SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 153 TFUE – Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat – Artikolu 15 – Dispożizzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema b’inkapaċità għax-xogħol matul perijodu ta’ leave annwali mħallas minħabba mard – Rifjut ta’ trasferiment ta’ dan il-leave annwali meta n-nuqqas ta’ trasferiment ma jirriżultax fi tnaqqis tat-tul tal-leave annwali ta’ inqas minn erba’ ġimgħat – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Inapplikabbiltà fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawżi magħquda C‑609/17 u C‑610/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Ottubru 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2017, fil-proċeduri

Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry

vs

Hyvinvointialan liitto ry,

fil-preżenza ta’:

Fimlab Laboratoriot Oy (C‑609/17),

u

Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry

vs

Satamaoperaattorit ry,

fil-preżenza ta’:

Kemi Shipping Oy (C‑610/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Prechal (Relatur), E. Regan u P. G. Xuereb, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry, minn J. Kasanen u M. Nyman,

għal Hyvinvointialan liitto ry u Fimlab Laboratoriot Oy, minn M. Kärkkäinen u I. Kallio,

għal Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry, minn J. Tutti u J. Hellsten,

għal Satamaoperaattorit ry u Kemi Shipping Oy, minn M. Kärkkäinen u I. Kallio,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑609/17, Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry (iktar ’il quddiem “TSN”) u Hyvinvointialan liitto ry u, fil-Kawża C‑610/17, Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry (iktar ’il quddiem “AKT”) u Satamaoperaattorit ry, dwar ir-rifjut li żewġ ħaddiema b’inkapaċità għax-xogħol minħabba mard matul perijodu ta’ leave annwali mħallas jiġu awtorizzati jittrasferixxu l-leave annwali mħallas ikkonċernat fir-rigward tal-ġranet kollha tal-mard jew parti minnhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2003/88 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 137(2) KE, li sar l-Artikolu 153(2) TFUE.

4

Skont il-premessi 1, 2 u 5 tad-Direttiva 2003/88:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197], li tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi u tas-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fir-rigward ta’ perjodi ta’ serħan kull jum, ta’ waqfien, ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, il-leave annwali u l-aspetti tax-xogħol matul il-lejl, ix-xogħol bix-shift u l-istili tax-xogħol, kienu emendati b’mod importanti. Sabiex ikunu ċċarati dawn il-materji, kodifikazzjoni tad-disposizzjonijiet f’dan il-każ għandha tkun imħejjija.

(2)

L-Artikolu 137 [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-ambjent tax-xogħol u tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttivi adottati fuq il-bażi ta’ dak l-Artikolu għandhom jevitaw l-imposizzjoni ta’ limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jistgħu jimpedixxu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

[…]

(5)

Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. […]”

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

6

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

7

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

8

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 tagħha.

Id-dritt Finlandiż

Il-Liġi dwar il-Leave Annwali

9

Il-vuosilomalaki (162/2005) (il-Liġi dwar il-Leave Annwali (162/2005), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Leave Annwali”) hija intiża, b’mod partikolari, li tittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fid-dritt Finlandiż. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi, ħaddiem għandu dritt għal jumejn u nofs ta’ xogħol bħala leave mħallas għal kull perijodu ta’ referenza mensili komplut. Madankollu, jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ referenza annwali, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun damet inqas minn sena mingħajr interruzzjoni, il-ħaddiem ikollu dritt għal jumejn ta’ leave għal kull perijodu ta’ referenza mensili komplut.

10

Il-perijodu ta’ referenza annwali, li jestendi mill‑1 ta’ April ta’ sena partikolari sal‑31 ta’ Marzu tas-sena sussegwenti, jista’ jinkludi mhux iktar minn tnax‑il perijodu ta’ referenza mensili. Jekk, f’perijodu ta’ referenza annwali, ħaddiem ikollu tnax‑il perijodu ta’ referenza mensili kompluti, huwa jibbenefika, skont il-Liġi dwar il-Leave Annwali, minn 24 jew minn 30 jum ta’ leave, skont it-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg.

