EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62021CJ0590

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Settembru 2023.
Charles Taylor Adjusting Limited u FD vs Starlight Shipping Company u Overseas Marine Enterprises INC.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Areios Pagos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru ieħor – Artikolu 34 – Raġunijiet għaċ-ċaħda – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni Ewropea u tal-ordni pubbliku nazzjonali – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’ – Fiduċja reċiproka — ‘Kważi’ ordni kontra l-proċedura - Deċiżjoni li tipprekludi t-tkomplija ta’ proċeduri mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor jew tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja.
Kawża C-590/21.

Recopilación de la Jurisprudencia. Recopilación general

Identificador Europeo de Jurisprudencia: ECLI:EU:C:2023:633

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru ieħor – Artikolu 34 – Raġunijiet għaċ-ċaħda – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni Ewropea u tal-ordni pubbliku nazzjonali – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’ – Fiduċja reċiproka – ‘Kważi’ ordni kontra l-proċedura – Deċiżjoni li tipprekludi t-tkomplija ta’ proċeduri mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor jew tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑590/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Charles Taylor Adjusting Ltd,

FD

vs

Starlight Shipping Co.,

Overseas Marine Enterprises Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Charles Taylor Adjusting Ltd u FD, minn S. Cogley, avukat, A. Nasikas, G. Orfanidis, u K. Sotiriadis, dikigoroi,

għal Overseas Marine Enterprises Inc., Starlight Shipping Co., minn K. Georgopoulos, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou, K. Georgiadis u L. Kotroni, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Adamopoulos u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 34 u tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Charles Taylor Adjusting Ltd (iktar ’il quddiem “Charles Taylor”) u FD, rappreżentanti tal-assiguraturi ta’ bastiment marittimu nnominat Alexandros T., minn naħa, u Starlight Shipping Co. (iktar ’il quddiem “Starlight”), proprjetarja ta’ dan il-bastiment, u Overseas Marine Enterprises Inc. (iktar ’il quddiem “OME”), li topera l-imsemmi bastiment, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni fil-Greċja ta’ sentenza u ta’ żewġ digrieti mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem is-“sentenza u d-digrieti tal-High Court”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 44/2001

3

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent.”

4

Skont l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament:

“Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.”

Il‑Ftehim ta’ Ħruġ

5

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ħruġ”) ġie adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020.

6

L-Artikolu 67 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, u kooperazzjoni relatata bejn l-awtoritajiet ċentrali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“Fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, l-atti jew id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu japplikaw kif ġej fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-infurzar ta’ sentenzi, ta’ deċiżjonijiet, ta’ strumenti awtentiċi, ta’ soluzzjonijiet fil-qorti u ta’ ftehimiet:

a)

ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1)] għandu japplika għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni […]”

7

L-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020, li matulu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 127(1) tal-istess ftehim, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim ta’ Ħruġ.

Il‑kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fit‑3 ta’ Mejju 2006, il-bastiment Alexandros T. għereq bil-merkanzija tiegħu lil hinn mill-bajja ta’ Port Elizabeth (l-Afrika t’Isfel). Starlight u OME, kumpanniji rispettivament proprjetarja u operatur ta’ dan il-bastiment, talbu mingħand l-assiguraturi tiegħu l-ħlas ta’ kumpens, ibbażat fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ dawn tal-aħħar, għat-twettiq tal-inċident assigurat.

9

Minħabba r-rifjut ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens minn dawn l-assiguraturi, Starlight bdiet, matul l-istess sena, azzjoni ġudizzjarja fir-Renju Unit fil-konfront tagħhom u ressqet talba għal arbitraġġ fir-rigward ta’ wieħed mill-imsemmija assiguraturi. Filwaqt li l-kawżi li kellhom bħala suġġett din l-azzjoni ġudizzjarja u dan l-arbitraġġ kienu pendenti, Starlight, OME u l-assiguraturi tal-bastiment ikkonkludew ftehimiet ta’ tranżazzjoni (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ta’ tranżazzjoni”) li permezz tagħhom intemmu l-proċeduri bejn il-partijiet. Dawn l-assiguraturi għalhekk ħallsu, għat-twettiq tal-inċident assigurat, f’terminu miftiehem, il-kumpens previst mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni, bħala bilanċ ta’ kull kont b’rabta mat-telf tal-istess bastiment.

10

Il-ftehimiet ta’ tranżazzjoni ġew ivvalidati fl‑14 ta’ Diċembru 2007 u fis‑7 ta’ Jannar 2008 fir-Renju Unit mill-qorti li quddiemha kienet pendenti l-imsemmija kawża. Din tal-aħħar ordnat is-sospensjoni ta’ kull proċedura sussegwenti relatata mal-kawża kkonċernata u li nħolqot mill-istess azzjoni legali.

