EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1432

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1432 tal-1 ta’ Settembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajers tal-azzar mhux illigat li jintużaw biex japplikaw tensjoni preċedenti u sussegwenti (wajers u swiegel PSC) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2021/6316

OJ L 309, 2.9.2021, p. 8–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1432/oj

2.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1432

tal-1 ta’ Settembru 2021

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajers tal-azzar mhux illigat li jintużaw biex japplikaw tensjoni preċedenti u sussegwenti (wajers u swiegel PSC) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 383/2009 (2) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 986/2012 (3), dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajers tal-azzar bil-karbonju li jintużaw biex japplikaw tensjoni preċedenti u sussegwenti (“wajers u swiegel PSC”) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”).

(2)

Il-miżuri ħadu l-forma ta’ rata tad-dazju ad valorem ta’ 46,2 %, bl-eċċezzjoni ta’ Kiswire Qingdao, Ltd (0 %) kif ukoll Ossen Innovation Materials Co. Joint Stock Company Ltd u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd (it-tnejn 31,1 %).

(3)

Wara l-ewwel rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/865 (4), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 (5) żammet il-miżuri fis-seħħ.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti (6) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ wajers u swiegel (“PSC”) li jintużaw biex japplikaw tensjoni preċedenti u sussegwenti u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-PRC” jew “iċ-Ċina”), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(5)

It-talba tressqet fit-28 ta’ Frar 2020 mill-European Stress Information Service (“ESIS” jew “l-applikant”), li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-PSC.

(6)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza tad-dumping u fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(7)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni, fl-4 ta’ Ġunju 2020, bdiet rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ wires u swiegel PSC li joriġinaw mill-PRC abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Din ippubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.3.   Partijiet interessati

(8)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikant, lil produtturi magħrufa oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lil utenti fl-Unjoni magħrufa li kienu kkonċernati, u lill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u stednithom jipparteċipaw.

(9)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali.

1.4.   Kampjunar

(10)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stqarret li din tista’ tikkampjuna l-partijiet interessati, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.4.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(11)

Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li din kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-bejgħ u tal-produzzjoni fl-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, filwaqt li żgurat ir-rappreżentanza ġeografika wkoll. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi kkampjunati tal-Unjoni rrappreżentaw 46 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju, iżda ma rċeviet l-ebda kumment. Il-kampjun proviżorju ġie għalhekk ikkonfermat u jitqies bħala rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.4.2.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi u ta’ importaturi mhux relatati

(12)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar ikunx meħtieġ fir-rigward tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina u ta’ importaturi mhux relatati fl-Unjoni, dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni taċ-Ċina għall-Unjoni tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Madankollu, peress li l-ebda waħda minn dawn il-partijiet ma ppreżentaw ruħhom, il-kampjunar ma kienx meħtieġ la għall-produtturi esportaturi u lanqas għall-importaturi mhux relatati. Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-PRC saru abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

1.5.   Kwestjonarji u żjarat ta’ verifika

(13)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi kkampjunati tal-Unjoni, kif ukoll lill-Gvern taċ-Ċina (“GOC”). L-istess kwestjonarji kif ukoll kwestjonarji għall-importaturi, l-utenti u l-produtturi esportaturi kienu saru wkoll disponibbli online (8) fil-jum tal-bidu.

(14)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarji mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kif ukoll mill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni (ESIS).

(15)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tal-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi Stati Membri, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku. Minflok, il-Kummissjoni kkontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjonijiet tagħha f’konformità man-Notifika tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (9). Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCC”) tal-produtturi tal-Unjoni li ġejjin li kienu inklużi fil-kampjun:

D&D Drótáru Ipari és Kereskedelmi, Miskolc, l-Ungerija;

Nedri Spanstaal BV, Venlo, in-Netherlands;

Global Special Steel Products SAU, Santander, Spanja.

1.6.   Proċedura sussegwenti

(16)

Fil-5 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha żżomm id-dazju anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar.

(17)

Il-kummenti ġew sottomessi mill-applikant. Il-kummenti ġew debitament ikkunsidrati u tqiesu mill-Kummissjoni

1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu meqjus

(18)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu meqjus”).

1.8.   Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(19)

Dan il-każ inbeda fl-4 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni miftiehem bejn ir-Renju Unit (“UK”) u l-UE li fih ir-Renju Unit baqa’ soġġett għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet mir-Renju Unit ma baqgħux jikkwalifikaw bħala partijiet interessati f’dan il-proċediment.

(20)

Permezz ta’ nota fil-fajl tal-każ fit-18 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-operaturi tar-Renju Unit li qiesu li kienu għadhom jikkwalifikaw bħala parti interessata biex jikkuntattjawha. L-ebda kumpanija ma ppreżentat ruħha.

(21)

Sabiex is-sett tad-data miġbur mill-partijiet interessati jiġi allinjat mal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni kien intemm u li r-Renju Unit ma kienx għadu soġġett għad-dritt tal-Unjoni, il-partijiet interessati kkonċernati ġew mistiedna jipprovdu tweġiba riveduta għall-kwestjonarju abbażi tal-EU-27.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(22)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa wajer mhux ibbanjat jew mhux miksi tal-azzar bil-karbonju, wajer tal-azzar bil-karbonju bbanjat jew miksi biż-żingu u wajer bis-swiegel tal-azzar bil-karbonju kemm jekk ibbanjat jew miksi kif ukoll jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li jkun fih skont il-piż 0,6 % jew aktar karbonju, b’dimensjoni trażversali massima ta’ aktar minn 3 mm, u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 (il-kodiċijiet TARIC 7217109010, 7217209010, 7312106191, 7312106591 u 7312106991) (“il-prodott taħt rieżami”). Is-swiegel galvanizzati (iżda mingħajr l-ebda materjal tal-kisi ieħor) b’seba’ wajers, li fihom id-dijametru tal-wajer ċentrali jkun identiku għal jew inqas minn 3 % akbar mid-dijametru ta’ kull wieħed mis-sitt (6) wajers l-oħra, mhumiex koperti mill-miżuri fis-seħħ u mhumiex soġġetti għal dan ir-rieżami (10).

(23)

Il-prodott taħt rieżami jintuża l-aktar bħala rinfurzar tal-konkos mill-industrija tal-bini iżda jista’ jinstab ukoll f’elementi ta’ sospensjoni u f’pontijiet sostnuti b’kejbils. Dan jiġi prodott minn vireg tal-wajers tal-azzar b’livell għoli ta’ karbonju li jitnaddfu, jiġu ttrafilati, jissaħħnu u — f’każ ta’ swiegel — jitwaħħlu flimkien b’mod elikojdali biex jinkisbu karatteristiċi speċifiċi ta’ dijametru, reżistenza u stabbiltà.

2.2.   Prodott simili

(24)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiki fiżiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użu bażiku:

il-prodott taħt rieżami li joriġina miċ-Ċina;

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku taċ-Ċina;

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(25)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

3.1.   Rimarki preliminari

(26)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-PRC komplew, għalkemm f’livelli ferm aktar baxxi milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri minn Jannar 2007 sa Diċembru 2007). Skont l-istatistika tal-Comext (Eurostat), l-importazzjonijiet ta’ PSC mill-PRC irrappreżentaw inqas minn 0,1 % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 8,2 % matul l-investigazzjoni oriġinali. Livell baxx simili ta’ sehem mis-suq (inqas minn 0,1 %) ġie nnutat matul ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti. F’termini assoluti, l-importazzjonijiet mill-PRC naqsu b’mod drastiku minn kważi 86 918 tunnellata matul l-investigazzjoni oriġinali għal 99 tunnellata fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti u 86 tunnellata fir-rieżami ta’ skadenza attwali.

(27)

Kif imsemmi fil-premessa (12), l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi mill-PRC ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-produtturi esportaturi naqsu milli jressqu tweġibiet għall-kwestjonarju, inkluż kwalunkwe data dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-esportazzjoni, il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi, il-konsum tal-inputs fil-proċess tal-produzzjoni, il-kostijiet indiretti tal-manifattura, il-kapaċità, il-produzzjoni, l-investimenti, eċċ. Bl-istess mod, il-GOC u l-produtturi esportaturi naqsu milli jindirizzaw l-evidenza dwar il-fajl tal-każ, inkluż id-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet tad-Difiża tal-Kummerċ” (11) (“ir-Rapport”).

(28)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tal-PRC li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward tal-PRC. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment.

(29)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping fir-rigward tal-PRC kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari l-informazzjoni inkluża fit-talba għar-rieżami ta’ skadenza u fis-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, flimkien ma’ sorsi oħrajn ta’ informazzjoni, bħall-istatistika kummerċjali dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (Eurostat u GTA), u l-OECD (12), u fornituri indipendenti ta’ intelligence dwar l-ipprezzar, aħbarijiet, data, analiżi u konferenzi għall-industrija tal-ħadid u tal-azzar bħal Global Financials ippublikat minn Dunn & Bradstreet (13) u Global Trade Alert (14).

3.2.   Kontinwazzjoni tad-dumping tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

3.2.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(30)

Minħabba li l-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni kellha t-tendenza li turi, fir-rigward tal-PRC, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dan il-pajjiż abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(31)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-“GOC”. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom, iressqu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GOC u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza.

