This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0058
Judgment of the Court (First Chamber) of 25 January 2024.#Criminal proceedings against NR.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Craiova.#Reference for a preliminary ruling – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Article 50 – Principle ne bis in idem – Criminal proceedings brought in rem – Order that no further action be taken adopted by a public prosecutor’s office – Admissibility of later criminal proceedings brought in personam in respect of the same facts – Conditions to be satisfied for it to be held that a person has been finally acquitted or convicted – Requirement for a detailed investigation – No interview of a potential witness – No interview of the person concerned as a ‘suspect’.#Case C-58/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
Proċeduri kriminali kontra NR.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proċeduri kriminali mibdija in rem – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali ulterjuri mibdija in personam għall-istess fatti – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li persuna diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza li daħlet in ġudikat – Rekwiżit ta’ investigazzjoni fil-fond – Assenza ta’ smigħ ta’ xhud potenzjali – Assenza ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata bħala ‘suspettat’.
Kawża C-58/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
Proċeduri kriminali kontra NR.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proċeduri kriminali mibdija in rem – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali ulterjuri mibdija in personam għall-istess fatti – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li persuna diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza li daħlet in ġudikat – Rekwiżit ta’ investigazzjoni fil-fond – Assenza ta’ smigħ ta’ xhud potenzjali – Assenza ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata bħala ‘suspettat’.
Kawża C-58/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:70
*A9* Curtea de Apel Craiova, Secţia penală şi pentru cauze cu minori, cerere din 13/01/2022 (264/104/2017)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
25 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proċeduri kriminali mibdija in rem – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali ulterjuri mibdija in personam għall-istess fatti – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li persuna diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza li daħlet in ġudikat – Rekwiżit ta’ investigazzjoni fil-fond – Assenza ta’ smigħ ta’ xhud potenzjali – Assenza ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata bħala ‘suspettat’”
Fil-Kawża C‑58/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura kriminali kontra
NR
fil-preżenza ta’:
Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Rotăreanu u A. Wellman, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rogalski u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il-quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li nbdew kontra NR. Dwar l-akkuża ta’ korruzzjoni passiva. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
3 |
Bit-titolu “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, huwa fformulat kif ġej: “1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġa` ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat. 2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ. […]” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Deċiżjoni 2006/928
4 |
Id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Jannar 2007. |
5 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni: “Ir-Rumanija għandha, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.” |
6 |
L-Anness tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi: “Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:
|
Id‑Deċiżjoni Qafas 2003/568/ĠAI
7 |
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182, rettifika fil-ĠU 2019, L 255, p. 7.), intitolat “Korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-imġiba intenzjonata li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta titwettaq fil-kors ta’ attivitajiet tan-negozju: […]
|
