Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0647

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fid-29 ta’ April 2021.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:347

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid‑29 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑647/19 P

Ja zum Nürburgring eV

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur il-kumpless tan-Nürburgring – Bejgħ tal-assi tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli – Sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata – Assenza ta’ diffikultajiet li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ammissibbiltà – Parti interessata – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Żnaturament tal-provi”

1.

Permezz tal-appell tagħha, suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assoċjazzjoni Ja zum Nürburgring eV (iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (T‑373/15, EU:T:2019:432, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2014/C) (ex 2012/NN), implimentata mill-Ġemanja għal Nürburgring (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”) ( 2 ).

2.

Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 3 ), kif ukoll dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza li għandha l-Qorti Ġenerali.

I. Il‑fatti

3.

Il-fatti tat-tilwima jinsabu fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, li għalihom nirreferi għal iktar dettalji. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura nfakkar biss dan li ġej.

4.

Il-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem, in-“Nürburgring”), li jinsab fil-Land Ġermaniż ta’ Rheinland‑Pfalz, jinkludi ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkwit tan-Nürburgring”), park ta’ divertiment, lukandi u ristoranti.

5.

Bejn l-2002 u l-2012 is-sidien tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem, il-“bejjiegħa”), ibbenefikaw, prinċipalment mil-Land ta’ Rheinland‑Pfalz, minn miżuri ta’ għajnuna għall-bini ta’ park ta’ divertiment, ta’ lukandi u ta’ ristoranti u għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-Formula 1.

6.

Wara l-ewwel ilment imressaq mill-appellanti, tali miżuri kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012.

7.

Fl-istess sena, l-Amtsgericht Bad Neuenahr‑Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr‑Ahrweiler, il-Ġermanja) iddikjarat l-insolvenza tal-bejjiegħa u ddeċidiet li tipproċedi bil-bejgħ tal-assi tagħhom (iktar ’il quddiem, l-“assi tan-Nürburgring”). Infetħet proċedura ta’ sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem, il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti”) u din ġiet konkluża bil-bejgħ ta’ dawn l-assi lil Capricorn Nürburgring Besitzgesellschaft GmbH (iktar ’il quddiem “Capricorn”).

8.

Fit‑23 ta’ Diċembru 2013, l-appellanti ressqet it-tieni lment lill-Kummissjoni, li fih sostniet li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx trasparenti u nondiskriminatorja. Skont l-appellanti, ix-xerrejja magħżula, jiġifieri Capricorn, kienet b’danakollu rċeviet għajnuna ġdida u kienet żgurat il-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bejjiegħa, b’tali mod li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna rċevuta mill-bejjiegħa kellha tiġi estiża għal Capricorn.

9.

Fl‑1 ta’ Ottubru 2014 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni finali. F’din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ wħud mill-miżuri mogħtija mill-Ġermanja favur il-bejjiegħa u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li Capricorn, kif ukoll is-sussidjarji tagħha, ma kinux ikkonċernati mill-irkupru ta’ tali għajnuna ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”).

10.

Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kkonstatat li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ( 5 ). Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-bejgħ kien seħħ permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja u li din il-proċedura kienet wasslet għal bejgħ ta’ dawn l-assi bi prezz konformi mas-suq (iktar ’il quddiem, it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”).

II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

11.

Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentat rikors intiż għall-annullament kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

12.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali, qabel kollox, iddikjarat ir-rikors parzjalment inammissibbli sa fejn dan kien jirrigwarda l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx ipprovat li din id-deċiżjoni kienet tikkonċernaha individwalment jew kienet tikkonċerna individwalment lil wieħed mill-membri tagħha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 6 ).

13.

Fir-rigward tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ikkonstatat il-qbil bejn il-partijiet dwar il-fatt li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża hija deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna, stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, u mhux fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 7 ). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti, bħala “parti interessata”, kellha locus standi abbażi tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilha mill-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll interess ġuridiku ( 8 ). Għalhekk, hija eżaminat fuq il-mertu l-motivi mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn ta’ din it-talba u ċaħdithom kollha, u għalhekk ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu ( 9 ).

III. It‑talbiet tal‑partijiet

14.

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata kif ukoll l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punti 73 sa 94 tas-sentenza appellata, li skontha r-rikors ippreżentat kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża huwa ammissibbli, tiddeċiedi hija stess dwar dan ir-rikors u tiddikjarah inammissibbli, tiċħad l-appell ippreżentat mill-appellanti u tikkundannaha għall-ispejjeż.

IV. Analiżi tal‑appell

16.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

17.

L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-parti tas-sentenza appellata relatata mal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi ċaħdet il-locus standi tagħha, rispettivament, bħala kompetitur fl-ewwel aggravju u bħala assoċjazzjoni professjonali fit-tieni.

18.

Min-naħa tagħhom, it-tliet aggravji l-oħra jirrigwardaw il-parti tas-sentenza appellata relatata mat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar speċifiku, permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, għall-istess raġunijiet li għalihom ċaħdet il-locus standi fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, li hija ma kellhiex interess ġuridiku bħala kompetitur jew bħala assoċjazzjoni professjonali. Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll żnaturat il-fatti u l-provi fl-analiżi li wasslitha tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kellhiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tinvoka żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

19.

