This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0227
Judgment of the General Court (Third Chamber, Extended Composition) of 13 July 2022.#Illumina, Inc. v European Commission.#Competition – Concentrations – Pharmaceutical industry market – Article 22 of Regulation (EC) No 139/2004 – Referral request from a competition authority not having jurisdiction under national law to examine the concentration – Commission decision to examine the concentration – Commission decisions accepting requests from other national competition authorities to join the referral request – Competence of the Commission – Time limit for submitting the referral request – Concept of ‘made known’ – Reasonable time – Legitimate expectations – Public statements by the Vice-President of the Commission – Legal certainty.#Case T-227/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-13 ta’ Lulju 2022.
Illumina, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għal rinviju minn awtorità tal-kompetizzjoni mhux kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni li jingħaqdu mat-talba għal rinviju – Kompetenza tal-Kummissjoni – Terminu għall-preżentata tat-talba għal rinviju – Kunċett ta’ “komunikazzjoni” – Terminu raġonevoli – Aspettattivi leġittimi – Kummenti pubbliċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni – Ċertezza legali.
Kawża T-227/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-13 ta’ Lulju 2022.
Illumina, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għal rinviju minn awtorità tal-kompetizzjoni mhux kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni li jingħaqdu mat-talba għal rinviju – Kompetenza tal-Kummissjoni – Terminu għall-preżentata tat-talba għal rinviju – Kunċett ta’ “komunikazzjoni” – Terminu raġonevoli – Aspettattivi leġittimi – Kummenti pubbliċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni – Ċertezza legali.
Kawża T-227/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:447
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)
13 ta’ Lulju 2022 ( *1 )
“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għal rinviju minn awtorità tal-kompetizzjoni mhux kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni li jingħaqdu mat-talba għal rinviju – Kompetenza tal-Kummissjoni – Terminu għall-preżentata tat-talba għal rinviju – Kunċett ta’ “komunikazzjoni” – Terminu raġonevoli – Aspettattivi leġittimi – Kummenti pubbliċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni – Ċertezza legali”
Fil-Kawża T‑227/21,
Illumina, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, barrister, u P. Chappatte, avukata,
rikorrent,
sostnuta minn
Grail LLC, li qabel kienet Grail, Inc., stabbilita f’Menlo Park, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, J. M. Jiménez-Laiglesia Oñate u A. Giraud, avukati,
intervenjent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, G. Conte u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
konvenut,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits, bħala aġent,
minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, P. Dodeller, J.-L. Carré u E. Leclerc, bħala aġenti,
minn
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,
u minn
L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżenta minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,
intervenjent,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Autorité de la concurrence française (l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni) li teżamina l-konċentrazzjoni relatat mal-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Il-Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), it-tieni, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni tal-Greċja, tal-Belġju, tan-Norveġja, tal-Islanda u tal-Pajjiżi l-Baxxi li jingħaqdu ma’ din it-talba għal rinviju, u t-tielet, tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2021 li tinforma lil Illumina u Grail b’dik it-talba għal rinviju,
Il-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),
komposta minn G. De Baere, President, V. Kreuschitz (Relatur), U. Öberg, R. Mastroianni u G. Steinfatt, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), intitolat “Ambitu”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni [Ewropea], kif definiti f’dan l-Artikolu. 2. Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni [Ewropea] meta:
sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi mill-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-[Unjoni] fl-istess Stat Membru. 3. Konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-livelli stabbiliti fil-paragrafu 2 għandha dimensjoni [Ewropea] meta:
sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-[Unjoni] fl-istess Stat Membru. […]” |
2 |
F’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:
|
3 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi: “1. Konċentrazzjoni b’dimensjoni [Ewropea] definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll […] 2. Konċentrazzjoni magħmula minn għaqda fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(a) jew magħmula permezz ta’ l-akkwist ta’ kontroll konġunt fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) għandha tkun notifikata mill-partijiet kollha li huma involuti fl-għaqda jew mill-partijiet kollha li akkwistaw kontroll konġunt, skond il-każ. Fil-każijiet l-oħra kollha, n-notifika għandha tingħata mill-persuna jew mill-impriża li takkwista l-kontroll ta’ l-impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ parti minn impriża jew ta’ parti minn aktar minn impriża waħda. […] 4. Qabel ma ssir in-notifika ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, il-persuni jew impriżi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ sottomissjoni bl-argumenti u bir-raġunijiet tagħhom, illi l-konċentrazzjoni jista’ jkollha effett sinifikattiv fuq il-kompetizzjoni f’suq fi Stat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint u għalhekk għandha tkun eżaminata, jew kollha kemm hi jew parti minnha, minn dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien. L-Istat Membru msemmi fis-sottomissjoni għandu, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara jekk jaqbilx jew le dwar it-talba li l-każ ikun riferut lilu. Jekk l-Istat Membru ma jieħux deċiżjoni fil-perjodu stipulat, huwa jitqies bħal li kieku jaqbel mat-talba. Sakemm l-Istat Membru ma jaqbilx, il-Kummissjoni, fejn jidhrilha li fil-fatt jeżisti suq distint, u li l-kompetizzjoni f’dak is-suq tista’ tkun milquta mill-konċentrazzjoni, tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bil-għan li tkun applikata l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat. Id-deċiżjoni dwar jekk il-każ għandux ikun riferut jew le fis-sens tat-tielet subparagrafu għandha tittieħed fi żmien 25 jum utli, liema perjodu jibda mid-data ta’ meta tkun riċevuta s-sottomissjoni mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-persuni jew impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex tirreferi l-każ skond is-sottomissjoni magħmula mill-persuni jew mill-impriżi konċernati. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, jew titqies bħallikieku iddeċidiet, skond it-tielet u r-raba’ subparagrafu, li tirreferi l-każ kollu, ma għandhiex issir notifika skond il-paragrafu 1 iżda għandha tapplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. L-Artikolu 9(6) sa (9) għandu japplika mutatis mutandis. 5. Fil-każ ta’ konċentrazzjoni kif definit fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 u li tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri, il-persuni jew l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, qabel ma ssir notifika lill-awtoritajiet kompetenti, jinfurmaw lill-Kummissjoni permezz ta’ sottomissjoni bir-raġunijiet u bl-argumenti tagħhom li l-konċentrazzjoni għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri mingħajr dewmien. Kull Stat Membru li taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu huwa kompetenti biex jeżamina l-konċentrazzjoni jista’, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara li ma jaqbilx mat-talba li l-każ ikun riferut. F’każ li anki Stat Membru wieħed jiddikjara li ma jaqbilx skond it-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, il-każ ma għandux ikun riferut. Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Istati Membri kollha u l-persuni jew impriżi konċernati dwar xi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil. F’każ l-ebda Stat Membru ma jiddikjara li ma jaqbilx fis-sens tat-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, l-konċentrazzjoni għandha titqies bħala konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja u għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 1 u 2. F’dawn il-każijiet l-ebda Stat Membru ma’ għandu japplika l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-konċentrazzjoni.” |
4 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 jaqra kif ġej: “1. Il-Kummissjoni tista’, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin, tirreferi konċentrazzjoni notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat permezz ta’ deċiżjoni notifikata mingħajr dewmien lill-impriżi konċernati u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. 2. Fi żmien ta’ 15-il jum utli mid-data ta’ meta tkun riċevuta kopja tan-notifika, Stat Membru jista’, b’inizjattiva tiegħu jew wara stedina mill-Kummissjoni, jinforma lill-Kummissjoni (u li imbagħad għandha tinforma lill-impriżi konċernati), li:
3. Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat is-suq għall-prodotti u s-servizzi konċernati kif ukoll is-suq ta’ referenza ġeografika fis-sens tal-paragrafu 7, tqis li jeżistu suq distint u wkoll theddida għal dan is-suq, tista’ jew:
Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li ma jeżistix suq distint jew li ma teżistix theddida, hija għandha tadotta deċiżjoni fejn tindika dan. Din id-deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-Istati Membri. F’dan il-każ il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb tal-każ hija stess skond dan ir-Regolament. F’każijiet fejn l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2(b) li konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’suq distint fit-territorju tiegħu liema suq mhux parti sostanzjali mis-suq [intern], l-Kummissjoni għandha tirreferi l-każ kollu jew il-parti li għandha x’taqsam mas-suq distint konċernat, jekk jidhrilha li dan is-suq distint jintlaqat mill-konċentrazzjoni. […]” |
5 |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Referenza lill-Kummissjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi [kull] konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba. Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat. 2. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba li tirċievi skond il-paragrafu 1. Kull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali fi żmien 15-il jum utli minn meta l-Kummissjoni tinfurmah dwar it-talba. It-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi sakemm, skond il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni. Is-sospensjoni tat-termini perentorji nazzjonali tieqaf malli l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni u lill-impriżi konċernati li ma jixtieqx jingħaqad mat-talba. 3. Il-Kummissjoni tista’, mhux aktar tard minn għaxart ijiem utli minn tmiem il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2, tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membru u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija għandha titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skond it-talba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Hija tista’ titlob is-sottomissjoni ta’ notifika skond l-Artikolu 4. L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni. 4. L-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) sa (3), l-Artikoli 5,6, u 8 sa 21 għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3. L-Artikolu 7 għandu japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba. Meta ma tkunx meħtieġa notifika skond l-Artikolu 4, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10(1) li fih jistgħu jinbdew proċeduri għandu jibda fil-jum utli ta’ wara dak li fih il-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li hi iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3. 5. Il-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmel jew jagħmlu talba skond il-paragrafu 1.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Fuq l-impriżi kkonċernati u fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni
6 |
Ir-rikorrenti, Illumina, Inc., toffri soluzzjonijiet fil-qasam tal-analiżi ġenetika u ġenomika permezz tas-sekwenzjar u permezz ta’ ċipep. |
7 |
Fl‑20 ta’ Settembru 2020, Illumina kkonkludiet ftehim u pjan ta’ għaqda intiż sabiex tikseb kontroll esklużiv ta’ Grail LLC (li qabel kienet Grail, Inc.), li tiżviluppa testijiet tad-demm għall-iscreening bikri tal-kanċer, u li diġà kellha sehem ta’ 14,5 % fiha (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”). |
8 |
Fl‑21 ta’ Settembru 2020, Illumina u Grail (iktar ’il quddiem l-“impriżi kkonċernati”) ippubblikaw stqarrija għall-istampa li ħabbret din il-konċentrazzjoni. |
Fuq in-nuqqas ta’ notifika
9 |
Billi d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati ma kienx jaqbeż il-limiti rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li Grail ma kienet tiġġenera l-ebda dħul fl-ebda Stat Membru tal-Unjoni jew xi mkien ieħor fid-dinja, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex dimensjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, u għalhekk ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament. |
10 |
Il-konċentrazzjoni inkwistjoni lanqas ma ġiet innotifikata fl-Istati Membri tal-Unjoni jew fi Stati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), peress li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
Fuq it-talba għal rinviju lill-Kummissjoni
11 |
Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, saret laqgħa permezz ta’ vidjokonferenza bejn il-Kummissjoni u l-lanjant, li fiha l-lanjant iddeskriva t-tħassib tiegħu dwar dik il-konċentrazzjoni. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet addizzjonali mal-lanjant u, sabiex tiċċara l-kompetenza li jista’ għandhom biex jeżaminaw l-imsemmija konċentrazzjoni, mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja. Hija kienet ukoll f’kuntatt mal-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem is-“CMA”), li wkoll kienet irċeviet l-ilment. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-importanza ta’ Grail għall-kompetizzjoni ma kinitx riflessa fid-dħul mill-bejgħ tagħha. |
12 |
Fid‑19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri bil-konċentrazzjoni inkwistjoni, minn naħa, billi ppreżentatha lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konċentrazzjonijiet tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, billi bagħtitilhom ittra skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ stedina”). F’din l-ittra, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kienet ikkunsidrat, prima facie, li l-konċentrazzjoni kienet tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, u stiednet lill-Istati Membri jissottomettu talba għal rinviju skont din l-aħħar dispożizzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet ma’ ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tiddiskuti l-imsemmija ittra. |
13 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni kkuntattjat lir-rikorrenti sabiex tipproponi konverżazzjoni bit-telefon dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ dik il-konverżazzjoni, li seħħet fl‑4 ta’ Marzu 2021, hija informat lir-rappreżentant legali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati bl-ittra ta’ stedina u bil-possibbiltà ta’ talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
14 |
Fid‑9 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ACF”) talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal rinviju”). |
15 |
Fl‑10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, informat lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bit-talba għal rinviju. Fil‑11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat ukoll lill-impriżi kkonċernati bit-talba għal rinviju filwaqt li fakkrithom li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi implimentata sakemm, u sa fejn, l-obbligu ta’ sospensjoni previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, kien applikabbli (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni”). |
16 |
Permezz ta’ ittri tal‑24, tas‑26 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Belġju, tal-Greċja, tal-Islanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja talbu li jingħaqdu mat-talba għal rinviju, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem it-“talbiet biex jingħaqdu”). |
17 |
Fis‑16 u d‑29 ta’ Marzu 2021, l-impriżi kkonċernati ppreżentaw lill-Kummissjoni osservazzjonijiet li joġġezzjonaw għat-talba għal rinviju. Fit‑2, is‑7 u t‑12 ta’ April 2021, ir-rikorrenti wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni indirizzati lilha mill-Kummissjoni fis‑26 ta’ Marzu u fit‑8 ta’ April 2021. |
18 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 139/2004] għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (ĠU 2021, C 113, p. 1; iktar ’il quddiem il-“gwida dwar l-Artikolu 22”). |
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għal rinviju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-istess jum li jikkonċernaw, rispettivament, lill-Belġju, lill-Greċja, lill-Iżlanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja, hija laqgħet ukoll it-talbiet biex jingħaqdu (iktar ’il quddiem, flimkien mad-deċiżjoni kkontestata, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
Fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati
Fuq l-osservanza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol
20 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-talba għal rinviju tad‑9 ta’ Marzu 2021 kienet ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet, permezz tal-ittra ta’ stedina, ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fid‑19 ta’ Frar 2021 (punti 20 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, hija din l-ittra, ibbażata fuq riċerka fil-fond, fuq analiżi mmirata u fuq informazzjoni pprovduta mill-lanjant, li ppermettiet lir-Repubblika Franċiża twettaq eżami preliminari tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (punti 26 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata). |
21 |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li t-talbiet biex jingħaqdu żammew mat-terminu previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tan-Norveġja ppreżentaw dawn it-talbiet fl‑24, fis‑26 u fil‑31 ta’ Marzu 2021, jiġifieri f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha hija kienet informathom, permezz tal-ittra tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2021, bit-talba għal rinviju (punti 21 u 22 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Belġju, lill-Islanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja u punti 16 u 17 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja). |
Fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq it-theddida ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni
22 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, minn naħa, setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (punti 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 33 sa 39 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Belġju, lill-Islanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lin-Norveġja u punti 28 sa 34 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja), u, min-naħa l-oħra, li kienet thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fuq it-territorji Franċiżi, Griegi, Islandiżi, Belġjani, Norveġiżi u Olandiżi bħala partijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) (punti 51 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 49 u 78 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 41 u 70 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 46 u 75 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 50 u 79 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
Fuq in-natura xierqa tar-rinviju
23 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 109 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 107 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 99 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 104 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 108 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
24 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 45 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rinviju ta’ każijiet fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (ĠU 2005, C 56, p. 2; iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ir-rinviju”) kienu ġew issodisfatti (punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 83 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 75 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 80 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 84 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). Barra minn hekk, it-testijiet tas-sekwenzjar tal-kanċer permezz ta’ NGS huma meqjusa bħala titjib kbir fil-ġlieda kontra l-kanċer, li hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa. Għaldaqstant, huwa mixtieq li jkun hemm trattament koerenti tal-isforzi ta’ investigazzjoni magħmula f’dan ir-rigward fil-livell tal-Unjoni (punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 82 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 74 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 79 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 83 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
25 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fakkret li l-gwida dwar l-Artikolu 22 tiċċara l-mod kif il-kriterji msemmija fil-komunikazzjoni dwar ir-rinviju għandhom jiġu applikati f’każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux kompetenti sabiex jeżaminaw konċentrazzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija gwida peress li tinvolvi l-akkwist ta’ impriża li l-importanza tagħha għall-kompetizzjoni ma hijiex riflessa fid-dħul mill-bejgħ tagħha (punti 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 84 u 85 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 76 u 77 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 81 u 82 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 85 u 86 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
26 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni la kienet ġiet implimentata u lanqas innotifikata fi Stati Membri oħra (punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 86 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 78 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 83 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 87 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