8 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Pieni u sanzjonijiet oħra”: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tkun punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikolu 2 tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas minn sena sa tliet snin ħabs. 3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skont ir-regoli u l-prinċipji kostituzzjonali tiegħu sabiex jiżgura illi meta persuna fiżika f’ċerta attività tan-negozju tkun instabet ħatja tal-imġiba msemmija fl-Artikolu 2, dik il-persuna tista’, fejn xieraq, għall-inqas fil-każijiet fejn kellha pożizzjoni ta’ tmexxija f’kumpanija fi ħdan in-negozju kkonċernat, tkun temporanjament ipprojbita milli tissokta din l-attività partikolari tan-negozju jew paragunabbli f’pożizzjoni jew f’kapaċità simili, jekk il-fatti stabbiliti jagħtu raġuni lil dak li jkun li jemmen illi jeżisti riskju ċar tal-abbuż tal-pożizzjoni jew tal-kariga b’korruzzjoni attiva jew passiva.” |
Id‑dritt Rumen
Il‑Kodiċi Kriminali
9 |
L-Artikolu 207 tal-Cod penal (il-Kodiċi Kriminali) intitolat “Estorsjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-fatt li persuna tiġi mġiegħla tagħti, tagħmel, ma tagħmilx jew iġġarrab xi ħaġa sabiex tikseb inġustament vantaġġ […], għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u ħames snin.” |
10 |
L-Artikolu 289 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Korruzzjoni Passiva”, jipprovdi: “1. Il-fatt, għal uffiċjal, li jitlob jew li jirċievi, direttament jew indirettament, għalih jew għal ħaddieħor, flus jew vantaġġi oħra li ma humiex dovuti lilu, jew li jaċċetta l-wegħda ta’ tali vantaġġ, b’rabta mal-eżekuzzjoni, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, l-aċċelerazzjoni jew id-dewmien fit-twettiq ta’ att li jaqa’ taħt il-funzjonijiet tiegħu jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju ta’ att kuntrarju għal dawn il-funzjonijiet, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tlieta u għaxar snin u bil-projbizzjoni milli jeżerċita funzjoni pubblika jew milli jeżerċita l-professjoni jew l-attività li fl-eżekuzzjoni tagħhom l-imsemmi uffiċjal wettaq l-att. […]” |
11 |
L-Artikolu 308 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Reati ta’ korruzzjoni u ta’ servizz imwettqa minn persuni oħra”, huwa fformulat kif ġej: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 289 sa 292, 295, 297 sa 300 u 304 dwar l-uffiċjali pubbliċi japplikaw ukoll b’analoġija għall-atti mwettqa minn jew fir-rigward ta’ persuni li, fuq bażi permanenti jew temporanja, bi jew mingħajr remunerazzjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kwalunkwe natura fis-servizz ta’ persuna fiżika msemmija fl-Artikolu 175(2) jew ta’ persuna ġuridika. […]” |
Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali
12 |
L-Artikolu 6 tal-Cod de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), intitolat “Ne bis in idem”, jipprovdi li: “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew iġġudikata għal reat jekk sentenza definittiva fi kwistjonijiet kriminali tkun diġà ngħatat għall-istess azzjonijiet, iżda bi klassifikazzjoni ġuridika differenti.” |
13 |
L-Artikolu 335 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Tkomplija tal-proċedura fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali”, jipprovdi: “1. Jekk sussegwentement jiġi kkonstatat li l-fatt li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jeżistix, prosekutur pubbliku ta’ livell ogħla minn dak li jkun ħa d-deċiżjoni għandu jannulla d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 317 għandhom japplikaw. 2. Fil-każ li jirriżultaw fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li l-fatt li jkun ta lok għad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jkunx għadu jeżisti, il-prosekutur għandu jirrevoka d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. […] 4. Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali huwa suġġett għall-konferma mill-Imħallef tal-Awla Preliminari, f’terminu massimu ta’ tlett ijiem, taħt piena ta’ nullità. L-Imħallef tal-Awla Preliminari għandu jiddeċiedi, permezz ta’ deċiżjoni motivata, in camera, dwar il-legalità u l-fondatezza tad-digriet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, wara li jkun ħarrek lill-persuna ssuspettata jew akkużata kif ukoll bil-parteċipazzjoni tal-prosekutur pubbliku. L-assenza tal-persuni msemmija legalment ma tostakolax l-ipproċessar tat-talba għal konferma. 41. Waqt l-ipproċessar tat-talba għal konferma, l-Imħallef tal-Awla Preliminari għandu jivverifika l-legalità u l-fondatezza tad-digriet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali skont id-dokumenti u l-elementi tal-proċess ta’ investigazzjoni kriminali u ta’ kull dokument ġdid ippreżentat. Id-deċiżjoni tal-Imħallef tal-Awla Preliminari hija definittiva. […]” |
Il‑Liġi Nru 78/2000
14 |
