Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2007C0119

    Rakkomandazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA Nru 119/07/COL tas- 16 ta’ April 2007 dwar il-monitoraġġ tal-livelli fl-isfond tad-diossini, tal-PCBs li jixbhu lid-diossini, u tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel

    ĠU L 275, 16.10.2008, p. 65–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2007/119/oj

    16.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 275/65


    RAKKOMANDAZZJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA

    Nru 119/07/COL

    tas-16 ta’ April 2007

    dwar il-monitoraġġ tal-livelli fl-isfond tad-diossini, tal-PCBs li jixbhu lid-diossini, u tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim taż-ŻEE”), b’mod partikolari l-Artikolu 109 u l-Protokoll 1 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar l-Istabbiliment ta' Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u l-Protokoll 1 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT l-Att li jissemma fil-Punt 54zn a tal-Kapitolu XII ta’ l-Anness II għall-Ftehim taż-ŻEE,

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 tat-8 ta' Marzu 2001 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel  (1),

    kif emendata u adattata għall-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT l-Att li jissemma fil-Punt 54zzc tal-Kapitolu XII ta’ l-Anness II għall-Ftehim taż-ŻEE,

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/69/KE tat-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi l-metodi għat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tad-diossini u d-determinazzjoni ta' PCBs li jixbħu d-diossini fl-oġġetti ta' l-ikel  (2),

    kif emendat u adattat għall-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA 37/07/COL tas-27 ta’ Frar 2007, fejn il-Membru tal-Kulleġġ kompetenti jingħata struzzjonijiet biex jadotta r-Rakkomandazzjoni jekk l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni ikun skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Oġġetti ta’ l-Ikel ta’ l-EFTA (EFC),

    BILLI r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 jistabbilixxi livelli massimi għad-diossini u għas-somma tad-diossini u tal-Bifenili Poliklorinati (PCBs) li jixbhu lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel,

    BILLI jeħtieġ li tiġi ġenerata data affidabbli maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha dwar il-preżenza tad-diossini, tal-furani u tal-PCBs li jixbhu lid-diossini fl-akbar firxa ta’ oġġetti ta’ l-ikel sabiex ikun hemm stampa ċara tat-tendenzi maż-żmien fil-preżenza fl-isfond ta’ dawn is-sustanzi fl-oġġetti ta’ l-ikel,

    BILLI r-Rakkomandazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA 144/06/COL tal-11 ta’ Mejju 2006 dwar it-tnaqqis tal-preżenza tad-diossini, tal-furani u tal-PCBs fl-oġġetti ta’ l-għalf u fl-oġġetti ta’ l-ikel tirrakkomanda li l-Istati ta’ l-EFTA jwettqu monitoraġġ mhux sistematiku tal-preżenza tad-diossini, tal-PCBs li jixbhu lid-diossini u, jekk ikun possibbli, tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/705/KE (3),

    BILLI r-Rakkomandazzjoni 2004/705/KE tirrakkomanda lill-Istati Membri frekwenza minima ta’ kampjuni li għandhom jiġu analizzati annwalment għall-kategoriji differenti ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll il-format tar-rapportaġġ tar-riżultati għall-monitoraġġ tal-preżenza fl-isfond tad-diossini, tal-furani u tal-PCBs li jixbhu lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel,

    BILLI huwa xieraq li jiġi emendat il-programm kurrenti ta’ monitoraġġ stabbilit fir-Rakkomandazzjoni 2004/705/KE billi jitqiesu l-esperjenzi miksuba u li l-Istati ta’ l-EFTA taż-ŻEE jipparteċipaw fl-investigazzjoni fil-livelli tad-diossini, tal-PCBs li jixbhu lid-diossini u tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel,

    BILLI huwa importanti li d-data miġbura skond din ir-Rakkomandazzjoni tiġi rapportata fuq bażi regolari lill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u li, skond l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, li se tiżgura l-kompilazzjoni ta’ dik id-data f’database. Għandha wkoll tkun ipprovduta data minn snin reċenti miksuba billi sar użu minn metodu ta’ analiżi li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/69/KE,

    BILLI l-miżuri provduti f’din ir-Rakkomandazzjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Oġġetti ta’ l-Ikel ta’ l-EFTA li qed jgħin lill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA,

    HAWNHEKK TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI TA’ L-EFTA:

    1.