27 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tal-impriżi kkonċernati dwar il-konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet tad-difiża (punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 87 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 79 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 84 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 88 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
28 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kompetenza tagħha, hija qieset li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Istati Membri jitolbu minnha rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni “li huma ma għandhomx kompetenza fuqha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sakemm il-kundizzjonijiet legali stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Kif huwa mfakkar fil-gwida dwar l-Artikolu 22, din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjoni u hija kkonfermata mill-istorja leġiżlattiva tagħha, mill-għan, mill-istruttura ġenerali u mill-interpretazzjoni kuntestwali tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll mill-prassi tal-Kummissjoni. |
29 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li jistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet legali li għandhom jissodisfaw it-talbiet għal rinviju, ma jirrikjedix li “l-Istat Membru li jagħmel tali talba jkollu l-kompetenza biex jeżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda jirrikonoxxi kemm b’mod espliċitu kif ukoll b’mod impliċitu li din it-talba tista’ toriġina minn Stat Membru li fih ma hijiex meħtieġa n-notifika tal-konċentrazzjoni kkonċernata. Il-Kummissjoni fakkret li, wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), l-għan kien li hija tkun tista’ teżamina l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dannu antikompetittiv fis-suq intern li ma setgħux jiġu eżaminati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jkollha bħala riżultat li tipprekludi l-eżami ta’ tali konċentrazzjonijiet u l-effetti transkonfinali tagħhom. Stat Membru mingħajr sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet diġà seta’ jitlob rinviju lill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 4064/89, kif ikkonfermat mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Il-Kummissjoni fakkret li kienet aċċettat li l-Istati Membri mingħajr sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jingħaqdu ma’ talba għal rinviju ta’ Stat Membru ieħor. Skont il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 billi jeskludi tali Stati Membri, seta’ juża l-istess kriterju ta’ kompetenza bħal dak previst fl-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament (punt 90 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 88 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 80 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 85 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 89 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
30 |
It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif imsemmi fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni fakkret li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li każ ta’ konċentrazzjoni seta’ jiġi rrinvijat lilha skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika biss għall-materji li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, meta jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-azzjoni prevista tkunx tista’ titwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Issa, fin-nuqqas ta’ kompetenza, l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setax jitwettaq minn dawn tal-aħħar (punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 90 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 82 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 87 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 91 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
31 |
It-tielet, fir-rigward tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni rrilevat li d-dritt tal-Istati Membri li jirrinvijaw lilha, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, każijiet ta’ konċentrazzjoni li ma kinux jeħtieġu li jiġu nnotifikati f’dawk l-Istati minn dejjem kien jeżisti. Il-prassi preċedenti tagħha intiża sabiex tiskoraġġixxi lil tali Stati Membri mingħajr kompetenza milli jressqu talba għal rinviju ma tfissirx li hija kienet qiegħda teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kull każ futur. Għall-kuntrarju, fil-White Paper tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2014 lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-[Unjoni] (COM/2014/0449 final), dan id-dritt ġie kkonfermat b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma tat l-ebda assigurazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u koerenti li teskludi li jsiru xi talbiet għal rinviju fil-futur. Fid-diskors tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2020, il-Viċi President tal-Kummissjoni lanqas ma tat tali assigurazzjonijiet, iżda indikat li kien ikun utli li tinbidel din il-prassi preċedenti u li dan ma kienx ser isseħħ mil-lum għal għada (punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 92 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 84 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 89 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 93 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
32 |
Ir-raba’, fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni qieset li ż-żmien li għadda minn meta tħabbret il-konċentrazzjoni inkwistjoni u l-effetti negattivi possibbli għall-impriżi kkonċernati kienu kkontrobilanċjati mill-effetti negattivi potenzjalment sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, li jeħtieġ li jiġu eżaminati (punt 100 tad-deċiżjoni kkontestata, punt 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punt 90 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punt 95 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punt 99 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
33 |
Fil-fatt, prima facie, l-impatt potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern u fuq il-konsumaturi Ewropej huwa sinjifikattiv. Il-Kummissjoni rrilevat li kienet saret taf b’din il-konċentrazzjoni f’Diċembru 2020, permezz tal-ilment. Hija eżaminat immedjatament iċ-ċirkustanzi tal-każ u, wara li ġiet informata dwar il-fatt li din il-konċentrazzjoni ma kinitx taqbeż il-limiti rilevanti tal-ebda wieħed mill-Istati Membri, bagħtet l-ittra ta’ stedina lil dawk l-Istati Membri. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi implimentata minħabba proċedura pendenti quddiem il-qrati tal-Istati Uniti, l-impatt taż-żmien li għadda fuq l-impriżi kkonċernati kien limitat (punti 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 95 sa 97 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 87 sa 89 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 92 sa 94 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 96 sa 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
34 |
Il-ħames, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-interpretazzjoni stretta ssuġġerita mill-impriżi kkonċernati kienet tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll għall-għan u l-istruttura ġenerali ta’ dik id-dispożizzjoni. L-evalwazzjoni tagħha kienet konformi ma’ dan il-prinċipju sa fejn hija kienet qieset, b’mod partikolari, jekk il-konċentrazzjoni kkonċernata kinitx diġà ġiet implimentata, jekk kinitx ġiet innotifikata fi Stat Membru jew Stati Membri li ma kinux talbu r-rinviju lilha, u jekk din kinitx tinvolvi għan li jippreżenta “potenzjal kompetittiv sinjifikattiv” li ma kienx rifless fid-dħul mill-bejgħ tagħha. Il-Kummissjoni essenzjalment ippreċiżat li, minn fost id-diversi konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, numru żgħir biss kienu l-ewwel nett, issodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament u, it-tieni, jistgħu jitqiesu xierqa għal rinviju skont il-gwida dwar l-Artikolu 22. Għaldaqstant, tali każijiet jistgħu jitqiesu bħala eċċezzjonali (punti 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 100 u 101 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 92 u 93 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 97 u 98 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 101 u 102 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
35 |
Is-sitt, il-Kummissjoni ċaħdet bħala infondati l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li d-dritt tagħhom għal smigħ u l-prinċipji ta’ ekwità u ta’ amministrazzjoni tajba kienu ġew miksura. Hija ssottolinjat li fis‑26 ta’ Frar 2021 kienet informat lir-rikorrenti li bagħtet l-ittra ta’ stedina tagħha, jiġifieri qabel ma rċeviet it-talba għal rinviju. Il-Kummissjoni qieset li l-approċċ tagħha kien għalhekk konformi mal-punt 27 tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li jgħid li, jekk tkun qiegħda tiġi kkunsidrata talba għal rinviju, hija għandha tinforma lill-partijiet għat-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun. L-għan ta’ dan il-punt huwa barra minn hekk li jiġi indikat kwalunkwe obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni li jista’ jkun hemm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet informat lill-impriżi kkonċernati fi żmien xieraq bit-talba għal rinviju, li ġiet mibgħuta lilhom malajr wara li rċevietha (punti 104 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 102 sa 106 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Belġju, punti 94 sa 98 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Greċja, punti 99 sa 103 tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lill-Islanda u lin-Norveġja u punti 103 sa 107 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-Pajjiżi l-Baxxi). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
36 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
37 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, f’konformità mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba. |
38 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Ġunju 2021, Grail, Inc. talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ppermetta dan l-intervent. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-istess jum, Grail, Inc. ġiet awtorizzata, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 145(1) u mal-Artikolu 89(3)(b) tal-imsemmija regoli, tippreżenta nota ta’ intervent. |
39 |
Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
40 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑22 ta’ Ġunju kif ukoll fis‑6, fil‑21 u fid‑29 ta’ Lulju 2021, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 u tat‑22 ta’ Lulju kif ukoll tas‑6 ta’ Awwissu 2021 u b’digriet tal‑25 ta’ Awwissu 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ppermetta dawn l-interventi. Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, rispettivament, tas‑16 u tat‑23 ta’ Lulju u tat‑13 u tal‑25 ta’ Awwissu 2021, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ġew awtorizzati, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 145(1) u mal-Artikolu 89(3)(b) tal-imsemmija regoli, jippreżentaw nota ta’ intervent. |
41 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Awwissu 2021, il-Computer & Communications Industry Association (l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Kompjuters u tal-Komunikazzjonijiet) talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal intervent. |
42 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li hija kienet akkwistat, fl-istess jum, l-ishma kollha ta’ Grail, Inc., filwaqt li ġie implimentat arranġament dwar is-separazzjoni tal-assi. |
43 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fid-19 ta’ Ottubru 2021. Fid‑29 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq l-imsemmija osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
44 |
Kull wieħed mill-intervenjenti ppreżenta n-nota tiegħu fit-terminu mogħti. |
45 |
Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni talbet li Grail titneħħa minn intervenjent. Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika u Grail ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba, rispettivament, fit‑3 u fl‑4 ta’ Novembru 2021. |
46 |
Wara li żewġ membri tal-Awla temmew il-funzjonijiet tagħhom u ġie elett President ġdid tal-Awla, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2021, u skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 27(5) tal-imsemmija regoli, il-President tat-Tielet Awla nnomina żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti. |
47 |
Fil‑11 ta’ Novembru 2021, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. |
48 |
Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tat-tilwima. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti. |
49 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, Grail, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba, rispettivament, fid‑9 u fl‑10 ta’ Diċembru 2021. |
50 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021. |
51 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
52 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq it-talba għar-revoka tal-istatus ta’ intervenjent fir-rigward ta’ Grail
53 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, essenzjalment issostni li, wara l-ittra tar-rikorrenti tat‑18 ta’ Awwissu 2021 li informat lill-Qorti Ġenerali li, fl-istess jum, hija kienet akkwistat l-ishma kollha ta’ Grail, Inc. (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), din tal-aħħar kienet saret Grail LLC, jiġifieri entità ġdida kompletament ikkontrollata mir-rikorrenti, u għaldaqstant Grail kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ intervenjent li kienet ġiet mogħtija lilha permezz tad-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Għalhekk, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll minn perspettiva ġuridika, l-intervent ma kienx għad għandu skop u l-interessi ta’ Grail LLC issa kienu saru ħaġa waħda ma’ dawk tar-rikorrenti li kienet tirrappreżentahom bis-sħiħ fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fin-nuqqas ta’ talba ġdida għal intervent min-naħa ta’ Grail LLC fit-terminu previst mill-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istatus ta’ Grail bħala intervenjent għandu jiġi rrevokat formalment. |
54 |
Ir-rikorrenti u Grail jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni, peress li Grail LLC hija s-suċċessur legali ta’ Grail, Inc., li l-interess tagħha fis-soluzzjoni ta’ din it-tilwima kien għadu jeżisti. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, Grail LLC hija entità distinta, indipendenti u awtonoma mir-rikorrenti, li twettaq operazzjonijiet u strateġija distinti taħt tmexxija indipendenti. |
55 |
Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Grail LLC hija persuna ġuridika, skont id-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Uniti tal-Amerika, li hija s-suċċessur legali ta’ Grail, Inc. Għalhekk, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punti 24 sa 33), fit‑18 ta’ Awwissu 2021, Grail LLC ħadet post Grail, Inc. bħala s-suċċessur universali tagħha fit-titolu. |
56 |
F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna ġuridika jista’ jitkompla mis-suċċessur universali tagħha fit-titolu, b’mod partikolari fil-każ fejn din il-persuna ġuridika tieqaf teżisti filwaqt li d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha jiġu ttrasferiti lil persuna ġdida, bl-imsemmi suċċessur universali fit-titolu neċessarjament jieħu post il-predeċessur tiegħu ipso jure (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk Grail LLC hija, ċertament, ikkontrollata kompletament mir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li hija tikkostitwixxi entità ġuridika distinta b’locus standi in judicio u li tista’ tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti implimentat arranġament dwar is-separazzjoni tal-assi (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) u peress li l-Kummissjoni adottat, permezz tad-Deċiżjoni C(2021) 7675 final tagħha tad‑29 ta’ Ottubru 2021 (Il-Każ COMP/M.10493 – Illumina/Grail), miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 li jeħtieġu li Grail LLC tiġi ppreservata bħala entità separata, indipendenti u awtonoma fir-rigward tar-rikorrenti, li twettaq operazzjonijiet separati u strateġija separata taħt tmexxija indipendenti. |
58 |
Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, fil-kwalità tagħha bħala suċċessur universali fi-titolu, Grail LLC ħadet post Grail, Inc. bħala l-intervenjenti li d-dispożittiv tad-Digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) japplika għaliha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li Grail LLC għad għandha, bħala l-parti l-oħra fil-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-istess interess fis-soluzzjoni tat-tilwima li kellu l-predeċessur legali tagħha, Grail, Inc. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill, T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punt 30). |
59 |
Konsegwentement, it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġi rrevokat l-istatus ta’ intervenjent ta’ Grail għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-ammissibbiltà
60 |
Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Franċiża, issostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli. Hija ssostni, l-ewwel nett, li t-talba għal rinviju ma tikkostitwixxix att tal-Kummissjoni, it-tieni, li l-ittra ta’ informazzjoni ġiet issostitwita bid-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet, li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti preparatorji li l-illegalitajiet tagħhom jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni. |
61 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, tqis li dan ir-rikors huwa ammissibbli. |
62 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għal rinviju, mill-verżjoni mqassra tar-rikors, b’mod partikolari mill-ommissjoni tal-kap tat-talbiet li jirrigwarda din it-talba fil-punt 214 tagħha, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura mħaffa, l-imsemmija talba ma hijiex is-suġġett tar-rikors. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar din l-istess talba huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda. |
63 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 46). |
64 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, huwa neċessarju li jsir riferiment għas-sustanza tiegħu. Dawn l-effetti legali vinkolanti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dak l-att, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni awtur tiegħu (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55; tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 48, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 48). |
65 |
Fil-każ ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, l-effetti legali vinkolanti tal-att ikkontestat għandhom ikunu jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37, u tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni, C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Għalhekk, fil-prinċipju, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali, u li ma għandhomx tali effetti. Konsegwentement, miżuri intermedjarji li jistabbilixxu evalwazzjoni tal-istituzzjoni u li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs Il‑BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżami ta’ konċentrazzjoni mill-Kummissjoni skont dan l-artikolu jieħu l-forma ta’ deċiżjoni. Issa, skont l-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel dawn id-deċiżjonijiet vinkolanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 44). |
68 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati jissuġġettaw lill-konċentrazzjoni inkwistjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, minkejja li din ma għandhiex dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tiegħu, b’tali mod li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli awtomatikament. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom l-effett li jissuġġettaw din il-konċentrazzjoni, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, għall-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3), u l-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 tal-istess regolament, li jiddeterminaw il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni, is-setgħat deċiżjonali tal-Kummissjoni kif ukoll il-proċedura u s-sanzjonijiet potenzjali. Bl-istess mod, l-obbligu ta’ sospensjoni, previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, huwa, f’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-konċentrazzjoni inkwistjoni billi jipprekludi t-twettiq tagħha sakemm din tkun ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern. |
69 |
Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, fin-nuqqas tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kinitx tkun is-suġġett ta’ eżami mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ma kienet tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet u għas-sanzjonijiet potenzjali skont dak ir-regolament, inkluż għall-obbligu ta’ sospensjoni, iżda kienet tkun tista’ titwettaq immedjatament fl-Unjoni. |
70 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li kull deċiżjoni li twassal għal bidla fil-qafas ġuridiku applikabbli għall-eżami ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-partijiet fit-tranżazzjoni kkonċernata, id-deċiżjonijiet ikkontestati jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti li huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il‑KummissjoniT‑346/02 u T‑347/02, EU:T:2003:256, punti 61 u 64). |
71 |
Barra minn hekk, billi temmew il-proċedura tar-rinviju li nbdiet bit-talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u li ppermettiet, skont il-paragrafu 2 ta’ dak ir-regolament, it-tressiq tat-talbiet biex jingħaqdu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni aċċettat, filwaqt li qieset l-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati, l-imsemmija talbiet, u, konsegwentement, iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’konformità mal-proċedura prevista mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-post tal-eżami tal-konċentrazzjoni jiġi deċiż b’dan il-mod, li jwassal għat-trasferiment tal-kompetenza għal dan l-eżami lill-Kummissjoni (ara l-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq). In-natura definittiva u irriversibbli tal-imsemmija deċiżjonijiet hija kkonfermata, minn naħa, mit-terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, previst mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 22(3), li fih il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu deċiżjoni dwar ir-rinviju u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni, hija kellha, f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, titqies li adottat tali deċiżjoni li teżamina l-konċentrazzjoni. |
72 |
Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jtemmu l-proċedura ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li hija proċedura speċjali distinta minn dik li tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 11, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 49). |
73 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqabblu ma’ deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ eżami formali, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, peress li l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tikkonsisti minn żewġ fażijiet, deċiżjoni adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni la tikkostitwixxi t-tmiem tal-proċedura ta’ eżami, u lanqas ma tippreġudika d-deċiżjoni finali skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament hija miżura preparatorja li l-uniku għan tagħha huwa li tiftaħ istruttorja intiża sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li jippermettu lill-Kummissjoni tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni finali fuq il-kompatibbiltà ta’ tranżazzjoni mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑48/03, EU:T:2006:34, punt 79, u tas‑27 ta’ Novembru 2017, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, T‑902/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:846, punti 18, 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jifformawx parti mill-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern, iżda għandhom l-għan li jiddeċiedu b’mod definittiv fuq ir-rinviju ta’ din il-konċentrazzjoni billi jtemmu l-proċedura speċjali prevista mill-Artikolu 22 tal-istess regolament (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu kienu ġew issodisfatti, laqgħet it-talbiet għal rinviju u biex jingħaqdu, u b’hekk issuġġettat l-imsemmija konċentrazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux miżuri intermedjarji li jippreparaw id-deċiżjoni fuq il-mertu, iżda jistabbilixxu l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq it-talba għal rinviju. |
74 |
Barra minn hekk, dan ir-rikors ma jobbligax lill-Qorti tal-Unjoni tevalwa la l-pożizzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u lanqas il-kwistjonijiet li dwarhom din tal-aħħar għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, u għalhekk ma jistgħux jiġu antiċipati l-argumenti dwar il-mertu, u qegħdin jitħawdu l-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20; tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51, u tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 45). B’mod partikolari, dan ir-rikors ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern, li se tkun is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami prevista mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda biss fuq il-legalità tal-aċċettazzjoni tat-talba għal rinviju u tar-rinviju lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll tal-bidla fil-qafas ġuridiku applikabbli li jirriżulta minn dan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 52). |
75 |
Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti intermedjarji li jippreċedu d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami mibdija skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi mfakkar li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att minn rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi pass preparatorju (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 46). Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jinvolvu l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 għall-konċentrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tiegħu, ikollha effett ta’ sospensjoni (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami mibdija skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jippermettix li jitħassru l-konsegwenzi tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni minħabba l-konformità ma’ dan l-obbligu ta’ sospensjoni. Id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom għalhekk ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. |
76 |
Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
77 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument li l-Kummissjoni tibbaża fuq is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Fil-fatt, l-ewwel nett, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni ta’ jekk deċiżjoni li tilqa’ talba għal rinviju minn Stat Membru kinitx tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. It-tieni, lanqas ma kien neċessarju li jitqiesu l-effetti legali vinkolanti ta’ tali deċiżjoni, peress li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda, kif tammetti l-Kummissjoni stess, rikors kontra deċiżjoni fuq il-mertu, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, li kien jipprekludi l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni kkonċernata b’mod permanenti. It-tielet, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327), il-ksur tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament ġie invokat sabiex tiġi kkontestata l-kompetenza tal-Kummissjoni li tibda proċedura skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, u kien jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx ivverifikat biżżejjed skont il-liġi li t-talba għal rinviju kienet saret minn Stat Membru. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza kienet twieġeb għal kwistjoni speċifika li ma kinitx komparabbli ma’ dik li tqum f’dan il-każ. |
78 |
Dan ir-rikors huwa, konsegwentement, ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. |
79 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ittra ta’ informazzjoni, għandu jiġi mfakkar li din l-ittra informat lill-impriżi kkonċernati bit-talba għal rinviju, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004. Ċertament, din l-informazzjoni twassal, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-regolament, għall-obbligu ta’ sospensjoni previst mill-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmija ittra ma tistabbilixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, u lanqas ma tissuġġetta lil din tal-aħħar għall-imsemmi obbligu b’mod definittiv, iżda biss b’mod provviżorju sabiex tiġi ppreservata l-effettività ta’ deċiżjoni ta’ rinviju potenzjali. Fil-fatt, din l-istess ittra kienet segwita, f’dan il-każ, mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li permezz tagħhom il-Kummissjoni aċċettat ir-rinviju u ssuġġettat il-konċentrazzjoni inkwistjoni b’mod definittiv għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-istess regolament, inkluż l-obbligu ta’ sospensjoni (ara l-punti 68 u 72 iktar ’il fuq). L-ittra ta’ informazzjoni għalhekk tikkostitwixxi biss stadju intermedjarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju li jintemm permezz tat-teħid ta’ pożizzjoni definittiva mill-Kummissjoni fuq it-talba għal rinviju, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004. |
80 |
Għaldaqstant, l-ittra ta’ informazzjoni tikkostitwixxi miżura intermedjarja u preparatorja tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, kwalunkwe illegalità possibbli li tivvizzja din l-ittra tista’, f’konformità mal-ġurisprudenza, tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet, li huma, min-naħa tagħhom, atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12, u tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni, C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 50). |
81 |
Konsegwentement, dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra ta’ informazzjoni. |
82 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan ir-rikors irid jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra ta’ informazzjoni. |
Fuq il-mertu
Sunt tal-motivi għall-annullament
83 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura mħaffa, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. |
84 |
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tibda, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, investigazzjoni dwar konċentrazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru li jkun talab li jiġi rrinvijat lill-Kummissjoni sabiex jeżaminaha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li r-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni ntalab tard u, sussidjarjament, li d-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina jimmina l-prinċipju taċ-ċertezza legali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni kienet indikat li l-politika tal-Kummissjoni ma kinitx se tinbidel qabel l-implimentazzjoni tal-gwida dwar l-Artikolu 22. |
Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni
85 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, issostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 139/2004 billi qieset, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li tista’ taċċetta talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri li jressqu din it-talba ma jkollhomx is-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jeżaminaw il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tal-imsemmija talba. Essenzjalment, ir-rikorrenti tqis li, f’sitwazzjoni bħal din, l-għan residwu tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jippermetti biss lil Stat Membru li ma jkollux sistema ta’ kontroll bħal din li jippreżenta talba għal rinviju sabiex jevita sitwazzjoni fejn konċentrazzjoni li taffettwa t-territorju tiegħu ma tkun suġġetta għall-ebda eżami. Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jkun adotta l-leġiżlazzjoni proprja tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u għalhekk ikun iddefinixxa ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jikkontrolla konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea, dan ikun eżerċita l-kompetenza li tippermettilu jikkontrolla l-konċentrazzjonijiet u l-interessi tiegħu jkunu protetti b’mod suffiċjenti. Għal tali Stat Membru, it-talbiet għal rinviju huma llimitati għall-każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-kontroll, li l-leġiżlatur nazzjonali jkun iddefinixxa. Setgħa residwa li jirrinvija l-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni ma hijiex neċessarja għalih. Barra minn hekk, ir-rikorrenti u Grail jikkunsidraw li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-għan ta’ “one-stop shop”, ibbażat fuq limiti tad-dħul mill-bejgħ, u dak li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiddelegaw is-setgħa ta’ eżami tagħhom lill-Kummissjoni meta din tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina konċentrazzjoni. Huma jikkontestaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u jakkużawha li ma qisitx il-kuntest tiegħu. Il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni tmur ukoll kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u teħtieġ emenda leġiżlattiva. Peress li l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament huwa ta’ natura eċċezzjonali, irid jiġi interpretat b’mod restrittiv. |
86 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, tirribatti, essenzjalment, li r-rikorrenti ma qisitx is-supremazija tal-interpretazzjoni letterali u tinjora l-formulazzjoni ċara u preċiża tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Peress li din hija dispożizzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom hija kompetenti l-Kummissjoni, ma hijiex meħtieġa emenda leġiżlattiva. L-imsemmi artikolu ma jagħmel l-ebda distinzjoni fuq il-bażi ta’ jekk l-Istat Membru għandux sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew le u l-interpretazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE. Billi jitlob ir-rinviju ta’ tranżazzjoni lill-Kummissjoni, l-Istat Membru jkun qiegħed jeżerċita kompetenza li għandha bażi awtonoma fid-dritt tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika, interpretazzjoni stretta ma hijiex possibbli sabiex tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk teżistix kompetenza, u lanqas ma timplika l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti supplimentari f’dispożizzjoni meta dawn ma jkunux previsti fiha. Is-sistema ta’ “one-stop shop” ma hijiex għan tar-Regolament Nru 139/2004, iżda element importanti ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jissottolinjaw li l-mekkaniżmi tar-rinviju jaħdmu bħala mekkaniżmi korrettivi effikaċi sabiex jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. |
87 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tinterpreta l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li fuq il-bażi tiegħu għamlet it-talba tagħha għal rinviju l-ACF. Iktar speċifikament, il-Qorti Ġenerali hija mitluba teżamina l-kwistjoni dwar jekk, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hijiex kompetenti li teżamina konċentrazzjoni meta t-talba għal rinviju toriġina minn Stat Membru li għandu sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda meta l-konċentrazzjoni kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li tifforma parti minnu. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha [ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Turbini Eoliċi f’Aalter u Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk huwa xieraq li ssir interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
– Fuq l-interpretazzjoni letterali
89 |
Għandu jiġi osservat li, sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li “Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi [kull] konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba”, huwa jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi għall-awtorizzazzjoni tar-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. L-ewwel nett, it-talba għal rinviju trid toriġina minn Stat Membru jew iktar minn Stat Membru wieħed, it-tieni, it-tranżazzjoni li hija s-suġġett ta’ dik it-talba trid tissodisfa d-definizzjoni ta’ konċentrazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament mingħajr ma tilħaq il-limiti ta’ dimensjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, it-tielet, dik il-konċentrazzjoni trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u r-raba’, l-imsemmija konċentrazzjoni trid thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkunu għamlu it-talba għal rinviju. |
90 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li, sabiex ikun possibbli r-rinviju ta’ konċentrazzjoni minn Stat Membru lill-Kummissjoni, din il-konċentrazzjoni trid taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-imsemmi Stat Membru, u lanqas li dan tal-aħħar irid ikollu sistema ta’ kontroll bħal din. |
91 |
Għall-kuntrarju, l-espressjoni “xi [kull] konċentrazzjoni”, kif użata fl-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tindika, kif issostni l-Kummissjoni, li konċentrazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ riferiment indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sakemm il-kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti. |
92 |
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni addizzjonali ssuġġerita mir-rikorrenti u minn Grail, jiġifieri li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal rinviju għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jkun ressaq din it-talba, ma tirriżultax mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
93 |
Barra minn hekk, peress li din il-formulazzjoni ma tiddistingwix bejn l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ jekk ikunux stabbilixxew jew le leġiżlazzjoni nazzjonali għal dan il-għan, anki Stat Membru li ma għandux tali sistema, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu d-dritt li jitlob ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni, fatt li r-rikorrenti tammetti. |
94 |
Għaldaqstant, mingħajr ma tippermetti konklużjoni definittiva, l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tindika li Stat Membru għandu d-dritt li jirrinvija lill-Kummissjoni kwalunkwe konċentrazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih, u dan indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
95 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li titwettaq interpretazzjoni storika, peress li din tista’ tiċċara x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta fformula l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni. |
– Fuq l-interpretazzjoni storika
96 |
Fl-ewwel lok, l-ewwel regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, kien jipprevedi, fl-Artikolu 22 tiegħu, mekkaniżmu li jippermetti r-rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jaqra kif ġej: “Jekk il-Kummissjoni ssib, fuq talba ta’ Stat Membru, li konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 3 li m’għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat tista’, safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4).” |
97 |
Dak il-mekkaniżmu ta’ riferiment kien tfassal b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li kien għadhom ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet [ara l-punt 97 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (COM(96) 19 final); il-punt 84 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2001 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89 (COM(2001) 745 final) (iktar ’il quddiem il-“Green Paper tal‑2001”) u l-punt 21 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“Ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU 2003 C 20, p. 4; iktar ’il quddiem il-“proposta tal‑2003”)]. B’mod iktar speċifiku, jidher li dan il-mekkaniżmu ta’ rinviju segwa x-xewqa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dak iż-żmien ma kellux sistema bħal din, li l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu, sakemm dawn il-konċentrazzjonijiet ikunu jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għalhekk dan il-mekkaniżmu ġie msejjaħ il-“klawżola Olandiża” (ara l-punt 133 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament Nru 139/2004 tat‑30 ta’ Ġunju 2009, SEC(2009) 808 final/2). |
98 |
Il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rinviju, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, kellu prinċipalment iservi lill-Istati Membri li ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet proprja tagħhom madankollu ma jeskludix li Stati Membri oħra jirrikorru wkoll għal dan il-mekkaniżmu. Dan huwa kkonfermat mill-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-punt 97 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), li skontha din id-dispożizzjoni “hija ġeneralment meqjusa bħala strument utli, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li attwalment għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma hemm xejn f’dan ir-regolament li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirriżerva l-imsemmi mekkaniżmu għal dawn l-ewwel Stati jew li jagħtihom xi preferenza f’dan ir-rigward, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ. Għall-kuntrarju, it-terminu “Stat Membru”, kif użat mill-imsemmija dispożizzjoni, jinkludi l-Istati Membri kollha mingħajr madankollu ma jagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-eżistenza jew le ta’ tali sistema ta’ kontroll. Għalhekk, il-premessa 29 tar-Regolament Nru 4064/89 tirrikonoxxi s-setgħa tal-Kummissjoni li tintervjeni “fuq it-talba ta’ Stat Membru konċernat, f’każi fejn il-kompetizzjoni effettiva tkun se tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru”. |
99 |
Fid-dawl tal-implimentazzjoni suċċessiva ta’ sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Istati Membri u tal-fatt li, diġà fid-data tal-adozzjoni tal-Green Paper tal‑2001, kien biss il-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma kellux tali skema, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 85 tal-Green Paper tal‑2001, li, “fil-prattika, […] il-potenzjal tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3) fil-forma oriġinali tiegħu [kien] limitat ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, it-tnaqqis fl-importanza prattika tiegħu għall-maġġoranza assoluta tal-Istati Membri, minħabba l-fatt li huma kellhom tali sistemi nazzjonali ta’ kontroll, mhux neċessarjament ifisser, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti, li l-użu tagħhom tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 issa kien ġie prekluż. |
100 |
Fit-tieni lok, l-għanijiet tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ġew estiżi suċċessivament maż-żmien. |
101 |
Fil-fatt, meta n-numru ta’ sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet żdied fl-Unjoni, dan il-mekkaniżmu ta’ rinviju kien ikkunsidrat ukoll bħala mezz sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għat-tranżazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali kif ukoll sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ “one-stop shop” u sabiex jiġi evitat l-eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ diversi Stati Membri. Dawn l-għanijiet huma riflessi, kif inhu espost fil-punt 86 tal-Green Paper tal‑2001, fl-emendi li saru bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat‑30 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164), li introduċa l-possibbiltà li diversi Stati Membri jressqu talbiet konġunti għal rinviju (ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1310/97). |
102 |
Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ rinviju previst mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 kien intiż sabiex jippermetti lill-Istati Membri jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li għandha effett transfruntier f’sitwazzjoni fejn il-limiti previsti mill-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament, li jiddefinixxu, fil-prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, ma jkunux intlaħqu. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89 jirrifletti dan ir-rwol sa fejn kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Komunitarja “bla ħsara għall-Artikolu 22”. |
103 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti meta tagħmel riferiment għall-għan tar-Regolament Nru 1310/97 li jevita diversi notifiki u dak li jippermetti l-eżami ta’ konċentrazzjoni mill-awtorità fl-aħjar pożizzjoni, kif indikat fl-istqarrija għall-istampa li takkumpanja l-proposta tal‑2003, l-għanijiet differenti segwiti mill-mekkaniżmu ta’ rinviju ma jeskludux lil xulxin b’mod reċiproku, iżda jikkumplimentaw lil xulxin. Fil-fatt, skont il-punt 86 tal-Green Paper tal‑2001, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li fl-istess ħin isaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għat-tranżazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali, jiżgura l-prinċipju ta’ “one-stop shop” u jsolvi l-problema ta’ diversi notifiki (ara wkoll il-punt 101 iktar ’il fuq). Dan huwa sostnut ukoll mill-fatt li l-għanijiet ġew suċċessivament estiżi maż-żmien, mingħajr l-ebda rinunzja tal-għanijiet inizjali ta’ dan il-mekkaniżmu (ara l-punti 97 sa 99 u 101 iktar ’il fuq). |
104 |
Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-għanijiet tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ma jistax jinftiehem bħala li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu, iżda jenfasizza l-għan li jiġu eżaminati konċentrazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali. |
