EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE5252

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel — Assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded”(COM(2018) 772 final)

EESC 2018/05252

ĠU C 240, 16.7.2019, p. 44–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel — Assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded”

(COM(2018) 772 final)

(2019/C 240/11)

Relatur: Gonçalo LOBO XAVIER

Korelatur: Juan MENDOZA CASTRO

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 18.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

2.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

153/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-messaġġ b’saħħtu tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-Suq Uniku u l-ħtieġa ta’ impenn mill-Istati Membri u ċ-ċittadini kollha. Is-Suq Uniku jeħtieġ bilanċ bejn l-aspettattivi tan-nies u l-politiki kkoordinati biex l-Ewropa tadatta ruħha għall-isfidi differenti imposti mill-globalizzazzjoni, mix-xejriet ġodda u mill-progress teknoloġiku.

1.2.

Il-KESE jitlob Suq Uniku, identiku għall-Istati Membri kollha, li għandu jiġi pperċepit bħala opportunità biex jiġu affermati mill-ġdid il-valuri Ewropej, id-drittijiet fundamentali u d-dmirijiet biex jinkisbu l-progress u l-benessri għall-Istati Membri u ċ-ċittadini kollha.

1.3.

Proċess ta’ integrazzjoni bla xkiel iżda konkret huwa raġuni ewlenija biex tiġi evitata u miġġielda t-theddida tal-protezzjoniżmu, l-individwaliżmu u s-soċjetajiet estremisti. Il-kisbiet fundamentali tas-Suq Uniku għandhom jiġu kkomunikati aħjar fost iċ-ċittadini u l-Istati Membri.

1.4.

Jeżistu eżempji tajbin ta’ kif iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mis-Suq Uniku, abbażi tal-isforzi u l-impenn ta’ atturi differenti. Il-valuri bħal-libertà, it-tkabbir ekonomiku, id-demokrazija, il-paċi, ix-xjenza u l-innovazzjoni, l-istabbiltà politika u d-drittijiet tal-konsumatur u dawk soċjali għandhom ikunu preżenti fil-viżjoni taċ-ċittadini bħala riżultat ta’ proċess li beda 60 sena ilu. Id-diffikultajiet biex jinkisbu dawn il-valuri ma jistgħux jintesew iżda għandhom isiru tagħlimiet miksuba għall-futur.

1.5.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu biex tiġi limitata l-għajnuna mill-Istat u jiġi miġġieled l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti, filwaqt li jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej biex jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat.

1.6.

Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tas-Suq Uniku bħala għodda biex tissaħħaħ strateġija industrijali Ewropea aktar ambizzjuża b’għanijiet ċari għall-2030. L-integrazzjoni iżjed inklużiva u wiesgħa tas-Suq Uniku fil-marġni ta’ strateġija industrijali Ewropea ġenwina għandha tkun ukoll prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss b’fokus fuq aktar investiment fl-innovazzjoni u t-teknoloġiji, u qafas regolatorju aktar flessibbli u faċli għall-utent biex jikkompeti fuq skala globali iżda mingħajr ma jintesa r-rispett għar-regoli u l-proċeduri sostenibbli ta’ kompetizzjoni globali b’saħħitha.

1.7.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tiġi żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi, jiżdiedu l-investimenti soċjali u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali, b’enfasi fuq intrapriżi soċjalment responsabbli, kif ukoll jiġu evitati l-faqar, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi speċjali fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Il-KESE jqis bħala xieraq li jiġu implimentati politiki soċjali biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, li tikkawża diżinteress fil-konfront tal-UE, populiżmu akbar u l-proliferazzjoni tal-ksenofobija f’setturi tal-popolazzjoni.

1.8.

Il-KESE josserva li, minkejja sforz kbir rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-Suq Uniku, il-fatti juru (1) li l-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu għal piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Għall-KESE, huwa ta’ prijorità li l-Istati Membri jintalbu jevitaw dawn il-prattiki.