11

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, il-ġranet ta’ xogħol huma l-jiem ta’ matul il-ġimgħa, minbarra l-Ħdud, il-jiem ta’ festi reliġjużi, Jum l-Indipendenza, Lejlet il-Milied, Lejlet San Ġwann, Sibt il-Għid u l‑1 ta’ Mejju. Għalhekk, sitt ijiem ta’ leave annwali huma imputati fuq ġimgħa li ma tinkludi l-ebda wieħed mill-jiem imsemmija iktar ’il fuq.

12

Il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali jipprovdi li l-“perijodu ta’ leave” huwa l-perijodu ta’ bejn it‑2 ta’ Mejju u t‑30 ta’ Settembru, biż-żewġ dati inklużi. L-Artikolu 20(2) tal-imsemmija liġi jipprevedi li 24 ġurnata ta’ xogħol mil-leave annwali (leave tas-sajf) għandhom jittieħdu matul il-perijodu ta’ leave. Il-bqija tal-leave (leave tax-xitwa) għandu jingħata mhux iktar tard mill-bidu tal-perijodu ta’ leave sussegwenti.

13

L-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, fil-verżjoni tagħha kif emendata bil-Liġi (276/2013), fis-seħħ mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Marzu 2016, kien jipprovdi:

“Jekk, fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew ta’ parti minnu, ħaddiem ma jkunx kapaċi għax-xogħol minħabba ħlas, mard jew inċident, il-leave għandu, fuq talba tal-ħaddiem, jiġi ttrasferit għal data sussegwenti. Il-ħaddiem għandu dritt ukoll, fuq talba tiegħu, li jittrasferixxi l-leave jew parti minnu, meta jiġi stabbilit li matul il-leave tiegħu huwa għandu jirċievi trattament minħabba mard, jew trattament ugwali ieħor li minħabba fih huwa ma jkunx kapaċi għax-xogħol.”

14

L-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, fil-verżjoni tagħha kif emendata bil-Liġi 182/2016, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2016, huwa fformulat kif ġej:

“Jekk l-inkapaċità għax-xogħol relatata ma’ ħlas, mard jew inċident tibda matul il-leave annwali jew parti minnu, il-ħaddiem għandu dritt, fuq talba tiegħu, li jittrasferixxi l-ġranet ta’ inkapaċità għax-xogħol li huma inklużi fil-leave annwali, sakemm dawn ikunu iktar minn sitt ijiem ta’ leave. Il-ġranet ta’ assenza msemmija iktar ’il fuq ma għandhomx inaqqsu d-dritt tal-ħaddiem għal leave annwali ta’ erba’ ġimgħat.”

Il-ftehimiet kollettivi applikabbli

15

Fil-Finlandja, il-ftehimiet kollettivi ta’ spiss jagħtu leave annwali itwal minn dak previst mil-Liġi dwar il-Leave Annwali. B’mod partikolari, dan huwa l-każ, minn naħa, fir-rigward tal-ftehim kollettiv konkluż bejn Terveyspalvelualan liitto ry, issostitwita mill-Hyvinvointialan liitto, u TSN, għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Marzu 2014 u l‑31 ta’ Jannar 2017, għall-qasam tas-saħħa (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa”) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim kollettiv konkluż bejn Satamaoperaattorit u AKT, għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Frar 2014 u l‑31 ta’ Jannar 2017, għall-qasam tal-merkanzija marittima (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima”).

16

Skont l-Artikolu 16(1) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, “il-leave annwali huwa ddeterminat konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali u mad-dispożizzjonijiet li ġejjin”. Skont l-Artikolu 16(7) ta’ dan il-ftehim kollettiv, il-“leave annwali għandu jingħata konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali. […]”.