(32)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għall-PRC f’dan il-każ huwa l-Indja. Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-pajjiż rappreżentattiv jintgħażel għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni stqarret ukoll li kienet se teżamina pajjiżi rappreżentattivi oħrajn li setgħu jkunu xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(33)

Fit-18 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati permezz ta’ nota (“l-Ewwel Nota”) dwar is-sorsi rilevanti li kien beħsiebha tuża biex tiddetermina l-valur normali. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla ta’ prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat pajjiżi rappreżentattivi possibbli (jiġifieri l-Brażil, il-Malasja u t-Turkija). Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-Ewwel Nota mill-applikant, fejn dan argumenta li l-Brażil ikun ferm inqas żviluppat mill-PRC u għalhekk ikun inqas simili f’dan il-kriterju mit-Turkija u mill-Malasja. Barra minn hekk, id-data rilevanti u mingħajr distorsjoni tal-gvern għall-Brażil għall-elettriku, il-gass naturali u l-ilma tidher li mhijiex disponibbli faċilment. Barra minn hekk, l-applikant innota li d-data estratta għall-vireg tal-wajers mill-GTA semmiet il-kodiċi 7213 10, filwaqt li l-kodiċi 7213 91 kien aktar xieraq. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-kodiċi HS 7213 91 jikkorrispondi għall-fattur tal-vireg tal-wajers tal-produzzjoni u estrattat id-data għall-kodiċi HS 7213 91 mill-GTA. Skont dan l-estratt il-ġdid tad-data dwar l-importazzjoni, l-għażla inizjali tal-Kummissjoni ta’ pajjiż rappreżentattiv potenzjali kienet għadha valida. L-applikant żamm il-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba li l-Indja tkun pajjiż rappreżentattiv xieraq, iżda madankollu, ma ressaqx argumenti ġodda. L-ebda pajjiż ieħor ma ġie ssuġġerit bħala kandidati xierqa.

(34)

Fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati permezz ta’ tieni nota (“it-Tieni Nota”) dwar is-sorsi rilevanti li kien beħsiebha tuża biex tiddetermina l-valur normali, bit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv. Din infurmat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amminsitrattivi (“SG&A”) u l-profitt abbażi tal-informazzjoni disponibbli minn produttur wieħed fil-pajjiż rappreżentattiv - Celik Halat Vetel Sanayii A.S.. Ma wasal l-ebda kumment dwar it-Tieni Nota.

3.2.2.   Valur normali

(35)

F’investigazzjonijiet reċenti dwar is-settur tal-azzar fil-PRC (15), il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. F’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa wkoll.

(36)

F’dawk l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali tal-gvern fil-PRC u li dan jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (16). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-settur tal-azzar, li huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GOC fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (17), iżda l-GOC huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (18). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fil-PRC tirriżulta fil-konċentrazzjoni tar-riżorsi f’setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GOC, aktar milli fl-allokazzjoni tagħhom f’konformità mal-forzi tas-suq (19). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġu ġġenerati distorsjonijiet b’mod partikolari meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fil-PRC (20). Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-settur tal-azzar fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (21), kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji fis-sens tas-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fil-PRC (22).

(37)

Minbarra r-Rapport, it-talba rreferiet għal prattiki li jaffettwaw il-kostijiet u l-prezzijiet fis-settur tal-PSC u l-vireg tal-wajers tal-azzar fis-settur tal-azzar huma l-input ewlieni fil-produzzjoni tal-PSC:

mill-akbar ħames produtturi Ċiniżi tal-azzar, erbgħa huma intrapriżi tal-Istat (“SOE”) u bħala tali dawk il-kumpaniji joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll, u s-superviżjoni tal-politika tal-GOC;

hemm distorsjonijiet sinifikanti fis-suq tal-azzar, inklużi dokumenti ta’ gwida bħat-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Azzar, id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (id-“Deċiżjoni Nru 40”) u l-Katalogu ta’ Gwida ta’ implimentazzjoni għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali;

Għadd ta’ studji indipendenti jikkonfermaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fis-settur tal-azzar: ir-Rapport tal-Pajjiżi tal-FMI Nru 17/248, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Kwistjonijiet magħżula, żewġ pubblikazzjonijiet mill-Kamra Ewropea tal-Kummerċ fiċ-Ċina: China Manufacturing 2025 u l-European Business in China Position Paper 2016/2017;

il-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija fil-PRC mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li dawn huma affettwati minn interventi sostanzjali min-naħa tal-gvern;

il-produtturi tal-vireg tal-wajers, li huma l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-PCS, jibbenefikaw minn self preferenzjali, peress li anke l-produtturi b’dejn sinifikanti pendenti u fit-tul jistgħu jiddependu mill-gvern ċentrali jew lokali biex jipprovdu appoġġ finanzjarju meta jkun meħtieġ.

(38)

Kif indikat fil-premessa (28), il-GOC la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti dwar il-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-ilmentatur, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(39)

Simili għal investigazzjonijiet preċedenti fir-rigward tas-settur tal-azzar fil-PRC, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq jew le li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-PRC, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza fir-Rapport, li tiddependi minn sorsi disponibbli għall-pubbliku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija tal-PRC b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti inkluż il-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti biex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-PRC kif misjub ukoll mill-investigazzjonijiet preċedenti tagħha f’dan ir-rigward.

(40)

Speċifikament fis-settur tal-azzar, li huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-PSC, għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GOC. Ħafna mill-akbar produtturi huma proprjetà tal-Istat. Xi wħud huma msemmija speċifikament fil-“Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar għas-snin 2016-2020”. Pereżempju, Shanxi Taiyuan Iron & Steel Co. Ltd. (“Tisco”), li hija proprjetà tal-Istat Ċiniż, issemmi fuq is-sit web tagħha li hija “kumpanija kbira tal-ħadid u tal-azzar”, li “żviluppat f’kumpless straordinarju tal-ħadid u tal-azzar fuq skala kbira, li huwa integrat man-negozju tal-estrazzjoni tal-ħadid, u tal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-konsenja u n-negozjar tal-ħadid u tal-azzar” (23). Baosteel hija intrapriża Ċiniża ewlenija oħra tal-Istat li hija involuta fil-manifattura tal-azzar u hija parti miċ-China Baowu Steel Group Co. Ltd. (preċedentement Baosteel Group and Wuhuan Iron & Steel) li ġiet ikkonsolidata reċentement (24). Filwaqt li l-qasma nominali bejn l-għadd ta’ SOEs u kumpaniji bi sjieda privata hija stmata li hija kważi ugwali, erbgħa mill-ħames produtturi tal-azzar Ċiniżi kklassifikati mal-ewwel 10 bħala l-akbar produtturi tal-azzar fid-dinja huma SOEs (25). Fl-istess ħin, filwaqt li fl-2016 l-aqwa għaxar produtturi rrappreżentaw biss madwar 36 % tal-output totali tal-industrija, il-GOC stabbilixxa l-mira fl-istess sena li jikkonsolida bejn 60 % u 70 % tal-produzzjoni tal-azzar f’madwar għaxar intrapriżi fuq skala kbira sal-2025 (26). Din l-intenzjoni ġiet ripetuta mill-GOC f’April 2019, fejn dan ħabbar il-ħruġ ta’ linji gwida dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tal-azzar (27). Din il-konsolidazzjoni tista’ tinvolvi fużjonijiet furzati ta’ kumpaniji privati profitabbli ma’ SOEs bi prestazzjoni baxxa (28). Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi tal-PSC, il-proporzjon eżatt tal-produtturi tal-PSC privati u tal-Istat ma setax jiġi ddeterminat.

(41)

Fir-rigward tal-fatt li l-GOC huwa f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-PSC, kien impossibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjonijiet personali bejn il-produtturi tal-prodott taħt rieżami u s-CCP. Madankollu, għadd ta’ produtturi tal-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-PSC, il-vireg tal-wajers, għandhom konnessjoni mill-qrib mas-CCP, bħall-membri tas-CCP fost il-maniġment superjuri jew il-membri tal-bord tad-diretturi. Pereżempju, HBIS Group, Jiangsu Shagang, Anshan Iron and Steel Group, Baoshan (Baosteel) u Shougang.

(42)

Kemm l-intrapriżi bi sjieda pubblika kif ukoll dawk bi sjieda privata fis-settur tal-vireg tal-wajers, il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-PSC, huma soġġetti għal superviżjoni u gwida tal-politika. L-eżempji li ġejjin juru t-tendenza msemmija hawn fuq ta’ livell dejjem akbar ta’ intervent mill-GOC fis-settur tal-vireg tal-wajers. Ħafna produtturi tal-vireg tal-wajers jenfasizzaw b’mod espliċitu l-attivitajiet ta’ bini tal-partit fuq is-siti web tagħhom, għandhom membri tal-partit fil-maniġment tal-kumpanija u jissottolinjaw l-affiljazzjoni tagħhom mas-CCP. L-investigazzjoni żvelat attivitajiet ta’ bini tal-partit f’għadd ta’ produtturi tal-vireg tal-wajers, inkluż l-HBIS Group (Hesteel), il-Jiangsu Shagang, l-Anshan Iron and Steel Group, il-Baoshan (Baosteel) u x-Shougang.

(43)

Barra minn hekk, fis-settur tal-PSC hemm stabbiliti politiki li jiddiskriminaw favur il-produtturi domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw is-suq fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.

(44)

Minkejja li l-PSC hija industrija speċjalizzata u l-ebda dokument ta’ politika speċifiku li jiggwida speċifikament l-iżvilupp tal-industrija tal-PSC bħala tali ma jista’ jiġi identifikat matul l-investigazzjoni, l-industrija tad-PSC qed tibbenefika minn gwida u intervent governattivi fir-rigward tal-materja prima ewlenija għall-manifattura tad-PSC, jiġifieri l-azzar.