1.9.

Matul is-snin, il-KESE appoġġja l-ekonomija diġitali, filwaqt li kien konxju tal-fatt li l-futur tas-Suq Uniku huwa marbut magħha. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (2) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-Suq Uniku fir-rigward tad-data personali iżda jinħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali għal qafas aħjar, ċar u faċli għall-utent biex jiġu evitati piżijiet u interpretazzjonijiet ħżiena bla bżonn. Dan huwa wkoll kruċjali biex tiżdied il-mobbiltà għal settur iżjed effettiv – u li qed jikber – tas-servizzi, ta’ importanza kbira għat-tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda. Settur tas-servizzi li qed jikber u żieda fin-nuqqas ta’ kompetenzi jitolbu Suq Uniku li jiffunzjona aħjar.

1.10.

Il-KESE japprova l-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ abilitazzjoni għat-tranżizzjoni għal mudell ċirkolari u jtenni li sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, b’approċċ fit-tul, hija l-ixprun ewlieni biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-swieq u t-tfaddil jintrabat ma’ investimenti sostenibbli.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress ċar fit-trasformazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) f’Fond Monetarju Ewropew, li jista’ joffri likwidità b’mod prekawzjonarju, u b’hekk inaqqas il-programmi ta’ kondizzjonalità. Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-perikli futuri fis-sistema finanzjarja, il-KESE jappoġġja t-tfittxija għal kunsens fost l-Istati Membri dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja. It-twettiq ta’ swieq finanzjarji kompletament integrati u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom jibqgħu wkoll fuq nett tal-aġenda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bl-Istrateġija għal Suq Uniku (3), l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (4) u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), il-Kummissjoni ressqet sett ambizzjuż u bbilanċjat ta’ miżuri matul dawn l-aħħar erba’ snin biex jiġi approfondit aktar is-Suq Uniku u jsir aktar ġust.

2.2.

Diġà ġew adottati diversi proposti, iżda l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għad iridu jaqblu dwar 20 mis-67 proposta stabbiliti f’dawn l-istrateġiji.

2.3.

F’Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni eżistenti, kif ukoll l-ostakli li fadal u l-opportunitajiet għal Suq Uniku li jaħdem bis-sħiħ.

2.4.

Din il-Komunikazzjoni hija adottata flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (6) u Komunikazzjoni li tagħti rendikont tal-Pjan ta’ Investiment (7).

2.5.

Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi biex tindirizza l-akbar ostakli għall-kummerċ elettroniku. Għadd minnhom diġà ġew adottati dwar l-Imblukkar Ġeografiku (8), Is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera (9), It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-kummerċ elettroniku (10) u l-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (11).

2.6.

Il-pjattaformi online saru atturi prominenti fis-Suq Uniku, li jippermettu lil aktar minn miljun negozju biex jilħqu lill-konsumaturi madwar l-Unjoni. Il-Kummissjoni ressqet proposta dwar regoli armonizzati ġodda għal prattiki ta’ “Pjattaformi għal negozji” (12) li ntlaħaq qbil dwarha fil-livell politiku mill-PE u l-Kunsill fi Frar 2019.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-messaġġ b’saħħtu tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-Suq Uniku, li huwa kisba ewlenija u element essenzjali tal-proċess Ewropew ta’ integrazzjoni. Dan għandu jkun wieħed mis-sisien tal-prosperità fl-Ewropa.

3.2.

L-introduzzjoni tal-euro u l-Ftehim ta’ Schengen kienu passi deċiżivi biex jiġi kkompletat is-Suq Uniku. Fl-istess ħin, għad hemm ħafna differenzi bejn l-Istati Membri li jridu jiġu indirizzati. Jinħtieġ impenn b’saħħtu mill-Istati Membri kollha biex din is-sitwazzjoni tinbidel u jibqgħu flimkien.

3.3.