17

Skont l-Artikolu 10(1) u (2) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, “it-tul tal-leave annwali ta’ ħaddiem huwa ddeterminat konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali fis-seħħ” u “il-leave annwali għandu jingħata konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali, ħlief fil-każ ta’ ftehim kuntrarju”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑609/17

18

Marika Luoma ilha impjegata minn Fimlab Laboratoriot Oy bħala assistenta tal-laboratorju mill‑14 ta’ Novembru 2011 permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

19

Skont il-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità tagħha, M. Luoma kellha dritt għal 42 ġurnata ta’ xogħol, jiġifieri seba’ ġimgħat, ta’ leave annwali mħallas, għall-perijodu ta’ referenza annwali li ntemm fil‑31 ta’ Marzu 2015.

20

M. Luoma ngħatat leave annwali mħallas ta’ sitt ijiem għall-perijodu mit-Tnejn 7 ta’ Settembru sal-Ħadd 13 ta’ Settembru 2015. Fl‑10 ta’ Awwissu 2015, hija informat lill-kumpannija li timpjegaha li kien ser isirilha intervent kirurġiku fit‑2 ta’ Settembru 2015 u talbet li l-leave annwali tagħha msemmi iktar ’il fuq jiġi ttrasferit għal data sussegwenti. Wara dan l-intervent, M. Luoma bbenefikat minn leave tal-mard sat‑23 ta’ Settembru 2015. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali tagħha ta’ 42 ġurnata ta’ xogħol, il-persuna kkonċernata kienet diġà bbenefikat minn 22 ġurnata ta’ leave, jiġifieri tliet ġimgħat u erbat ijiem ta’ xogħol. Fimlab Laboratoriot ittrasferixxiet l-ewwel jumejn tal-leave li kienu għadhom dovuti skont il-Liġi dwar il-Leave Annwali, iżda mhux l-erbat ijiem ta’ leave l-oħrajn li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) u (7) tal-imsemmi ftehim kollettiv u tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi (276/2013).

21

Fil-kwalità tagħha bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema u firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, TSN ippreżentat rikors quddiem it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali, il-Finlandja) intiż sabiex jiġi kkonstatat li M. Luoma kellha d-dritt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-inkapaċità għax-xogħol tagħha marbuta mal-intervent kirurġiku msemmi iktar ’il fuq, li tittrasferixxi l-leave kollu li kien ingħatalha għall-perijodu ta’ bejn id‑9 ta’ Settembru u t‑13 ta’ Settembru 2015 għal data sussegwenti. Insostenn ta’ dan ir-rikors, TSN sostniet li l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi (276/2013), applikabbli, f’dan il-każ, permezz tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, imur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta, peress li huwa jipprevedi t-trasferiment tal-leave, minħabba, b’mod partikolari, il-mard, biss fir-rigward tal-leave żgurat mill-imsemmija liġi u mhux dak li jirriżulta mill-ftehimiet kollettivi.

22

Hyvinvointialan liitto, bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-persuni li jimpjegaw li ssostitwixxiet lil Terveyspalvelualan liitto, hija stess firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, u Fimlab Laboratoriot, isostnu li l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi (276/2013), ma jiksirx l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn ma humiex applikabbli, skonthom, għall-parti tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-dritt nazzjonali jew minn ftehimiet kollettivi lil hinn mil-leave minimu ta’ erba’ ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

23

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi (276/2013), hekk imwettqa permezz tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u mill-Artikolu 31(2) tal-Karta. Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din tistax tibbenefika minn effett dirett f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda relazzjonijiet ta’ impjieg bejn persuni privati.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

2)

L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandu effetti legali diretti f’relazzjoni ta’ xogħol bejn persuni privati, jiġifieri effett legali orizzontali dirett?

3)

L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipproteġi l-leave akkwistat, sa fejn it-tul ta’ żmien tal-leave jaqbeż il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88], u din id-dispożizzjoni tal-[Karta] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?”