L-Artikolu 6 tal-Legea nr. 78/2000 pentru prevenirea, descoperirea și sancționarea faptelor de corupție (il-Liġi Nru 78/2000 dwar il-Prevenzjoni, l-Iskoperta u s-Sanzjoni ta’ Atti ta’ Korruzzjoni) tat‑8 ta’ Mejju 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 219 tat‑18 ta’ Mejju 2000), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Ir-reati ta’ korruzzjoni passiva (previsti fl-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali), ta’ korruzzjoni attiva (previsti fl-Artikolu 290 tal-Kodiċi Kriminali), ta’ eżerċitar ta’ influwenza (previsti fl-Artikolu 291 tal-Kodiċi Kriminali) u ta’ eżerċitar ta’ influwenza f’forma attiva (previsti fl-Artikolu 292 tal-Kodiċi Kriminali) huma ssanzjonati konformement mad-dispożizzjonijiet legali relatati magħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 308 tal-Kodiċi Kriminali għandhom japplikaw.” |
Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
15 |
GL, HS, JK, MT u PB (iktar ’il quddiem il-“lanjanti fil-kawża prinċipali”) huma impjegati tal-kooperattiva BX. Fit-12 ta’ Frar 2014, permezz ta’ deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-membri ta’ din il-kumpannija, il-Presidenta ta’ din tal-aħħar, NR, tneħħiet mill-kariga tagħha. |
16 |
Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn NR, li fil-kuntest tiegħu din kienet irrappreżentata minn avukat li miegħu ntrabtet li tħallas is-somma ta’ EUR 4400 bħala “ħlas għal eżitu pożittiv”. Peress li dan ir-rikors intlaqa’, NR ġiet stabbilita mill-ġdid fil-kariga tagħha ta’ presidenta tal-imsemmija kumpannija. |
17 |
Fit‑30 ta’ April 2015 inżammet laqgħa tal-kooperattiva BX, li fiha pparteċipaw NR, il-lanjanti fil-kawża prinċipali kif ukoll membri oħra tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, jiġifieri AX, BD, CH, FX u LM. Id-diskussjonijiet li saru matul din il-laqgħa kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni awdjo minn wieħed minn dawn il-lanjanti. |
18 |
Skont il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, waqt l-imsemmija laqgħa, NR talbet lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, sa fejn kienu s-sors tad-deċiżjoni li titneħħa mill-kariga tagħha ta’ presidenta tal-imsemmija kumpannija, iħallsu l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, taħt piena ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom kif ukoll “inkambju għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ klima ta’ relazzjonijiet tajbin u ta’ kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol”. Peress li t-talba tagħha ma ġietx issodisfatta, NR ħarġet u ffirmat deċiżjonijiet li jxolju dawn il-kuntratti. |
19 |
GL, HS, JK, MT u PB għalhekk ressqu żewġ ilmenti kriminali kontra NR, l-ewwel wieħed fit‑8 ta’ Ġunju 2015 u t-tieni wieħed fis‑26 ta’ Ġunju 2015, rispettivament quddiem l-Inspectoratul de Poliție al Județului Olt (l-Ispettorat tal-Pulizija tad-Dipartiment ta’ Olt, ir-Rumanija) u d-Direcția Națională Anticorupție – Serviciul Teritorial Craiova (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni — dipartiment territorjali ta’ Craiova, ir-Rumanija), għar-reati ta’ estorsjoni, għall-abbuż mill-kariga u għall-korruzzjoni passiva, skont, rispettivament, l-Artikoli 207, 297 u 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308 ta’ dan il-kodiċi. |
20 |
Minn naħa, l-ilment imressaq quddiem l-Ispettorat tal-Pulizija tad-Dipartiment ta’ Olt ġie rreġistrat mal-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), fil‑5 ta’ Frar 2016, bir-referenza 47/P/2016. |
21 |
Min-naħa l-oħra, l-ilment imressaq quddiem id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni — dipartiment territorjali ta’ Craiova ġie ttrasferit lill-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija), minħabba li dan l-ilment kien jinkludi indizji ta’ reat ta’ estorsjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza materjali ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Dan l-ilment ġie rreġistrat fil-lita tal-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil‑11 ta’ Frar 2016, bir-referenza 673/P/2016. |
Fuq is‑segwitu tal‑Kawża 673/P/2016
22 |
Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2016, il-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) beda proċeduri kriminali in rem għar-reat ta’ estorsjoni, skont l-Artikolu 207 tal-Kodiċi Kriminali. |
23 |
Wara li sema’ lil NR kif ukoll lil dawk lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, il-korp tal-pulizija inkarigat mill-investigazzjoni ħejja rapport li ppropona li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fil-Kawża 673/P/2016. Skont dan il-korp, sa fejn l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza kien intalab minn NR mhux għall-benefiċċju tagħha stess, iżda għal dak tal-avukat tagħha, hemm lok li jitqies li hija ma wettqet ebda reat ta’ estorsjoni, skont l-Artikolu 207 tal-Kodiċi Kriminali. |
