This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CN0505
Case C-505/19: Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgericht Wiesbaden (Germany) lodged on 3 July 2019 — WS v Federal Republic of Germany
Kawża C-505/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – WS vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Kawża C-505/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – WS vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
ĠU C 357, 21.10.2019, p. 12–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 357/12 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – WS vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-505/19)
(2019/C 357/18)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Wiesbaden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: WS
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Domandi preliminari
1) |
L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (1) (iktar ’il quddiem il-“KFS”), moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-uffiċċju tal-prosekutur, fil-Ġermanja, wara li l-imputat ikun issodisfa ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-ħlas ta’ somma ta’ flus stabbilita mill-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur, jagħlaq proċedura kriminali pendenti huwa suffiċjenti sabiex jiġi pprojbit il-ftuħ ta’ proċedura kriminali għall-istess fatti fl-Istati kollha li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen? |
2) |
Mill-Artikolu 21(1) TFUE jirriżulta li teżisti projbizzjoni fuq l-Istati Membri milli jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest maħruġa minn Stati terzi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol), meta l-persuna li hija s-suġġett ta’ talba għal arrest tkun ċittadin tal-Unjoni u meta l-Istat Membru li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu jkun ikkomunika lill-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali, u għaldaqstant ukoll lill-Istati Membri l-oħra, dubji rigward il-kompatibbiltà tal-imsemmija talba għal arrest mal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti? |
3) |
L-Artikolu 21(1) TFUE huwa suffiċjenti sabiex jiġi prekluż il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u arrest provviżorju fl-Istati Membri li l-persuna kkonċernata ma għandhiex in-nazzjonalità tagħhom meta dan il-ftuħ imur kontra l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti? |
4) |
L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680 (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li, fil-każ ta’ proċedura li twassal għat-tmiem ta’ proċeduri kriminali, jiġi pprojbit, fl-Istati kollha li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen, li jitkompla l-ipproċessar tal-avviżi ħomor ta’ Interpol, li għandhom mnejn iwasslu għal proċedura kriminali oħra? |
5) |
Organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija Interpol ikollha livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data meta ma jkunx hemm deċiżjoni ta’ adegwatezza fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2016/680 jew salvagwardji xierqa fis-sens tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva? |
6) |
L-Istati Membri għandhom id-dritt li jkomplu bl-ipproċessar tad-data li hija mniżżla minn Stati terzi f’ċirkulari ta’ riċerka (“avviż aħmar”) ma’ Interpol biss meta Stat terz, permezz tal-imsemmija ċirkulari ta’ riċerka, ikun ittrażmetta talba għal arrest u għal estradizzjoni u jkun talab arrest li ma jmurx kontra d-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ ssanzzjonar doppju għall-istess fatti? |
(1) Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).
(2) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89).