Il-Kawża C‑610/17

25

Tapio Keränen huwa impjegat minn Kemi Shipping Oy.

26

Skont il-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, T. Keränen kellu dritt għal 30 ġurnata ta’ xogħol, jiġifieri ħames ġimgħat, ta’ leave annwali mħallas, għall-perijodu ta’ referenza annwali li ntemm fil‑31 ta’ Marzu 2016.

27

Wara li l-leave annwali mħallas tiegħu beda fit‑22 ta’ Awwissu 2016, T. Keränen marad fid‑29 ta’ Awwissu 2016. It-tabib tax-xogħol ikkonsultat ippreskrivielu leave tal-mard minn din l-aħħar data sal‑4 ta’ Settembru 2016. It-talba ta’ T. Keränen sabiex, konsegwentement, jittrasferixxi sitt ijiem ta’ xogħol tal-leave annwali tiegħu ġiet miċħuda minn Kemi Shipping abbażi tal-Artikolu 10(1) u (2) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima u tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi 182/2016, u din il-kumpannija naqqset dawn is-sitt ijiem ta’ mard mil-leave annwali mħallas li kien intitolat għalih T. Keränen.

28

Bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema u firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, AKT ippreżentat rikors quddiem it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan il-ftehim ma setgħetx twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi 182/2016, minħabba li din l-aħħar dispożizzjoni, skont din l-organizzazzjoni, tmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

29

Satamaoperaattorit, bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-persuni li jimpjegaw u firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, u Kemi Shipping isostnu, għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi Artikolu 25(2) ma jiksirx l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

30

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendata bil-Liġi 182/2016, imwettqa permezz tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u mill-Artikolu 31(2) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà ta’ effett dirett orizzontali ta’ din l-aħħar dispożizzjoni f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva[2003/88] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol minħabba mard tibda matul il-leave annwali tiegħu jew matul parti minnu, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi l-ewwel sitt ijiem tal-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li jaqgħu fil-leave annwali, jekk dawn il-ġranet ta’ assenza minħabba mard ma jnaqqsux id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

2)

L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandu effetti legali diretti f’relazzjoni ta’ xogħol bejn persuni privati, jiġifieri effett legali orizzontali dirett?

3)

L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipproteġi l-leave akkwistat, sa fejn it-tul ta’ żmien tal-leave jaqbeż il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88], u din id-dispożizzjoni tal-[Karta] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol minħabba mard tibda matul il-leave annwali tiegħu jew matul parti minnu, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi l-ewwel sitt ijiem tal-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li jaqgħu fil-leave annwali, jekk dawn il-ġranet ta’ assenza minħabba mard ma jnaqqsux id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑609/17 u C‑610/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li jiġi eskluż it-trasferiment ta’ dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

33

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix dispożizzjonijiet interni li jagħtu dritt għal-leave annwali mħallas għal perijodu li jkun itwal mill-erba’ ġimgħat previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, taħt il-kundizzjonijiet għall-kisba u għall-għoti stabbiliti mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 47; tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 34; tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 38; kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 31).

34

Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 1(1) u (2)(a), tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta b’mod espliċitu li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-iffissar ta’ rekwiżiti minimi tas-sigurtà u tas-saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li ma jippreġudikawx il-possibbiltà tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 48; tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 35; kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 30).

35

F’każ bħal dan, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas hekk mogħti lil hinn mill-minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma humiex irregolati minn din id-direttiva, iżda huma rregolati mid-dritt nazzjonali, barra mis-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva, filwaqt li madankollu għandu jitfakkar li tali dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-ħaddiema ma jistgħux iservu sabiex jikkumpensaw il-possibbiltà ta’ ksur tal-protezzjoni minima żgurata minn din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak li jirriżulta, pereżempju, minn tnaqqis tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas minimu li hija b’hekk tiżgura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punti 4243, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 4344).