11

Wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, Starlight u OME kif ukoll il-proprjetarji l-oħra tal-bastiment Alexandros T. u persuni fiżiċi li jirrappreżentawhom legalment, ressqu, quddiem il-Polymeles Protodikeio Peiraios (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pirea, il-Greċja), diversi kawżi ġodda, fosthom dawk tal‑21 ta’ April 2011 u tat‑13 ta’ Jannar 2012, b’mod partikolari diretti kontra Charles Taylor, uffiċċju ta’ konsulenza legali u teknika, li kien żgura d-difiża tal-assiguraturi ta’ dan il-bastiment fir-rigward tat-talbiet ta’ Starlight quddiem il-qorti msemmija fil-punt preċedenti, u kontra FD, direttur ta’ dan l-uffiċċju.

12

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet ġodda, Starlight u OME talbu kumpens għad-danni, kemm materjali kif ukoll morali, allegatament subiti minħabba allegazzjonijiet foloz u malafamanti li jikkonċernawhom mill-assiguraturi tal-imsemmi bastiment u mir-rappreżentanti tagħhom. Starlight u OME sostnew li, meta l-proċedura inizjali għall-ħlas tal-kumpens dovut minn dawn l-assiguraturi kienet għadha pendenti u meta r-rifjut ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens minn dawn tal-aħħar kien għadu jippersisti, l-impjegati u r-rappreżentanti tal-imsemmija assiguraturi kienu ċċirkulaw, quddiem l-Ethniki Trapeza tis Ellados (il-Bank Nazzjonali tal-Greċja), kreditur ipotekarju ta’ wieħed mill-proprjetarji tal-istess bastiment, kif ukoll fis-suq tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari, ix-xniegħa falza li n-nawfraġju tal-bastiment Alexandros T. kien dovut għal nuqqasijiet serji li jaffettwaw lil dan tal-aħħar, li l-proprjetarji tiegħu kienu jafu bihom.

13

Filwaqt li l-kawżi li kellhom bħala suġġett l-imsemmija azzjonijiet ġudizzjarji ġodda kienu pendenti, l-assiguraturi tal-bastiment u r-rappreżentanti tagħhom, fosthom, b’mod partikolari, Charles Taylor u FD, konvenuti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ressqu kawżi kontra Starlight u OME quddiem il-qrati Ingliżi sabiex jiġi kkonstatat li l-istess kawżi ġodda, imressqa fil-Greċja, ġew ippreżentati bi ksur tal-ftehim tranżazzjonali u sabiex jintlaqgħu t-“talbiet tagħhom għal kumpens dikjaratorju u għad-danni”.

14

Wara li ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji kollha, dawn l-azzjonijiet ġudizzjarji kontra Starlight u OME fir-Renju Unit taw lok, fis‑26 ta’ Settembru 2014, għas-sentenza u għad-digrieti tal-High Court. Skont din is-sentenza u digrieti, ibbażati fuq il-kontenut tal-ftehimiet ta’ tranżazzjoni kif ukoll fuq il-klawżola tal-għażla tal-fora li tinnomina lil din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbu l-ħlas ta’ kumpens marbut mal-proċedura mibdija fil-Greċja kif ukoll tal-ispejjeż sostnuti fl-Ingilterra.

15

Il-Monomeles Protodikeio Peiraios, Naftiko Tmima (il-Qorti tal-Ewwel Istanza bi Mħallef Uniku ta’ Pirea, Sezzjoni Marittima, il-Greċja) laqgħet it-talba ta’ Charles Taylor u ta’ FD tas‑7 ta’ Jannar 2015 intiża sabiex is-sentenza u d-digrieti tal-High Court jiġu rrikonoxxuti u ddikjarati parzjalment eżekuttivi fil-Greċja, skont ir-Regolament Nru 44/2001.

16

Fil‑11 ta’ Settembru 2015, Starlight u OME ppreżentaw appell kontra s-sentenza tal-Monomeles Protodikeio Peiraios, Naftiko Tmima (il-Qorti tal-Ewwel istanza bi Mħallef Uniku ta’ Pirea, sezzjoni marittima) quddiem il-Monomeles Efeteio Peiraios Naftiko Tmima (il-Qorti tal-Appell bi Mħallef Uniku ta’ Pirea, sezzjoni marittima, il-Greċja).