(45)

L-industrija tal-azzar titqies bħala industrija essenzjali mill-GOC (29). Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn iffokati fuq l-azzar, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, bħall-“Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar għas-snin 2016-2020”, validu matul il-perjodu tal-PI. Dan il-Pjan stqarr li l-industrija tal-azzar hija “settur importanti u fundamentali tal-ekonomija Ċiniża, pedament nazzjonali” (30). Il-kompiti u l-objettivi ewlenin stabbiliti f’dan il-Pjan ikopru l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-industrija (31). It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (32), applikabbli matul il-PI, ippreveda appoġġ lill-intrapriżi li jipproduċu tipi ta’ prodotti tal-azzar ta’ livell għoli (33). Dan jiffoka wkoll fuq il-kisba tal-kwalità, tad-durabbiltà u tal-affidabbiltà tal-prodotti permezz tal-appoġġ lil kumpaniji li jużaw teknoloġiji relatati mal-produzzjoni tal-azzar nadif, mal-irrumblar bi preċiżjoni u mat-titjib fil-kwalità (34). Il-“Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) (l-Emenda tal-2013)” (35) (“il-Katalogu”) jelenka l-azzar bħala industrija mħeġġa.

(46)

Kif jidher mill-eżempji msemmija hawn fuq dwar l-azzar, li huwa materja prima importanti għall-produzzjoni tal-PSC, il-GOC jiggwida wkoll l-iżvilupp tas-settur tal-PSC f’konformità ma’ firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ politika u direttivi u jikkontrolla virtwalment kull aspett fl-iżvilupp u fil-funzjonament tas-settur. B’hekk, l-industrija tal-PSC tibbenefika minn gwida u intervent governattivi fir-rigward tal-materja prima ewlenija għall-manifattura tal-PSC, jiġifieri l-azzar.

(47)

Fil-qosor, il-GOC għandu miżuri fis-seħħ biex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jiġu appoġġati l-industriji mħeġġa, inkluż il-produzzjoni tal-azzar, tal-ħadid u tal-ligi tal-ħadid bħala l-materja prima ewlenija użata fil-manifattura tal-PSC. Dawn il-miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

(48)

Din l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fis-settur tal-PSC imsemmi hawn fuq fil-premessa (36) ma jaffettwawx lill-manifatturi tal-prodott taħt rieżami.

(49)

Is-settur tal-PSC huwa affettwat ukoll mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (36). Dawk id-distorsjonijiet jaffetwaw lis-settur kemm direttament (waqt il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami jew tal-inputs ewlenin), kif ukoll indirettament (waqt li jkun hemm aċċess għall-kapital jew għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema lavorattiva fil-PRC) (36).

(50)

Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza f’din l-investigazzjoni li turi li s-settur tal-PSC mhuwiex affettwat mill-intervent tal-gvern fis-sistema finanzjarja fis-sens tas-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (36). Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal biex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati b’mod serju fil-livelli kollha.

(51)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li sabiex jiġi prodott il-PSC, huma meħtieġa għadd ta’ inputs. Meta l-produtturi tal-PSC jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li dawn iħallsu (u li jiġu rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma esposti b’mod ċar għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs iħaddmu manodopera li tkun soġġetta għad-distorsjonijiet. Dawn jistgħu jissellfu flus li jkunu soġġetti għad-distorsjonijiet fuq is-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, dawn huma soġġetti għas-sistema tal-ippjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u fis-setturi kollha.

(52)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-PSC mhumiex xierqa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet tal-inputs kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet A u B tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, l-art, il-manodopera, l-enerġija u l-materja prima huma preżenti fil-PRC kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu ġie prodott fil-PRC permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input tal-input u l-bqija.

(53)

F’din l-investigazzjoni, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza jew argument li juru l-kuntrarju mill-GOC jew mill-produtturi esportaturi.

(54)

Fil-qosor, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott taħt rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, mhumiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles minħabba li dawn huma affettwati minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt attwali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GOC, il-Kummissjoni kkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex tfassal il-valur normali esklużivament abbażi ta’ kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi ta’ kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja.

(a)   Pajjiż rappreżentattiv

(1)   Rimarki ġenerali

(55)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għall-PRC. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross —per capita simili għall-PRC abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (37);

Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż (38);

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv;

Meta kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, ingħatat preferenza, fejn kien xieraq, lill-pajjiż b’livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(56)

Kif spjegat fil-premessi (33) u (34), fit-18 ta’ Settembru u fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet żewġ noti fil-fajl dwar is-sorsi biex jiġu ddeterminati l-valur normali u l-fatturi tal-produzzjoni (l-“Ewwel Nota” u t-“Tieni Nota”). Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar il-konklużjoni tagħha li t-Turkija tqieset bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

(2)   Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għall-PRC

(57)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni identifikat il-Brażil, il-Malasja u t-Turkija bħala pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-PRC skont il-Bank Dinji, jiġifieri lkoll huma kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi “b’introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross.

(58)

Ma wasal l-ebda kumment dwar il-livell ta’ żvilupp ekonomiku wara dik in-nota.

(3)   Produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fil-pajjiż rappreżentattiv

(59)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni indikat li l-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami ġiet identifikata fil-Brażil, fil-Malasja u fit-Turkija. Madankollu, il-Malasja ġiet eskluża bħala pajjiż rappreżentattiv potenzjali, peress li ġie identifikat produttur wieħed biss tal-prodott taħt rieżami, u l-aħħar data finanzjarja disponibbli ta’ dan il-produttur għall-2018 uriet biss profitt minimu qrib punt ta’ ekwilibriju.

(4)   Disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(60)

Għall-pajjiżi meqjusa u msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni vverifikat ukoll id-disponibbiltà tad-data pubblika, u b’mod partikolari d-data finanzjarja pubblika mill-produtturi tal-prodott taħt rieżami.

(61)

Il-Kummissjoni fittxet produtturi tal-PSC b’data finanzjarja disponibbli għall-pubbliku li setgħet tintuża biex jiġu stabbiliti ammonti mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-ispejjeż u l-profitt tal-SG&A. Il-Kummissjoni rrestrinġiet it-tfittxija għal kumpaniji b’rapporti tal-introjtu disponibbli għall-pubbliku għall-RIP u li kienu profittabbli f’dak il-perjodu. Għalhekk, it-Tieni Nota inkludiet biss kumpanija waħda fil-Brażil u kumpanija waħda fit-Turkija.

(62)

Abbażi tal-kwalità u d-dettall tad-data finanzjarja disponibbli għall-pubbliku fil-Brażil u fit-Turkija, u anke meta wieħed iqis id-disponibbiltà tal-parametri referenzjarji għall-fatturi tal-produzzjoni, il-Kummissjoni qieset li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-kumpanija Torka Celik Halat Vetel Sanayii AS ippubblikat il-kontijiet awditjati tagħha, li juru l-kost indirett tal-manifattura. Barra minn hekk, jidher ukoll mill-kontijiet li l-kumpanija għandha sehem importanti mill-fatturat tagħha mill-bejgħ tal-prodott taħt rieżami. Dan il-livell ta’ dettall mhuwiex disponibbli għall-kumpanija Brażiljana.

(63)

Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa d-data rilevanti kollha disponibbli fil-fajl għall-fatturi tal-produzzjoni fit-Turkija u nnotat dan li ġej:

Il-Kummissjoni analizzat l-istatistika dwar l-importazzjonijiet tal-vireg tal-wajers elenkati fl-Ewwel Nota, kif aġġornata bit-Tieni Nota, u kkonkludiet li kien hemm biżżejjed importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajers meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fl-RIP;

L-istatistika dwar l-enerġija (prezzijiet għall-elettriku u għall-gass naturali) għall-RIP kienet faċilment disponibbli mill-Uffiċċju tal-Istatistika tat-Turkija (39);

L-istatistika għall-kost lavorattiv kienet disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Istatistika tat-Turkija (40).

(64)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u għall-profitti. Kif iddikjarat fil-premessa (34), il-Kummissjoni sostniet li l-kumpanija Torka magħżula (Celik Halat Vetel Sanayii AS) kellha rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku li setgħu jintużaw bħala indikatur biex jiġi ddeterminat ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u għall-profitti.

(5)   Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali

(65)

Wara li ġie stabbilit li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq abbażi ta’ dawn l-elementi, ma kienx jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(6)   Konklużjoni dwar il-pajjiż rappreżentattiv

(66)

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, it-Turkija ssodisfat il-kriterji kollha stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, sabiex titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. B’mod partikolari, it-Turkija kellha biżżejjed produzzjoni tal-prodott taħt rieżami u sett komplut ta’ data disponibbli għall-fatturi kollha tal-produzzjoni, għall-SG&A u għall-profitt.

(b)   Is-sorsi li ntużaw biex jiġu stabbiliti kostijiet mingħajr distorsjoni

(67)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni stqarret li, sabiex taħdem il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, din kienet se tuża l-GTA biex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-vireg tal-wajers fil-pajjiż rappreżentattiv.

(68)

Il-Kummissjoni stqarret ukoll li l-istatistika tal-ILO kienet se tintuża biex jiġu stabbiliti l-kostijiet lavorattivi mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv; filwaqt li l-istatistika nazzjonali, kif imsemmi fil-premessa (63), kienet se tintuża biex jiġu stabbiliti l-kostijiet tal-enerġija mingħajr distorsjoni. Madankollu, eventwalment, għall-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni użat l-istatistika nazzjonali dwar il-kostijiet lavorattivi tat-Turkija hekk kif irriżulta li din kienet aktar dettaljata.