Fir-risposta, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid ex officio l-ammissibbiltà ta’ din it-talba u tiddikjaraha inammissibbli.

20.

Skont kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll fuq ir-raba’ u l-ħames aggravju.

A. Fuq it‑talba tal‑Kummissjoni li tiġi kkonstatata ex officio l‑inammissibbiltà tat‑talba għall‑annullament tat‑tieni deċiżjoni kontenzjuża

1.   Argumenti tal‑partijiet

21.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset ammissibbli b’mod żbaljat ir-rikors fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u targumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi din il-kwistjoni ex officio f’każ li tiġi invokata. B’mod konkret, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, billi qieset li l-appellanti jista’ jkollha din il-kwalità.

22.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwalità ta’ “parti interessata”, tippreżupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni li tiġi distorta mill-miżuri ta’ għajnuna. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat lill-appellanti bħala parti interessata, meta hija stess kienet ikkonstatat preċedentement li l-imsemmija appellanti ma kinitx preżenti fis-swieq ikkonċernati mill-miżura inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet analiżi bbażata fuq interpretazzjoni parzjali tal-ġurisprudenza rilevanti.

23.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet ukoll żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-interessi tal-appellanti u tal-membri tagħha kienu ġew affettwati mill-għoti tal-miżuri ta’ għajnuna.

24.

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma tipproduċi ebda prova tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 86 tas-sentenza appellata li skontha dawn l-interessi kienu ġew affettwati minn eventwali bejgħ lil Capricorn tal-assi tan-Nürburgring allegatament mhux bil-prezz tas-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet il-kwalità ta’ “parti interessata” lill-appellanti billi bbażat ruħha, b’mod definittiv, esklużivament fuq il-fatt li l-appellanti seta’ jkollha informazzjoni potenzjalment rilevanti għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti interessata” tkun eċċessivament wiesgħa u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni li twassal għall-individwalizzazzjoni tal-għoti illegali ta’ għajnuna minn Stat ma jikkwalifikax awtomatikament lil min bagħat din l-informazzjoni bħala “parti interessata”.

25.

L-appellanti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

2.   Evalwazzjoni

26.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

27.

F’dan ir-rigward infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiddeċiedi, jekk hemm bżonn ex officio, dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament u għalhekk, dwar il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni, stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tipprovdi li rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tagħha ma huwiex destinatarju biss jekk huwa jkun ikkonċernat direttament u individwalment minnha ( 10 ).

28.

Fil-punti 78 sa 89 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali analizzat il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-interess individwali tagħha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u rrikonoxxiet lir-rikorrenti fl-ewwel istanza l-kwalità ta’ “parti interessata” fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk il-locus standi tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilha, f’din il-kwalità, mill-Artikolu 108(2) TFUE.

29.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, li essenzjalment jirriproduċi d-definizzjoni diġà żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata” bħala “kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

30.

Kif diġà kelli l-okkażjoni nfakkar reċentement ( 12 ), mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-definizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għanjuna tiġi kklassifikata bħala parti interessata, fejn din issostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna ( 13 ). Filwaqt li impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna hija mingħajr dubju “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ( 14 ), l-entità li ma hijiex kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ “parti interessata”, sa fejn tkun uriet li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna, li skont il-ġurisprudenza jippreżupponi l-prova li hemm possibbiltà li l-għajnuna jkollha inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tagħha ( 15 ).

31.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, li għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kwalità ta’ “parti interessata” ma tippreżupponix neċessarjament l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni li tiġi distorta mill-miżuri ta’ għajnuna u li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat lill-appellanti bħala parti interessata, meta preċedentement hija kienet ikkonstatat li l-appellanti stess b’ebda mod ma kienet attiva fis-swieq ikkonċernati mill-miżuri inkwistjoni ( 16 ).

32.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet irrikonoxxiet b’mod żbaljat il-kwalità ta’ “parti interessata” lir-rikorrenti fl-ewwel istanza esklużivament abbażi, fil-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata, taċ-ċirkustanza li din seta’ jkollha informazzjoni potenzjalment rilevanti għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

33.

F’dan ir-rigward naqbel mal-Kummissjoni li s-sempliċi fatt li suġġett ikollu informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ma huwiex suffiċjenti sabiex tali persuna tiġi kklassifikata bħala “parti interessata” ( 17 ).

34.

Fil-fatt, interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ “parti interessata” ma hijiex kompatibbli mad-definizzjoni u l-kriterji indikati fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li r-rikonoxximent ta’ din il-kwalità jiddependi fuq il-possibbiltà li jiġu ppreġudikati l-interessi tal-persuna inkwistjoni minħabba l-għoti tal-għajnuna u jippreżupponi inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tagħha. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-possibbiltà waħedha li tintbagħat informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-għoti illegali ta’ għajnuna mill-Istat ma tippermettix, fiha nnifisha, li tiġi attribwita awtomatikament lil dak li jibgħat l-imsemmija informazzjoni l-kwalità ta’ “parti interessata”.