Is-Suq Uniku jeħtieġ bilanċ bejn l-aspettattivi tan-nies u l-politiki kkoordinati sabiex tiġi ssodisfata l-ħtieġa permanenti li l-Ewropa tadatta ruħha għall-isfidi differenti imposti mill-globalizzazzjoni, mix-xejriet ġodda, mill-progress teknoloġiku u mid-diġitalizzazzjoni.

3.4.

Is-Suq Uniku, li joffri aċċess għal aktar minn 512-il miljun konsumatur, huwa suċċess ċar: l-ostakli regolatorji tneħħew għal aktar minn 80 % tal-prodotti industrijali permezz tal-adozzjoni ta’ regoli komuni, iżda dan il-proċess ma jistax jitqies bħala fatta. Jeħtieġ li d-differenzi bejn l-impenn tal-Istati Membri u l-ħtieġa għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni relatata jkunu prijorità politika. Is-suq uniku għandu japplika wkoll għall-bejjiegħa online.

3.5.

L-ammissjoni tal-Kummissjoni li hemm bżonn li jintlaħaq qbil dwar il-proposti leġislattivi u li tiġi eliminata d-diskrepanza bejn ir-retorika u l-prattika hija sinjal tajjeb. Hemm bżonn li l-Istati Membri jirrealizzaw li dan huwa “proċess ta’ kuljum”.

3.6.

L-integrazzjoni kompluta tas-Suq Uniku qatt mhi se titwettaq sakemm l-Istati Membri ma jirrealizzawx il-valur reali tal-proċess u jgħarrfu liċ-ċittadini tagħhom dwaru. Jeħtieġ li l-kisbiet jiġu enfasizzati mill-mexxejja politiċi b’messaġġ pożittiv għall-benessri tan-nies.

3.7.

Il-proġett Ewropew huwa msejjes fuq il-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp soċjali. Il-kost tan-“non-Ewropa”għandu jkun quddiem għajnejna bħala tfakkira lil dawk li għandhom dubju. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom japprezzaw il-kisbiet li saru biex jaqdu rwol attiv fil-proċess filwaqt li jiġu evitati n-nuqqas ta’ ftehim u r-radikaliżmu. Il-proċess tas-Suq Uniku jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Ewropa u jista’ jintuża bħala eżempju tajjeb biex jiġu promossi l-valuri Ewropej.

3.8.

Ma jistax ikun hemm suq uniku meta jkun hemm prodotti li għandhom “livell ta’ kwalità doppju”, jiġifieri prodotti li jinbiegħu taħt l-istess marka fil-pajjiżi li dan l-aħħar issieħbu mal-UE u li għandhom differenzi fil-kwalità (b’kontenut ta’ materja prima ta’ kwalità inferjuri) meta mqabbla ma’ prodotti li ilhom tul ta’ żmien jinbiegħu fl-UE. Il-KESE jemmen li din il-prattika hija inaċċettabbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Is-Suq Uniku bħala għodda ta’ komunikazzjoni għall-valuri u l-kisbiet Ewropej

4.1.1.

Il-KESE jemmen li għandha tintuża lingwa komuni sabiex jiġu kkomunikati aħjar il-kisbiet tas-Suq Uniku. Il-fatti għandhom jiġu promossi bħall-mobbiltà taċ-ċittadini għal finijiet ta’ divertiment u raġunijiet ta’ xogħol, is-servizzi finanzjarji jew, saħansitra, aspetti soċjali fir-rigward tas-sigurtà u l-opportunitajiet ta’ xogħol jew il-protezzjoni tal-konsumatur.

4.1.2.