24 |
Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Settembru 2016, il-prosekutur pubbliku responsabbli mill-Kawża 673/P/2016, abbażi tar-rapport imsemmi fil-punt preċedenti, adotta digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri dwar dik il-kawża (iktar ’il quddiem id-“digriet inkwistjoni li ma tteħidx azzjoni ulterjuri”). |
25 |
Il-lanjanti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx dan id-digriet. |
26 |
Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2016, il-Kap Prosekutur tal-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) annulla d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri u ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni. Skont dan il-prosekutur, peress li l-istess sitwazzjoni ta’ fatt kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali fil-Kawża 47/P/2016 u li din l-investigazzjoni kienet tinsab fi stadju avvanzat, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kienet timponi li l-Kawża 673/P/2016 tiġi ttrasferita lill-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Distrettwali ta’ Olt), sabiex din tingħaqad mal-Kawża 47/P/2016. |
27 |
Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Novembru 2016, l-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija), adita b’talba għal konferma ta’ dan il-ftuħ mill-ġdid, ċaħditha għar-raġuni li l-ġustifikazzjoni invokata mill-imsemmi kap prosekutur ma kinitx tissodisfa l-kriterji għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali previsti fl-Artikolu 335 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Skont il-qorti tar-rinviju, id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri sar b’hekk definittiv. |
Fuq is‑segwitu tal‑Kawża 47/P/2016
28 |
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, il-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta’ Olt) beda proċeduri kriminali kontra NR, li, permezz ta’ att ta’ akkuża tal-31 ta’ Jannar 2017, bagħat lura għall-ġudizzju quddiem it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) għar-reat ta’ korruzzjoni passiva, skont l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308(1) ta’ dan il-kodiċi u l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 78/2000. |
29 |
Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ April 2017, l-Awla Preliminari tat-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) ikkonstatat il-legalità tar-riferiment ta’ din il-qorti u ordnat ftuħ il-proċedura ta’ ġudizzju fil-konfront ta’ NR. Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ din tal-aħħar dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, ibbażat fuq li l-istess fatti kienu diġà s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Kawża 673/P/2016 u li kienet ġiet adottata deċiżjoni definittiva, f’dik il-kawża, din l-Awla Preliminari qieset, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma taqax taħt il-kompetenza tal-awli preliminari u li, għaldaqstant, ilmenti bbażati fuq allegat ksur ta’ dan il-prinċipju jistgħu jiġu eżaminati biss fil-kuntest tal-eżami fuq il-mertu tal-kawża kkonċernata. |
30 |
Permezz ta’ sentenza kriminali tad‑19 ta’ Novembru 2018, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) ċaħdet bħala infondat l-argument ta’ NR dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, minħabba li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ma setax jitqies li jikkostitwixxi deċiżjoni definittiva li twassal għall-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju, peress li l-adozzjoni ta’ dan id-digriet ma kinitx ippreċeduta minn investigazzjoni fil-fond fuq il-mertu tal-kawża. |
31 |
Barra minn hekk, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) qieset li, fil-kuntest tal-Kawża 673/P/2016, sa fejn il-proċeduri kriminali kienu nbdew in rem, minħabba allegata assenza ta’ provi li persuna wettqet ir-reat allegat ta’ estorsjoni, ir-responsabbiltà kriminali ta’ NR ma kinitx ġiet eżaminata. Għaldaqstant, il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali in personam kontra NR fil-Kawża 47/P/2016 ma kienx jikkostitwixxi repetizzjoni ta’ proċeduri kriminali, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma kienx applikabbli. |
32 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li mill-provi prodotti fil-kuntest ta’ din l-aħħar kawża jirriżulta mingħajr ekwivoku li NR kienet talbet lil-lanjanti fil-kawża prinċipali jħallsu l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) ikkundannatha għal piena ta’ priġunerija sospiża ta’ sena u erba’ xhur u għal piena addizzjonali ta’ projbizzjoni, għall-istess tul, milli teżerċita servizz pubbliku kif ukoll il-professjoni jew l-attività li fl-eżekuzzjoni tagħha hija kienet wettqet il-fatti allegati. |