35.

F’dan ir-rigward irrid nirrileva li, mill-qari tal-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata, jidher li, effettivament, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-interessi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna lil Capricorn minħabba ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha informazzjoni li setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, fil-verità pjuttost vag, għall-iskop mhux ta’ lukru tar-rikorrenti fl-ewwel istanza billi tindika li din hija assoċjazzjoni li ssegwi “l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring u l-promozzjoni tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha, li wħud minnhom jorganizzaw avvenimenti sportivi fuq l-imsemmi ċirkwit”. Madankollu, dan ir-riferiment donnu ma sarx sabiex jiġġustifika l-kwalità ta’ “parti interessata” tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, iżda, pjuttost, il-pussess, minn din tal-aħħar, ta’ informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li kif irrilevat fil-punt preċedenti, ma huwiex fih innifsu suffiċjenti biex din il-kwalità tiġi rrikonoxxuta lilha.

36.

Madankollu, mill-qari tal-fajl jirriżulta li fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet argumentat li hija assoċjazzjoni li tiddefendi sa minn iktar minn 40 sena l-interessi tal-isport tal-karozzi Ġermaniż kollu fir-rigward speċifikament taċ-ċirkwit tan-Nürburgring u li l-għan fundamentali tagħha huwa dak li tiżgura l-amministrazzjoni ta’ dan iċ-ċirkwit f’kundizzjonijiet ekonomiċi orjentati lejn l-interess ġenerali b’mod li tiżgura l-aċċess għal dan iċ-ċirkwit anki għall-isportivi. Għal dan il-għan, fost affarijiet oħra, hija żviluppat kunċett ta’ użu taċ-ċirkwit ibbażat fuq l-interess ġenerali u żammet kuntatti u nnegozjat mal-awtorità kompetenti statali u tal-Land ta’ Rheinland‑Pfalz, kif ukoll ma’ persuni interessati oħra. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet sostniet ukoll li Capricorn, xerrejja tal-assi tan-Nürburgring, kienet issegwi, min-naħa tagħha, kunċett oppost indirizzat għall-massimizzazzjoni tal-profitti, totalment inkompatibbli mal-għanijiet proprji tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.

37.

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, li wara kollox ma jidhrux li ġew ikkontestati mill-Kummissjoni, inqis li jista’ jiġi kkunsidrat li l-allegat għoti ta’ għajnuna lil Capricorn fir-rigward tal-akkwist tal-assi tan-Nürburgring jista’ jaffettwa l-interessi tal-appellanti, li l-iskop u l-eżistenza tagħha huma marbuta speċifikament maċ-ċirkwit tan-Nürburgring, kif ukoll dawk tal-membri tagħha, li fir-rigward tagħhom l-għoti tal-għajnuna allegatament illegali jista’ jkollu inċidenza konkreta.

38.

Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appellanti għandha tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi ddeċidiet ammissibbli t-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża mressqa minnha, sa fejn tali talba kienet intiża sabiex tipproteġi drittijiet proċedurali li l-appellanti, minħabba din il-kwalità, tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

B. Fuq ir‑raba’ aggravju dwar żbalji fl‑analiżi tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jiġġustifikaw il‑ftuħ tal‑fażi ta’ investigazzjoni formali

39.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jinqasam f’ħames partijiet, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali fejn issostni li wettqet diversi żbalji ta’ liġi, li żnaturat il-provi u li ma tatx motivazzjoni suffiċjenti fl-analiżi li wasslitha tikkonkludi li ma ġietx prodotta l-prova li fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kellha quddiemha diffikultajiet li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

40.

Peress li l-appellanti targumenta diversi drabi li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’difett jew b’motivazzjoni insuffiċjenti, qabel ma nanalizza l-argumenti mressqa minnha fil-kuntest tar-raba’ aggravju, inqis li huwa opportun infakkar il-prinċipji ġurisprudenzjali żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi li għandha l-Qorti Ġenerali.

1.   Fuq il-portata tal‑obbligu tal‑Qorti Ġenerali li timmotiva s‑sentenzi tagħha

41.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għaliha bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jimponi li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 18 ).

42.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba min-naħa tal-Qorti Ġenerali għal argumenti mressqa fl-ewwel istanza jikkonsisti, essenzjalment, fl-invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 19 ) u li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li, bħala tali, jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell ( 20 ). F’din is-sede, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-għadd ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti ( 21 ).

43.

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 22 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu pożizzjoni fuq elementi li jkunu manifestament irrilevanti, u lanqas ma għandha tantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali ( 23 ).

44.