105 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-segwitu li ngħata għall-proposta tal‑2003 fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004. |
106 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, il-verżjoni proposta fl‑2003 tal-Artikolu 22 kienet tiddistingwi bejn, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, talba għal rinviju ppreżentata minn Stat Membru jew Stati membri taħt kundizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 22(1) attwali tar-Regolament Nru 139/2004, u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 3 tiegħu, it-talbiet għal rinviju li jsiru minn mill-inqas tliet “Stati Membri li għandhom il-kompetenza biex jeżaminaw konċentrazzjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sitwazzjoni li fiha dimensjoni Ewropea li fuqha hija fondata l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni kienet meqjusa li teżisti. |
107 |
Issa, meta ġie adottat ir-Regolament Nru 139/2004, dan il-paragrafu 3 ma ġiex inkluż fl-Artikolu 22, iżda ġie integrat, f’verżjoni emendata, fl-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi, min-naħa tiegħu, il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri. Min-naħa l-oħra, il-parti li baqgħet tal-Artikolu 22 tal-proposta tal‑2003, b’mod partikolari l-paragrafu 1 tiegħu, ġiet riprodotta mingħajr emendi maġġuri. Issa, b’differenza mit-test tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx riferiment, fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għall-kompetenza tal-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan jindika li l-imsemmi leġiżlatur ma xtaqx jirrestrinġi d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jitlob ir-rinviju lill-Kummissjoni ta’ “xi [kull] konċentrazzjoni”. |
108 |
It-tieni, permezz tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni ma aċċettatx l-idea ta’ “sistema obbligatorja ta’ 3+” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tikkonsisti fl-għoti awtomatiku ta’ dimensjoni Ewropea lill-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu nnotifikati f’mill-inqas tliet Stati Membri, kif proposta fil-Green Paper tal‑2001 (ara b’mod partikolari l-punti 60 u 62 tal-imsemmija Green Paper). Hija kkunsidrat li tali sistema kienet teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjoni tilħaqx il-limiti għan-notifika f’mill-inqas tliet Stati Membri u li l-fatt li l-kompetenza tagħha tkun fondata fuq kriterji jew kunċetti nazzjonali diverġenti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-limiti għan-notifika nazzjonali jdgħajjef iċ-ċertezza legali, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju ta’ interpretazzjonijiet differenti tad-dritt nazzjonali minnha stess, mill-Istati Membri u mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (punti 13 sa 15 tal-proposta tal‑2003). |
109 |
B’hekk, il-Kummissjoni ffavorixxiet rikors ikbar għall-mekkaniżmi tar-rinviju u b’mod partikolari għal dak previst mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 18 tal-proposta tal‑2003), li, għall-kuntrarju tas-“sistema obbligatorja ta’ 3+” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma kienx jidher li jeħtieġ interpretazzjoni tal-limiti għal notifika nazzjonali. Dan jikkorrobora l-analiżi li skontha jista’ jsir rinviju ta’ konċentrazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jkun talab ir-rinviju tagħha. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti teħtieġ preċiżament interpretazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni tal-portata tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li jressaq it-talba u tista’ tagħti lok għal interpretazzjonijiet diverġenti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, problema deskritta fil-punt 59 u fin-nota Nru 11 f’qiegħ il-paġna tal-Green Paper tal‑2001. Għaldaqstant, dan il-qari jagħmel l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu dipendenti fuq kundizzjonijiet li ġew miċħuda b’mod espliċitu fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva. |
110 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84), li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kompetenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tressaq talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89, iżda li hija kellha biss tivverifika jekk din it-talba kinitx, prima facie, dik ta’ Stat Membru. |
111 |
It-tielet, fil-punt 21 tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni fakkret li “waħda mill-funzjonijiet inizjali ta’ [dan l-artikolu] kienet tikkonsisti f’li l-Istati Membri li ma għandhomx dritt nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ikunu jistgħu jirrinvijaw [lilha] […] t-tranżazzjonijiet li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Billi indikat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biss kien għadu jinsab f’tali sitwazzjoni, hija qieset li “[kien] meħtieġ li ma tiġix eliminata għalkollox il-possibbiltà li Stat Membru wieħed biss jirrinvija każijiet lill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jekk dan juri li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinalment kellu jservi prinċipalment lill-Istati Membri li ma kellhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet proprja tagħhom, ir-riferiment għal “waħda” mill-funzjonijiet inizjali jikkonferma l-konstatazzjoni, imsemmija fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, li l-applikabbiltà ta’ dan l-istess artikolu ma hijiex limitata għal din is-sitwazzjoni, iżda testendi għall-Istati Membri kollha, inkluż għal dawk li għandhom sistema bħal din. |
112 |
Ir-raba’, fil-punt 22 tal-proposta tal‑2003, il-Kummissjoni rrilevat li s-sistema ssimplifikata ta’ rinviju li hija pproponiet kienet intiża b’mod partikolari li tagħmel ir-rinviju tal-Artikolu 22 applikabbli fl-istadju ta’ qabel in-notifika sa fejn “il-lakuna prinċipali fis-sistema [kienet riflessa] fil-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ rinviju […] [setgħu] jiġu applikati biss wara n-notifika ta’ tranżazzjoni [ta’ konċentrazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni sempliċement tiddeskrivi s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, ikkaratterizzata, kif indikat ukoll fl-imsemmi punt 22, minn “telf kbir ta’ ħin u ta’ effiċjenza amministrattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll minn “kostijiet u [minn] żieda fix-xogħol bla bżonn [għall-]impriżi partijiet fi tranżazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li dawn il-partijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jitolbu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni fi stadju bikri, billi jinformaw direttament lill-Kummissjoni, mingħajr ma jgħaddu mill-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, din is-sitwazzjoni tirrigwarda biss il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu nnotifikati fuq livell nazzjonali. Issa, l-adozzjoni tal-Artikolu 4(4) u (5) tal-imsemmi regolament irrimedjat din il-problema billi ppermettiet lill-partijiet f’konċentrazzjoni jitolbu r-rinviju tagħha qabel in-notifika. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22 tal-istess regolament ma ġiex mibdul b’mod sostanzjali fir-rigward tal-kontenut tiegħu (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni differenti għar-rinviju, skont dan l-Artikolu 22, ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni minn Stat Membru. Fil-fatt, skont l-imsemmi artikolu, Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ukoll jista’, kif jirriżulta mill-punt 21 tal-proposta tal‑2003, iressaq talba għal rinviju (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), li neċessarjament teskludi kwalunkwe notifika minn qabel f’dak l-Istat. |
113 |
Il-ħames, il-punt 24 tal-proposta tal‑2003 jispjega li, “skont l-Artikolu 22, l-Istati Membri jistgħu jirrinvijaw lill-Kummissjoni it-tranżazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, iżda li għandhom riskju ta’ effetti transkonfinali sinjifikattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, dan il-punt jikkonferma l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina konċentrazzjonijiet transkonfinali li ma jilħqux il-limiti tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punti 102 u 104 iktar ’il fuq). |
114 |
Is-sitt, bħall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Ewropea “mingħajr preġudizzju […] [għall-]Artikolu 22”. Il-fatt li din il-formulazzjoni baqgħet prattikament l-istess maż-żmien u ġiet biss issupplimentata, fir-Regolament Nru 139/2004, biż-żieda ta’ riferiment għall-Artikolu 4(5) ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 121 iktar ’il quddiem), jindika li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż li jippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet transkonfinali li ma jilħqux il-limiti tal-imsemmi regolament (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). |
115 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-pożizzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif espost fil-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, fir-rapport tat‑18 ta’ Ġunju 2009 dwar it-tħaddim tar-Regolament Nru 139/2004 (COM(2009) 281 final), fil-White Paper tal‑2014, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar is-sommarju tal-evalwazzjoni tal-aspetti proċedurali u ġurisdizzjonali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet [tal-Unjoni] tas‑26 ta’ Marzu 2021 (SWD(2021) 67 final), u fil-gwida dwar l-Artikolu 22, għandu jiġi mfakkar li dawn id-dokumenti ġew ippubblikati wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak l-istadju. Għaldaqstant, dawn ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni storika tal-imsemmi regolament u, konsegwentement, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. |
116 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-interpretazzjoni storika għandha t-tendenza li tikkonferma li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lil Stat Membru, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam ta;-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jirrinvija lill-Kummissjoni konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament, iżda li għandhom riskju ta’ effetti transkonfinali sinjifikattivi. |
117 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-premessi invokati mir-rikorrenti sabiex turi li t-trasferiment tas-setgħat, fil-kuntest ta’ rinviju, ma huwiex intiż li jintuża meta Stat Membru ma jkunx kompetenti li jeżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata skont is-sistema proprja tiegħu tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 4064/89, li tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni għal konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja, tikkonċerna biss l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, li jirregola t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Ir-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1310/97 jissottolinja l-għan li Stat Membru jkun jista’ jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu. Isir riferiment simili fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li se tiġi eżaminata, flimkien mal-premessi l-oħra rilevanti tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika (ara l-punti 140 sa 148 iktar ’il fuq). |
– Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali
118 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-bażi ġuridika tar-Regolament Nru 139/2004, fl-ewwel kunsiderazzjoni tiegħu huwa indikat li dan kien ibbażat fuq l-Artikoli 83 u 308 KE [li saru l-Artikoli 103 u 352 TFUE]. |
119 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif spjegat fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikoli 81 u 82 KE [li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE], filwaqt li japplikaw għal ċerti konċentrazzjonijiet, “m‘humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat [KE]”. Konsegwentement, dan ir-regolament kellu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 KE, iżda wkoll fuq l-Artikolu 308 KE, li jipprovdi li l-Unjoni tista’ tagħti lilha nnifisha setgħat ta’ azzjoni addizzjonali li huma neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tagħha. |
120 |
Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tqis ir-rikorrenti, il-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 kien ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 308 KE ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, iżda sempliċement juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrikorri għal bażi ġuridika suffiċjentement wiesgħa għas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni, li hija konformi mal-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni (ĠU 2016, C 202, p. 308), li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta u, għal dan il-għan, l-Unjoni għandha, jekk meħtieġ, tieħu miżuri skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż l-Artikolu 352 TFUE. |
121 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 22. B’mod iktar speċifiku, jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) [tiegħu] u l-Artikolu 22 [tiegħu], [l-imsemmi] Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni [Ewropea], kif definiti f’dan l-Artikolu”. Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Ewropea meta l-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-imsemmi regolament jinqabżu. |
122 |
L-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni “li ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] fis-sens ta’ l-Artikolu 1 [ta’ dan ir-regolament]” lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ibbażati fuq il-livelli tad-dħul mill-bejgħ, iżda fuq kundizzjonijiet oħra stabbiliti fihom (ara l-punt 126 iktar ’il quddiem). |
123 |
Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u, konsegwentement, il-kompetenza tal-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet jiddependu, prinċipalment, fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea u, sussidjarjament, fuq il-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti mill-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, li jikkompletaw l-imsemmija limiti billi jawtorizzaw l-eżami, mill-Kummissjoni, ta’ ċerti konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea. |
124 |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-riferiment espliċitu tiegħu għall-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 22 jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jiddeterminaw il-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
125 |
Fit-tielet lok, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jippermetti wkoll, fuq talba tal-partijiet u qabel in-notifika tagħha, li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea tiġi rrinvijata minn Stat Membru lill-Kummissjoni, ma jistax isostni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament li joffru r-rikorrenti u Grail. |
126 |
Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fundamentalment distinti, peress li l-ewwel waħda tipprevedi b’mod espliċitu li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju għandha tkun “tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri”, filwaqt li t-tieni waħda tapplika għal kull“konċentrazzjoni […] [li] taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba [ta’ rinviju]”. Ir-riferiment, fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, għad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jinsabx fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Din id-differenza hija bbażata, minn naħa, fuq l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jirrestrinġix il-possibbiltà għal Stat Membru li jitlob ir-rinviju tal-eżami ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 107 iktar ’il fuq) u, fuq l-oħra, fuq l-għanijiet distinti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Peress li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż, kif tammetti r-rikorrenti stess, sabiex jippermetti lill-partijiet f’konċentrazzjoni jitolbu, fi stadju bikri, ir-rinviju tagħha lill-Kummissjoni sabiex jiġu evitati diversi notifiki lid-diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara l-premessa 16 ta’ dan ir-regolament u l-punt 112 iktar ’il fuq), l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament isegwi wkoll l-għan imsemmi fil-punti 102, 113 u 114 iktar ’il fuq li jkunu jistgħu jiġu eżaminati konċentrazzjonijiet transkonfinali. |
127 |
Fir-raba’ lok, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 lanqas ma huwa allinjat mal-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament, li jirregolaw ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru. |
128 |
Fil-fatt, jekk, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tali konċentrazzjoni tista’, rispettivament, fuq talba tal-partijiet jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, tiġi rrinvijata “lill-awtoritajiet kompetenti” ta’ Stat Membru, l-Artikolu 22(1) ma jagħmilx riferiment għal tali awtoritajiet, iżda għal “[S]tat Membru jew [S]tati Membri” li “jistgħu jitolbu” li konċentrazzjoni tiġi rrinvjata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, b’differenza mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 22(1) ma jippreċiżax “[q]abel ma ssir in-notifika”, u lanqas ma jippreżupponi l-eżistenza ta’ “konċentrazzjoni notifikata”, iżda huwa fformulat b’mod iktar miftuħ billi japplika għal “xi [kull] konċentrazzjoni”. |
129 |
Konsegwentement, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament. Dan huwa b’mod partikolari bbażat fuq il-fatt li ma jeżiġix b’mod espliċitu la li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tkun kompetenti li teżamina l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju, u lanqas li din il-konċentrazzjoni għandha tiġi nnotifikata. |
130 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li talba għal rinviju “għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirregola, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet jiġu nnotifikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kompetenti u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ma jiġux innotifikati iżda sempliċement ikkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, jew għaliex dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema, jew għaliex tali sistema ma teżistix. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dan il-paragrafu li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika biss għall-Istati Membri li għandhom sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet meta l-konċentrazzjonijiet ikkonċernati jkunu jaqgħu taħt l-imsemmija sistema. |
131 |
It-tieni, ir-rikorrenti u Grail ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba [għal rinviju] li tirċievi skond il-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”, billi r-riferiment għall-“awtoritajiet kompetenti” huwa intiż biss sabiex jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ġeneralment responsabbli għall-każijiet ta’ konċentrazzjoni jiġu informati mill-Kummissjoni b’talba għal rinviju. Din l-informazzjoni tippermetti lil dawk l-awtoritajiet jassumu pożizzjoni dwar jekk għandhomx iressqu talba biex jingħaqdu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament u għalhekk tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari sabiex dan id-dritt li jingħaqdu jkun jista’ jiġi eżerċitat fir-realtà. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-imsemmija awtoritajiet ma jgħid xejn dwar il-portata preċiża tal-kompetenzi ta’ eżami tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fir-rigward tal-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84). |
132 |
It-tielet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li “[k]ull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali [għal rinviju]”, li huwa konsistenti mal-paragrafu 1 tiegħu u jikkonferma li kull Stat Membru jista’ jippreżenta talba għal rinviju jew biex jingħaqad skont dan l-artikolu, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
133 |
Ir-raba’, il-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]t-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi […]”, ifisser biss, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Grail, li, jekk beda jiddekorri tali terminu perentorju nazzjonali, dan jiġi sospiż. Dan huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li l-ipproċessar ta’ talba għal rinviju mill-Kummissjoni tfixkel is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li l-iskedi ta’ eżami tagħhom spiss ikunu stretti ħafna. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma taffettwax is-sitwazzjoni li fiha l-konċentrazzjoni kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali sistema nazzjonali, meta din tal-aħħar tkun teżisti. |
134 |
Il-ħames, sa fejn it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li “[l]-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba [għal rinviju] ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni”, huwa intiż, għall-kuntrarju ta’ dak li tqis ir-rikorrenti, li jiżgura li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dawk l-Istati Membri ma jibqgħux jesprimu fehmiet, sussegwentement, fuq il-mertu ta’ dik il-konċentrazzjoni, li jikkontradixxu d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni. Dan ir-riskju jista’ b’mod partikolari jkun jeżisti meta l-imsemmija awtoritajiet ma jaqblux mal-konklużjoni finali tal-Kummissjoni. Sabiex tiġi evitata kull kontradizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha għar-regoli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda hija fformulata b’mod iktar wiesgħa billi tirreferi għad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri li ma għamlux talba għal rinviju jistgħu jkomplu japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni għall-konċentrazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu u tal-għanijiet tiegħu, minn dan ma jistax jiġi dedott li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jeżiġi li l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-rinviju tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll. |
135 |
Is-sitt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li r-regoli previsti fl-Artikolu 2, fl-Artikolu 4(2) u (3), u fl-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 tal-imsemmi regolament għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li tkun ġiet irrinvijata lilha minn Stat Membru. |
136 |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ sospensjoni fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, dan għandu, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-regolament, “japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tqis il-fatt li, qabel it-tressiq tat-talba għal rinviju, konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u li, konsegwentement, l-imsemmi obbligu ta’ sospensjoni ma jwaqqafx it-twettiq tagħha. Madankollu, sabiex dik il-konċentrazzjoni tkun tista’ titwettaq fl-Unjoni, jeħtieġ ukoll li s-sospensjoni tagħha ma tkunx meħtieġa minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jkopri kemm is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju ma tkunx taqa’, bħal f’dan il-każ, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll dawk li fihom tali leġiżlazzjoni tkun applikabbli iżda ma tipprevedix is-sospensjoni tal-konċentrazzjoni. |