(69)

Fil-kalkolu, il-Kummissjoni inkludiet valur għall-kostijiet indiretti tal-manifattura sabiex tkopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq. Sabiex tistabbilixxi dan l-ammont, din għamlet użu mid-data finanzjarja pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw imsemmija fil-premessa (15) hawn fuq. Il-metodoloġija hija spjegata kif xieraq fit-Taqsima 3.2.2(e).

(70)

Fl-aħħar nett, kif iddikjarat fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni użat id-data finanzjarja mill-kumpanija Torka magħżula, elenkata fil-premessa (64) biex tistabbilixxi l-kostijiet u l-profitti tal-SG&A.

(c)   Kostijiet u parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni

(71)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-proċedura ta’ rieżami, il-Kummissjoni kellha tiddependi mill-industrija tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-fatturi tal-produzzjoni użati fil-produzzjoni tal-PSC. Abbażi tad-data miġbura mill-kumpaniji Ċiniżi matul l-investigazzjoni oriġinali u tal-informazzjoni disponibbli fuq is-siti web tal-produtturi Ċiniżi tal-PSC, il-proċess tal-produzzjoni u l-materjali użati tagħhom jidhru li huma simili għal dawk ipprovduti mill-industrija tal-Unjoni.

(72)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni bbażat il-parametru referenzjarju fuq l-aktar kodiċijiet tariffarji dettaljati għall-fattur tal-produzzjoni tal-vireg tal-wajers fi ħdan il-kodiċijiet tariffarji Torok skont il-GTA.

(73)

Meta wieħed iqis l-informazzjoni kollha mressqa mill-industrija tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ kummenti mill-produtturi esportaturi dwar iż-żewġ noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-rigward tal-fatturi tal-produzzjoni, ġew identifikati l-fatturi tal-produzzjoni u l-kodiċijiet tariffarji li ġejjin, fejn ikun applikabbli:

Tabella 1

Fatturi tal-produzzjoni tal-PSC

Fattur tal-Produzzjoni

Kodiċi Tariffarju Tork

Sors tad-data

Valur mingħajr distorsjoni unitarju

Materja Prima

 

 

 

Vireg tal-wajers

7213.91.410013, 7213.91.490013, 7213.91.701013, 7213.917090, 7213.9190

GTA

519,585 EURO/tunnellata

Manodopera

Pagi lavorattivi fis-settur tal-manifattura, NACE C.25

[MHUX APPLIKABBLI]

TÜİK - Veri Portalı (tuik.gov.tr)

5,713 EURO/siegħa

Enerġija

Livell tal-konsum tal-elettriku (2 000 – 20 000 MWh/sena)

[MHUX APPLIKABBLI]

Uffiċċju tal-Istatistika tat-Turkija

0,073 EURO/kWh

(1)   Materja prima

(74)

Sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet mingħajr distorsjoni tal-materjali kif ikkonsenjati sal-bieb tal-fabbrika tal-produttur kif previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) u meta wieħed iqis li ma kien hemm l-ebda produttur li kkoopera fil-PRC, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv għal kull materjal użat fil-produzzjoni tal-PSC.

(75)

Għall-materja prima kollha, il-Kummissjoni ddependiet mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv. Il-prezz tal-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala medja ponderata tal-prezzijiet unitarji tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha għajr il-PRC. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mill-PRC lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fil-premessa (54) din ikkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-PRC minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni.

(76)

Il-volumi tal-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv minn membri mhux tad-WTO elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) ġew esklużi wkoll. L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jqis li l-prezzijiet domestiċi f’dawk il-pajjiżi ma jistgħux jintużaw għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali. Din l-esklużjoni ma kellhiex impatt sinifikanti, peress li l-importazzjonijiet li jifdal xorta waħda rrappreżentaw aktar minn 95 % tal-volumi totali tal-importazzjonijiet lejn il-pajjiż rappreżentattiv.

(77)

Sabiex tistabbilixxi l-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima, ikkonsenjata sal-bieb tal-fabbrika tal-produttur esportatur kif previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni applikat id-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-pajjiż rappreżentattiv, fil-livelli rispettivi, skont il-pajjiż ta’ oriġini tal-volumi importati.

(2)   Manodopera

(78)

Sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni użat l-istatistika nazzjonali Torka disponibbli għall-pubbliku, li tinkludi t-taxxi u l-imposti tal-impjegatur.

(3)   Elettriku

(79)

Sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju għall-elettriku, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-elettriku tal-industrija skont il-livelli tal-konsum ippubblikati fuq is-sit web tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tat-Turkija.

(d)   Kostijiet indiretti tal-manifattura, SG&A u profitti

(80)

Minbarra l-fatturi tal-produzzjoni miġbura fil-qosor fil-premessa (73) hawn fuq, ġew ikkalkolati l-kostijiet indiretti tal-manifattura, jiġifieri kostijiet u utilitajiet diretti oħrajn tal-produzzjoni, id-deprezzament u kostijiet indiretti oħrajn tal-manifattura. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi, il-kalkolu ta’ dawn il-kostijiet indiretti tal-manifattura kien ibbażat fuq il-proporzjon tal-kost indirett tal-manifattura diviż bil-kost dirett tal-produzzjoni rrapportat mill-industrija tal-Unjoni, 7,87 %. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura.

(81)

Għall-SG&A u l-profitt, il-Kummissjoni użat id-data finanzjarja tal-produttur Tork Celik Halat Vetel Sanayii AS kif ippubblikata fil-Global Financials ippubblikat minn Dun & Bradstreet. Il-kontijiet awditjati disponibbli għall-pubbliku ta’ din il-kumpanija saru disponibbli għall-partijiet interessati bħala hemża mat-Tieni Nota.

(e)   Kalkolu tal-valur normali

(82)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(83)

L-ewwel, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni ddependiet mill-informazzjoni mogħtija mill-industrija tal-Unjoni dwar il-konsum ta’ kull fattur tal-produzzjoni (materja prima, manodopera u enerġija) għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Dawn il-volumi tal-konsum ġew immultiplikati bil-kostijiet mingħajr distorsjoni għal kull unità stabbilita fit-Turkija, kif deskritt fit-Taqsima d) hawn fuq.

(84)

It-tieni, biex waslet għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-produzzjoni, il-Kummissjoni żiedet il-perċentwal tal-kostijiet indiretti tal-manifattura ddeterminati kif deskritt fil-premessa (80) mal-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura.

(85)

Fl-aħħar nett, minbarra l-kost tal-produzzjoni stabbilit kif deskritt fil-premessa (84), il-Kummissjoni applikat l-SG&A u l-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv stabbilit kif spjegat fil-premessa (81). L-SG&A u l-profitt espressi bħala perċentwal tal-kostijiet diretti u applikati għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-produzzjoni ammontaw għal 11,62 % u 9,39 % rispettivament.

(86)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur ma kkoopera, il-valur normali ġie stabbilit fuq bażi nazzjonali.

(f)   Prezz tal-esportazzjonijiet

(87)

Peress li l-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni kien limitat ħafna, ammonta għal 86 tunnellata fl-RIP, u rrappreżenta biss 0,34 % tal-importazzjonijiet tal-Unjoni b’kollox u 0,02 % tas-sehem fis-suq tal-Unjoni, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni tqiesu bħala mhux rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħet tagħmel l-ebda konklużjoni siewja dwar jekk id-dumping kompliex matul l-RIP.

3.3.   Probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu

(88)

Il-Kummissjoni investigat ukoll il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. L-elementi addizzjonali li ġejjin ġew analizzati: ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi u l-valur normali maħdum għaċ-Ċina, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-PRC, id-disponibbiltà ta’ swieq oħrajn u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)   Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi

(89)

Abbażi tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet tal-GTA, il-Kummissjoni identifikat l-akbar żewġ importaturi tal-PSC mill-PRC matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami: il-Filippini u l-Korea t’Isfel. Il-volum esportat lejn dawn iż-żewġ swieq jirrappreżenta 39 % tal-konsum mill-UE. Billi l-Kummissjoni kkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fiċ-Ċina biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ, il-valur normali maħdum għaċ-Ċina, kif iddeterminat fit-taqsima 3.2.2 hawn fuq, intuża bħala indikatur għat-tqabbil mal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-PSC lejn dawn is-swieq ewlenin. Dan it-tqabbil wera li l-PSC ġie esportat lejn pajjiżi terzi bi prezzijiet bħala medja ta’ 35 % inqas mill-valur normali maħdum għaċ-Ċina, li ġie stabbilit għal EUR 756/tunnellata.

(b)   Kapaċità ta’ produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fil-PRC

(90)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GOC u tal-produtturi Ċiniżi, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-PRC ġew stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli u b’mod partikolari abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-applikant, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(91)

Skont l-applikant, il-kapaċità ta’ produzzjoni fil-PRC taqbeż b’mod sostanzjali l-volumi tal-produzzjoni attwali u d-domanda interna fis-suq Ċiniż. Iċ-ċifri pprovduti fil-premessi (92) u (93) hawn taħt huma relatati mal-produzzjoni totali ta’ wajers PSC.

(92)

Skont id-data pprovduta fit-talba, il-produzzjoni tal-PSC fil-PRC ammontat għal 3,6 miljun tunnellata fl-RIP. It-tkabbir fid-domanda Ċiniża naqas b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin u wera tkabbir medju ta’ madwar 2 % b’varjazzjonijiet għoljin, bl-2015 u l-2018 juru tkabbir negattiv. Dan it-tkabbir medju huwa aktar baxx miż-żieda fil-produzzjoni matul l-istess perjodu. Fl-RIP, id-domanda Ċiniża ammontat għal [3,3-3,4 miljun tunnellata].