Mill-prinċipji msemmija hawn fuq jirriżulta li minkejja li skont il-ġurisprudenza l-Qorti Ġenerali tista’, bil-kundizzjonijiet imsemmija, tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni tas-sentenzi permezz ta’ motivazzjoni impliċita, hija madankollu ma tistax tonqos milli twieġeb “tout court”, b’mod espliċitu jew impliċitu, għall-argumenti, mhux manifestament irrilevanti, imressqa quddiemha jew tiżnatura l-kontenut tagħhom. Fil-fatt, ommissjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi difett ta’ motivazzjoni, li jmur kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali, kif ukoll ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 24 ).

2.   Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju, dwar in‑natura trasparenti u nondiskriminatorja tal‑proċedura ta’ sejħa għal offerti

a)   Argumenti tal‑partijiet

45.

Fl-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonkludiet, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa minnha ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fir-rigward tan-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Għal dan il-għan hija tinvoka tliet tipi ta’ lmenti.

46.

Fl-ewwel lok, l-appellanti, billi tirreferi b’mod partikolari għall-punt 145 tas-sentenza appellata, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li kien possibbli li abbażi tal-“kriterju tal-massimizzazzjoni tal-valur tal-assi kollha” jinkiseb prezz ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring xieraq fis-sens tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont l-appellanti, minn naħa, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 107 u 108(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma kinitx eżaminat diversi argumenti mressqa minnha rigward dan il-punt, b’tali mod li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti.

47.

L-appellanti ssostni li fl-ewwel istanza hija esponiet il-kriterji legali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istrutturar ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti b’mod li jkunu jistgħu jiġu osservati l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-prezz tas-suq. Quddiem il-Qorti Ġenerali hija wriet kif mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sitwazzjoni kompetittiva għandha tiġi stabbilita mill-ġdid f’kull suq ikkonċernat. Billi rreferiet għall-ġurisprudenza li tipprovdi li l-għan prinċipali tar-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat illegali huwa dak li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-ħlas ta’ din l-għajnuna, hija sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-istruttura tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx adegwata sabiex tipprekludi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni pprovokata mill-ħlas tal-għajnuna illegali, sa fejn din kienet intużat għall-ħolqien ta’ konglomerat ta’ impriżi attivi f’diversi swieq. Skont l-appellanti, f’kuntest bħal dan, kien ikun neċessarju li jintalbu offerti awtonomi għal kull unità kummerċjali li kienet ser tinbiegħ. Dan ma kienx jipprekludi bejgħ ta’ kollox f’daqqa, iżda kien jobbliga lil kull offerent jippreżenta l-ogħla prezz għal kull unità tal-konglomerat. Hekk biss kien ikun possibbli li jiġu pparagunati l-offerti.

48.

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriterju, imsemmi fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata, dwar il-livell ta’ 25 % tal-aħjar offerta (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal‑25 %”) ( 25 ), qatt ma ġie kkomunikat lill-partijiet interessati. Għalhekk dawn ma setgħux jiħduh inkunsiderazzjoni fl-istrateġija tagħhom fejn għalhekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx trasparenti jew nondiskriminatorja. Id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li peress li l-kriterju tal-25 % ġie stabbilit skont il-valur tal-offerti li ġew effettivament sottomessi dan seta’ jiġi ddeterminat konkretament biss ex post, hija irrilevanti għan-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

49.

Fit-tielet lok, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali essenzjalment talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tagħha li Capricorn kienet kumpannija differenti mill-kumpanniji Capricorn Automotive GmbH u Capricorn Holding GmbH, li kienu l-kumpanniji li kienu ssottomettew l-offerta fis-sejħa għal offerti. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-aċċettazzjoni ta’ offerta li ma saritx minn kandidat li pparteċipa b’mod awtonomu fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tosservax ir-rekwiżit dwar in-natura miftuħa u trasparenti ta’ tali proċedura.

50.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud parzjalment bħala infondat u parzjalment bħala inammissibbli.

b)   Evalwazzjoni

51.

Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 138 sa 146 li fiha ċaħdet l-ilment tagħha li permezz tiegħu kienet sostniet in-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

1) Spjegazzjoni fil-qosor tas‑sentenza appellata

52.

F’din il-parti tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti l-investituri kienu mistiedna jissottomettu offerta indikattiva għall-assi kollha, għal gruppi speċifiċi ta’ assi jew għal assi individwali, li l-offerti kellhom jiġu evalwati, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-prezz offrut għall-assi, skont id-daqs tal-offerta u li l-investituri kellhom jintgħażlu fid-dawl ta’ kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kienet wasslet, fil-prattika, sabiex il-bejjiegħa jieħdu biss inkunsiderazzjoni, fl-aħħar fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, dawk l-offerti li jirrigwardaw l-assi kollha, u dan peress li, fid-dawl tal-offerti sottomessi, il-bejgħ f’daqqa tan-Nürburgring kien jippermetti li jinkiseb prezz ogħla mill-bejgħ separat ta’ kull wieħed mill-assi.

53.