Il-KESE jqis li hemm narrattiva fost għadd żgħir ta’ persuni li ddgħajjef il-proċess ta’ żvilupp Ewropew. Din in-narrattiva tiġi appoġġjata billi jinkixfu d-differenzi bejn l-Istati Membri u fatti speċifiċi li ma jurux ir-realtà sħiħa tas-Suq Uniku. Huwa essenzjali li jiġi evitat u miġġieled dan it-tip ta’ diskors fost iċ-ċittadini, sempliċement minħabba li l-politika ta’ integrazzjoni hija dinamika ħafna u timxi b’passi differenti. Ir-riżultat globali għandu jiġi enfasizzat u l-ħtieġa li jiġu evitati l-inugwaljanzi f’livelli differenti (ekonomiku, soċjali, edukattiv eċċ.) għandha tkun prijorità.

4.2.   Aktar opportunitajiet u benefiċċji għaċ-ċittadini

4.2.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-politika tal-UE dwar il-konsumatur qdew rwol importanti fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Biex il-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji tiegħu, is-Suq Uniku għandu jaħdem b’mod effettiv u l-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jafdaw il-prodotti u s-servizzi, kemm online kif ukoll offlajn u kemm jekk jiġu pprovduti lokalment jew minn Stat Membru ieħor. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li n-negozji jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur u li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra l-kompetituri għad-detriment tal-benessri tal-konsumaturi.

4.2.2.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, li għandha prestiġju fuq livell globali, kellha rwol importanti fl-iżvilupp tas-Suq Uniku. Kif enfasizza l-KESE matul is-snin, il-limitazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-ġlieda kontra l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti wasslu għad-dinamiżmu tas-suq tal-UE u kienu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji.

4.2.3.

Fil-qafas tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ekonomika, anke l-bejjiegħa online għandhom jirrispettaw is-Suq Uniku u jeħtieġ li tiġi determinata l-pożizzjoni tal-intrapriżi internazzjonali.

4.3.   Benefiċċji għan-negozji

4.3.1.

Is-Suq Uniku joffri lill-intraprendituri sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa u multilaterali, li tiżgura aċċess għall-ktajjen tal-valur internazzjonali.

4.3.2.

L-għan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa li timmobilizza l-kapital fl-Ewropa u tgħaddih għand il-kumpaniji, l-infrastruttura u l-proġetti sostenibbli u fit-tul kollha, b’effetti pożittivi ta’ impjieg (13).

4.3.3.

Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir: il-kumpaniji Ewropej jiddependu ħafna aktar mis-self mill-banek mill-kumpaniji tal-Istati Uniti.

4.3.4.

L-iskala tas-Suq Uniku tfisser li l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni li tistabbilixxi s-sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa u multilaterali. Jeħtieġ li n-negozji minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni biex ikollhom aċċess għas-Suq Uniku, inkluż fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u tal-prodotti, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

4.3.5.

Il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej meta jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat. Eżempji ta’ dan huma l-industrija ferrovjarja, it-trasport bl-ajru, it-torrijiet tal-imtieħen tar-riħ u oħrajn, fejn il-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa (minn kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċ-Ċina).

4.4.   Id-dimensjoni soċjali

4.4.1.

Il-KESE diġà talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa d-dimensjoni soċjali tal-UE bil-għan li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi, jiżdiedu l-investimenti soċjali u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali, kif ukoll jiġu evitati l-faqar, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi speċjali fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

4.4.2.

Għal xi raġuni, hemm perċezzjoni li l-impjegati kienu dawk li sofrew l-aktar mill-kriżi ekonomika, li rriżulta f’żieda fil-qgħad u fil-faqar, staġnar jew tnaqqis fil-pagi reali u tnaqqis fil-benefiċċji soċjali. Il-KESE jqis bħala xieraq li jiġu implimentati politiki soċjali biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, li tikkawża diżinteress fil-konfront tal-UE, populiżmu akbar u l-proliferazzjoni tal-ksenofobija f’setturi tal-popolazzjoni. Filwaqt li għad fadal ħafna xi jsir biex il-konsegwenzi tal-kriżi jispiċċaw, ir-riċerka mill-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins (ETUI) (14), tgħid li l-ħaddiema f’disa’ Stati Membri qalgħu inqas fl-2017 milli fl-2010. Il-KESE jfakkar li f’sitt Stati Membri tal-UE m’hemm l-ebda paga minima obbligatorja, filwaqt li f’oħrajn huma baxxi ħafna (15).