(93)

Skont l-applikant, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva tal-prodott taħt rieżami fil-PRC tammonta għal madwar 2 miljun tunnellata. L-applikant ikkalkula l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva abbażi tal-iżvilupp tal-produzzjoni u abbażi tal-kapaċità kkalkulata abbażi tal-aħħar rieżami ta’ skadenza fl-istess proċediment (42). L-applikant elabora wkoll li fil-perjodu meqjus, il-produtturi Ċiniżi tal-PSC espandew b’mod konsiderevoli u se jkomplu jespandu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom, abbażi ta’ indiċi tal-produzzjoni Ċiniż ipprovdut fi studju kunfidenzjali.

(94)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom kapaċità ta’ riżerva sinifikanti, li jistgħu jużaw biex jipproduċu l-PSC għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(c)   Disponibbiltà ta’ swieq oħrajn

(95)

Hemm firxa wiesgħa ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ u restrizzjonijiet oħrajn fuq l-importazzjonijiet fis-seħħ kontra l-esportazzjonijiet ta’ PSC li joriġinaw mill-PRC. Skont Global Trade Alert, eż. miżuri anti-dumping jiġu applikati fil-Brażil, fil-Kanada, fit-Taipei Ċiniża, fil-Kolombja, fil-Messiku, fl-Afrika t’Isfel, fit-Turkija, fl-Ukrajna, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti tal-Amerka, miżuri antisussidji jiġu applikati fit-Taipei Ċiniża u fl-Istati Uniti tal-Amerka u miżuri ta’ salvagwardja jiġu applikati fiċ-Ċilì u fir-Renju Unit. Dawk il-miżuri mhux biss jillimitaw l-aċċess tal-produtturi Ċiniżi għas-swieq elenkati hawn fuq iżda jikkonfermaw ukoll il-prattiki kummerċjali inġusti kontinwi tal-produtturi Ċiniżi tal-PSC.

(96)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’każ li l-miżuri attwali jitħassru, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jerġgħu jidderieġu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(d)   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(97)

Skont id-data tal-GTA, il-produtturi esportaturi Ċiniżi esportaw lejn is-swieq terzi ewlenin tagħhom, il-Korea t’Isfel u l-Filippini, bi prezzijiet 20 % inqas meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (ara l-premessa (116)). Meta wieħed iqis din id-differenza fil-livelli tal-prezzijiet indikati fil-premessa (158), kif ukoll il-fatt li l-aċċess għal diversi swieq oħrajn huwa limitat minn miżuri għad-difiża tal-kummerċ kif iddikjarat fil-premessa (95), l-esportazzjoni lejn l-Unjoni tibqa’ attraenti ħafna għall-esportaturi Ċiniżi.

(98)

Is-suq tal-Unjoni huwa attraenti wkoll għall-produtturi Ċiniżi fid-dawl tad-daqs tiegħu, b’konsum totali ta’ 538 344 tunnellata.

(e)   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(99)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, irrispettivament minn jekk kienx hemm dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, huwa probabbli li jkun hemm rikorrenza tad-dumping minn importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni f’każ li l-miżuri jiskadu.

3.4.   Konklużjoni ġenerali dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping

(100)

Għalkemm l-investigazzjoni ma kkonkludietx dwar jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi komplewx jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping matul l-RIP, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-prattiki inġusti tal-prezzijiet tal-produtturi Ċiniżi tal-PSC ma jerġgħux iseħħu jekk il-miżuri jiskadu.

(101)

Meta wieħed iqis il-volumi sostanzjali tal-esportazzjonijiet lejn il-Korea t’Isfel u l-Filippini (211 000 tunnellata meta mqabbla ma’ 86 tunnellata biss esportati lejn l-Unjoni), il-prezzijiet ta’ dawk l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi jitqiesu bħala rappreżentattivi biex jiġu stabbiliti prattiki potenzjali ta’ dumping. Prattiki inġusti kontinwi tal-prezzijiet huma kkonfermati wkoll mid-diversi miżuri għad-difiża tal-kummerċ fis-seħħ kontra l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ PSC f’pajjiżi oħrajn.

(102)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet indikaturi oħrajn li d-dumping x’aktarx jerġa’ jseħħ f’każ li l-miżuri jiskadu.

(103)

Il-kapaċità ta’ riżerva mhux użata fil-PRC hija sinifikanti ħafna u taqbeż b’aktar minn tliet darbiet il-konsum totali mill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(104)

Fl-aħħar nett, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini tad-daqs u tal-prezzijiet, u l-fatt li swieq oħrajn għadhom magħluqa minħabba miżuri għad-difiża tal-kummerċ, jindikaw li huwa probabbli li l-esportazzjonijiet Ċiniżi (jerġgħu) jiġu diretti lejn l-Unjoni, f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(105)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping, jekk il-miżuri ma kinux se jiġu estiżi.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(106)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prodott simili ġie mmanifatturat minn tmintax-il produttur fl-Unjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

4.2.   Konsum mill-Unjoni

(107)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum mill-Unjoni billi żiedet il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni mal-importazzjonijiet miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħrajn permezz ta’ data mill-Eurostat fil-livell tal-kodiċi TARIC (tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea).

(108)

Abbażi ta’ dan, il-konsum mill-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum mill-Unjoni

 

2016

2017

2018

RIP

Konsum mill-Unjoni (tunnellati)

532 996

560 601

568 200

538 344

Indiċi (2016 = 100 %)

100

105

107

101

Sors: Id-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u d-data tal-industrija, il-Eurostat (TARIC)

(109)

Id-domanda għall-PSC hija xprunata primarjament mill-attività fis-settur tal-bini (applikazzjoni ewlenija tal-prodott, tal-prodott taħt rieżami). Għalhekk, l-evoluzzjoni tad-domanda għall-prodott taħt rieżami tirrifletti tendenza ġenerali fis-settur tal-bini kollu.

(110)

Wara xi rkupru fis-settur tal-bini fl-Ewropa, il-konsum mill-Unjoni żdied b’madwar 7 % fl-2018 meta mqabbel mal-2016 (43). Din iż-żieda fil-konsum ġiet segwita minn tnaqqis ta’ 6 punti perċentwali (44) fl-RIP (ukoll minħabba tnaqqis fid-domanda marbuta mal-bini ta’ torrijiet tar-riħ fil-Ġermanja (45), li jirrappreżenta porzjon kbir tal-konsum tal-PSC mill-Unjoni) u dan irriżulta f’żieda żgħira ta’ 1 % fil-konsum mill-Unjoni matul il-perjodu meqjus.

(111)

Huwa nnotat li l-attività ta’ bini fl-Unjoni kompliet tonqos b’7,8 % fl-2020 meta mqabbla mal-RIP u l-irkupru tas-settur għal-livelli tal-RIP huwa previst għall-2022 biss (bi tkabbir ipproġettat ta’ 4,1 % fl-2021 u ta’ 3,4 % fl-2022) (46).

4.3.   Importazzjonijiet miċ-Ċina

4.3.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

Tabella 3

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq miċ-Ċina

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

111

109

78

86

Volum indiċizzat tal-importazzjonijiet (2016 = 100)

100

99

71

78

Sehem mis-suq

0,02 %

0,02 %

0,01 %

0,02 %

Sors: Il-Eurostat (livell TARIC)

(112)

L-impożizzjoni tal-miżuri u t-tiġdid sussegwenti tagħhom essenzjalment waqqfu l-fluss tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-wajers u tas-swiegel PSC. Matul il-perjodu meqjus, il-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu baxxi, u varjaw bejn 78 u 111-il tunnellata, li jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 0,01-0,02 % fl-Unjoni. Għal paragun, l-importazzjonijiet Ċiniżi laħqu 86 918 tunnellata (8 % tas-suq tal-Unjoni) fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali (2007) u fl-2010 kienu diġà naqsu għal 1 % tas-suq tal-Unjoni.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

(113)

Il-ftit bejgħ tal-prodott taħt rieżami mic-Ċina lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ma setax jintuża bħala bażi biex fuqu ssir konklużjoni siewja.

(114)

Għalhekk, il-prezz probabbli tal-esportazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tal-esportazzjonijiet tal-PSC miċ-Ċina lejn ċerti pajjiżi terzi (ara l-premessa (97) hawn fuq).

(115)

B’mod aktar speċifiku, sar tqabbil bejn il-prezzijiet tal-prodott simili prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-PSC prodotti fiċ-Ċina mibjugħa lil ċerti pajjiżi terzi (il-Korea t’Isfel u l-Filippini), aġġustat għas-CIF fil-livell tal-fruntieri tal-Unjoni.

(116)

Dan it-tqabbil fil-prezzijiet wera marġni sinifikanti ta’ twaqqigħ probabli fil-prezzijiet ta’ 20,3 %.