Sussegwentement il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kienu ġew sottomessi sitt offerti globali indikattivi li kienu joffru iktar minn 25 % tal-aħjar offerta, li l-offerti globali li ma laħqux il-25 % tal-aħjar offerta kienu ġew esklużi u li lanqas ma ngħatat attenzjoni addizzjonali lill-offerti li kienu jirrigwardaw iċ-ċirkwit tan-Nürburgring li, flimkien mal-offerti individwali għall-assi l-oħra, ma kinux laħqu bħala ammont totali l-limitu ta’ 25 % tal-aħjar offerta.

54.

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-investituri interessati kienu liberi li jiddefinixxu s-suġġett tal-offerta ta’ xiri tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lilhom dwar il-kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha u li l-kriterju ta’ 25 % kien intiż biss sabiex jingħata kontenut konkret lill-kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha u, peress li ġie stabbilit skont il-valur tal-offerti li ġew effettivament sottomessi, dan seta’ jiġi ddeterminat konkretament biss ex post.

2) Fuq l‑ilmenti dwar il-“kriterju li jiġi massimizzat il‑valur tal‑assi kollha”

55.

Fil-kuntest tal-ilment dwar il-“kriterju li jiġi massimizzat il-valur tal-assi kollha”, l-appellanti ssostni, qabel kollox, li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li, minħabba l-użu tal-għajnuna inkwistjoni sabiex jiġi kkostitwit konglomerat ta’ unitajiet kummerċjali, kien neċessarju li jintalbu offerti awtonomi għal kull waħda minn dawn l-unitajiet kummerċjali li kienu jifformaw parti mill-assi tan-Nürburgring. Dan kien l-uniku mod kif tista’ tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-ħlas tal-miżuri ta’ għajnuna. Sussegwentement l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt.

56.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa intiż biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u dan l-għan jintlaħaq meta l-għajnuna inkwistjoni, jekk ikun il-każ bl-interessi moratorji, tiġi rrestitwita mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li kellhom it-tgawdija effettiva tagħha. B’din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-benefiċċju li kien gawda fis-suq fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni li tippreċedi l-ħlas tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid ( 26 ).

57.

Minn dan isegwi li l-għan prinċipali tar-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali ( 27 ).

58.

Madankollu, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 133 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta impriża li tkun irċeviet għajnuna mill-Istat illegali tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jaġixxi f’kundizzjonijiet kompetittivi normali kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li din tkun tinsab fiha, b’mod partikolari wara li jkun ibbenefika minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna jkun ġie kkalkolat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. F’tali ċirkustanzi, ix-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra tas-suq ( 28 ).

59.

F’dan il-każ, mill-punti 142 sa 145 tas-sentenza appellata, riprodotti fil-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-investituri interessati kienu liberi li jiddefinixxu s-suġġett tal-offerta ta’ xiri tagħhom u setgħu jipproponu offerta indikattiva kemm għall-assi kollha kif ukoll għal gruppi ta’ assi speċifiċi jew anki għal assi individwali. L-offerti differenti kienu mbagħad evalwati fid-dawl ta’ kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha. Għalhekk, il-possibbiltà li jissottomettu offerta awtonoma għal kull unità kummerċjali li kienet tikkostitwixxi l-konglomerat ta’ impriżi tal-assi tan-Nürburgring ma kinitx eskluża iżda tħalliet fid-diskrezzjoni ta’ kull offerent. Fi kwalunkwe każ, b’kull mod li bih kienet waslet l-offerta (jiġifieri, bħala offerta globali għall-assi kollha jew bħala offerta awtonoma għal kull attività kummerċjali), din ġiet evalwata fid-dawl ta’ dan il-kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha.

60.

F’dan il-kuntest l-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti intiż biex jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kollha u l-applikazzjoni tiegħu skont il-metodu deskritt iktar ’il fuq, b’ebda mod ma jidhru li jmorru kontra r-rekwiżiti indikati fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq, sa fejn l-użu ta’ dan il-kriterju huwa ċertament dirett, u jidher ukoll intiż, sabiex jinkiseb il-bejgħ tal-assi inkwistjoni bl-iktar prezz għoli possibbli u b’hekk jiġi żgurat, skont din il-ġurisprudenza, li x-xerrej ma jkunx ibbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra tas-suq. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

61.

Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-ilment dwar id-difett ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt, mill-qari tal-punti 142 sa 145 tas-sentenza appellata, kif wara kollox jirriżulta wkoll mill-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali ssostni li f’dan il-każ l-użu tal-kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi kien xieraq sabiex jippermetti li l-assi inkwistjoni jinbiegħu bl-ogħla prezz possibbli u għalhekk sabiex jinkiseb il-prezz ta’ bejgħ adegwat fis-sens tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, minn dan l-aspett ma hemmx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

3) Fuq l‑ilment dwar in‑natura sigrieta tal‑kriterju tal‑25 %

62.

Sussegwentement, l-appellanti ssostni li l-eżami magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punt 145 tas-sentenza appellata (riprodott fil-punt 54 iktar ’il fuq) tal-kriterju tal-25 % huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi, peress li tali kriterju qatt ma ġie kkomunikat lill-partijiet interessati li ma setgħux jiħduh inkunsiderazzjoni fl-istrateġija tagħhom.