36

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma għalhekk l-Istati Membri, minn naħa, li għandhom jiddeċiedu jekk jagħtux lill-ħaddiema l-ġranet ta’ leave annwali mħallas supplimentari li jmorru lil hinn mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat żgurat mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u, min-naħa l-oħra, li għandhom jiddeterminaw, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għat-tmiem ta’ dawn il-ġranet ta’ leave supplimentari, mingħajr ma jkunu marbuta, f’dan ir-rigward, li josservaw ir-regoli protettivi li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-imsemmi perijodu minimu.

37

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet, fejn hemm leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehim kollettiv li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma jingħatax, fir-rigward ta’ sena partikolari, għall-assenzi minħabba mard jew mard fit-tul li jkunu wasslu għal interruzzjoni tax-xogħol ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv jew iktar, li huwa possibbli għall-Istati Membri li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-dritt nazzjonali jvarja skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem abbażi ta’ raġunijiet ta’ saħħa, kemm‑il darba dan il-leave jkun dejjem marbut ma’ perijodu itwal jew ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 49).

38

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta jiddeċiedu li jagħtu lill-ħaddiema drittijiet għal-leave annwali mħallas li jmur lil hinn mill-imsemmi perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat, l-Istati Membri jibqgħu b’mod partikolari ħielsa li jiddeċiedu jekk jagħtux jew le dritt għal kumpens finanzjarju lill-ħaddiem li rtira, meta dan tal-aħħar ma jkunx seta’ jibbenefika mid-drittijiet għal leave li b’hekk jaqbeż l-imsemmi perijodu minimu, minħabba l-fatt li huwa ma eżerċitax il-funzjonijiet tiegħu minħabba mard, u, jekk dan ikun il-każ, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal tali għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 36, u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek,C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 39).

39

Soluzzjoni simili għandha tipprevali fil-każ ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ta’ ftehimiet kollettivi li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtu lill-ħaddiema dritt għal-leave annwali mħallas għal perijodu li jkun itwal mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, filwaqt li jeskludu d-dritt ta’ trasferiment tal-ġranet kollha ta’ leave annwali mħallas jew parti minnhom li jeċċedu l-imsemmi perijodu minimu, meta l-ħaddiem kien f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard, matul il-perijodu kollu ta’ leave annwali mħallas jew parti minnu. Fil-fatt, jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jipprevedux tali dritt ta’ trasferiment u, jekk dan ikun il-każ, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal dan it-trasferiment, sakemm id-dritt għal-leave annwali mħallas li effettivament jibbenefika minnu l-ħaddiem meta dan ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard jibqa’ tal-inqas ugwali għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat imsemmi iktar ’il fuq.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑609/17 u C‑610/17 hija li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li jiġi eskluż it-trasferiment ta’ dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

Fuq it-tielet domanda

41

Permezz tat-tielet domanda tagħha magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑609/17 u C‑610/17, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, filwaqt li jiġi eskluż it-trasferiment ta’ dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

42

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta la testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea u lanqas toħloq kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati.

43

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tispjega r-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li titlob l-interpretazzjoni tagħhom u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha. Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni ħlief id-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