4.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

(117)

Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq minn pajjiżi terzi oħrajn

Pajjiż

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Total ta’ pajjiżi terzi għajr iċ-Ċina

Importazzjonijiet (tunnellati)

30 460

25 937

31 064

25 500

 

Indiċi

100

85

102

84

 

Sehem mis-suq

5,7 %

4,6 %

5,5 %

4,7 %

 

Prezz (EUR/tunnellata)

649

770

872

836

 

Indiċi (2016 = 100)

100

119

134

129

It-Tajlandja

Importazzjonijiet (tunnellati)

3 965

5 174

9 972

11 337

 

Sehem mis-suq

0,7 %

0,9 %

1,8 %

2,1 %

 

Prezz (EUR/tunnellata)

607

700

859

759

Ir-Russja

Importazzjonijiet (tunnellati)

11 292

13 875

8 861

4 875

 

Sehem mis-suq

2,1 %

2,5 %

1,6 %

0,9 %

 

Prezz (EUR/tunnellata)

589

717

814

746

Il-Korea t’Isfel

Importazzjonijiet (tunnellati)

12 600

2 457

3 942

3 968

 

Sehem mis-suq

2,4 %

0,4 %

0,7 %

0,7 %

 

Prezz (EUR/tunnellata)

608

835

896

905

Pajjiżi terzi oħrajn (għajr iċ-Ċina, it-Tajlandja, il-Korea t’Isfel u r-Russja)

Importazzjonijiet (tunnellati)

2 602

4 431

8 290

5 320

 

Sehem mis-suq

0,5 %

0,8 %

1,5 %

1,0 %

 

Prezz (EUR/tunnellata)

1 171

985

939

1 030

Sors: Il-Eurostat (livell TARIC)

(118)

Abbażi tad-data rrapportata fil-Eurostat fil-livell TARIC, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ammontaw għal 25 500 tunnellata fl-RIP. Matul il-perjodu meqjus, l-importazzjonijiet tal-pajjiżi terzi (għajr il-PRC) kellhom sehem mis-suq relattivament stabbli ta’ 4,6 - 5,7 %. Matul il-perjodu kollu meqjus, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja u mir-Russja rrappreżentaw aktar minn 50 % tal-importazzjonijiet ġenerali. Pajjiżi esportaturi oħrajn bi kwantitajiet ta’ importazzjonijiet tal-Unjoni mhux negliġibbli kienu jinkludu l-Ukrajna, it-Turkija u l-Korea t’Isfel.

(119)

Matul il-perjodu meqjus, il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kien bħala medja 5,2 % ogħla mill-prezz medju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun (ara t-Tabella 8), li x’aktarx jispjega l-istabbiltà tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet.

4.5.   Qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Rimarki ġenerali

(120)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu meqjus.

(121)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data pprovduta mill-assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni (ESIS) u abbażi tat-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet tad-data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(122)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni tad-dumping, u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(123)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità

(124)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 5

Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

640 180

687 215

678 242

658 922

Indiċi (2016 = 100)

100

107

106

103

Kapaċità ta’ produzzjoni (tunnellati)

838 776

850 085

866 952

946 481

Indiċi (2016 = 100)

100

101

103

113

Użu tal-kapaċità

76 %

81 %

78 %

70 %

Sors: Id-data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(125)

Il-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet bi 3 % matul il-perjodu meqjus u segwiet fil-biċċa l-kbira l-evoluzzjoni tal-konsum (jiġifieri żieda ta’ 5-7 % fl-2017-2018, segwita minn tnaqqis fl-RIP) tal-prodott taħt rieżami fis-suq tal-Unjoni.

(126)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni żdiedet fl-RIP b’10 % meta mqabbla mal-2018 (b’mod ġenerali bi 13 % matul il-perjodu meqjus) minħabba l-investimenti li saru minn diversi produtturi tal-Unjoni (inkluż f’linji ġodda tal-produzzjoni), abbażi tat-tendenzi tad-domanda fl-2017-2018, meta s-settur tal-bini kien qed jikber.

(127)

Il-bidliet fl-indikaturi ta’ hawn fuq (jiġifieri ż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni li qed taqbeż il-produzzjoni proprja) wasslu għal tnaqqis fil-livelli tal-użu tal-kapaċità. Filwaqt li baqgħu vijabbli, il-livelli tal-użu naqsu minn 76 % għal 70 % matul il-perjodu meqjus.

4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(128)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 6

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-bejgħ fl-Unjoni (tunnellati)

500 026

532 455

534 957

510 857

Indiċi (2016 = 100)

100

106

107

102

Sehem mis-suq

94 %

95 %

94 %

95 %

Sors: Id-data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(129)

Il-volum tal-bejgħ tal-prodott simili mill-industrija tal-Unjoni żdied bi 2 % matul il-perjodu meqjus f’konformità mal-evoluzzjoni tal-konsum mill-Unjoni.

(130)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli matul il-perjodu meqjus.

4.5.2.3.   Tkabbir

(131)

Bejn l-2016 u l-RIP, il-konsum mill-Unjoni żdied b’1 %. Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 2 %, u dan issarraf f’kemxejn aktar sehem mis-suq (95 %) fl-RIP, b’1 % meta mqabbel mal-2016.

4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(132)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 7

Impjiegi u produttività tal-produtturi tal-Unjoni

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Għadd ta’ impjegati

957

983

1 040

1 053

Indiċi (2016 = 100)

100

103

109

110

Produttività (tunnellati/impjegati)

669

699

652

626

Indiċi (2016 = 100)

100

104

98

94

Sors: Id-data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(133)

L-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’10 % matul il-perjodu meqjus. Minħabba ż-żieda aktar kajmana fil-produzzjoni matul dak il-perjodu, il-produttività naqset b’6 % matul l-istess perjodu.

4.5.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping tal-passat

(134)

Kif ġie konkluż fil-premessa (87), il-bejgħ tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni ma tqiesx bħala rappreżentattiv tal-prezz u tal-kwantitajiet. Għalhekk, ma seta jiġi stabbilit l-ebda dumping matul dan il-perjodu fis-suq tal-Unjoni.

(135)

Ħielsa mill-pressjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tegħleb l-isfidi ppreżentati mill-fluttwazzjonijiet fid-domanda u mill-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-vireg tal-wajers, il-materja prima ewlenija tal-PSC. Madankollu, l-industrija għadha vulnerabbli, kif muri mil-livelli tal-profitt qrib punt ta’ ekwilibriju u mill-volatilità għolja tad-domanda.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(136)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni u l-kost unitarju żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 8

Prezzijiet medji tal-bejgħ fl-Unjoni u kost unitarju

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Prezz unitarju medju tal-bejgħ fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

639

715

868

752

Indiċi (2016 = 100)

100

112

136

118

Kost unitarju tal-produzzjoni

(EUR/tunnellata)

676

746

860

803

Indiċi (2016 = 100)

100

110

127

119

Sors: it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(137)

Il-prezz unitarju medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied bi 18 % matul il-perjodu meqjus, b’żieda temporanja fil-prezz ta’ 36 % fl-2018 meta mqabbla mal-2016.

(138)

L-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ essenzjalment kienet tirrifletti ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni, prinċipalment fil-kost tal-vireg tal-wajers, il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni tal-wajers u tas-swiegel PSC. It-treġġigħ lura żgħir f’din it-tendenza fl-2019 jirrifletti l-pressjoni fuq il-prezzijiet li tirriżulta mill-effett ikkombinat tad-depressjoni tal-konsum mill-Unjoni.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(139)

Il-kostijiet lavorattivi medji żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR/impjegat)

39 592

40 377

41 721

42 371

Indiċi (2016 = 100)

100

102

105

107

Sors: it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(140)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu b’7 % matul il-perjodu meqjus.

4.5.3.3.   Stokks

(141)

Il-livelli tal-istokks żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 10

Stokks

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

8 871

10 597

9 827

9 096

Indiċi (2016 = 100)

100

119

111

103

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

3,0 %

3,7 %

3,5 %

3,1 %

Sors: it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(142)

Il-livell tal-istokks tal-għeluq tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun baqa’ stabbli matul il-perjodu meqjus, b’żieda żgħira ta’ 3 %. Fl-RIP, il-livell tal-istokks irrappreżenta madwar 3 % tal-produzzjoni tagħhom. Dan ta’ hawn fuq huwa indikattiv ta’ proporzjon ibbilanċjat ħafna bejn il-bejgħ u l-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

4.5.3.4.   Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(143)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti żviluppaw matul il-perjodu meqjus kif ġej:

Tabella 11

Profitabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2016

2017

2018

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Profitabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

2 %

1 %

6 %

-1 %

Fluss tal-flus (EUR)

8 026 311

2 095 475

14 174 734

6 744 880

Indiċi (2016 = 100)

100

26

177

84

Investimenti (EUR)

1 070 047

3 374 137

3 419 199

4 322 493

Indiċi (2016 = 100)

100

315

320

404

Redditu fuq l-investimenti

9 %

6 %

37 %

-9 %

Sors: it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(144)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat minn dak il-bejgħ. B’mod ġenerali, il-profittabbiltà kienet baxxa, u varjat qrib punt ta’ ekwilibriju matul il-perjodu meqjus, għajr għall-2018. B’mod aktar speċifiku, il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ttejbet matul il-perjodu meqjus sal-2018 minn 2 % biex laħqet 6 %, meta d-domanda għolja li rriżultat mit-tkabbir tas-suq fis-settur tal-bini tal-Unjoni kienet akkumpanjata mill-kapaċità tal-produtturi tal-PSC tal-Unjoni li jidderieġu ż-żidiet fil-kostijiet tal-vireg tal-wajers. Il-profittabbiltà mbagħad naqset kemxejn taħt punt ta’ ekwilibriju fl-RIP. Il-profittabbiltà negattiva u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ fl-2019 irriżultaw minn domanda aktar dgħajfa milli kien mistenni u prezzijiet għoljin tal-vireg tal-wajers f’dik is-sena.

(145)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja l-attivitajiet tagħha. Il-fluss tal-flus nett baqa’ pożittiv matul il-perjodu kollu meqjus u fit-tieni nofs tal-perjodu wera l-istess tendenza bħall-profittabbiltà, jiġifieri titjib sinifikanti fl-2018, segwit minn tnaqqis ta’ 16 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-bidu tal-perjodu meqjus.