63.

F’dan ir-rigward, nirrileva li huwa paċifiku li l-kriterju tal-25 % ġie applikat abbażi tal-valur tal-offerti effettivament sottomessi. Minn dan isegwi li, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 145 tas-sentenza appellata, dan seta’ jiġi ddeterminat konkretament biss ex post. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-determinabbiltà b’mod konkret ex post tal-imsemmi kriterju b’ebda mod ma tfisser li ma kienx possibbli li fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jiġi indikat, u għalhekk ikkomunikat lill-offerenti, li dan il-kriterju kien ser jintuża fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi.

64.

Minkejja dan, inqis li l-ommissjoni ta’ tali indikazzjoni jew komunikazzjoni ma hijiex suffiċjenti biex titqiegħed inkwistjoni n-natura miftuħa u trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 145, li l-kriterju li jiġi mmassimizzat il-valur tal-bejgħ kien ġie kkomunikat lill-partijiet interessati u li għalhekk dawn tal-aħħar kienu jafu bil-fatt li, sabiex ikollhom il-possibbiltà li jirbħu l-kuntratt, dawn kellhom jistrutturaw l-offerta tagħhom b’mod konformi ma’ dan il-kriterju.

65.

F’kuntest bħal dan, ma jirriżultax kif l-istrateġija tal-offerenti setgħet kienet differenti li kieku dawn kienu informati biċ-ċirkustanza li l-offerti li jilħqu tal-inqas 25 % tal-aħjar offerta globali ppreżentata biss kienu ser jiġu eżaminati fil-bqija tal-proċedura. Għalhekk, ma huwiex ipprovat li l-ommissjoni tal-komunikazzjoni ta’ dan il-kriterju, determinabbli biss ex post kellu xi effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

4) Fuq l‑ilment dwar il-bidla tal‑offerent matul il‑proċedura ta’ sejħa għal offerti

66.

Fit-tielet lok, l-appellanti tikkontesta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tagħha li Capricorn kienet kumpannija differenti mill-kumpanniji Capricorn Automotive GmbH u Capricorn Holding GmbH li kienu ssottomettew offerta fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

67.

F’dan ir-rigward, infakkar li skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi ttrattati quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Għalhekk parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tagħha ħadet konjizzjoni l-Qorti Ġenerali ( 29 ). Ilmenti ġodda mhux imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli fl-istanza ta’ appell ( 30 ).

68.

Mill-qari tal-atti tal-ewwel istanza jirriżulta li l-appellanti ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali lment dwar il-bidla tal-offerent matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, sabiex turi li invokat l-imsemmi lment quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti rreferiet biss għat-tweġiba tagħha għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li barra minn hekk tirrigwarda mistoqsija dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku. Fir-replika tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjoni tagħha li hija kienet invokat tali lment quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti rreferiet għall-punti 17 u 77 et seq. tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, mill-qari ta’ dawn il-punti tar-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta biss li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet semmiet, b’mod inċidentali, fil-punt 17, il-fatt li Capricorn kienet entità differenti minn Capricorn Automotive GmbH u minn Capricorn Holding GmbH, mingħajr madankollu ma għamlet argument insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-ilment dwar il-bidla tal-offerent matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa inammissibbli.

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

3.   Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ aggravju, dwar l‑iżnaturament tal‑ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014

a)   Argumenti tal‑partijiet

70.

Fit-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-punti 151 sa 156 tas-sentenza appellata u targumenta li, meta interpretat l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014, prodotta matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti insostenn tal-offerta ta’ Capricorn, fis-sens li l-impenn kontenut f’din l-ittra kellu natura vinkolanti, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-kontenut ta’ din l-ittra u għalhekk is-sentenza kienet ivvizzjata bi żnaturament tal-fatti u tal-provi.

71.

L-appellanti tiddikjara li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet indikat li din l-ittra kienet tinkludi, fl-aħħar paġna tagħha, parti espressa intitolata “AVVIŻ IMPORTANTI” li minnha jirriżulta b’mod espliċitu dan li ġej: “Din il-lista ta’ kundizzjonijiet [term sheet] isservi biss għall-finijiet ta’ diskussjoni u ma hija intiża li toħloq ebda obbligu legali vinkolanti bejnietna” ( 31 ). In-natura mhux vinkolanti ta’ din l-ittra hija kkonfermata wkoll minn frażijiet oħra li jinsabu fl-istess dokument ( 32 ).

72.

Minn dan jirriżulta li Deutsche Bank kienet indikat b’mod inekwivoku u evidenti li hija ma kinitx tħoss li kienet marbuta b’din l-ittra. Għalhekk, billi qieset li Deutsche Bank kienet tqis li hija marbuta minnha, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tagħha. Konsegwentement, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 156 tas-sentenza appellata li skontha ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 hija żbaljata. Peress li mill-kontenut ta’ din l-ittra huwa evidenti li Deutsche Bank ma kinitx tħoss li kienet marbuta, il-paragun ma’ ittri preċedenti skambjati bejn Capricorn u l-imsemmi bank ma kienx rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura vinkolanti tagħha.