4.4.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar rigward l-adattament tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu ambizzjżi u bbilanċjati fil-fażi tat-traspożizzjoni. Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni li jmiss tressaq Pjan Ewropew ta’ Azzjoni għas-settur tal-ekonomija soċjali, li jipprovdi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u jrawwem l-iżvilupp tas-settur.

4.5.   L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku b’mod aktar effiċjenti

4.5.1.

Il-KESE josserva li, minkejja sforz kbir rigward l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku, il-fatti juru (16) li l-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu għal piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini u n-negozji (17). Din hija xi ħaġa li għandha tiġi indirizzata b’mod partikolari mill-Istati Membri u l-għodod ġodda biex dan jiġi evitat għandhom ikunu prijorità.

4.5.2.

Il-KESE jenfasizza li s-sinjali reċenti relatati mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE “mhux dejjem kienu inkoraġġanti”, li jirrikjedi impenn akbar mill-Istati Membri.

4.6.   L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku

4.6.1.   Is-suq uniku diġitali u l-ekonomija tas-servizzi

4.6.1.1.

Matul is-snin il-KESE appoġġja l-ekonomija diġitali, filwaqt li kien konxju tal-fatt li l-futur tas-Suq Uniku huwa marbut magħha (18).

4.6.1.2.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-ftehim politiku (19) dwar l-ewwel programm Ewropa Diġitali 2021-2027 li qatt eżista (20) b’baġit totali ta’ EUR 9,2 biljun biex tissawwar u tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tal-Ewropa, u b’hekk jiġu żgurati l-użu u l-adozzjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u fis-soċjetà kollha, sabiex tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika industrijali Ewropea.

4.6.1.3.

Issa li s-settur tas-servizzi qed jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija globali tal-UE (21) u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, huwa aktar meħtieġ minn qatt qabel li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dan is-settur, b’mod partikolari peress li l-qligħ stmat ta’ dan is-settur huwa konsiderevoli (22).

4.6.2.   Ekonomija Ewropea tad-data

4.6.2.1.

Il-kwistjoni ewlenija għas-Suq Uniku hija li tinbena ekosistema tad-data bbażata fl-Ewropa bħala vettur indispensabbli għall-progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll kompetittività b’saħħitha f’dinja li qiegħda fil-proċess ta’ trasformazzjoni radikali ma’ kompetituri b’saħħithom fl-Istati Uniti u l-Asja. Sabiex jitrawmu l-opportunitajiet ta’ konnettività u ta’ ħżin, hemm ħtieġa kbira għal investimenti pubbliċi u privati fl-infrastruttura fil-kontinent kollu (23).

4.6.2.2.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (24) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-Suq Uniku fir-rigward tad-data personali (25), iżda r-Regolament propost dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika (26) jrid jiġi ċċarat sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikoli 5, 8 u 11) kif ukoll il-possibbiltajiet għal restrizzjoni introdotti mil-leġislazzjoni nazzjonali (27).

4.6.3.   Ekonomija ċirkolari u finanzi sostenibbli

4.6.3.1.

Il-Kumitat jaqbel mal-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ abilitazzjoni għat-tranżizzjoni għal mudell ċirkolari li jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti (28).

4.6.3.2.

Sistema soda għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, b’approċċ fit-tul, hija xprun importanti sabiex tiġi rkuprata l-fiduċja fis-swieq u sabiex it-tfaddil jiġi marbut mal-investimenti sostenibbli. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE (29) dwar din il-kwistjoni għandu jippromovi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg għal kulħadd u produttiv, u xogħol deċenti għal kulħadd (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8) (30).

4.6.4.   Swieq tal-prodotti u s-servizzi

4.6.4.1.