17

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2019, din l-aħħar qorti laqgħet dan l-appell minħabba li d-deċiżjonijiet li ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom kienu jinkludu “‘kważi’ ordnijiet kontra l-proċedura” ta’ natura li jipprekludu lill-persuni kkonċernati milli jkunu jistgħu jressqu kawża quddiem qorti fil-Greċja, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 20 tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni), peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu “fil-qalba” tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fil-Greċja.

18

Charles Taylor u FD ippreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jqisu li s-sentenza u d-digrieti tal-High Court la huma manifestament kuntrarji għall-ordni pubbliku tal-forum u lanqas għal dak tal-Unjoni Ewropea u ma jiksrux il-prinċipji fundamentali. Huma jsostnu li l-fatt li jingħatalhom kumpens provviżorju, abbażi ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ġodda mibdija fil-Greċja qabel ma jiġu eżerċitati azzjonijiet ġudizzjarji quddiem il-qrati Ingliżi, ma kienx jipprojbixxi lill-persuni kkonċernati la milli jkomplu jressqu kawża quddiem qorti fil-Greċja u lanqas lil din il-qorti milli tiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja. Konsegwentement, kien b’mod żbaljat li ġie kkunsidrat li dawn is-sentenzi u d-digrieti tal-High Court kienu “ordnijiet kontra l-proċeduri”.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Unjoni u, b’estensjoni, mal-ordni pubbliku nazzjonali, li tikkostitwixxi raġuni għaċ-ċaħda ta’ rikonoxximent u għad-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda, minbarra l-anti-suit injunctions, li jipprojbixxu l-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, ukoll deċiżjonijiet u digrieti mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri li: i) jipprekludu u jostakolaw lir-rikorrent fir-rigward tal-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja min-naħa ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor jew fit-tkomplija ta’ proċedimenti diġà pendenti quddiemha, u ii) liema fatt jikkostitwixxi għalhekk indħil fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima speċifika, diġà pendenti quddiemha u li diġà ġiet attribwita lilha u li titqies li hija kompatibbli mal-ordni pubbliku tal-Unjoni? B’mod iktar partikolari, ir-rikonoxximent u/jew id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jew ta’ digriet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jagħti kumpens pekunjarju provviżorju u bil-quddiem lill-persuni li jitolbuh, ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għall-infieq u l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja jew mit-tkomplija ta’ proċedimenti quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, jinsabu f’kuntrast mal-ordni pubbliku tal-Unjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-fatt li:

a)

b’riżultat tal-eżami ta’ tali azzjoni, il-kawża tkun koperta bi ftehim ta’ riżoluzzjoni, konkluż b’mod regolari u kkonfermat minn qorti tal-Istat Membru li jagħti d-deċiżjoni (jew) u digriet u,

(b)

il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor adita mill-konvenut b’azzjoni ġdida ma jkollhiex ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisprudenza esklużiva?

2.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jeżisti fis-sens veru tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, kif delimitat mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ostakolu għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva fil-Greċja tad-deċiżjoni u tad-digrieti msemmija iktar ’il fuq (l-ewwel domanda), mogħtija minn qrati ta’ Stat Membru ieħor (ir-Renju Unit) meta din id-deċiżjoni jew dawn id-digrieti huma manifestament u direttament kuntrarji għall-ordni pubbliku intern konformement mal-prinċipji fundamentali kulturali u legali, adottati fil-pajjiż, u mar-regoli fundamentali tad-dritt Grieg, li jirrigwardaw in-nukleu nnifsu tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja (Artikolu 8 u Artikolu 20 tal-Kostituzzjoni Ellenika, Artikolu 33 tal-Kodiċi Ċivili Grieg u l-prinċipju ta’ preservazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, kif ippreċiżat mill-Artikoli 176 u 173(1) sa (3), 185, 205 u 191 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Grieg, […] kif ukoll mal-Artikolu 6(1) tal-[Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali] il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jiġix applikat, u n-nuqqas ta’ rikonoxximent minħabba dan l-ostakolu huwa kompatibbli mal-prinċipji li jassimilaw u jippromwovu l-perspettiva Ewropea?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione loci tar-Regolament Nru 44/2001, minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, konformement mal-Artikolu 67(2)(a) tal-Ftehim ta’ ħruġ, moqri flimkien mal-Artikoli 126 u 127 tiegħu, ir-Regolament Nru 1215/2012 japplika, għar-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Membri f’każ ta’ sitwazzjoni li tinvolvi r-Renju Unit, għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji istitwiti qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020.

21

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001, li kien diġà tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012 waqt l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Ħruġ, jibqgħu wkoll applikabbli taħt l-istess kundizzjonijiet.