    Mis-sena 2007 ’il quddiem sal-31 ta’ Diċembru 2008 iwettqu l-monitoraġġ tal-preżenza fl-isfond tad-diossini, tal-furani u tal-bifenili poliklorinati (PCBs) li jixbhu lid-diossini fl-oġġetti ta’ l-ikel billi tintuża l-frekwenza minima rakkomandata tal-kampjuni li għandhom jiġu analizzati annwalment, kif inhu previst fit-tabella ta’ l-Anness I bħala gwida.

    2.

    Jekk ikun possibbli, li jwettqu anki l-analiżi tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini fl-istess kampjuni.

    3.

    Li jipprovdu fuq bażi regolari lill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA d-data ta’ monitoraġġ bl-informazzjoni u fil-format kif previst fl-Anness II għall-kompilazzjoni f’database waħda. Għandha wkoll tkun ipprovduta data minn snin reċenti miksuba billi sar użu minn metodu ta’ analiżi li jikkonforma mar-rekwiżiti, stabbiliti mid-Direttiva 2002/69/KE u li jirriflettu l-livelli fl-isfond.

    4.

    Ir-referenzi għar-Rakkomandazzjoni 2004/705/KE fir-Rakkomandazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA 144/06/COL tal-11 ta’ Mejju għandhom jiġu interpretati bħal referenzi għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ April 2007.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA

    Kristján Andri STEFÁNSSON

    Membru tal-Kulleġġ

    Niels FENGER

    Direttur


    (1)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 1.

    (2)  ĠU L 209, 6.8.2002, p. 5.

    (3)  ĠU L 321, 22.10.2004, p. 45.


    ANNESS I

    Tabella:

    Ħarsa ġenerali lejn in-numru minimu rakkomandat ta’ kampjuni ta’ l-ikel sabiex ikunu analizzati annwalment. Id-distribuzzjoni tal-kampjuni hija bbażata fuq il-produzzjoni f’kull pajjiż. Tingħata attenzjoni partikolari lill-oġġetti ta’ l-ikel li mistennija jkollhom varjzzjoni kbira fil-livelli fl-isfond tad-diossini, tal-furani u tal-PCBs li jixbhu lid-diossini. Dan jgħodd partikolarment għall-ħut.


    Il-prodott, inklużi wkoll il-prodotti derivati

    L-akwakultura

    (*)

    Il-ħut selvaġġ maqbud

    (**)

    Il-laħam

    (***)

    Il-ħalib

    (****)

    Il-bajd

    (*****)

    Oħra

    (******)

    Total

    In-Nru. ta’ kampjuni

     

     

     

     

     

     

     

    In-Norveġja

     

     

     

     

     

     

     

    L-Iżlanda

     

     

     

     

     

     

     

    Rimarki dwar it-Tabella

    Il-figuri li jissemmew fit-tabella huma figuri minimi. L-Istati ta’ l-EFTA taż-ŻEE huma mistiedna jieħdu aktar kampjuni.

    (*)   L-akwakultura: Il-kampjuni għall-akwakultura għandhom jinqasmu bl-ispeċijiet ta’ ħut bi proporzjon għall-produzzjoni.

    (**)   Il-ħut selvaġġ maqbud: Il-kampjuni għall-ħut selvaġġ maqbud għandhom jinqasmu bl-ispeċijiet ta’ ħut bi proporzjon għall-qabda. Għandha tiingħata attenzjoni speċjali għas-sallur selvaġġ maqbud.

    (***)   Il-laħam: Minbarra l-laħam u l-prodotti tal-laħam li joriġinaw mill-bovini mrobbijin għal-laħam, mill-ħnieżer, mit-tjur u min-ngħaġ, għandu jittieħed numru sinifikanti ta’ kampjuni mil-laħam taż-żiemel, mil-laħam tar-renni, mil-laħam tal-mogħoż, mil-laħam tal-fniek, mil-laħam taċ-ċriev u mil-laħam ta’ l-annimali tal-kaċċa.