33 |
Permezz tas-sentenza kriminali Nru 1207/2020 tal‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) laqgħet l-appell ippreżentat minn NR mis-sentenza msemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti. Din il-qorti qieset li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien ġie miksur, peress li d-deċiżjoni li jinbdew proċeduri kriminali fil-Kawża 47/P/2016 kienet tikkonċerna lill-istess persuna u l-istess fatti bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża 673/P/2016. Barra minn hekk, l-ilmenti li wasslu għal dawk iż-żewġ kawżi kellhom kontenut identiku u l-provi miġbura kienu simili, peress li l-Kawża 673/P/2016 ingħalqet definittivament għar-raġuni li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri kien sar definittiv minħabba ċ-ċaħda, mill-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina), tat-talba ta’ konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) annullat dik is-sentenza u ordnat għeluq il-proċeduri kriminali miftuħa fil-Kawża 47/P/2016. |
34 |
Il-Parchet de pe lângă Curtea de Apel Craiova (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) appella fil-kassazzjoni mill-Kawża Nru 1207/2020 quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). |
35 |
Permezz ta’ sentenza kriminali tal‑21 ta’ Settembru 2021, din l-aħħar qorti laqgħet l-appell, annullat l-imsemmija sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) għal eżami mill-ġdid, għar-raġuni, essenzjalment, li hija kienet ikkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien applikabbli u, għaldaqstant, li jingħalqu l-proċeduri kriminali fil-Kawża 47/P/2016. Wara li kkonstatat li, permezz tad-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, il-kawża li għandha bħala suġġett l-ilment imressaq mil-lanjanti fil-kawża prinċipali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni kienet intemmet mingħajr ma ttieħdet azzjoni ulterjuri, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja qieset li, peress li dan id-digriet ma kien ġie ppreċedut minn ebda evalwazzjoni magħmula tal-mertu tal-Kawża 673/P/2016 u ma kienx debitament motivat, dan ma setax jitqies li wassal għall-estinzjoni tal-azzjoni pubblika. |
36 |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tippreċiża li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), f’dan il-każ, l-Artikolu 50 tal-Karta huwa applikabbli peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li twettaq l-għanijiet ta’ riferiment stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, b’mod iktar partikolari, l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipju ta’ [ne] bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-obbligi tar-Rumanija li tilħaq l-għanijiet stabbiliti [fl-Anness tad-Deċiżjoni [2006/928], għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni, meħuda mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wara l-produzzjoni tal-provi essenzjali fil-kawża inkwistjoni, tipprekludi proċeduri kriminali ulterjuri fir-rigward tal-istess fatti, anki jekk il-klassifikazzjoni ġuridika hija differenti, fir-rigward tal-istess persuna, meta d-deċiżjoni tkun definittiva, sakemm ma jiġix ikkonstatat li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma kinitx teżisti jew li qamu fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma għadhiex teżisti?” |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
38 |
Il-Gvern Rumen iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex applikabbli fil-każ ineżami, fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-fatt, skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 kif ukoll fuq il-punti 158, 159 u 172 tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393) sabiex tiġġustifika l-applikabbiltà tal-Karta, minkejja li dawn il-punti ta’ riferiment kienu ġew iddefiniti minħabba nuqqasijiet “ikkonstatati” mill-Kummissjoni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-aspett marbut mal-protezzjoni tal-prinċipju ne bis in idem ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha. |
39 |
Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Rumen imsemmi fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, li jirrigwarda, fir-realtà, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
40 |