73.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

b)   Evalwazzjoni

74.

Fil-punti 151 sa 155 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali, bi tweġiba għall-argument imressaq mir-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 ma kinitx tikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament vinkolanti insostenn tal-offerta ta’ Capricorn, ivverifikat jekk l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, li kien jirrifletti l-analiżi tal-awtorità Ġermaniża, kienx jeskludi l-preżenza ta’ dubji dwar in-natura vinkolanti tal-imsemmija ittra.

75.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, irrilevat li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 kienet tindika li l-imsemmi bank kien lest li jagħti lil Capricorn self ta’ EUR 45 miljun u li l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ dan il-finanzjament kienu deskritti b’mod iddettaljat donnu kien jindika eżami fil-fond u skambju ta’ informazzjoni bejn din tal-aħħar u x-xerrej. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ittra inkwistjoni kienet tirreferi diversi drabi għall-impenn meħud minn Deutsche Bank fil-konfront ta’ Capricorn permezz tal-istess ittra. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-paragun bejn din l-ittra u żewġ ittri oħra preparatorji u mhux vinkolanti ta’ Deutsche Bank tas‑17 u tal‑25 ta’ Frar 2014 kien jikkonferma n-natura vinkolanti tal-ittra inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 kienet tispeċifika li l-impenn meħud minn din tal-aħħar kien suġġett għal tliet kundizzjonijiet li kienu jippermettu lil Deutsche Bank tevita l-impenn tagħha biss jekk l-akkwist ma jsirx skont il-kundizzjonijiet previsti.

76.

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita biss, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ).

77.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 34 ). Barra minn hekk, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument li tmur kontra l-kontenut tiegħu, din għandha tirriżulta b’mod manifest mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u dan jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali ( 35 ).

78.

Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk mill-analiżi tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 u mid-dokumenti li jinsabu fil-fajl jirriżultax b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali biddlet il-portata li għandha tingħata lil din l-ittra. Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

79.

Fil-fatt, minn qari tal-ittra stess jirriżulta, kif wara kollox irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata, li Deutsche Bank tiddikjara diversi drabi l-volontà tagħha u l-impenn tagħha li tagħti l-finanzjament lil Capricorn ( 36 ). L-ittra hija ffirmata minn żewġ diretturi tal-ewwel livell (mid-direttur u mid-direttur eżekuttiv) ta’ Deutsche Bank, li fil-fehma tiegħi, jindika l-volontà li l-bank jintrabat bil-kontenut tal-ittra.

80.

L-interpretazzjoni ta’ din l-ittra fis-sens tan-natura vinkolanti tal-impenji li jinsabu fiha hija kkonfermata, kif wara kollox irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 154 tas-sentenza appellata, mill-analiżi ta’ żewġ ittri oħra ta’ Deutsche Bank preċedenti għall-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 u preżenti wkoll fil-fajl, waħda tas‑17 ta’ Frar 2014 u l-oħra tal‑25 ta’ Frar 2014. L-analiżi ta’ dawn l-ittri, minn naħa, turi li dawn jinkludu lingwaġġ differenti minn dak li jinsab fl-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 u jindikaw b’mod espliċitu l-assenza ta’ volontà ta’ Deutsche Bank li tintrabat ( 37 ). Għalhekk, paragun tal-formulazzjoni tagħhom ma’ dik tal-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 juri n-natura vinkolanti ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dawn juru li l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 tirrappreżenta l-fażi finali tal-proċess ta’ negozjati bejn il-bank u Capricorn. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, l-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 tispeċifika li l-impenn assunt minn Deutsche Bank huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet, li fuqhom madankollu Deutsche Bank ma għandha ebda influwenza ( 38 ).

81.

Huwa minnu li, kif tirrileva l-appellanti, l-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 tinkludi anness, l-“Appendiċi A”, imsemmi “Term Sheet”, datat ukoll l‑10 ta’ Marzu 2014. Fl-ewwel paġna tiegħu, dan l-anness jinkludi l-indikazzjoni “abbozz” (draft) kif ukoll tiġi indikata b’mod espliċitu n-natura “indikattiva” tiegħu (indicative terms and conditions). Dan jirreferi wkoll għall-avviż importanti li jinsab fl-aħħar paġna li għandu l-kontenut imsemmi mill-appellanti u indikat fil-punt 71 iktar ’il fuq.

82.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, minkejja li l-konstatazzjoni tan-natura ta’ abbozz tat-termini speċifiċi tal-anness tal-ittra, kif ukoll l-indikazzjoni, li fir-realtà tidher standardizzata, li tinsab fl-aħħar tiegħu, jistgħu effettivament jirriżultaw f’konfużjoni dwar in-natura vinkolanti tal-anness innifsu u għalhekk tat-termini u tal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-finanzjament fih imsemmija, dawn ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni n-natura vinkolanti tal-ittra fiha nnifisha u tal-impenn ta’ Deutsche Bank li tipprovdi l-finanzjament ta’ EUR 45 miljun lil Capricorn indikat b’mod espliċitu f’din l-ittra. Għalhekk, minkejja li l-elementi indikati mill-appellanti jistgħu jqiegħdu inkwistjoni n-natura vinkolanti tal-anness, dawn ma jqegħdux inkwistjoni n-natura vinkolanti tal-impenn li jinsab fl-ittra u dan iktar u iktar fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 79 u 80.