    (****)   Il-ħalib: Proporzjon kbir ta’ kampjuni tal-ħalib għandhom jittieħdu minn ħalib ta’ l-irziezet (prinċipalment ħalib il-baqar). Huwa wkoll xieraq li jittieħdu kampjuni ta’ ħalib u ta’ prodotti tal-ħalib għajr minn ħalib il-baqar (ħalib il-mogħoż, eċċ …).

    (*****)   Il-bajd: Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bajd tat-tiġieġ imrobbijin barra, u għandhom jittieħdu kampjuni wkoll tal-bajd tal-papri, tal-wiżż u tas-summien.

    (******)   Oħra: F’din il-kategorija għandha tingħata attenzjoni partikolari lil:

    supplimenti ta’ l-ikel (partikolarment dawk ibbażati fuq żejt tal-baħar),

    ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar,

    prodotti ta’ l-ikel li joriġinaw minn reġjuni fejn minħabba, eż. kundizzjonijiet klimatiċi li rriżultaw f’għargħar, kien hemm bidliet fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni li possibbilment setgħu jaffetwaw il-konċentrazzjoni tad-diossini u tal-PCBs li jixbhu lid-diossini tal-prodotti ta’ l-ikel fir-reġjun.


    ANNESS II

    A.   Noti ta’ spjegazzjoni għall-formola għar-riżultati analitiċi tad-diossini, tal-furani u tal-PCBs li jixbhu lid-diossini u ta’ PCBs oħra fl-ikel

    1.   Informazzjoni ġenerali dwar il-kampjuni analizzati

    Il-kodiċi tal-kampjun: kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kampjun.

    Il-pajjiż: isem l-Istat Membru fejn twettaq il-monitoraġġ.

    Is-sena: is-sena meta twettaq il-monitoraġġ.

    Il-prodott: l-oġġett ta’ l-ikel analizzat – iddeskrivi l-oġġett ta’ l-ikel bl-aktar mod preċiż possibbli.

    L-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni: il-post fejn inġabar il-prodott (il-kampjun).

    It-tessut: il-parti tal-prodott li ġiet analizzata.

    L-espressjoni tar-riżultati: Ir-riżultati għandhom jiġu espressi fuq il-bażi li fuqha ġew stabbiliti l-livelli massimi. Fil-każ ta’ l-analiżi tal-PCBs li ma jixbhux lid-diossini, huwa ferm rakkomandat li l-livelli jiġu espressi fuq l-istess bażi.

    It-tip ta’ teħid ta’ kampjuni: teħid ta’ kampjuni mhux sistematiku — jistgħu jiġu rapportati wkoll ir-riżultati analitiċi minn teħid ta’ kampjuni mmirat imma jrid jiġi indikat b’mod ċar li t-teħid ta’ kampjuni kien immirat u mhux bilfors jirrifletti l-livelli normali fl-isfond.

    In-numru ta’ sottokampjuni: jekk il-kampjun analizzat huwa kampjun ippuljat, għandu jiġi notifikat in-numru ta’ sottokampjuni (in-numru ta’ individwi). Jekk ir-riżultat analitiku jkun ibbażat biss fuq kampjun wieħed, għandu jkun notifikat wieħed. In-numru ta’ sottokampjuni f’kampjun ippuljat jista’ jvarja, allura jekk jogħġbok speċifika dan għal kull kampjun.

    Il-metodu ta’ produzzjoni: konvenzjonali/organiku (l-aktar dettaljat possibbli).

    Iż-żona: sakemm ikun rilevanti, id-distrett jew ir-reġjun fejn inġabar il-kampjun, jekk ikun possibbli b’indikazzjoni jekk jikkonċernax żona rurali, żona urbana, żona industrijali, port, medda ta’ baħar lilhinn mill-art, eċċ., eż. Brussell – żona urbana, Il-Mediterran – medda ta’ baħar lilhinn mill-art. Huwa partikolarment importanti li ż-żona tkun indikata b’mod ċar f’każ li l-kampjun ikun inġabar minn ikel li ġie prodott f’reġjuni li ġew mgħarrqa.