Il-mudell ta’ standardizzazzjoni jagħmel mill-UE mexxejja globali. Il-KESE jenfasizza l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. L-uniformità u l-konsistenza tal-korp ta’ standards Ewropej huma żgurati permezz tal-prinċipju sottostanti ta’ “standard wieħed, test wieħed –- aċċettat madwar l-Ewropa”. Dan jipprovdi lin-negozji sigurtà tal-investiment, kif ukoll sigurtà legali u finanzjarja (31).

4.6.4.2.

Il-pakkett dwar “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”għandu l-għan li jaċċellera, jittrasforma u jikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE għal enerġija nadifa, filwaqt li jżomm l-għanijiet importanti ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tal-impjiegi (32).

4.6.4.3.

Wara r-Raba’ Pakkett Ferrovjarju (2013) (33), is-Sitt Rapport ta’ Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju (RMMS) (34) juri żieda fit-tul totali tan-netwerk ferrovjarju tal-UE.

4.6.4.4.

“5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (35) jindirizza wieħed mill-aktar elementi kritiċi tal-ekonomija diġitali u tas-soċjetà; is-servizzi kummerċjali se jiġu pprovduti fl-2020. Fil-fehma tal-KESE, il-fatturi ewlenin se jkunu s-suċċess tal-proġetti introdotti matul il-fażi ta’ riċerka tal-5G-PPP (sħubija pubblika-privata fil-qasam tal-infrastruttura 5G) u l-integrazzjoni tan-netwerks fronthaul man-netwerks backhaul meta tiġi trażmessa data permezz ta’ swiċċijiet ta’ kapaċità għolja, rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni u unitajiet ta’ pproċessar li jinsabu fil-cloud li jużaw diversi fornituri tal-Internet (36).

4.6.5.   Swieq kapitali aktar integrati u Unjoni Bankarja kompluta

4.6.5.1.

Wara l-miżuri adottati b’riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-banek Ewropej issa jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw it-taqlib futur. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress ċar li sar fit-trasformazzjoni tal-MES f’Fond Monetarju Ewropew, li jista’ joffri likwidità b’mod prekawzjonarju, u b’hekk inaqqas il-programmi ta’ kondizzjonalità.

Madankollu, biex jiġu indirizzati l-perikli futuri fis-sistema finanzjarja, il-KESE jappoġġja t-tfittxija ta’ kunsens fost l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta’ Unjoni Bankarja b’saħħitha, b’enfasi fuq miżuri li jistgħu jnisslu iżjed fiduċja fiċ-ċittadini u l-kumpaniji.

4.6.6.   It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-iffaċilitar tal-konformità mar-regoli tat-taxxa

4.6.6.1.

Regoli moderni dwar id-dritt soċjetarju fl-UE huma essenzjali għas-Suq Uniku. F’dan ir-rigward, il-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju Ewropew jikkostitwixxi approċċ komprensiv, bil-għan li jiġu bbilanċjati u mħarsa l-interessi u l-ħtiġijiet leġittimi tal-partijiet ikkonċernati, l-SMEs, l-azzjonisti minoritarji, il-kredituri u l-impjegati kollha (37).

4.6.6.2.

L-esiġenza tal-unanimità fil-akaunsill tagħmel l-adozzjoni ta’ regoli komuni f’ċerti aspetti tat-tassazzjoni aktar diffiċli, l-iżjed b’rabta mal-Bażi Komuni (Konsolidata) għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u Taxxa unika fl-UE fuq il-Valur Miżjud (VAT). Il-KESE japprova wkoll il-pakkett dwar ir-riforma tal-VAT (38).

4.6.7.   Mobbiltà sostenibbli

4.6.7.1.

Erbgħa minn kull għaxar sewwieqa Ewropej li ġew mistħarrġa (39) sostnew li jistennew li l-karozza li jmiss li jixtru se tkun elettrika. L-istandards ta’ karozzi nodfa u l-inċentivi għal vetturi elettriċi (EV) se jgħinu lill-manifatturi tal-karozzi tal-Ewropa jibqgħu kompetittivi fis-suq globali elettrifikat b’mod rapidu.