45

Huwa importanti, għalhekk, li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 filwaqt li jeskludu t-trasferiment, minħabba mard, ta’ dawn il-ġranet ta’ leave għandhomx jitqiesu li jimplimentaw l-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u jekk, konsegwentement, l-Artikolu 31(2) ta’ din tal-aħħar għandux japplika għal sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li miżuri interni jaqgħu, bħalma huwa l-każ hawnhekk, taħt qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenzi ma jfissirx li dawn ikunu qegħdin jitqiegħdu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li l-Karta tkun applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Hemm lok li jitfakkar ukoll, minn naħa, li, skont l-Artikolu 4(2)(b) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-politika soċjali, għall-aspetti ddefiniti fit-Trattat FUE, kompetenza kondiviża, fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, u kif jippreċiża l-Artikolu 153(1) TFUE u kif tfakkar il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/88, l-Unjoni għandha tappoġġja u tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol, sabiex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2003/88 li, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija limitata li tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 137(2) KE, li sar l-Artikolu 153(2) TFUE. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “rekwiżiti minimi” li tinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u riprodotta fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 137(4) KE, li sar l-Artikolu 153(4) TFUE, li jippreċiża li tali rekwiżiti minimi ma jistgħux iwaqqfu lil Stat Membru milli jżomm jew jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti, kompatibbli mat-Trattati. Minn dan isegwi li l-Istati Membri jibqgħu liberi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, li jadottaw tali standards, iktar rigorużi minn dawk li huma s-suġġett tal-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sakemm dawn ma jikkompromettux il-koerenza tal-imsemmi intervent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, IP,C‑2/97, EU:C:1998:613, punti 353740).

49

Għalhekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, li jgħid li din tal-aħħar “m’għandhiex taffettwa” id-“dritt” tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda jillimita ruħu li jirrikonoxxi s-setgħa tagħhom li jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom tali dispożizzjonijiet iktar favorevoli barra mill-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44).

50

Għalhekk, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti mis-sitwazzjoni fejn att tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà tal-għażla bejn diversi metodi ta’ applikazzjoni jew setgħa ta’ diskrezzjoni jew ta’ evalwazzjoni li tifforma parti integrali mis-sistema stabbilita minn dak l-att, jew inkella mis-sitwazzjoni li fiha tali att jawtorizza l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan tagħha (ara, fir-rigward ta’ dawn id-diversi elementi, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 68; tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53; tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova,C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 46, 47, 5253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48).

51

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li l-fatt li l-ħaddiema jingħataw ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat żgurat mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u li jiġi previst li ma jistax isir it-trasferiment tagħhom minħabba mard, skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax, bħala tali, jaffettwa jew jillimita l-protezzjoni minima hekk żgurata lil dawn il-ħaddiema bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 43), u lanqas jippreġudika dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva, il-koerenza tagħha jew l-għanijiet tagħha.

52

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-Istati Membri jagħtu, jew jippermettu lill-imsieħba soċjali li jagħtu, drittijiet għal leave annwali mħallas li jeċċedi t-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tali drittijiet, jew il-kundizzjonijiet tat-trasferiment possibbli tagħhom fil-każ ta’ mard li jseħħ matul il-leave, jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri, mingħajr ma jkunu rregolati mill-imsemmija direttiva jew jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 45).

53

Issa, meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma jirregolawx aspett ta’ sitwazzjoni partikolari u ma jimponu l-ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilita minn Stat Membru fir-rigward ta’ dan l-aspett ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u s-sitwazzjoni kkonċernata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35; tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Miravitlles Ciurana et, C‑243/16, EU:C:2017:969, punt 34; kif ukoll tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punti 3435).

54

Għaldaqstant, billi jadottaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew billi jawtorizzaw in-negozjati ta’ ftehimiet kollettivi li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtu lill-ħaddiema drittijiet għal ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tat-trasferiment possibbli ta’ tali drittijiet supplimentari fil-każ ta’ mard tal-ħaddiem, l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jimplimentaw din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑609/17 u C‑610/17 għandha tkun li l-Artikolu 31(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż sabiex japplika fil-każ ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ta’ ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, filwaqt li jiġi eskluż it-trasferiment ta’ dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

Fuq it-tieni domanda

56

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda magħmula f’kull waħda mill-Kawżi C‑609/17 u C‑610/17, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda magħmula f’kull waħda minn dawn l-istess kawżi.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas li jeċċedu l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li jiġi eskluż it-trasferiment ta’ dawn il-ġranet ta’ leave minħabba mard.

 

2)

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż sabiex japplika fil-każ ta’ tali leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.