    Il-kontenut ta’ xaħam (%): il-perċentwali tal-kontenut ta’ xaħam fil-kampjun.

    Il-kontenut ta’ rtuba (%): il-perċentwali tal-kontenut ta’ rtuba fil-kampjun (jekk ikun disponibbli).

    2.   Informazzjoni ġenerali dwar il-metodu ta’ analiżi li ntuża

    Il-metodu ta’ analiżi: irreferi għall-metodu li ntuża.

    L-istatus ta’ akkreditazzjoni: speċifika jekk il-metodu analitiku hux akkreditat jew le.

    L-inċertezza: l-inċertezza tal-limitu tad-deċiżjoni jew il-perċentwali ta’ l-inċertezza mkabbra tal-kejl inkluż fil-metodu analitiku.

    Il-metodu ta’ estrazzjoni tal-lipidi: speċifika l-metodu ta’ estrazzjoni tal-lipidi li ntuża sabiex ikun iddeterminat il-kontenut ta’ xaħam tal-kampjun.

    3.   Ir-riżultati analitiċi

    Id-diossini, il-furani, il-PCBs li jixbhu lid-diossini: ir-riżultati ta’ kull congener (sustanza kimika relatata ma’ oħra) għandhom ikunu rapportati f’ppt — pikogramma/gramma (pg/g).

    Il-PCBs li ma jixbhux lid-diossini: ir-riżultati ta’ kull congener għandhom jiġu raporatati f’ppb —nanogramma/gramma jew mikrogramma/kilò (ng/g jew μg/kg).

    LOQ: Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni f’pg/g (għad-diossini, għall-furani u għall-PCBs li jixbhu lid-diossini) jew μg/kg — ng/g (għall-PCBs li ma jixbhux lid-diossini).

    Għall-congeners iddeterminati imma li huma taħt l-LOQ (il-limitu ta’ kwantifikazzjoni) il-każ għandu jiġi mmarkat bħala < LOQ (il-LOQ għandu jkun irrapportat bħala valur).

    Għall-congeners tal-PCBs li ġew analizzati minbarra l-PCB-6 u l-PCBs li jixbhu lid-diossini, in-numru ta’ congeners tal-PCBs jeħtieġ li jiġu miżjuda mal-formola, eż. 31, 99, 110, eċċ. Jekk il-kampjun jiġi analizzat għal aktar congeners tal-PCBs milli hemm ringieli mmarkati, kemm iżżid ringieli ġodda fil-qiegħ tal-formola.

    4.   Rimarki ġenerali dwar it-tabella

    Ir-rapportaġġ tar-rata ta’ rkupru

    Ir-rapportaġġ tar-rata ta’ rkupru huwa fakultattiv jekk ir-rata ta’ rkupru għall-congeners individwali taqa’ fil-firxa ta’ 60-120 %. F’każ li r-rata ta’ rkupru għal uħud mill-congeners individwali taqa’ barra minn dik il-firxa, ir-rapportaġġ tar-rata ta’ rkupru jkun fakultattiv.

    Ir-rapportaġġ tal-LOQ

    Ir-rapportaġġ tal-LOQ mhux meħtieġ imma fil-kolonna tar-riżultati, il-congeners li mhumiex ikkwantifikati jridu jiġu rapportati bħala < LOQ (il-figura effettiva).

    Ir-rapportaġġ tal-valur tat-TEQ għall-congeners individwali

    Il-kolonna għall-valuri tat-TEQ għall-congeners individwali hija fakultattiva.


    ANNESS III

    B.   Formola għar-rapportaġġ tar-riżultati analitiċi speċifiċi għall-congeners tad-diossini, tal-furani, tal-PCBs li jixbhu lid-diossini u ta’ PCBs oħra fl-ikel

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top