F’’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, dispożizzjoni li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għall-kuntrarju, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft, C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. |
41 |
Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita bl-eżami mill-ġdid tal-appell ippreżentati mis-sentenza tat-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) tad‑19 ta’ Novembru 2018, imsemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, li kkundannat lil NR bir-reat ta’ korruzzjoni passiva, skont l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308(1) ta’ dan il-kodiċi u mal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 78/2000. Issa, kif ikkonferma l-Gvern Rumen waqt is-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2003/568 fl-ordinament ġuridiku Rumen, u b’mod iktar preċiż tal-Artikoli 2 u 4 tagħha. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali rilevanza tal-punti ta’ riferiment imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, il-kundizzjoni għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta hija ssodisfatta f’dan il-każ. Minn dan isegwi li l-Karta għandha tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
43 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula. |
Fuq id‑domanda preliminari
44 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Juan,C‑164/22, EU:C:2023:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Fid-dawl tar-raġunijiet li jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari, hemm lok, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna tista’ titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru. |
46 |
L-Artikolu 50 tal-Karta jiddisponi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess azzjonijiet ikunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28). |
Fuq il‑kundizzjoni “bis”
48 |
Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni “bis”, sabiex persuna tkun tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-azzjonijiet li hija tkun akkużata bihom, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa importanti, fl-ewwel lok, li l-azzjoni kriminali tkun intemmet b’mod definittiv skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, deċiżjoni li ma ttemmx l-azzjoni kriminali b’mod definittiv fuq il-livell nazzjonali ma jistax ikollha, bħala prinċipju, l-effett li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għas-sitwazzjoni li proċeduri kriminali jkunu eventwalment mibdija jew kompluti, għall-istess fatti, kontra din il-persuna (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski,C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li deċiżjoni tkun ġiet adottata minn Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din id-deċiżjoni ttemmx definittivament l-azzjoni kriminali. Fil-fatt, l-Artikolu 50 tal-Karta huwa wkoll applikabbli għal deċiżjonijiet ta’ awtorità inkarigata sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, bħall-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li jtemmu definittivament proċedimenti kriminali, għalkemm tali deċiżjonijiet ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski,C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punti 25 u 27 tas-sentenza preżenti, minn naħa, il-lanjanti fil-kawża prinċipali ma invokawx ir-rimedji disponibbli fid-dritt Rumen sabiex jikkontestaw id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, u, min-naħa l-oħra, mid-digriet tal-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) tal‑21 ta’ Novembru 2016, it-talba għal konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni ordnat mill-Kap Prosekutur tal-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) ġie miċħud. |
51 |
Għaldaqstant, jidher li l-azzjoni kriminali ntemmet b’mod definittiv u li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri sar definittiv, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq. |
52 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddetermina jekk NR tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet illiberata b’mod definittiv mid-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, tiżgura ruħha li dan ġie adottat wara evalwazzjoni tal-mertu u mhux għal sempliċi raġunijiet proċedurali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-Kawża 673/P/2016 tista’ titqies li hija ssodisfatta minn dan id-digriet biss sa fejn dan tal-aħħar jinkludi evalwazzjoni dwar elementi materjali tar-reat allegat, bħal, b’mod partikolari, l-analiżi tar-responsabbiltà kriminali ta’ NR, bħala allegat awtur ta’ dan ir-reat. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex persuna tkun tista’ titqies li kienet “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-fatti li bihom hija akkużata, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kawża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Bezirkshauptmannschaft Feldkirch,C‑55/22, EU:C:2023:670, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta peress li l-kunċetti ta’ “kundanna” u ta’ “liberazzjoni” li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jimplikaw neċessarjament li r-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata tkun ġiet eżaminata u li tkun ġiet adottata deċiżjoni f’dan ir-rigward (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija),C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 57). |