137 |
Is-seba’, f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”. Peress li din il-formulazzjoni tagħmel riferiment biss għal dawn il-kriterji, ma tirrikjedix li l-imsemmija konċentrazzjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
138 |
It-tmien, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jinkludu l-ebda element rilevanti li jista’ jgħin jiċċara iktar il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament. |
139 |
Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni kuntestwali jirriżulta li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
– Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika
140 |
Fl-ewwel lok, mill-premessi 5, 6, 8, 24 u 25 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jippermetti l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Skont il-prinċipju tal-“one-stop shop”, dawn il-konċentrazzjonijiet jiġu eżaminati esklużivament fil-livell tal-Unjoni. |
141 |
Kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali (ara l-punt 123 iktar ’il fuq), f’konformità mal-premessi 9 sa 11, l-imsemmi regolament huwa intiż li jagħmel il-kompetenza ta’ eżami tal-Kummissjoni dipendenti prinċipalment fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea, filwaqt li jissupplimenta dawk il-limiti b’regoli li jirregolaw ir-rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li jridu jikkostitwixxu “mekkaniżm[i] korrettiv[i] u effettiv[i]”. |
142 |
Minn din il-perspettiva, il-mekkaniżmi ta’ rinviju huma strument intiż sabiex jirrimedja l-lakuni fil-kontroll li huma inerenti għal sistema bbażata prinċipalment fuq livelli tad-dħul mill-bejgħ, li, minħabba n-natura riġida tagħha, ma tistax tkopri t-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni kollha li jistħoqqilhom eżami fil-livell Ewropew (ara wkoll il-punti102, 113 u 114 iktar ’il fuq). Dawn il-mekkaniżmi għalhekk joħolqu, kif tissottolinja l-espressjoni “mekkaniżmu korrettiv” użata fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, kompetenza sussidjarja tal-Kummissjoni li tagħtiha l-flessibbiltà neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ dak ir-regolament li jikkonsisti f’li jkun permess kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. |
143 |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jiżgura dan l-għan sa fejn dan jipprovdi l-flessibbiltà neċessarja sabiex jiġu eżaminati, fil-livell tal-Unjoni, tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern li kienu, minħabba n-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ, kienu jevitaw il-kontroll skont is-sistemi ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri. |
144 |
Barra minn hekk, sa fejn, f’każ bħal dan, fejn ma jinqabżux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ fil-livell Ewropew u nazzjonali, hija biss il-Kummissjoni li, fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri, issir kompetenti li teżamina dik il-konċentrazzjoni, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jifforma parti wkoll mill-għanijiet tal-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri, tas-sussidjarjetà, taċ-ċertezza legali, tal-evitar ta’ diversi notifiki, tal-“one-stop shop” u tar-rinviju lill-awtorità l-iktar xierqa, kif stabbiliti fil-premess 11, 12 u 14 ta’ dak ir-regolament. |
145 |
Fit-tieni lok, il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 ifakkru, essenzjalment, fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni materjali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex, minn naħa, il-Kummissjoni tkun awtorizzata tirrinvija konċentrazzjoni lil Stat Membru, skont l-Artikolu 4(4) jew l-Artikolu 9 ta’ dak ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, bil-kontra, biex konċentrazzjoni tkun tista’ tiġi rrinvijata minn Stat Membru lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(5) jew l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Għalhekk, jenfasizzaw id-differenzi bejn l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, minn naħa, u l-Artikolu 4(4) u (5) jew l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, kif esposti fil-punti 125 sa 129 iktar’ il fuq. |
146 |
B’mod iktar preċiż, filwaqt li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 139/2004, li tikkonċerna r-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni qabel issir in-notifika tagħha, previst mill-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, teżiġi b’mod espliċitu li din il-konċentrazzjoni tkun “tista’ tkun eżaminata taħt il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ mill-anqas tlett Stati Membri”, il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, li tikkonċerna l-forom l-oħra kollha ta’ rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, inkluża dik imsemmija fl-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, ma tinkludix tali rekwiżit. Fil-fatt, din tal-aħħar tissottolinja li “Stat Membru għandu jkun jista’ jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjoni li għalkemm ma għandhiex dimensjoni [Ewropea] xorta tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu”. Barra minn hekk, tirrileva li “[i]l-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li teżamina u tittratta ma’ konċentrazzjoni f’isem Stat Membru li jkun għamel talba jew f’isem Stati Membri li jkunu għamlu talba”. |
147 |
Għaldaqstant, il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 jikkorroboraw il-konstatazzjoni esposta fil-punti 126 u 129 iktar ’il fuq li skonthom il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament huma fundamentalment differenti minn dawk tal-mekkaniżmi l-oħra tar-rinviju. |
148 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni teleoloġika tikkonferma li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi ppreżentata indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
149 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bir-riferiment għad-dispożizzjoni li “[l-I]stati Membri [l-]oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba”, kif użata fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 u invokata mir-rikorrenti u minn Grail sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom. |
150 |
Fil-fatt, dan sempliċement ifakkar li Stati Membri oħra jistgħu jingħaqdu ma’ talba għal rinviju, f’konformità l-possibbiltà ġdida introdotta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 li tissupplimenta l-possibbiltà li jiġu mressqa talbiet konġunti għal rinviju kif introdotta mir-Regolament Nru 1310/97 sabiex jiġi evitat eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni minn diversi Stati Membri (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 ukoll huwa intiż li jevita tali eżami parallel (ara l-premessi 12 u 14 ta’ dak ir-regolament), dan jiddeskrivi sitwazzjoni fejn il-konċentrazzjoni kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi sistemi nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-parti l-oħra tal-premessa 15 tal-imsemmi regolament li tagħmel riferiment għas-sospensjoni tat-termini nazzjonali, li tippreżupponi, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikabbiltà tar-regoli ta’ tali sistema nazzjonali. Għalhekk, bħalma ssostni l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, għandu jiġi konkluż li din il-premessa trid tinftiehem li tiddeskrivi wieħed mix-xenarji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, jiġifieri dak li jwassal għall-introduzzjoni tal-possibbiltà li parti tingħaqad ma’ talba għal rinviju. |
151 |
Min-naħa l-oħra, kieku l-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 kellha tiġi interpretata, kuntrarjament għall-formulazzjoni mhux ambigwa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 132 iktar ’il fuq), bħala li teżiġi li l-Istat Membru jkun kompetenti. skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, qatt ma jkun jista’ jingħaqad ma’ talba għal rinviju, jew jekk, kif jidher li ssostni r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tiġi estiża għall-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament, dak l-Istat qatt ma jkun jista’ jressaq talba għal rinviju. Issa, tali riżultat, li jmur kontra l-oriġini ta’ dan l-artikolu (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), lanqas biss ġie affermat mir-rikorrenti u minn Grail. |
– Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ Grail
152 |
L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ Grail ma jistgħux jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu iktar ’il fuq. |
153 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni mir-rikorrenti li Stat Membru li ddefinixxa l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jikkontrolla l-konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea kien “eżerċita l-kompetenza tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’tali mod li l-possibbiltà li jiġu rrinvijati konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni ma tibqax miftuħa għalih, għandu jiġi mfakkar li, kif huwa indikat fl-aħħar sentenza tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004 u kif jirriżulta mill-Artikolu 21 ta’ dak ir-regolament, il-konċentrazzjonijiet kollha li ma humiex koperti mill-imsemmi regolament jaqgħu, fil-prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li, f’konformità mal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 4(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE, konċentrazzjoni li, fin-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament, taqa’, b’mod awtomatiku, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, dejjem huma kompetenti li jressqu talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. |
154 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt nazzjonali jista’ japplika biss għall-konċentrazzjonijiet li, fil-prinċipju, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Ċertament, meta tali konċentrazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, fost oħrajn, fin-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ neċessarji, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkollhomx il-kompetenza li jeżaminawha. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istat Membru jkun tilef jew irrinunzja l-kompetenza ġenerali tiegħu għall-konċentrazzjonijiet kollha mingħajr dimensjoni Ewropea, li tappartjeni għalih b’mod awtomatiku, skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, iżda biss li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, l-awtoritajiet tiegħu ma għandhomx il-kompetenza li jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ dik il-konċentrazzjoni fil-livell nazzjonali. Dan l-aħħar aspett jikkonċerna l-eżerċitar jew it-tqassim tal-kompetenzi interni u għalhekk il-kompetenza tal-Istat Membru li jressaq talba għal rinviju, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tistax tiddependi fuqu. |
155 |
Sa fejn dan l-artikolu jirreferi b’mod espliċitu għal “Stati Membri”, huwa jagħtihom direttament id-dritt li jitolbu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, ir-rinviju ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. Issa, l-argument tar-rikorrenti li Stat Membru jista’ jitlef dritt mogħti lilu mid-dritt tal-Unjoni billi jeżerċita l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mhux biss huwa diffiċli li jiġi meqjus kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), iżda wkoll ma għandu l-ebda fondatezza fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, jipprekludi l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 peress li jqiegħed fi żvantaġġ lill-Istati Membri li implimentaw sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet meta mqabbla ma’ dawk li ma għamlux dan, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jitolbu r-rinviju ta’ kull konċentrazzjoni filwaqt li dawk tal-ewwel jistgħu jagħmlu tali talba biss għall-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema. |
156 |
In-nuqqas ta’ rilevanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 hija kkonfermata mis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327). Fil-fatt, fil-punt 84 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tirċievi talba għal rinviju skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, hija obbligata biss li tivverifika jekk din it-talba hijiex, prima facie, dik ta’ Stat Membru u mhux li tiddeċiedi dwar il-kompetenza, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, tal-awtorità nazzjonali li tkun ressqet l-imsemmija talba f’isem u għan-nom ta’ dak l-Istat. |
157 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (3) TUE, u implimentat mill-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (ĠU 2016, C 202, p. 206), għandu jiġi mfakkar li, skont dan il-prinċipju, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni tintervjeni biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, fil-livell tal-Unjoni. |
158 |
Għalhekk, l-imsemmi prinċipju huwa kompost, minn naħa, minn kriterju negattiv, li skontu l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, minn kriterju pożittiv, li skontu dawn l-għanijiet ikunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ komponenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huma marbuta b’mod definittiv, minn żewġ angoli differenti, mal-kwistjoni waħda u unika ta’ jekk hemmx lok għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2015:854, punt 165). |
159 |
L-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 113). |
160 |
F’dan il-każ, il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika peress li s-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni stabbilita bir-Regolament Nru 139/2004 hija bbażata parzjalment fuq l-Artikolu 308 KE [li sar l-Artikolu 352 TFUE] (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), u għalhekk ma taqax taħt qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. |
161 |
Peress li r-rikorrenti ma tqajjimx l-eċċezzjoni tal-illegalità tar-Regolament Nru 139/2004, hija ma tikkontestax, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 8 tal-imsemmi regolament, il-konformità tiegħu ma’ dan il-prinċipju. L-istħarriġ tal-imsemmi prinċipju mill-Qorti Ġenerali għalhekk huwa llimitat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
162 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-konċentrazzjonijiet li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu kkontrollati aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont ir-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandha, sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, kriterji ta’ evalwazzjoni u kompetenzi iktar wiesgħa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li s-setgħat tagħha huma llimitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. |
163 |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tippermetti lil Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li, bħal f’dan il-każ, la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u lanqas ma għandha dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, meta din thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din l-interpretazzjoni għalhekk tiżgura li konċentrazzjoni li, minkejja dawn l-effetti negattivi sinjifikattivi, ma tkun is-suġġett tal-ebda eżami, la mill-awtoritajiet nazzjonali u lanqas mill-Kummissjoni, tista’ tiġi eżaminata minn din tal-aħħar. Għalhekk din hija azzjoni li ma tistax titwettaq mill-Istati Membri. Għall-kuntrarju, f’dik is-sitwazzjoni, huwa indispensabbli li l-azzjoni tittieħed fil-livell tal-Unjoni. |
164 |
Barra minn hekk, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, ir-rispett għall-interessi tal-Istati Membri huwa żgurat ukoll mill-fatt li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ teżamina konċentrazzjoni biss fuq talba għal rinviju minn Stat Membru. Dawn l-interessi huma barra minn hekk protetti mill-portata territorjali limitata tal-eżami tal-konċentrazzjoni previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, huwa biss Stat Membru li jkun ressaq tali talba minn jeddu li ma jkunx jista’ jibqa’ japplika d-dritt nazzjonali tiegħu tal-kompetizzjoni għall-konċentrazzjoni kkonċernata (ara l-punt 134 iktar ’il fuq). |
165 |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. B’mod partikolari, din tiżgura, kif indikat fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li dan l-artikolu jikkostitwixxi mekkaniżmu korrettiv effettiv fid-dawl ta’ dan il-prinċipju billi jipproteġi l-interessi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tiggarantixxi, f’konformità mal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li kawża tiġi ttrattata mill-awtorità l-iktar xierqa, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju (ara wkoll il-punt 144 iktar ’il fuq). |
166 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 għall-Istati Membri li stabbilixxew is-sistema nazzjonali proprja tagħhom tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, peress li dan il-prinċipju jirregola, kif jindika l-Artikolu 5(1) TUE, l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni, iżda mhux dawk tal-Istati Membri. Bl-istess mod, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 216 sa 218), kif invokata mir-rikorrenti, hija irrilevanti peress li tfakkar biss fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà mill-Parlamenti nazzjonali u mill-Qorti tal-Unjoni. |
167 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (4) TUE, għandu jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jipprevedi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. |
168 |
B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE ma jmorrux lil hinn minn dak li hu xieraq u meħtieġ biex jintlaħaq l-għan segwit, u meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tittieħed dik l-inqas oneruża, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet segwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 71; tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 104; u tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 113). |
169 |
F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma tqajjimx l-eċċezzjoni tal-illegalità tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-istħarriġ tal-imsemmi prinċipju mill-Qorti Ġenerali huwa llimitat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
170 |
F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-allegat numru kbir ta’ konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea u li ma jaqgħux taħt sistema nazzjonali ta’ kontroll li huma affettwati minn din l-interpretazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa argument li ma huwiex sostanzjat u li ma jurix li l-imsemmija interpretazzjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jiġu eżaminati l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Bl-istess mod, ma tistax tiġi aċċettata l-affermazzjoni li din l-istess interpretazzjoni tinvolvi proċedura ta’ piż għall-impriżi peress li teżiġihom jagħmlu notifika “informali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li tali notifika la hija prevista mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas meħtieġa minn din l-interpretazzjoni. |
171 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni, skont dan l-artikolu, biss f’ċerti każijiet speċifiċi u taħt kundizzjonijiet iddefiniti sew, jiġifieri jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament (ara l-punt 89 iktar ’il fuq) ikunu ssodisfatti. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ċari u preċiżi li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-marġni ta’ manuvra tal-Kummissjoni, din l-istess interpretazzjoni ma hijiex inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu eżaminati l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. |
172 |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità u, kif qies il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 ta’ dak ir-regolament, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
173 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu eżatt il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 127 u 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
174 |
F’dan il-każ, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti u minn Grail, li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 għall-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta’ sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, filwaqt li jipprevedu tip ta’ eċċezzjoni għall-Istati Membri li ma għandhomx tali sistema, iwasslu għal inċertezza fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. |
175 |
B’mod partikolari, minn naħa, din l-interpretazzjoni twassal għal inċertezza legali marbuta mal-kriterji u mal-kunċetti differenti li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri. L-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi għalhekk minn elementi li, minħabba n-natura imprevedibbli tagħhom, ġew miċħuda mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha tal‑2003 (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza li skontha ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jressqu talbiet għal rinviju (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84). Min-naħa l-oħra, dik l-istess interpretazzjoni ma tistax toffri prevedibbiltà ikbar peress li Stat Membru li ma għandux leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet dejjem jista’ jitlob ir-rinviju ta’ każ ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni skont dak l-artikolu. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti u Grail ma jispjegawx kif iċ-ċertezza legali kienet tkun ikbar kieku, f’dan il-każ, kienu il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li ma għandux tali leġiżlazzjoni, li ressaq it-talba għal rinviju li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata minflok ir-Repubblika Franċiża. |
176 |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu biss għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1), kif imfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq. Dawn il-kundizzjonijiet jiggarantixxu li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssir, kif issostni l-Kummissjoni, b’mod uniformi fl-Unjoni. |
177 |