(146)

Iż-żieda b’erba’ darbiet fl-investimenti matul il-perjodu meqjus hija indikattiva tal-isforzi kontinwi tal-industrija tal-Unjoni biex iżżid l-effiċjenza, tidħol fi swieq ġodda u tibqa’ kompetittiva fis-suq tal-Unjoni kif ukoll fuq livell globali. L-investimenti kienu jikkonċernaw prinċipalment it-titjib u s-sostituzzjoni tal-faċilitajiet u t-tagħmir tal-produzzjoni.

(147)

Ir-redditu fuq l-investiment mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili wera l-istess tendenza bħall-profittabbiltà, peress li kien pożittiv għall-ewwel tliet snin tal-perjodu meqjus, żdied drastikament fl-2018 biex imbagħad sar negattiv (-9 %) fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.5.4.   Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(148)

L-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni tal-industrija fil-livell makro kienet stabbli, f’konformità mat-tendenza ġenerali dejjem kemxejn akbar fil-konsum (+ 1 % matul il-perjodu meqjus), li influwenzat iż-żieda żgħira fil-produzzjoni u fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(149)

L-investigazzjoni wriet ukoll li s-sitwazzjoni tal-industrija fil-livell mikro kienet pjuttost pożittiva, għalkemm għadha vulnerabbli. Il-profittabbiltà u l-fluss tal-flus kienu pożittivi matul il-perjodu meqjus, bil-profittabbiltà ssir biss negattiva (iżda, qrib ħafna ta’ punt ta’ ekwilibriju) fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami minħabba domanda aktar baxxa milli kien previst fis-settur tal-bini. Madankollu, b’irkupru fis-suq tal-bini tal-Unjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija mistennija li tittejjeb.

(150)

Għalhekk, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx dannuża u l-eżistenza ta’ miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami miċ-Ċina kienet ir-raġuni ewlenija għal din is-sitwazzjoni relattivament pożittiva.

(151)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

(152)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (151) li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(153)

Sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu f’każ li l-miżuri jiskadu, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: (a) il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina, (b) il-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping u (c) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

5.1.   Kapaċità ta’ produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina

(154)

Minkejja l-konsum sinifikanti miċ-Ċina, il-pass tal-produzzjoni (aktar minn 233 000 tunnellata) qabeż il-konsum domestiku, u b’hekk żdiedet il-pressjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(155)

Barra minn hekk, il-kapaċità żejda taċ-Ċina hija evidenti wkoll – skont l-informazzjoni mogħtija mill-applikant, iċ-Ċina kellha output annwali ta’ madwar 3,6 miljun tunnellata għall-wajers u s-swiegel PSC fl-2019 u kapaċità stmata ta’ bejn 4,5 u 5,6 miljun tunnellata (47). Il-kapaċita ta’ produzzjoni ta’ riżerva mhux użata fiċ-Ċina (li hija ta’ madwar 2 miljun tunnellata) hija mill-inqas tliet darbiet aktar mid-daqs tas-suq tal-Unjoni.

5.2.   Livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping u impatt fuq l-industrija tal-Unjoni

(156)

Fil-premessa (96), ġie konkluż li huwa probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jesportaw kwantitajiet kbar ta’ wajers u swiegel PSC lejn l-Unjoni f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu u li dawn l-esportazzjonijiet x’aktarx isiru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(157)

L-impożizzjoni ta’ miżuri fl-2009 tidher li ġiegħlet lill-esportaturi Ċiniżi ma jkomplux jagħmlu dumping tal-prodott tagħhom fis-suq tal-Unjoni f’volumi kbar u bi prezzijiet baxxi. B’riżultat ta’ dan, hemm biss volumi insinifikanti ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni.

(158)

Fir-rigward ta’ dan, il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn id-destinazzjonijiet tal-esportazzjoni ewlenin tagħhom (il-Korea t’Isfel u l-Filippini, li jirrappreżentaw madwar 40 % tal-konsum tal-Unjoni) waqqgħu l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b’20,3 %. Dan juri li l-esportaturi Ċiniżi kienu qed jerġgħu jidderieġu proporzjon kbir tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn swieq oħrajn f’livelli tal-prezzijiet ferm aktar baxxi mill-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

5.3.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(159)

Kif imsemmi fil-premessi (97) u (98), is-suq tal-Unjoni huwa attraenti f’termini tad-daqs u tal-livell tal-prezzijiet.

(160)

Id-daqs kbir tas-suq tal-Unjoni, is-saħħa relattiva attwali tal-munita tiegħu u l-prezzijiet ogħla tal-Unjoni meta mqabbla ma’ swieq ewlenin oħrajn ta’ pajjiżi terzi għall-produtturi Ċiniżi, jagħmlu lill-Unjoni suq attraenti ħafna. Tabilħaqq, il-marġni għolja ta’ twaqqigħ probabbli fil-prezzijiet ibbażata fuq tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi u tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, tagħmel is-suq tal-Unjoni aktar attraenti minn swieq oħrajn ta’ pajjiżi terzi għall-produtturi Ċiniżi. Jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jesportaw lejn l-Unjoni bi prezzijiet ogħla minn dawk lejn pajjiżi terzi filwaqt li xorta waħda jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(161)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (95), swieq kbar oħrajn ukoll, bħall-Istati Uniti, il-Brażil, il-Kanada u t-Turkija għandhom miżuri kontra l-importazzjonijiet ta’ PSC miċ-Ċina. Għalhekk, f’każ li l-miżuri tal-Unjoni jiskadu, l-Unjoni tkun naturalment suq attraenti ħafna għall-esportazzjonijiet Ċiniżi.

5.4.   Konklużjoni

(162)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta’ riżerva Ċiniża stmata u l-livelli tal-prezzijiet mistennija tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE, huwa meqjus li n-nuqqas ta’ estensjoni tal-miżuri wisq probabbli jwassal għal rikorrenza tad-dannu u jiddeterjora s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li għadha vulnerabbli, minħabba l-probabbiltà ta’ żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet oġġett ta’ dumping li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(163)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti kontra ċ-Ċina jmorrux kontra l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inkluż dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

(164)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(165)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping u ta’ rikorrenza tad-dannu, kinux jeżistu raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti. Huwa mfakkar li, fl-investigazzjoni oriġinali, l-adozzjoni tal-miżuri ma tqisitx bħala li se tmur kontra l-interess tal-Unjoni.

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(166)

Kif spjegat fil-premessa (150), il-miżuri ppermettew lill-industrija tal-Unjoni toħloq u żżomm is-sitwazzjoni mikroekonomika relattivament pożittiva tagħha. L-industrija tal-Unjoni qed tirkupra u ħadet miżuri biex ittejjeb l-effiċjenza u investiet biex tibqa’ kompetittiva. Madankollu, l-industrija għadha vulnerabbli, kif muri mil-livelli tal-profitt qrib punt ta’ ekwilibriju li jirriżultaw minn kapaċità limitata li jiġu diretti ż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima u minn tnaqqis fl-attività fis-settur tal-bini (li għandu volatilità għolja tad-domanda). Għalhekk, it-terminazzjoni tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’rikorrenza tad-dannu materjali mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, u dan iwassal għal aktar deterjorament tal-istat vulnerabbli tal-industrija tal-Unjoni.

(167)

F’każ li l-miżuri jinżammu, huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-investimenti operattivi tagħha, eventwalment ittejjeb il-profittabbiltà tagħha u tippreserva l-forza tax-xogħol imdaqqsa.

(168)

Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-miżuri kontra ċ-Ċina tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni.

6.2.   Interess tal-importaturi/kummerċjanti

(169)

Kif imsemmi fil-premessa (12), l-ebda importatur ma ppreżenta ruħu wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu u matul l-investigazzjoni (sitwazzjoni simili għar-rieżami ta’ skadenza preċedenti). Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-impożizzjoni tal-miżuri kellha impatt negattiv fuq l-attività tagħhom, l-importaturi ma jiddependux miċ-Ċina u jistgħu jiksbu l-prodott taħt rieżami minn pajjiżi fornituri oħrajn bħat-Tajlandja u r-Russja. Għalhekk, ġie konkluż (simili għall-konklużjoni milħuqa fl-investigazzjoni preċedenti tar-rieżami ta’ skadenza) li mill-perspettiva tal-importaturi, ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex ma jiġux estiżi l-miżuri eżistenti.

6.3.   Interess tal-utenti

(170)

L-ebda utent ma ppreżenta ruħu wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu u matul l-investigazzjoni. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-konklużjonijiet milħuqa fl-aħħar investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza (48) ma għadhomx validi u li ż-żamma tal-miżuri jkollha impatt negattiv fuq l-utenti li jkun akbar mill-impatt pożittiv tal-miżuri.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(171)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti ta’ interess tal-Unjoni kontra l-estensjoni tal-miżuri anti-dumping attwali fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina.

7.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(172)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq isegwi li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajers tal-azzar bil-karbonju li jintużaw biex japplikaw tensjoni preċedenti u sussegwenti (wajers u swiegel PSC) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2015/865, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1382, jenħtieġ li jinżammu.

(173)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mmanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal kwalunkwe waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

(174)

Il-kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (49). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(175)

Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu biex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Daħlu kummenti mill-applikant dwar l-ambitu tal-miżuri ta’ salvagwardja deskritti fil-premessi (177)-(178) hawn taħt.

(176)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (50), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(177)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (51), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ tliet snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 (52), il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024. Il-prodott taħt rieżami (b’mod aktar speċifiku l-prodott li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90) huwa waħda mill-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-miżura ta’ salvagwardja. Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, kemm id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota kif ukoll id-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Peress li din l-akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping b’miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott taħt rieżami għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja.