22

F’dan il-każ, peress li s-sentenza u d-digrieti tal-High Court ingħataw fis‑26 ta’ Settembru 2014, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione loci għall-kawża prinċipali.

Fuq l‑ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 45(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li tmur kontra l-ordni pubbliku, peress li din id-deċiżjoni tostakola t-tkomplija ta’ proċedura pendenti quddiem qorti oħra ta’ dan l-ewwel Stat Membru, sa fejn hija tagħti lil waħda mill-partijiet kumpens pekunjarju provviżorju għall-ispejjeż li hija tbati minħabba l-bidu ta’ din il-proċedura, minħabba, minn naħa, li s-suġġett tal-imsemmija proċedura huwa kopert minn ftehim ta’ reżoluzzjoni, konkluż legalment u vvalidat mill-qorti tal-Istat Membru li tat l-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-ewwel Stat Membru, li quddiemha nbdiet il-proċedura kontenzjuża, ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva.

24

Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa bbażat fuq il-fiduċja li l-Istati Membri jagħtu reċiprokament lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser,C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 72). Għaldaqstant, ħlief għal xi eċċezzjonijiet limitati, fosthom il-kontradizzjoni mal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dan ir-regolament ma jawtorizzax l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2004, Turner,C‑159/02, EU:C:2004:228, punt 26, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 29).

25

Issa, il-projbizzjoni magħmula minn qorti lil parti, taħt piena ta’ sanzjoni, milli tressaq jew tkompli azzjoni quddiem qorti barranija, fil-kuntest ta’ “ordni kontra l-proċeduri” għandha l-effett li tippreġudika l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex issolvi t-tilwima. Fil-fatt, peress li r-rikorrent huwa pprojbit milli jippreżenta tali azzjoni permezz ta’ ordni, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ndħil fil-ġurisdizzjoni tal-qorti barranija, inkompatibbli, bħala tali, ma’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2004, Turner,C‑159/02, EU:C:2004:228, punt 27; tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 34, kif ukoll tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom,C‑536/13, EU:C:2015:316, punt 32).

26

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, essenzjalment, kif imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, li s-sentenza u d-digrieti tal-High Court, li l-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom kienet intgħażlet mill-partijiet fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ reżoluzzjoni, ma humiex indirizzati direttament lill-qrati Griegi u lanqas ma jipprojbixxu formalment il-proċedura li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. Dawn is-sentenzi u digrieti madankollu jinkludu motivi li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-ksur, minn Starlight u OME kif ukoll mill-persuni fiżiċi li jirrappreżentawhom, ta’ dawn il-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni, it-tieni, is-sanzjonijiet li dawn jesponu ruħhom għalihom jekk dawn ma jikkonformawx ruħhom mal-imsemmija sentenza u digrieti, it-tielet, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Griegi fir-rigward tal-imsemmija ftehimiet ta’ reżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-istess sentenza u digrieti jinkludu wkoll raġunijiet li jirrigwardaw il-kundanni pekunjarji li għalihom huma esposti Starlight u OME kif ukoll il-persuni fiżiċi li jirrappreżentawhom, u b’mod partikolari deċiżjoni ta’ kumpens bħala akkont li l-ammont tiegħu ma huwiex definittiv u jiddependi fuq it-tkomplija tal-proċedura quddiem dawn il-qrati.

27

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenza u d-digrieti tal-High Court jistgħu jiġu kklassifikati bħala “‘kważi’ ordnijiet kontra l-proċeduri”. Fil-fatt, għalkemm din is-sentenza u digrieti ma għandhomx l-għan li jipprojbixxu lil parti milli tressaq jew tkompli azzjoni quddiem qorti barranija, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li għandhom, tal-inqas, l-effett li jiddisswadu lil Starlight u OME kif ukoll lir-rappreżentanti tagħhom milli jadixxu lill-qrati Griegi jew li jżommu quddiemhom azzjoni li għandha l-istess suġġett bħal dawk mibdija quddiem il-qrati tar-Renju Unit, fatt li għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

28

Ordni li jkollha tali effetti ma tkunx, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, kompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

29

Madankollu, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax, taħt piena li tikkontesta l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor għas-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni ġie applikat ħażin (sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides,C-420/07, EU:C:2009:271, punt 60, u tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato,C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 54).