Ċertament, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rinviju previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi, min-naħa tagħha, fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (ara l-punt 126 iktar ’il fuq). Madankollu, dan huwa spjegat mill-għan li jiġi evitat l-eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni minn diversi awtoritajiet nazzjonali (ara wkoll il-punt 126 iktar ’il fuq), li, kif tammetti r-rikorrenti stess, jiġġustifika “riferiment għall-korpi kompetenti li lilhom kieku kienu jsiru n-notifiki” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, sa fejn l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament isegwi wkoll għanijiet oħra, b’mod partikolari dak li jippermetti, bħala “mekkaniżmu korrettiv”, kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern u li ma jaqgħux, minħabba n-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ, taħt il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri (ara b’mod partikolari l-punti 102, 113, 114 u 142 iktar ’il fuq), dan jeżiġi kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ċari u preċiżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. |
178 |
Għaldaqstant, hija biss l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati li tiżgura ċ-ċertezza legali neċessarja u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 fl-Unjoni. |
179 |
Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti. |
180 |
Minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 38), dwar in-neċessità li tiġi identifikata, b’mod prevedibbli, l-awtorità li hija kompetenti li teżamina konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma tibdilx it-tqassim ċar tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni bbażat fuq il-limiti tad-dħul mill-bejgħ previsti mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004. B’mod iktar preċiż, fin-nuqqas ta’ qbiż ta’ dawk il-limiti, huma biss l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni kkonċernata jew li jagħmlu talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament (ara l-punt 153 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-partijiet f’tali konċentrazzjoni ma humiex obbligati li jinnotifikaw dik il-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni u lanqas li jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament ikunux ġew issodisfatti. Barra minn hekk, ma humiex f’riskju li jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ trażmissjoni attiva li biha tiġi “mgħarrfa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tista’ tiġi identifikata b’mod prevedibbli. |
181 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, f’konformità mal-punt 21 tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li teżamina konċentrazzjoni ħafna wara wara t-twettiq tagħha, għandu jiġi mfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li talba għal rinviju skont dak l-artikolu “għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. Kif jirriżulta mill-punt 130 iktar ’il fuq, dawn it-termini japplikaw ukoll fil-każijiet fejn il-limiti ta’ sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jkunux intlaħqu sal-mument meta l-konċentrazzjoni tiġi kkomunikata lill-Istat Membru. Għaldaqstant, peress li t-talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament tinvolvi termini preċiżi, il-konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali hija żgurata. L-istess japplika għall-ħtieġa ta’ ħeffa li tipprevali fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, kif invokata mir-rikorrenti bir-riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2006, Endesa vs Il‑Kummissjoni (T‑417/05, EU:T:2006:219, punt 209), u l-protezzjoni tal-validità tat-tranżazzjonijiet, imfakkra fl-aħħar sentenza tal-premessa 34 tar-Regolament Nru 139/2004, li fuqha r-rikorrenti tibbaża wkoll l-argumenti tagħha. |
182 |
Fil-ħames lok, in-natura eċċezzjonali tar-rinviji skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif invokata mir-rikorrenti, hija ppreservata mill-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn il-kompetenza ta’ eżami tal-Kummissjoni tibqa’ tiddependi prinċipalment fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament u l-mekkaniżmu ta’ rinviju skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament jikkostitwixxi biss kompetenza sussidjarja li tippermetti, f’ċerti każijiet speċifiċi u taħt kundizzjonijiet preċiżi ħafna (ara b’mod partikolari l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-applikazzjoni esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq), konċentrazzjoni li taqa’ barra minn dawk il-limiti minkejja l-effetti transkonfinali tagħha tista’ wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri, li tqis il-funzjoni tal-Artikolu 22 bħala “mekkaniżmu korrettiv”. L-istess japplika għall-applikazzjoni, b’analoġija, tas-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 354), kif invokata mir-rikorrenti, li teżiġi li l-kundizzjonijiet ta’ rinviju, previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-applikazzjoni esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq, jidher, kif issostni r-Repubblika Franċiża, li n-numru ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jibqa’ limitat. |
183 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali, dik storika, dik kuntestwali u dik teleoloġika tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi konkluż li l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fih, iressqu talba għal rinviju skont dik id-dispożizzjoni indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
184 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament aċċettat, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-talba għal rinviju u t-talbiet biex jingħaqdu skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Għall-kuntrarju ta’ dak li jqisu r-rikorrenti u Grail, la emenda leġiżlattiva u lanqas reviżjoni tal-limiti tad-dimensjoni Ewropea ma kienu għalhekk neċessarji għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ. |
185 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard u, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba”
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard
186 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, tqis li t-talba għal rinviju ġiet imressqa wara li kien għadda t-terminu stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li, sabiex jiġi kkunsidrat li kienet saret komunikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iridu jiġu kkomunikati lill-Istat Membru mhux biss l-eżistenza tal-konċentrazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni li tippermetti analiżi kompetittiva preliminari tat-tranżazzjoni. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni jkollha bħala effett li konċentrazzjoni għandha tiġi nnotifikata de facto fl-Istati Membri kollha anki jekk ma tkunx suġġetta għal obbligu ta’ notifika. Ir-rikorrenti u Grail ifakkru li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet is-suġġett tal-istqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Settembru 2020, tal-eżamijiet preliminari tas-CMA f’Novembru u Diċembru 2020 u tat-“tieni talba” tal-Federal Trade Commission (il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, iktar ’il quddiem l-“FTC”) tad‑9 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, waqt konferenza li saret fit‑23 ta’ Marzu 2021, uffiċjal tal-ACF kien iddikjara li l-ACF timmonitorja s-suq sabiex issib konċentrazzjonijiet eliġibbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti tqis li l-ACF probabbilment kienet taf bl-imsemmija konċentrazzjoni qabel ma rċeviet l-ittra ta’ stedina. Peress li dik l-ittra, it-talba għal rinviju u l-ittra ta’ informazzjoni huma bbażati fuq informazzjoni li kienet magħrufa mill-pubbliku mill‑21 ta’ Settembru 2020, l-ACF jew kwalunkwe awtorità oħra ta’ Stat Membru setgħet twettaq analiżi preliminari tal-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dik id-data u, fi kwalunkwe każ, qabel id‑19 ta’ Frar 2021. Grail iżżid tgħid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li, qabel ma bagħtet l-ittra ta’ stedina, kellha diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiddetermina jekk waħda minnhom kinitx kompetenti għall-evalwazzjoni tagħha. |
187 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jirribattu, essenzjalment, li li tiġi “mgħarrfa” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 timplika li l-Istat Membru kkonċernat trid tintbagħatlu informazzjoni speċifika li tippermettilu jagħmel evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet sostantivi f’dik id-dispożizzjoni. Huma jqisu li s-sempliċi tħabbira pubblika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni permezz tal-istqarrija għall-istampa invokata ma setgħetx tagħti bidu għat-terminu previst mill-imsemmija dispożizzjoni u, fi kwalunkwe każ, kienet insuffiċjenti sabiex tippermetti tali evalwazzjoni preliminari. Inkella, l-effettività tar-regoli li jirregolaw ir-rinviju tal-konċentrazzjonijiet tkun ostakolata. L-impriżi kkonċernati kellhom ikunu konxji tal-fatt li din il-konċentrazzjoni setgħet tqajjem problemi fir-rigward tal-kompetizzjoni u, sabiex jiksbu kjarifiki dwar rinviju possibbli, setgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni li huma kellhom jipprovdu lill-FTC u lid-Department of Justice (id-Dipartiment tal-Ġustizzja, l-Istati Uniti). Il-Kummissjoni ssostni li s-CMA sabet ruħha f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-ACF peress li hija kienet, minn naħa, ġiet ikkuntattjata mill-lanjant u, min-naħa l-oħra, kienet diġà informata tajjeb dwar l-attivitajiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-eżami tagħha lanqas ma seħħ f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li bdew jiddekorru mit-tħabbira tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fil‑21 ta’ Settembru 2020. |
188 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari l-espressjoni “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”, fejn tali komunikazzjoni tikkostitwixxi, skont din id-dispożizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għat-tressiq ta’ talba għal rinviju meta l-ebda notifika tal-konċentrazzjoni ma tkun meħtieġa. |
189 |
Għal dan il-għan, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar’ il fuq, hemm lok li ssir interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan il-kuntest, għandu jitqies il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi abbozzata f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi, u li dan jista’ jeħtieġ it-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65, u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Lettonie vs Il‑Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
190 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[italba għal rinviju] għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. |
191 |
Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal żewġ kundizzjonijiet alternattivi, jiġifieri, minn naħa, għad-data tan-notifika tal-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju jew, min-naħa l-oħra, jekk tali notifika ma tkunx meħtieġa, ta’ meta tiġi “mgħarrfa” din il-konċentrazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. |
192 |
Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni alternattiva, għandu jiġi kkonstatat li l-kelma “mgħarrfa” ma tagħtix indikazzjoni la fuq il-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni tridx tirriżulta minn trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni jew minn għarfien passiv tal-konċentrazzjoni, u lanqas fuq il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tkun fil-pussess tal-Istat Membru sabiex jitqies li l-konċentrazzjoni ġiet mgħarrfa. Fuq l-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma jaqblux. Filwaqt li jirriżulta ċar b’mod partikolari mit-termini użati fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Kroat, bl-Ispanjol, bil-Franċiż, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bl-Olandiż u bil-Portugiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li tiġi “mgħarrfa” jrid jikkonsisti f’“azzjoni”, b’mod partikolari fi “trażmissjoni”, il-verżjoni Bulgara ta’ din id-dispożizzjoni tagħti x’tifhem li kwalunkwe għarfien tal-konċentrazzjoni kkonċernata huwa suffiċjenti. |
193 |
Din id-diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi timplika li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 90, u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
194 |
Fir-rigward tat-tieni aspett imsemmi fil-punt 192 iktar ’il fuq, fid-dawl tas-silenzju tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha dwar il-portata u l-kontenut tal-komunikazzjoni biex tiġi “mgħarrfa” lill-Istat Membru kkonċernat, dawn l-elementi jridu jiġu ddeterminati permezz ta’ metodi oħra ta’ interpretazzjoni. |
195 |
Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni storika lanqas ma tippermetti li tiġi ċċarata l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
196 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, it-terminu “mgħarrfa”, kif użat fl-Artikolu 22(4) tal-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 4064/89, jikkorrispondi għat-terminu “mgħarrfa” użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tieni, l-espressjoni “saret magħrufa lill-Istat Membru”, kif introdotta bir-Regolament Nru 1310/97 fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 4064/89, kienet, kif stabbilit fil-punti 91, 92 u 98 tal-Green Paper tal‑2001, daqstant impreċiża u ambigwa daqs l-espressjoni “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”. It-tielet nett, minkejja l-intenzjoni segwita mill-proposta tal‑2003 li jiġu ċċarati r-regoli tal-proċedura li jirregolaw ir-rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 (ara l-punt 27 ta’ din il-proposta), tali kjarifika ma ngħatatx mir-Regolament Nru 139/2004. |
197 |
Barra minn hekk, fir-rigward, minn naħa, tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju u tal-gwida dwar l-Artikolu 22, li jeżiġu t-trażmissjoni ta’ biżżejjed informazzjoni sabiex issir evalwazzjoni preliminari tal-kriterji tar-rinviju (ara n-nota Nru 43 f’qiegħ il-paġna ta’ dik il-komunikazzjoni u l-punt 18 tal-imsemmija gwida), u, min-naħa l-oħra, tal-White Paper tal‑2014, li teħtieġ sempliċement għarfien tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 69 tal-imsemmija White Paper), għandu jiġi mfakkar li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ interpretazzjoni storika peress li ġew adottati wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 115 iktar ’il fuq). |
198 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, l-ewwel nett, il-fatt li n-notifika u l-komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” l-konċentrazzjoni jikkostitwixxu alternattivi li jwasslu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għall-istess konsegwenzi legali, jiġifieri l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol (ara l-punt 191 iktar ’il fuq), minnu nnifsu jindika li l-kontenut irid ikun komparabbli. |
199 |
It-tieni, kif issostni r-Repubblika Franċiża, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, sa fejn jagħmel, fl-ewwel parti tas-sentenza tiegħu, riferiment għat-“talba [għal rinviju]”, irid jinqara fid-dawl tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ talba għal rinviju (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). Għandu jiġi dedott mir-rabta bejn dawn iż-żewġ subparagrafi li l-komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni għandha, kif issostni l-Kummissjoni, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat iwettaq evalwazzjoni preliminari ta’ dawn il-kundizzjonijiet u jevalwa l-opportunità li jressaq talba għal rinviju. Li kieku kien mod ieħor, dak l-Istat Membru jista’ jkun obbligat, bħala prekawzjoni u biss sabiex jiġi osservat it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, li jressaq talba għal rinviju għal konċentrazzjonijiet, anki jekk ma jkunx ċert li l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti. |
200 |
It-tielet, il-mekkaniżmi l-oħra ta’ riferiment li jinsabu fl-Artikolu 4(4) u (5), kif ukoll fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedu, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li fih l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu pożizzjoni dwar ir-rinviju. Il-bidu ta’ dan it-terminu jiddependi mit-trażmissjoni jew ta’ kopja tan-notifika, jew ta’ nota motivata, li, f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas‑7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1269/2013 tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 336, p. 1), irid ikun fiha minimu ta’ informazzjoni ekwivalenti sabiex dak l-Istat Membru jkun jista’ jevalwa jekk il-kundizzjonijiet tar-rinviju ġewx issodisfatti. Għalkemm il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma differenti minn dawk tal-mekkaniżmi l-oħra ta’ rinviju (ara l-punti 125 sa 129 iktar ’il fuq), jidher konsistenti, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni armonizzata ta’ dan ir-regolament, li jiġi kkunsidrat li t-terminu “mgħarrfa”, kif użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-regolament, jimplika t-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni. |
201 |
Ir-raba’, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li jirregola t-talbiet biex jingħaqdu, ukoll jipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol sabiex jitressqu tali talbiet. Skont din id-dispożizzjoni, dan it-terminu jibda jiddekorri “minn meta l-Kummissjoni [tkun informat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri] dwar it-talba”. Il-punt tal-bidu tal-imsemmi terminu għalhekk ukoll jiddependi fuq it-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti. |
202 |
Il-ħames, ir-regoli l-oħra li jirregolaw is-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni huma wkoll ibbażati fuq il-prinċipju tat-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti. Għalhekk, il-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 iridu, skont l-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament, jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel it-twettiq tagħhom u t-terminu għall-eżami jibda jiddekorri biss, f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, “fil-jum utli [ta’ xogħol] ta’ wara dak li fih tkun riċevuta notifika jew, f’każ li l-informazzjoni li kellha tingħata man-notifika ma tkunx sħiħa, fil-jum utli [ta’ xogħol] ta’ wara dak li fih tkun riċevuta l-informazzjoni sħiħa”. |
203 |
Issa, billi tinvoka, għall-finijiet tal-bidu tat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-mument meta l-konċentrazzjoni inkwistjoni saret pubblika, b’mod partikolari permezz tal-istqarrijiet għall-istampa u tar-rapportar mill-media, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal element estranju għas-sistema tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni b’mod ġenerali u għall-mekkaniżmi ta’ rinviju tagħha b’mod partikolari, li fihom la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma huma meħtieġa jfittxu b’mod attiv informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati skont dik is-sistema. |
204 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest espost fil-punti 198 sa 203 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 trid, fir-rigward tal-forma tagħha, tikkonsisti fit-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti lill-Istat Membru kkonċernat u, fir-rigward tal-kontenut tagħha, tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex dak l-Istat Membru jkun jista’ jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. |
205 |
Fir-raba’ lok, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll minn interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
206 |
Fil-fatt, mill-premessi 11 u 14 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li r-rinviju tal-konċentrazzjonijiet irid jsir b’mod effettiv. Dan jeskludi, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, minn naħa, li jimmonitorjaw il-ħin kollu l-avviżi pubbliċi li jikkonċernaw il-konċentrazzjonijiet sabiex jidentifikaw dawk li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rinviju skont dan l-artikolu, u, min-naħa l-oħra, sabiex josservaw it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, li jipproċedu, b’mod preventiv, b’talba għal rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li ma humiex ċerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. |
207 |
Barra minn hekk, hija biss din l-interpretazzjoni li tiżgura, fl-interess taċ-ċertezza legali, li l-punt tal-bidu tat-terminu jkun iddefinit b’mod ċar u/jew l-istess għall-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 22 jekk in-notifika ma tkunx meħtieġa. Fil-fatt, komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni suffiċjenti tipprekludi li l-punt tat-tluq tat-terminu jkun jiddependi minn ċirkustanzi imprevedibbli u inċerti, bħall-portata tar-rapportar fil-media jew il-livell ta’ dettall tal-istqarrijiet għall-istampa. Din tiggarantixxi wkoll, f’dan l-istess interess, li, minn dak il-mument, l-Istat Membru kkonċernat ikollu biss ħmistax-il jum ta’ xogħol sabiex iressaq talba għal rinviju. |
208 |
Fil-ħames lok, hija biss l-interpretazzjoni adottata fil-punt 204 iktar ’il fuq li hija kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali li teżiġi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq, li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu eżatt il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom. |
209 |
Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tagħmel l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 prevedibbli għall-persuni li tikkonċerna sa fejn din tissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jevalwa, preliminarjament, jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ġewx issodisfatti. Għalhekk, tiżgura li l-bidu ta’ dan it-terminu u l-obbligi tal-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu ddefiniti b’mod ċar (ara wkoll il-punt 207 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, dawn tal-aħħar jistgħu, billi jittrażmettu l-imsemmija informazzjoni, ikunu ċerti li l-imsemmi terminu beda jiddekorri u li t-tressiq ta’ talba għal rinviju ma jibqax possibbli wara li jgħaddi dan it-terminu. |
210 |
Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tar-rikorrenti ma tippermettix tali prevedibbiltà jew tali ċarezza. Fil-fatt, minn naħa, jidher li r-rikorrenti tissuġġetta l-bidu tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għal informazzjoni li tirrigwarda biss l-eżistenza tal-konċentrazzjoni. Issa, is-sempliċi għarfien tal-eżistenza tal-konċentrazzjoni ma jippermettix lil Stat Membru jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan ikollu l-effett li l-Istat Membru kkonċernat, meta ma jirnexxilux jiġbor biżżejjed informazzjoni għal din l-evalwazzjoni, ikollu jressaq talba għal rinviju bħala prekawzjoni, esklużivament għall-għan li josserva dan it-terminu, mingħajr ma jkun jaf jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti (ara wkoll il-punti 199 u 206 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-mument li fih l-Istat Membru seta’ jsir jaf bil-konċentrazzjoni, li jimplika, fir-realtà, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, li l-Istati Membri jkunu obbligati, sabiex ma jkunx hemm xi konċentrazzjoni li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament li ma jintebħux biha, li jimmonitorjaw b’mod kontinwu u diliġenti l-istampa u l-avviżi pubbliċi fid-dinja kollha (ara l-punt 206 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, kieku jkunu esposti għal stqarrijiet għall-istampa u rapportar fil-media li l-portata, l-aċċessibbiltà, il-lingwa, il-livell ta’ dettall jew karatteristiċi oħra tagħhom jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv (ara wkoll il-punt 207 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti hija ambigwa wisq sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ċċaħħad, minħabba l-piż amministrattiv kunsiderevoli tagħha u minħabba n-nuqqas ta’ effettività, lill-mekkaniżmu ta’ rinviju, imsemmi fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, mill-effett utli tiegħu. |