(178)

Dan ifisser li meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jaqbeż il-livell tad-dazji anti-dumping skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazji ta’ salvagwardja u ta’ dawk anti-dumping, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jiġi stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell tad-dazji anti-dumping f’dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u l-livell tad-dazji anti-dumping imposti skont dan ir-Regolament. Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura għandha tiġi sospiża.

(179)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat kif stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost hawnhekk fuq importazzjonijiet ta’ wajers mhux ibbanjati jew mhux miksija tal-azzar bil-karbonju, wajers tal-azzar bil-karbonju bbanjati jew miksija biż-żingu u wajers bis-swiegel tal-azzar bil-karbonju kemm jekk ibbanjati jew miksija kif ukoll jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li jkun fihom skont il-piż 0,6 % jew aktar karbonju, b’dimensjoni trażversali massima ta’ aktar minn 3 mm, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 (il-kodiċijiet TARIC 7217109010, 7217209010, 7312106191, 7312106591 u 7312106991) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Is-swiegel galvanizzati (iżda mingħajr l-ebda materjal tal-kisi ieħor) b’seba’ wajers, li fihom id-dijametru tal-wajer ċentrali jkun identiku għal jew inqas minn 3 % akbar mid-dijametru ta’ kull wieħed mis-sitt (6) wajers l-oħra, ma għandhomx jiġu koperti mid-dazju anti-dumping definittiv.

(2)   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Dazju anti-dumping

Kiswire Qingdao, Ltd, Qingdao

A899

0 %

Ossen Innovation Materials Co. Joint Stock Company Ltd, Maanshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang

A952

31,1 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

A999

46,20 %

(3)   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiddependi mill-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, għandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћrajn kollha.

(4)   Sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mal-miżura ta’ salvagwardja imposta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, meta d-dazju tariffarju tal-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jaqbeż il-livell tad-dazji anti-dumping skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju tal-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazji ta’ salvagwardja u ta’ dawk anti-dumping, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott taħt rieżami u jiġi stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell tad-dazji anti-dumping f’dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u l-livell tad-dazji anti-dumping imposti skont dan ir-Regolament. Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura għandha tiġi sospiża.

(5)   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 383/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-azzar mingħajr liga tal-prestressing u l-poststressing (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 118, 13.5.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 986/2012 tat-22 ta’ Ottubru 2012 li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 297, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/865 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 12).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 tat-2 ta’ Settembru 2019 li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri anti-dumping jew antisussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja (ĠU L 227, 3.9.2019, p. 1).

(6)  L-avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping (ĠU C 322, 26.9.2019, p. 5).

(7)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegel PSC) użati biex japplikaw tensjoni preċedenti jew tensjoni sussegwenti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 185, 4.6.2020, p. 5).

(8)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2457.

(9)  Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 986/2012 tat-22 ta’ Ottubru 2012 li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 297, 26.10.2012, p. 1).

(11)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet tad-Difiża, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(12)  https://stats.oecd.org/Index.aspx?DataSetCode=CIF_FOB_ITIC

(13)  https://globalfinancials.com/index-admin.html

(14)  https://www.globaltradealert.org/

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 tas-16 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi wweldjati tal-ħadid jew tal-azzar bil-karbonju li joriġinaw mill-Belarussja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508 tas-7 ta’ April 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan

(16)  Ara l-premessi 149-150 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 158-159 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508

(17)  Ara l-premessi 115-118 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 122-127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508

(18)  Ara l-premessi 119-122 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 128-132 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508: Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u għat-tneħħija ta’ persunal kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw kanal importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet kummerċjali. Skont il-liġi tal-kumpaniji tal-PRC, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-inqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, jidher li dan ir-rekwiżit mhux dejjem ġie segwit jew infurzat b’mod strett. Madankollu, minn tal-inqas l-2016, is-CCP saħħaħ il-pretensjonijiet tiegħu li jikkontrolla d-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Is-CCP huwa rrapportat ukoll li jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati biex ipoġġu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u biex isegwu d-dixxiplina tal-partit. Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partit f’70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija bi sjieda privata, bi pressjoni dejjem akbar biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fis-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-kojls tal-azzar inossidabbli illaminati fil-kiesaħ u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(19)  Ara l-premessi 123-129 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 133-138 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508.

(20)  Ara l-premessi 130-133 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 139-142 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508.

(21)  Ara l-premessi 134-135 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 143-144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508.

(22)  Ara l-premessi 136-145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 145-154 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508.

(23)  TISCO, “Il-profil tal-kumpanija”, http://en.tisco.com.cn/CompanyProfile/20151027095855836705.html (ikkonsultat l-aħħar fit-2 ta’ Marzu 2020)

(24)  Baowu, “Il-profil tal-kumpanija”, http://www.baowugroup.com/en/contents/5273/102759.html (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021)

(25)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 14, p. 358: 51 % kumpaniji privati u 49 % SOEs f’termini ta’ produzzjoni u 44 % SOEs u 56 % kumpaniji privati f’termini ta’ kapaċità.

(26)  Disponibbli fuq:

www.gov.cn/zhengce/content/2016-02/04/content_5039353.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021); https://policycn.com/policy_ticker/higher-expectations-for-large-scale-steel-enterprise/?iframe=1&secret=c8uthafuthefra4e (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021), u

www.xinhuanet.com/english/2019-04/23/c_138001574.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(27)  Disponibbli fuq http://www.xinhuanet.com/english/2019-04/23/c_138001574.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021) u http://www.jjckb.cn/2019-04/23/c_137999653.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(28)  Kif kien il-każ tal-fużjoni bejn il-kumpanija privata Rizhao u l-SOE Shandong Iron and Steel fl-2009. Ara r-rapport dwar l-azzar ta’ Beijing, p. 58, u s-sehem tal-maġġoranza akkwistat ta’ China Baowu Steel Group f’Magang Steel f’Ġunju 2019, ara https://www.ft.com/content/a7c93fae-85bc-11e9-a028-86cea8523dc2 (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(29)  Ir-Rapport, il-Parti III, il-Kapitolu 14, p. 346 ff.

(30)  Introduzzjoni għall-Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar.

(31)  Ir-Rapport, il-Kapitolu 14, p. 347.

(32)  It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2016-2020), disponibbli fuq

https://en.ndrc.gov.cn/newsrelease_8232/201612/P020191101481868235378.pdf (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(33)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 14, p. 349.

(34)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 14, p. 352.

(35)  Il-Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) (l-Emenda tal-2013) maħruġ bl-Ordni Nru 9 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma fis-27 ta’ Marzu 2011, u emendat f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma dwar l-Emendar tal-Klawżoli Rilevanti tal-Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) maħruġa bl-Ordni Nru 21 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma fis-16 ta’ Frar 2013.

(36)  Ara l-premessi 134-135 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 143-144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508.

(37)  Id-Data Miftuħa tal-Bank Dinji – Introjtu Medju Superjuri, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(38)  Jekk ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi kwalunkwe pajjiż li jkollu livell simili ta’ żvilupp, tista’ titqies il-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija u/jew settur ġenerali tal-prodott taħt rieżami.

(39)  https://data.tuik.gov.tr/Kategori/GetKategori?p=cevre-ve-enerji-103&dil=2

(40)  Ir-Rapport dwar “Actual weekly working hours and monthly average labour costs by economic activity, 2012, 2016” ippubblikat fuq https://data.tuik.gov.tr/Search/Search?text=labour

(41)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(42)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/865 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 12).

(43)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Construction_production_(volume)_index_overview

(44)  Huwa nnotat li l-attività ta’ bini fl-Unjoni kompliet tonqos b’7,8 % fl-2020 meta mqabbla mal-RIP u l-irkupru tas-settur għal-livelli tal-RIP huwa previst għall-2022 biss (bi tkabbir ipproġettat ta’ 4,1 % fl-2021 u ta’ 3,4 % fl-2022) – ara l-ISTQARRIJA GĦALL-ISTAMPA, id-90 Konferenza tal-EUROCONSTRUCT, Munich, 24 ta’ Novembru 2020, disponibbli fuq https://euroconstruct.org/jart/prj3/wifo/data/uploads/euroconstruct/press/2020_90%20-%20EC%20Press%20Release%20Munich.pdf ikkonsultat fil-5 ta’ Frar 2021.

(45)  Ara https://www.cleanenergywire.org/factsheets/german-onshore-wind-power-output-business-and-perspectives

(46)  L-ISTQARRIJA GĦALL-ISTAMPA, id-90 Konferenza tal-EUROCONSTRUCT, Munich, 24 ta’ Novembru 2020 (ara https://euroconstruct.org/jart/prj3/wifo/data/uploads/euroconstruct/press/2020_90%20-%20EC%20Press%20Release%20Munich.pdf aċċessat fil-5 ta’ Frar 2021)

(47)  F’konformità maċ-ċifri stabbiliti fil-premessa 46 tar-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI tal-KUMMISSJONI (UE) 2015/865 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u abbażi tal-fatt li l-kapaċità ta’ produzzjoni kibret bl-istess rata bħall-produzzjoni fiċ-Ċina.

(48)  Il-premessi 121-123 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/865 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 12).

(49)  Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Id-Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, il-Belġju.

(50)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(51)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(52)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex jestendi l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 225I, 25.6.2021, p. 1).


ANNESS

Dikjarazzjoni bid-data u ffirmata minn uffiċjal tal-kumpanija, fil-format li ġej, għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

1.

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-kumpanija li tkun ħarġet il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-[volum] ta’ wajers u swiegli tal-PSC mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u s-sede reġistrata) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma


Top