55 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi mal-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità tal-persuni li wettqu reat, għan li jaqa’ fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, previst fl-Artikolu 3(2) TUE (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija),C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konstatazzjoni li saret evalwazzjoni tal-mertu ta’ kawża, b’mod partikolari dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata, tista’ tiġi sostnuta mill-istat ta’ progress tal-proċedura f’din il-kawża. Għaldaqstant, meta investigazzjoni kriminali tkun infetħet wara li tkun tressqet akkuża kontra l-persuna inkwistjoni, il-vittma tkun ġiet interrogata, u l-provi jkunu nġabru u ġew eżaminati mill-awtorità kompetenti, u tkun ingħatat deċiżjoni motivata fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, tali fatturi jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li seħħet evalwazzjoni fuq il-merti tal-kawża (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR: 2019:0708JUD005401210, punt 98). |
57 |
Sabiex tali eżami fuq il-mertu tal-kawża jkun jista’ jitqies li twettaq mill-awtorità mitluba li tiddeċiedi, din l-awtorità għandha tkun wettqet studju jew evalwazzjoni tal-provi inklużi fil-proċess u tkun wettqet evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata f’avveniment wieħed jew fl-avvenimenti kollha li jkunu wasslu għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-korpi ta’ investigazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-responsabbiltà “kriminali” ta’ din il-persuna ġietx stabbilita (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, meta sanzjoni tkun ingħatat mill-awtorità kompetenti bħala konsegwenza tal-aġir imputat lill-persuna kkonċernata, jista’ raġonevolment jitqies li l-awtorità kompetenti kienet, minn qabel, wettqet evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tan-natura illegali tal-aġir tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod,C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru li permezz tagħha persuna akkużata tiġi lliberata b’mod definittiv minħabba nuqqas ta’ provi għandha titqies li hija bbażata fuq evalwazzjoni fuq il-merti tal-kawża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten,C‑150/05, EU:C:2006:614, punti 60 u 61). |
60 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li digriet li jiddikjara li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri quddiem qorti ta’ ġudizzju minħabba nuqqas ta’ provi, mogħti wara investigazzjoni li matulha jkunu nġabru u ġew eżaminati diversi mezzi ta’ prova għandu jitqies li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-mertu tat-tilwima kkonċernata, sa fejn jimplika deċiżjoni finali dwar in-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-provi u jeskludi kull possibbiltà li l-kawża terġa’ tinfetaħ fuq il-bażi tal-istess sensiela ta’ indizji. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 17 u 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta deċiżjoni tkun ibbażata fuq assenza jew insuffiċjenza ta’ provi, jeħtieġ ukoll, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni li tirrigwarda l-mertu tat-tilwima kkonċernata, li l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tkun ippreċeduta minn investigazzjoni fil-fond. |
62 |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali investigazzjoni fil-fond, li fil-kuntest tagħha d-diversi provi eżistenti huma miġbura u eżaminati, deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali ma tistax titqies li ġiet ippreċeduta minn evalwazzjoni fuq il-mertu tat-tilwima kkonċernata. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li n-nuqqas ta’ smigħ tal-vittma u dak ta’ xhud eventwali jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ tali investigazzjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski,C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 48, 53 u 54). |