211 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest u tal-għan tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-kunċett ta’ “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat”, kif jidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti lil dak l-Istat Membru li tippermettilu jevalwa, b’mod preliminari, jekk il-kundizzjonijiet għal talba għal rinviju skont dan l-artikolu humiex issodisfatti. Konsegwentement, skont din l-interpretazzjoni, it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst mill-imsemmija dispożizzjoni jibda jiddekorri, meta n-notifika tal-konċentrazzjoni ma tkunx meħtieġa, mill-mument meta din l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa. |
212 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-impriżi kkonċernati qatt ma ttrażmettew b’mod attiva l-ebda informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni lill-ACF jew lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li ressqu t-talbiet biex jingħaqdu. Ir-rikorrenti u Grail ma wrewx li dawn l-awtoritajiet kienu kisbu, qabel ma rċevew l-ittra ta’ stedina, informazzjoni rilevanti li tippermettilhom jagħmlu evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 minn sorsi jew mezzi oħra, iżda sempliċement iddikjaraw li l-ACF “probabbilment kienet taf” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bil-konċentrazzjoni inkwistjoni qabel dak il-mument. Issa, mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACF ikkonfermat lill-Kummissjoni, fil-posta elettronika tagħha datata d‑29 ta’ Marzu 2021, li dan ma kienx il-każ. Ir-Repubblika Franċiża ssottolinjat ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha tas‑6 ta’ Diċembru 2021 fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti, li l-ACF kienet saret taf b’din il-konċentrazzjoni biss fid‑19 ta’ Frar 2021, id-data li fiha l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ stedina u ppreżentat l-imsemmija konċentrazzjoni lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konċentrazzjonijiet tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, qabel din id-data, hija kien kellha diskussjonijiet biss mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja, sabiex tiċċara jekk dawn kinux kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni (ara wkoll il-punt 11 iktar ’il fuq). Issa, dawn id-diskussjonijiet huma irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima peress li l-imsemmija awtoritajiet la ressqu talba għal rinviju u lanqas talba biex jingħaqdu skont l-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
213 |
Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ prova tat-trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti, la mill-impriżi kkonċernati u lanqas minn sorsi jew mezzi oħra, lill-ACF jew lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li ressqu t-talbiet biex jingħaqdu, hija irrilevanti l-kwistjoni ta’ jekk l-ittra ta’ stedina, it-talba għal rinviju u l-ittra ta’ informazzjoni kinux ibbażati fuq informazzjoni li kienet magħrufa mill-pubbliku fil‑21 ta’ Settembru 2020 jew le. L-istess jgħodd għall-fatt li s-CMA eżaminat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’Novembru u f’Diċembru 2020. |
214 |
Għaldaqstant, bħalma tirrileva r-Repubblika Franċiża, u kif jirriżulta mill-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ, kienet l-ittra ta’ stedina li ppermettiet lil dawn l-awtoritajiet iwettqu evalwazzjoni preliminari tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u li għalhekk tikkostitwixxi l-komunikazzjoni li biha ġiet “mgħarrfa” fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu. Peress li dik l-ittra kienet iddatata d‑19 ta’ Frar 2021 u t-talba għal rinviju ġiet ippreżentata fid‑9 ta’ Marzu 2021 (ara l-punti 12 u 14 iktar ’il fuq), it-terminu ta’ 15-il jum ta’ xogħol previst minn dik id-dispożizzjoni ġie rrispettat u dik l-ittra ma tistax titqies li ntbagħtet barra mit-terminu. |
215 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda. |
– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba”
216 |
Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-konċentrazzjoni kkonċernata kienet ġiet “mgħarrfa” bl-ittra ta’ stedina lill-awtoritajiet Franċiżi jew lill-awtoritajiet li ressqu talba biex jingħaqdu mat-talba għal rinviju, id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina imur kontra l-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali u l-obbligu li taġixxi f’terminu raġonevoli skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”. |
217 |
Fid-data meta ntbagħtet dik l-ittra, il-Kummissjoni kienet ilha xhur taf bl-eżistenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni bis-saħħa tal-informazzjoni mid-dominju pubbliku, mill-FTC u minn parti terza. Il-Kummissjoni u l-FTC jinformaw lil xulxin dwar tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari qabel ma l-FTC toħroġ, bħalma għamlet f’dan il-każ fid‑9 ta’ Novembru 2020, “talba oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li tressaq ilment, il-Kummissjoni saret taf b’din il-konċentrazzjoni u bil-problemi potenzjali għall-kompetizzjoni li hija qajmet f’Diċembru 2020 u kellha diskussjonijiet ma’ awtorità tal-kompetizzjoni oħra mhux imsemmija, iżda li r-rikorrenti tassumi li kienet is-CMA, li kienet wettqet evalwazzjoni preliminari tal-imsemmija konċentrazzjoni f’Novembru u f’Diċembru 2020. |
218 |
Ir-rikorrenti u Grail isostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni (T‑144/02, EU:T:2004:290, punti 57 u 58), li l-Kummissjoni hija obbligata taġixxi fi żmien terminu raġonevoli. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona termini qosra għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-fatt li l-Kummissjoni stenniet diversi xhur qabel ma bagħtet l-ittra ta’ stedina jmur kontra l-amministrazzjoni tajba u l-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali, u dan ipprekluda lill-impriżi kkonċernati milli jsiru jafu, kemm jista’ jkun malajr, liema awtoritajiet tal-kompetizzjoni kienu kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata li taġixxi bl-ikbar ħeffa sabiex ma tiksirx it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol u li teżerċita s-setgħat tagħha bl-ikbar attenzjoni u bl-ikbar diliġenza. Grail tippreċiża, essenzjalment, li s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni (T‑144/02, EU:T:2004:290, punti 57 u 58), tkopri sitwazzjonijiet li fihom id-dispożizzjonijiet legali ma jistabbilixxux terminu b’mod espliċitu, u għalhekk it-terminu raġonevoli sabiex tintbagħat ittra ta’ stedina skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni damet iżżejjed biex aġixxiet u informat lill-impriżi kkonċernati bl-intenzjoni tagħha li tapplika għall-konċentrazzjoni inkwistjoni l-approċċ il-ġdid tagħha fir-rigward tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, u dan jikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Skont Grail, il-Kummissjoni ma jistax ikollha iktar żmien sabiex tibgħat tali ittra milli għandhom l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament ġewx issodisfatti, li huwa wkoll meħtieġ mill-għan li r-rinviji jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr. Fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u Grail speċifikaw, essenzjalment, li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-fatt li n-nuqqas ta’ opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien opportun ċaħdithom mill-possibbiltà li jikkoreġu żbalji ta’ fatt sinjifikattivi, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. |
219 |
Ir-rikorrenti u Grail iqisu li l-Kummissjoni kienet taf jew setgħet kienet taf b’biżżejjed fatti sa minn Settembru 2020 sabiex tibgħat ittra ta’ stedina. L-informazzjoni rilevanti kienet ilha fid-dominju pubbliku sa minn meta tħabbret il-konċentrazzjoni inkwistjoni, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-provi ċċitati fl-ittra ta’ stedina huma datati mhux iktar tard minn dak ix-xahar u li l-Kummissjoni ssemmi, fir-risposta tagħha, rapport tal‑21 ta’ Settembru 2020. Anki wara li rċeviet l-ilment, il-Kummissjoni stenniet kważi xahrejn qabel ma bagħtet dik l-ittra. Grail tikkontesta n-natura diliġenti tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, sa fejn din sempliċement ivverifikat informazzjoni pubblikament aċċessibbli u l-allegazzjonijiet tal-lanjant, mingħajr madankollu ma kkuntattjat lill-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika ż-żmien li għadda qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina, jiġifieri l-analiżi “fil-fond” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-konsegwenzi potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, jikkontradixxi l-affermazzjoni tagħha li l-imsemmija ittra tinkludi biss konklużjoni preliminari. |
220 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, hija ma kinitx ġiet informata mill-FTC bl-investigazzjoni tagħha qabel ma rċeviet l-ilment fis‑7 ta’ Diċembru 2020, u lanqas miċ-CMA dwar l-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, hija aġixxiet f’terminu raġonevoli wara li rċeviet dak l-ilment. It-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol japplika biss wara l-komunikazzjoni tal-konċentrazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li ittra ta’ stedina, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, tista’ tinħareġ meta tali komunikazzjoni ma tkunx seħħet. Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-iżvilupp tal-fatti espost fil-punti 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata li juri li, wara li ġiet ikkuntattjata mill-lanjant, il-Kummissjoni aġixxiet b’diliġenza u mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, b’mod partikolari sabiex tivverifika l-allegazzjonijiet tiegħu u teżamina, fil-fond, il-konsegwenzi potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija kienet bdiet djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiddetermina jekk waħda minnhom kinitx kompetenti li tevalwa din il-konċentrazzjoni, u għalhekk it-tul tal-evalwazzjoni tagħha kien ikun xieraq meta mqabbel maż-żmien li ħadet is-CMA sabiex tevalwa l-impatt possibbli tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq iċ-ċertezza legali. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tispjegax kif id-dewmien allegat affettwa l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew is-sitwazzjoni legali tal-impriżi kkonċernati. Fis-seduta, hija rrilevat li r-rikorrenti u Grail baqgħu ma qalux kif id-drittijiet tad-difiża tagħhom kienu nkisru fir-rigward tal-allegata natura irraġonevoli tat-terminu u tad-dewmien tagħha, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, u ma ppreċiżawx ir-raġunijiet li għalihom allegatament seħħ tali ksur. |
221 |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jimponix terminu espliċitu fuq il-Kummissjoni sabiex tinforma, skont il-paragrafu 5 tiegħu, lill-Istati Membri b’konċentrazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ rinviju. |
222 |
Fil-fatt, l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 jillimita ruħu li jipprovdi li “[l-]Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1” u li, “[f’]dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden […] lil dawk l-Istati Membri biex […] jagħmlu talba skond il-paragrafu 1”. |
223 |
Madankollu, iż-żamma ma’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa inkluż, bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħha. Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni biss sa fejn din tikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il‑Kummissjoni, T‑145/06, EU:T:2009:27, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il‑Kummissjoni, T‑242/12, EU:T:2015:1003, punti 392 u 393 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali, li jipprekludi lill-Kummissjoni milli ttawwal b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 140 u 141, u tat‑22 ta’ April 2016, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punti 180 u 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
224 |
Meta t-tul ta’ proċedura ma jkunx stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura raġonevoli tat-terminu li tieħu l-istituzzjoni biex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ, bħall-kumplessità tiegħu u l-interess fil-kawża tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 116; tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BIE, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28 u 29, u tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 82). |
225 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali, meta l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa, bħal f’dan il-każ, bi lment, informazzjoni li tippermettilha tevalwa jekk konċentrazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, hija ma tistax tipposponi sine die l-komunikazzjoni lill-Istati Membri tal-intenzjonijiet tagħha skont il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, f’każ bħal dan, hija obbligata tieħu pożizzjoni, skont il-każ, wara li tkun wettqet il-verifiki u l-analiżijiet preliminari neċessarji, f’terminu raġonevoli fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet ta’ talba għal rinviju ġewx issodisfatti u jekk hemmx lok li l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernat(i) jiġi/u informat(i) b’dan. |
226 |
F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 224 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandhom jitqiesu l-għanijiet fundamentali ta’ effettività u ħeffa li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament (ara l-punti 206 u 207 iktar ’il fuq) u l-fatt, ġustament issottolinjat mir-rikorrenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiddistingwi b’mod ċar bejn l-interventi tal-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-Unjoni, u li xtaq jiżgura kontroll tat-tranżazzjonijiet tal-konċentrazzjoni f’termini kompatibbli kemm mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mar-rekwiżiti tad-dinja tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, għaldaqstant, il-kwistjonijiet imqajma mill-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet għall-impriżi kkonċernati. Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-ikbar ċertezza legali kif ukoll attività amministrattiva korretta u effiċjenti f’terminu qasir, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti li teżamina konċentrazzjoni partikolari għandha tiġi nnominata mill-iktar fis possibbli (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:255, punt 44). |
227 |
Fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali esposti fil-punti 223 sa 226 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk, billi applikat l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 f’dan il-każ, il-Kummissjoni osservatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, it-tieni, jekk in-nuqqas potenzjali ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju wassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. |
228 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni saret taf bl-eżistenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis‑7 ta’ Diċembru 2020 wara li tressaq l-ilment (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, minn dik id-data, iddekorra terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina fid‑19 ta’ Frar 2021. |
229 |
Matul dan il-perijodu, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tweġibiet mogħtija għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha vidjokonferenza mal-lanjant fis‑17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, kellha diskussjonijiet addizzjonali miegħu, wettqet riċerka tas-suq u kienet f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti ta’ erba’ Stati Membri kif ukoll maċ-CMA, li wkoll kienet irċeviet l-ilment (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). |
230 |
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-ittra ta’ stedina jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq stqarrijiet għall-istampa, rapporti, prospetti u preżentazzjonijiet li kienu disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet u li kienu ġew ippubblikati sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Settembru 2020 (ara n-noti Nru 1 u 5 sa 9 f’qiegħ il-paġna ta’ din l-ittra), id-data li fiha tħabbret pubblikament il-konċentrazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Huwa indikat ukoll f’dik l-ittra li din il-konċentrazzjoni kienet is-suġġett ta’ eżami mill-FTC, li t-“tieni talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha, skont l-informazzjoni pprovduta wara l-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, saret taf biha waqt il-vidjokonferenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u fiha sar riferiment għall-formola “S-4” tas-Securities and Exchange Commission (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju, l-Istati Uniti) tal‑24 ta’ Novembru 2020, kif mimlija mir-rikorrenti (ara n-nota Nru 11 f’qiegħ il-paġna tal-imsemmija ittra). |
231 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kriterji dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u t-theddida ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dokument ta’ laqgħa li l-oriġini tiegħu ma hijiex ċara (ara n-nota Nru 28 f’qiegħ il-paġna tal-ittra ta’ stedina), użat informazzjoni simili (ara n-noti Nri 12 sa 15, 24, 26 u 27 f’qiegħ il-paġna ta’ dik l-ittra), li l-iktar reċenti fostha tikkonċerna l-akkwist ta’ wieħed mill-kompetituri ta’ Grail f’Jannar 2021 (ara n-nota Nru 15 f’qiegħ il-paġna tal-imsemmija ittra). Jissemma wkoll it-tħassib dwar il-kompetizzjoni mqajjem, fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-FTC u s-CMA fuq is-siti web tagħhom (ara n-nota Nru 17 f’qiegħ il-paġna ta’ dik l-ittra), kif ukoll ir-rapport tas-CMA tal‑24 ta’ Ottubru 2019 dwar il-konklużjonijiet provviżorji dwar akkwist ieħor propost mir-rikorrenti, li wkoll huwa aċċessibbli fuq l-Internet (ara n-noti Nri 18, 22, 25 u 29 f’qiegħ il-paġna tal-ittra inkwistjoni). Issa, kif ikkonfermat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija ma kinitx taf bl-investigazzjoni taċ-CMA qabel is‑7 ta’ Diċembru 2020. |
232 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni rrikorriet għal informazzjoni li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet pubblikament disponibbli fil-mument meta rċeviet l-ilment. Kif muri mill-kontenut tal-ittra ta’ stedina, hija għalhekk kienet f’pożizzjoni, wara l-verifika ta’ ċerti aspetti mal-lanjant, b’mod partikolari waqt il-vidjokonferenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li tipproċedi relattivament malajr għall-kuntatti bilaterali neċessarji mal-erba’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti li jeżaminaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni, u għall-istruttorja tal-karatteristiċi essenzjali ta’ din il-konċentrazzjoni sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni preliminari dwar jekk l-imsemmija konċentrazzjoni setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u jekk kienx xieraq li l-Istati Membri jiġu informati abbażi tal-paragrafu 5 bl-imsemmija dispożizzjoni. |
233 |
F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għanijiet fundamentali tal-effettività u l-ħeffa segwiti mis-sistema tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punt 226 iktar ’il fuq) u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol, li ddekorra bejn meta wasal l-ilment u meta ntbagħtet l-ittra ta’ stedina, ma jidhirx li huwa ġġustifikat. |
234 |
L-ewwel nett, mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li t-terminu tal-fażi ta’ eżami preliminari ta’ konċentrazzjoni, li matulu l-Kummissjoni hija mistennija tieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk din il-konċentrazzjoni tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, huwa ta’ 25 jum ta’ xogħol. Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni trid, jekk ikun il-każ, twettaq, matul din il-fażi, eżami tal-mertu pjuttost komplet tal-konċentrazzjoni, jista’ jkun raġonevolment mistenni li eżami qabel ma tintbagħat ittra ta’ stedina, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jinvolvi biss evalwazzjoni preliminari tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu, ma jaqbiżx it-terminu ta’ 25 jum ta’ xogħol. |
235 |
It-tieni, kif ġie espost fil-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq, għandu jitqies il-fatt li l-ittra ta’ stedina tikkostitwixxi biss komunikazzjoni li biha tiġi “mgħarrfa” konċentrazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li tagħti bidu, fin-nuqqas ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni preċedenti, għat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol għat-tressiq ta’ talba għal rinviju mill-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati. Meta tiġi mressqa tali talba, kull Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jingħaqad magħha fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol (l-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament). Huwa biss meta jiskadi dan l-aħħar terminu li l-Kummissjoni tista’, f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, tieħu d-deċiżjoni li teżamina l-konċentrazzjoni (l-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament). Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ ittra ta’ stedina skont l-Artikolu 22(5) ta’ dan l-istess regolament tagħti bidu għal diversi termini oħra relattivament qosra li jippreċedu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, f’dan il-każ, iddekorra terminu ta’ 90 jum ta’ xogħol bejn il-wasla tal-ilment fis‑7 ta’ Diċembru 2020 u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fid‑19 ta’ April 2021. |
236 |
It-tielet, għandu jiġi mfakkar li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 ma għandhiex, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Madankollu, il-partijiet f’tali konċentrazzjoni jsofru żvantaġġ kunsiderevoli meta mqabbla mal-partijiet f’konċentrazzjoni li għandha tiġi nnotifikata jekk il-perijodu bejn, minn naħa, meta tiġi informata l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ permezz ta’ lment, dwar l-eżistenza tal-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni ta’ talba għal rinviju, ikun ħa, bħal f’dan il-każ, l-istess tul ta’ żmien bħall-fażi tal-eżami fil-fond skont l-Artikolu 8(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004, li tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern u li għaliha l-Artikolu 10(3) tal-istess regolament jipprevedi, fil-prinċipju, terminu ta’ 90 jum ta’ xogħol. |