4.6.7.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji bħala eżempju tajjeb ta’ katina strateġika tal-valur fl-Ewropa. Madankollu, jeħtieġ li jsir sforz ferm akbar peress li d-ditti Ewropej għadhom konsiderevolment lura meta mqabbla mal-manifatturi Asjatiċi u tal-Istati Uniti fit-tellieqa biex ifornu vetturi rikarikabbli tas-suq tal-massa.

4.7.   It-triq ’il quddiem

4.7.1.

Il-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jintuża bħala waħda mill-għodod biex nimxu b’mod aktar effiċjenti u rapidu lejn Suq Uniku aħjar fejn meħtieġ.

4.7.2.

L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn djalogu aktar inklużiv ibbażat fuq l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili. Is-Semestru Ewropew jagħmel parti minn dan id-djalogu u l-kapaċità tal-Istati Membri li jibbenefikaw minn “rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”li jistgħu jtejbu, iżda mhux jimponu, riformi nazzjonali jidhru li huma pass essenzjali biex jinkiseb is-suċċess u tiġi involuta s-soċjetà.

4.7.3.

L-isforzi biex jiġu appoġġjati l-kisbiet tas-Suq Uniku għandhom ikunu preżenti fil-politiki u fl-impenji tal-Istati Membri kollh, flimkien mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-kontribut tal-kumpaniji. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-komunikazzjoni effettiva bejn iċ-ċittadini u “l-proġett Ewropew ibbażat fuq is-Suq Uniku”jkunu prijoritajiet tal-Istati Membri. B’dan, il-mexxejja Ewropej se jikkontribwixxu biex jiġu evitati l-estremiżmu u l-azzjoni radikali kontra Suq Uniku.

4.7.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-talbiet u l-istediniet li l-Kummissjoni għamlet lill-Kunsill Ewropew, speċjalment dik biex jiġi żgurat li l-Kunsill jaħdem malajr mal-Parlament Ewropew biex mill-iżjed fis possibbli jiġu adottati l-inizjattivi leġislattivi b’konformità mal-Istrateġija għal Suq Uniku, is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja (40).

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 772 final, Kapitolu 2.1.

(2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)  COM(2015) 550 final, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 1.

(4)  COM(2015) 468 final, ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.

(5)  COM(2015) 192 final, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65.

(6)  COM(2018) 770 final.

(7)  COM(2018) 771 final.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/302.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/644.

(10)  Id-Direttiva (UE) 2017/2455.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394.

(12)  COM(2018) 238 final.

(13)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117.

(14)  Benchmarking Working Europe 2018.

(15)  Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

(16)  COM(2018) 772 final, Kapitolu 2.1.

(17)  Ara l-inizjattiva Franċiża https://ue.delegfrance.org/suppression-de-sur-transpositions

(18)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 57; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 119; ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51; ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102.

(19)  IP/19/528.

(20)  COM(2018) 434 final (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292).

(21)  Is-settur tas-servizzi huwa attwalment l-aktar settur importanti fl-UE, li jammonta għal madwar 75 % tal-PDG tal-UE.

(22)  Ara COM(2018) 772 final: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Is-Suq Uniku f’dinja li qiegħda tinbidel, punt 3.4.

(23)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 130.

(24)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(25)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(26)  COM(2017) 010 final.

(27)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 138.

(28)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91.

(29)  COM(2018) 97 final; ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 97.

(30)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73.

(31)  ĠU C 197, 8.6.2018, p.17.

(32)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(33)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(34)  COM(2019) 51 final.

(35)  COM(2016) 588 final.

(36)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74.

(37)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 24.

(38)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40.

(39)  https://www.euractiv.com/section/electric-cars/opinion/dont-let-european-automakers-lose-the-race-to-electrification

(40)  COM(2018) 772 final.


Top