63 |
Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex jadotta d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, il-prosekutur pubbliku bbaża ruħu fuq rapport stabbilit mill-korp tal-pulizija anness ma’ dan id-digriet li sema’ lil NR u lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, kif ukoll ġabar, b’mod partikolari, CD li jinkludi r-reġistrazzjoni awdjo tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-kooperattiva BX tat‑30 ta’ April 2015. Dawn l-elementi jindikaw li diversi mezzi ta’ prova nġabru u ġew eżaminati matul l-investigazzjoni, li fuqhom saret evalwazzjoni fuq il-mertu. Madankollu, l-assenza ta’ smigħ ta’ AX, ta’ BD, ta’ CH, ta’ FX u ta’ LM, li pparteċipaw ukoll f’din il-laqgħa, tista’ tikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ NR bħala responsabbli, fuq livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru. |
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ġie ppreċedut minn evalwazzjoni fuq il-mertu tal-Kawża 673/P/2016 u li dan ma ġiex adottat fuq il-bażi ta’ sempliċi motivi proċedurali. |
Fuq il‑kundizzjoni “idem”
65 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata)). |
66 |
L-għoti ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna tkun “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat”, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ proċeduri preċedenti, mibdija kontra l-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika biss għall-persuni li jkunu ġew iġġudikati b’mod definittiv fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tiġi lliberata jew ikkundannata b’mod definittiv. Għaldaqstant, dan l-artikolu jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi pieni kriminali fi tmiem diversi proċeduri mressqa għal dan il-għan (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING,C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING,C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Fil-każ ineżami, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li għalkemm, fil-Kawża 47/P/2016, inbdew proċeduri kriminali kontra NR in personam għar-reat ta’ korruzzjoni passiva, fil-Kawża 673/P/2016, il-proċeduri kriminali nbdew in rem għar-reat ta’ estorsjoni. |
70 |
Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 tas-sentenza preżenti, u sa fejn huwa stabbilit li dawn iż-żewġ kawżi jirrigwardaw fatti identiċi, il-fatt li l-proċeduri kriminali mibdija fl-imsemmija kawżi kienu jirrigwardaw reati differenti huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-istess “reat”, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
71 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-proċeduri kriminali fil-Kawża 673/P/2016, li taw lok għall-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni li ma tteħidx azzjoni ulterjuri kienu nbdew in rem ma jistax jitqies bħala irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, peress li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Rumen waqt is-seduta jirriżulta li NR ma kisbitx formalment il-kwalità ta’ persuna ssuspettata fil-kuntest tal-Kawża 673/P/2016, u nstemgħet biss bħala xhud. |
72 |
Dan il-gvern jidher għalhekk li jkopri l-kundizzjoni dwar l-identità ta’ persuna li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, la ġiet ikkontestata mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), fis-sentenza kriminali tal‑21 ta’ Settembru 2021. |
73 |
F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54, 56 u 57 tas-sentenza preżenti, persuna tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” biss jekk mid-deċiżjoni adottata jirriżulta b’mod ċar li, matul l-investigazzjoni li ppreċediet din id-deċiżjoni, indipendentement mill-fatt li din l-investigazzjoni nbdiet in rem jew in personam abbażi tad-dritt nazzjonali, is-sitwazzjoni legali tagħha bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reati kriminali ġiet eżaminata u, fuq il-każ ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri minn Uffiċċju tal-Prosekutur, miċħuda. |
74 |
Jekk dan ma kienx il-każ, li huwa aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ma jistax ikollu l-effett li jikkostitwixxi ostakolu għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali ġodda kontra NR, għall-istess fatti. |
75 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ma tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali tal-imsemmija persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru. |
Fuq l‑ispejjeż
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
persuna ma tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.