237 |
Ir-raba’, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika d-dekorrenza ta’ terminu ta’ 47 jum ta’ xogħol bejn meta rċeviet l-ilment u meta bagħtet l-ittra ta’ stedina minħabba l-vaganzi tal-aħħar tas-sena 2020, billi huwa l-perijodu mill‑24 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 u l‑1 ta’ Jannar 2021 li kien jikkonsisti minn jiem ta’ btala skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tagħha tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il-jiem ta’ btala għas-sena 2020 għall-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] (ĠU 2019, C 38, p. 4), u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2020 dwar il-jiem ta’ btala għas-sena 2021 (ĠU 2020, C 69, p. 8). Barra minn hekk, wara li tressaq l-ilment, il-Kummissjoni setgħat tagħmel il-kuntatti ħafna iktar malajr, u b’mod parallel, lill-erba’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni potenzjalment kompetenti, jiġifieri l-awtoritajiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tas-Slovenja u tal-Isvezja, sabiex issir taf jekk il-limiti tal-kompetenza skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi setgħux jintlaħqu, ħaġa li, kif jirriżulta mit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, għamlitha biss f’Jannar u fi Frar 2021. |
238 |
Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura qasira tat-termini previsti mir-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari mill-Artikolu 22 tiegħu, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat prova ta’ attività kontinwa fl-istruttorja tal-fajl matul il-perijodu rilevanti mis‑7 ta’ Diċembru 2020 sad‑19 ta’ Frar 2021, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fl-anness tat-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan il-perijodu kien jikkorrispondi għal terminu raġonevoli. |
239 |
Minn dan isegwi li l-ittra ta’ stedina ntbagħtet f’terminu mhux raġonevoli. |
240 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni biss sa fejn din twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Min-naħa l-oħra, fejn ma jiġix stabbilit li d-dewmien żejjed affettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-impriżi inkwistjoni li jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax jaffettwa l-validità ta’ dik il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 42 u 43, tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, C-414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 84 u 85, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74), iżda s-sanzjoni għandha tirriżulta minn rikors għad-danni mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 106 u 109). |
241 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta, li l-qbiż tat-terminu raġonevoli kien iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, minħabba, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkuntattja lill-impriżi u tismagħhom matul il-perijodu ta’ qabel ma ntbagħtet l-ittra ta’ stedina sabiex tippermettilhom jippreżentaw osservazzjonijiet u jikkorreġu ċerti żbalji ta’ fatt sinjifikattivi, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. |
242 |
Madankollu, dawn l-ispjegazzjonijiet vagi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, ġustament, waqt is-seduta li, minn naħa, l-ittra ta’ stedina kienet tikkostitwixxi biss att preparatorju fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u, min-naħa l-oħra, l-impriżi kkonċernati kienu f’pożizzjoni li jsostnu b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-adozzjoni tagħha. |
243 |
Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri intermedjarji, bħall-ittra ta’ stedina, li l-għan tagħhom huwa llimitat għat-tħejjija tad-deċiżjoni finali, ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li jkunu ta’ dannu għaliha b’mod separat, fejn l-illegalità allegata tkun tista’ tiġi invokata fir-rigward tad-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxu att preparatorju, li hija r-raġuni għaliex, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, tali miżuri ma jistgħux jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 50 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
244 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tippreċiża, b’mod suffiċjenti, l-allegati “żbalji ta’ fatt sinjifikattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata u li kienu diġà jivvizzjaw l-ittra ta’ stedina u għalhekk setgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tat-talba għal rinviju tal-ACF. Sa fejn hija ssostni li din l-ittra ddikjarat, bi żball, fil-punt 26 tagħha, bħal fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, li Grail kellha kompetituri “reali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-suq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li la l-imsemmija ittra u lanqas din it-talba ma huma bbażati fuq tali klassifikazzjoni. Għall-kuntrarju, it-talba għal rinviju tiġġustifika l-eżistenza ta’ riskju sinjifikattiv ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari, mill-fatt li, minn naħa, “[f]is-settur tat-testijiet ta’ detezzjoni tal-kanċer, G[rail] se taffaċċja l-preżenza ta’ diversi operaturi li diġà kkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom […] jew li qegħdin ilestu biex jagħmlu dan” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, min-naħa l-oħra, “l-entità l-ġdida se jkollha l-kapaċità li tillimita jew iżżid l-aċċess għall-NGS tagħha, għad-detriment tal-kompetituri potenzjali ta’ G[rail] fis-settur tal-iscreening tal-kanċer” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u għalhekk bl-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Grail u dawn l-operaturi fil-każ tal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. |
245 |
Min-naħa l-oħra, peress li huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, u mhux l-ittra ta’ stedina, li jaffettwawhom ħażin, l-impriżi kkonċernati kellhom id-dritt li jinstemgħu, wieħed mid-drittijiet tad-difiża, li jiggarantixxilhom l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom b’mod utli u effettiv, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 121), iżda mhux fl-istadju qabel ma ntbagħtet dik l-ittra bħala miżura intermedjarja. Issa, la r-rikorrenti u lanqas Grail ma kkontestaw li kienu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda sempliċement jilmentaw il-fatt li ma kinux ngħataw din opportunità ħafna qabel. Huwa paċifiku li l-impriżi kkonċernati ġew informati li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina fl‑4 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 13 iktar’ il fuq), jiġifieri sitt ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza tat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament, li matulhom l-Istati Membri jridu jressqu talba għal rinviju. Il-Kummissjoni informathom ukoll, permezz tal-ittra ta’ informazzjoni datata l‑11 ta’ Marzu 2021, bit-talba għal rinviju (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis‑16 u d‑29 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq). L-impriżi kkonċernati għalhekk ġew informati ħafna qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li seħħet fid‑19 ta’ April 2021, u kellhom diversi okkażjonijiet sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
246 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
247 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi ddikjarata infondata, u għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
248 |
Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet tas‑6 ta’ Ottubru u tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħhom ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex tinkiseb informazzjoni dwar, minn naħa, id-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-ACF kif ukoll dwar kif il-Kummissjoni saret taf bil-konċentrazzjoni inkwistjoni (l-ewwel talba), u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha l-Kummissjoni semmiet għall-ewwel darba din il-konċentrazzjoni fir-rigward tar-Repubblika Franċiża kif ukoll id-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri li jagħmlu riferiment għall-imsemmija konċentrazzjoni (it-tieni talba). |
249 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, setgħet twettaq l-istħarriġ tagħha tan-natura allegatament tardiva tat-talba għal rinviju (ara l-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq), kif invokat fl-ewwel parti tal-motiv, u, mill-oħra, setgħet tikkonstata li t-terminu biex intbagħtet l-ittra ta’ stedina ma kienx raġonevoli (ara l-punti 228 sa 239 iktar ’il fuq), kif invokat fit-tieni parti tal-motiv, fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet bil-miktub u tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet matul il-proċedura, b’mod partikolari billi jitqiesu t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Novembru 2021 u l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża tas‑6 ta’ Diċembru 2021. |
250 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika parti li tista’ tiddeċiedi fuq kwalunkwe ħtieġa li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni disponibbli għaliha fir-rigward tal-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53). |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali
251 |
Ir-rikorrenti, sostnuta minn Grail, issostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Essenzjalment, hija ssostni li, skont il-politika tagħha fil-mument meta l-impriżi kkonċernati kienu ftiehmu fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx taċċetta talbiet għal rinviju ta’ konċentrazzjonijiet li ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Mid-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Settembru 2020 jirriżulta li din il-politika kompliet tapplika sakemm ġiet emendata permezz tal-pubblikazzjoni ta’ gwida ġdida lejn nofs is-sena 2021. Grail tqis li dan juri li l-Kummissjoni kienet konxja mill-importanza tal-bidla fl-approċċ tagħha, li tikkontradixxi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tan-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN)Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Ir-rikorrenti u Grail jenfasizzaw in-natura ċara u mingħajr kundizzjonijiet tal-imsemmi diskors, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess u tal-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida ta’ rinviju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-gwida dwar l-Artikolu 22 ġiet adottata wara li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina u mingħajr konsultazzjoni pubblika. |
252 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, tqis li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali ma humiex issostanzjati. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija ma wrietx li l-Kummissjoni kienet tat assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti, iżda llimitat ruħha li tagħmel riferiment vag għal prassi deċiżjonali allegata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat b’mod espliċitu, fil-White Paper tal‑2014, li l-Istati Membri setgħu jitolbu r-rinviju ta’ konċentrazzjoni li ma taqax taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Din il-possibbiltà ma ġiet prekluża mill-ebda dokument uffiċjali u l-Kummissjoni kienet diġà aċċettat ir-rinviju ta’ tali konċentrazzjonijiet. Id-diskors tal‑11 ta’ Settembru 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni jikkostitwixxi dikjarazzjoni politika ta’ natura ġenerali dwar il-prassi futura tagħha li tikkonferma li l-Kummissjoni ma eskludietx li tittratta tali konċentrazzjonijiet fil-prinċipju. Ir-Repubblika Franċiża tfakkar, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq li se tibqa’ l-istess sitwazzjoni li tista’ tiġi emendata u li l-Kummissjoni aċċettat ir-rinviju tal-konċentrazzjoni inkwistjoni biss wara l-pubblikazzjoni tal-gwida dwar l-Artikolu 22. Il-Kummissjoni żżid tgħid li ma kien hemm xejn li waqqaf lir-rikorrenti milli tikkuntattja lilha jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet aġixxiet billi bbażat ruħha fuq l-allegati assigurazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni. |
253 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-rikorrenti tinvoka, fil-kuntest tat-tielet motiv, kemm il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif ukoll dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-argument tagħha fir-realtà jirrigwarda, kif issostni l-Kummissjoni, esklużivament dan it-tieni prinċipju. |
254 |
F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli lill-parti kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kull parti kkonċernata li fir-rigward tagħha istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, bl-għoti lilha ta assigurazzjonijiet preċiżi, ikun ħoloq aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li biha tiġi kkomunikata (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm tikkonforma mar-regoli applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873), punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
255 |
F’dan il-każ, sabiex turi l-allegata politika li skontha l-Kummissjoni ma taċċettax talbiet għal rinviju, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għal konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-pun 5 tal-ittra ta’ stedina, fuq il-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-punt 7 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju u fuq id-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Settembru 2020. Grail tagħmel riferiment ukoll għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tal-ICN u tal-OECD. |
256 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma joħorġux mill-amministrazzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 254 iktar ’il fuq. |
257 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokumenti invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, permezz tal-ittra ta’ stedina, il-Kummissjoni kkunsidrat, preliminarjament, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rinviju skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), pożizzjoni li hija kkonfermat billi aċċettat it-talba għal rinviju tal-ACF permezz tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 19 u 21 sa 35 iktar ’il fuq). Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li hija adottat speċifikament fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dawn id-dokumenti sabiex tipprova l-għoti lilha ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li allegata politika kuntrarja kienet se tinżamm. Barra minn hekk, peress li, minn naħa, il-punt 5 tal-ittra ta’ stedina u l-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata fihom sempliċi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni preċedenti u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija dokumenti kienu għadhom ma kinux jeżistu meta ġew konklużi l-ftehim u l-pjan tal-għaqda, jiġifieri fl‑20 ta’ Settembru 2020 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), l-impriżi kkonċernati ma setgħux jibbażaw aspettattivi leġittimi fuqhom. |
258 |
F’dak li jirrigwarda l-punt 7 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, huwa stabbilit li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli sabiex jiddeċiedu li jirrinvijaw tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-“kompetenza inizjali” tagħhom jew li jaċċettaw li jeżaminaw dawk li ma jaqgħux taħtha, skont […] l-Artikolu 22 [tar-Regolament Nru 139/2004]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
259 |
Għalhekk, dan il-punt sempliċement jenfasizza, minn naħa, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Furukawa Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑444/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:454, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, it-tqassim tas-setgħat bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif stabbilit fil-punt 153 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jsostni l-eżistenza tal-allegata politika tal-Kummissjoni li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-punti 42 sa 45 tal-komunikazzjoni dwar ir-rinviju, li għandhom jinqraw, kif issostni r-Repubblika Franċiża, flimkien mal-punt 7 ta’ dik il-komunikazzjoni u li jistabbilixxu b’mod preċiż il-kriterji rilevanti li jirregolaw ir-rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma jsemmu tali prassi allegata. |
260 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tad-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li dan id-diskors kien jirrigwarda “[l]-futur tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-[Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ngħata fil-kuntest tal-24 konferenza annwali dwar il-kompetizzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kmamar tal-Avukati fil‑11 ta’ Settembru 2020. Huwa paċifiku li dan id-diskors kien jikkonċerna l-politika ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u ma kienx isemmi l-konċentrazzjoni inkwistjoni, li l-ftehim u l-pjan tal-għaqda tagħha kienu ġew konklużi wara, jiġifieri fl‑20 ta’ Settembru 2020. L-imsemmi diskors għalhekk ma setax jinkludi assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti fir-rigward tat-trattament ta’ din il-konċentrazzjoni. |
261 |
Fir-rigward ta’ din il-politika ġenerali, il-Viċi President tal-Kummissjoni tabilħaqq iddikjarat fid-diskors tagħha tal‑11 ta’ Settembru 2020 li, fil-passat, “il-Kummissjoni segwiet il-prassi li tiskoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jirrinvijaw lilha konċentrazzjonijiet li huma ma kellhomx il-kompetenza li jeżaminaw huma stess” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li r-riferiment għal tali konċentrazzjonijiet kien eskluż fil-prinċipju, iżda, kif juri t-terminu “tiskoraġġixxi”, li l-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tikkonvinċi lill-Istati Membri biex ma jressqux talba għal rinviju f’tali sitwazzjoni. Kif issostni l-Kummissjoni, il-Viċi President tal-Kummissjoni saħansitra enfasizzat li “dik il-prassi [qatt] ma [kienet] intiża li twaqqaf [lill-Kummissjoni] milli tittratta każijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod serju l-kompetizzjoni fis-suq uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
262 |
Anki jekk jitqies li l-impriżi kkonċernati jistgħu jinvokaw l-imsemmija prassi, il-Kummissjoni setgħet madankollu tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern u, għal din ir-raġuni, tibgħat l-ittra ta’ stedina u taċċetta t-talba għar-rinviju u teżaminaha. Konsegwentement, it-tħabbir, fid-diskors tal-Viċi President tal-Kummissjoni, ta’ “bidla fl-approċċ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-futur u ta’ skeda approssimattiva għall-implimentazzjoni tagħha huwa irrilevanti u l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ Grail dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ dak li tħabbar għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. L-istess jgħodd għall-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-orjentazzjonijiet li jikkonċernaw l-Artikolu 22 ġew adottati wara li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina. |
263 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti, li ma tallegax li ngħatat xi assigurazzjoni preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ tali assigurazzjonijiet fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, mill-White Paper tal‑2014 jirriżulta li dan l-artikolu japplika għal tali konċentrazzjonijiet (ara n-nota Nru 45 f’qiegħ il-paġna tal-White Paper tal‑2014). |
264 |
Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni reċentement aċċettat, kif issostni ġustament, b’riferiment għad-deċiżjonijiet tagħha tas‑6 ta’ Frar 2018 (Il-Każ M.8788 – Apple/Shazam), tal‑15 ta’ Marzu 2018 (Il-Każ M.8832 – Knauf/Armstrong).), tas‑26 ta’ Settembru 2019 (Il-Każ M.9547 – Johnson & Johnson/Tachosil), u tat‑2 ta’ April 2020 (Il-Każ M.9744 – MasterCard/Nets), diversi talbiet biex jingħaqdu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 minn Stati Membri li l-awtoritajiet tagħhom ma kinux kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jeżaminaw il-konċentrazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dawn it-talbiet. |
265 |
Fi kwalunkwe każ, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 254 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti jew dikjarazzjonijiet li, jekk jiġu interpretati kif issostni hi, huma intiżi li jirrestrinġu d-dritt tal-Istati Membri li jitolbu rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih (ara l-punt 155 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, sa fejn jirriżulta mill-ewwel motiv li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu bbażati fuq interpretazzjoni korretta tal-portata ta’ dak l-artikolu, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-gwida ġdida tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 163). |
266 |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
267 |
Konsegwentement, peress li l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
268 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
269 |
L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati li huma partijiet fil-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu fil-kawża. F’konformità mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
270 |
Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u Grail għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
|
De Baere Kreuschitz Öberg Mastroianni Steinfatt Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2022. Firem |
Werrej
Il-kuntest ġuridiku |
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Fuq l-impriżi kkonċernati u fuq il-konċentrazzjoni inkwistjoni |
|
Fuq in-nuqqas ta’ notifika |
|
Fuq it-talba għal rinviju lill-Kummissjoni |
|
Fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati |
|
Fuq l-osservanza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol |
|
Fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq it-theddida ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni |
|
Fuq in-natura xierqa tar-rinviju |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Id-dritt |
|
Fuq it-talba għar-revoka tal-istatus ta’ intervenjent fir-rigward ta’ Grail |
|
Fuq l-ammissibbiltà |
|
Fuq il-mertu |
|
Sunt tal-motivi għall-annullament |
|
Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni |
|
– Fuq l-interpretazzjoni letterali |
|
– Fuq l-interpretazzjoni storika |
|
– Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali |
|
– Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika |
|
– Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ Grail |
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard u, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba” |
|
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li t-talba għal rinviju ġiet imressqa tard |
|
– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba” |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.