30

Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat jekk qorti ta’ Stat Membru tistax, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors kontra dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, tirrevoka din id-dikjarazzjoni minħabba li din id-deċiżjoni tixbah “‘kważi’ ordni kontra l-proċeduri”, li hija, bħala prinċipju, inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata jew irrevokata dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament. It-tieni, il-punt 1 tal-Artikolu 34 tal-istess regolament jipprevedi, essenzjalment, li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent tagħha jmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jingħata interpretazzjoni stretta sa fejn dan jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament. Il-klawżola tal-ordni pubbliku li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 21, u tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni,C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, bis-saħħa tar-riżerva inkluża f’din id-dispożizzjoni, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 22, u tas‑7 ta’ April 2022, H Limited,C‑568/20, EU:C:2022:264, punt 42).

34

Għaldaqstant, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija madankollu għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 23, u tas‑7 ta’ April 2022, H Limited,C‑568/20, EU:C:2022:264, punt 42).

35

Għalhekk, rikors għall-klawżola tal-ordni pubbliku, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, huwa konċepibbli biss fil-każ fejn ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jolqot b’mod inaċċettabbli l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru indirizzat, sa fejn jippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fil-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44).

36

Il-fatt li l-iżball manifest li allegatament twettaq mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini jikkonċerna regola tad-dritt tal-Unjoni ma jbiddilx il-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effettività l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Din il-klawżola għandha tapplika bl-istess mod meta dan l-iżball ta’ liġi jimplika li r-rikonoxximent tas-sentenza kkonċernata fl-Istat fejn issir it-talba jwassal għal ksur manifest ta’ regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ta’ dan l-Istat Membru (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2000, Renault,C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 32, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C-681/13, EU:C:2015:471, punti 4850).

37

F’dan il-każ, is-sentenza u d-digrieti tal-High Court, li, konformement mal-punt 27 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “‘kważi’ ordnijiet kontra l-proċeduri”, sa fejn jeżerċitaw indirettament influwenza fuq it-tkomplija ta’ proċedura mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, ma josservawx il-prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li kull qorti adita għandha tiddetermina hija stess, skont ir-regoli li japplikaw għaliha, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 29, kif ukoll tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom,C‑536/13, EU:C:2015:316, punt 33).

38

Tali “‘kważi’ ordnijiet kontra l-proċeduri” jmorru kontra l-fiduċja li l-Istati Membri reċiprokament jagħtu lis-sistemi legali tagħhom kif ukoll lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom u li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 30).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, bla ħsara għall-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza u tad-digrieti tal-High Court jistgħu jkunu inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru indirizzat, sa fejn dawn huma ta’ natura li jippreġudikaw il-prinċipju fundamentali, f’żona ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, li kull qorti tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess.

40

Barra minn hekk, dan it-tip ta’ “‘kważi’ ordnijiet kontra l-proċeduri” huwa wkoll ta’ natura li jippreġudika l-aċċess għall-qorti tal-persuna li kontriha huma invokati. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, billi tat, fil-forma ta’ kumpens pekunjarju provviżorju, l-ispejjeż li l-konvenut ibati minħabba l-bidu ta’ proċedura pendenti quddiem qorti tal-Istat Membru mitlub, dan il-kumpens jagħmel iktar diffiċli, jew anki jipprekludi, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mir-rikorrent.

41

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 45(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li tmur kontra l-ordni pubbliku, peress li din id-deċiżjoni tostakola t-tkomplija ta’ proċedura pendenti quddiem qorti oħra ta’ dan l-ewwel Stat Membru, sa fejn hija tagħti lil waħda mill-partijiet kumpens pekunjarju provviżorju għall-ispejjeż li hija tbati minħabba l-bidu ta’ din il-proċedura, minħabba, minn naħa, li s-suġġett tal-imsemmija proċedura huwa kopert minn ftehim ta’ reżoluzzjoni, konkluż legalment u vvalidat mill-qorti tal-Istat Membru li tat l-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-ewwel Stat Membru, li quddiemha nbdiet il-proċedura kontenzjuża, ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva.

Fuq it‑tieni domanda

42

It-tieni domanda hija magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali moqri flimkien mal-Artikolu 45(1) tiegħu,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li tmur kontra l-ordni pubbliku, peress li din id-deċiżjoni tostakola t-tkomplija ta’ proċedura pendenti quddiem qorti oħra ta’ dan l-ewwel Stat Membru, sa fejn hija tagħti lil waħda mill-partijiet kumpens pekunjarju provviżorju għall-ispejjeż li hija tbati minħabba l-bidu ta’ din il-proċedura, minħabba, minn naħa, li s-suġġett tal-imsemmija proċedura huwa kopert minn ftehim ta’ reżoluzzjoni, konkluż legalment u vvalidat mill-qorti tal-Istat Membru li tat l-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-ewwel Stat Membru, li quddiemha nbdiet il-proċedura kontenzjuża, ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Arriba