83.

Fil-fehma tiegħi, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li mill-fajl sottomess lill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax b’mod evidenti, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq, sabiex jiġi kkonstatat l-iżnaturament ta’ dokument, li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014. Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tar-raba’ aggravju wkoll għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

4.   Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ aggravju, dwar in‑nuqqas ta’ solvenza ta’ Capricorn

a)   Argumenti tal‑partijiet

84.

Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fil-punti 147 sa 161 tas-sentenza appellata, l-argumenti mressqa minnha fir-rikors tagħha tal-ewwel istanza, dwar is-sitwazzjoni ekonomika prekarja tal-kumpanniji differenti tal-grupp li minnu kienet tifforma parti Capricorn, kif ukoll tal-proprjetarju tiegħu. Dawn l-argumenti juru li Capricorn qatt ma seta’ jkollha finanzjament iggarantit, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni fil-punti 242, 247, 261 u 277 tad-deċiżjoni finali.

85.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti.

b)   Evalwazzjoni

86.

Mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti kienet ipproduċiet sensiela ta’ provi intiżi li juru li l-grupp li minnu kienet tifforma parti Capricorn u l-persuna li tmexxi dan il-grupp kien ilhom f’diffikultajiet ekonomiċi gravi sa mill-2012, u għalhekk ferm qabel l-għoti wara s-sejħa għal offerti.

87.

L-appellanti kienet ipproduċiet dawn il-provi sabiex turi żball tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali fir-rigward tal-kapaċità ta’ Capricorn li tħallas il-prezz u għalhekk li tissodisfa l-kriterju ta’ sigurtà tal-finanzjament tat-tranżazzjoni previst għall-għażla tal-investituri interessati fix-xiri tal-assi tan-Nürburgring ( 39 ).

88.

F’dan ir-rigward, kif wara kollox tammetti l-Kummissjoni stess, minn qari tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma wieġbet b’mod espliċitu għal dawn l-argumenti. Tista’ forsi tinsilet motivazzjoni impliċita, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43, fir-realtà b’ċertu sforz interpretattiv, mill-punt 158 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014, ikkonkludiet li l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux juru li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar l-osservanza tar-rekwiżit ta’ garanzija ta’ finanzjament vinkolanti li kien jaqa’ fil-kuntest tal-kriterju ta’ sigurtà tat-tranżazzjoni.

89.

Fi kwalunkwe każ anki jekk f’dan ir-rigward jeżisti difett ta’ motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, anki jekk sentenza tal-Qorti Ġenerali tkun ivvizzjata minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-appell għandu xorta waħda jiġi miċħud jekk id-dispożittiv tas-sentenza jidher li jkun fondat għal raġunijiet legali oħra ( 40 ).

90.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha għad-dispożizzjoni meta adottatha ( 41 ).

91.

Il-Kummissjoni argumentat, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali hija ma kellhiex l-informazzjoni li fuqha huwa bbażat l-ilment imqajjem fl-ewwel istanza mill-appellanti f’dan ir-rigward, u l-appellanti b’ebda mod ma pprovat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dan kien il-każ.

92.

Fid-dawl ta’ dan, inqis li t-tielet parti tar-raba’ aggravju ma għandux jintlaqa’.

5.   Fuq ir‑raba’ parti tar‑raba’ aggravju, dwar it‑tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill‑allokazzjoni tal‑assi tan‑Nürburgring lil Capricorn fil‑11 ta’ Marzu 2014

a)   Argumenti tal‑partijiet

93.

Fir-raba’ parti tar-raba’ aggravju l-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu, fil-punti 162 sa 168 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tagħha dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn fil‑11 ta’ Marzu 2014.

94.

Skont l-appellanti billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element, il-Qorti Ġenerali donnha kkunsidrat li l-kwistjoni tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tirrigwarda biss avvenimenti li seħħew qabel id-data tal-għoti tal-kuntratt. Din l-analiżi hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni ma ntemmitx bl-allokazzjoni tal-assi li seħħet fil‑11 ta’ Marzu 2014, iżda biss bl-adozzjoni tad-deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni li seħħet fl‑1 ta’ Ottubru 2014.

95.

Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-att formali ta’ allokazzjoni tal-assi kien irrappreżenta tip ta’ “waqfa” li warajha l-Kummissjoni ma setgħetx iktar tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali fil-pussess tagħha sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari. Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Qorti Ġenerali, matul l-investigazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, l-element deċiżiv ma huwiex jekk, wara l-ilment tagħha ta’ Diċembru 2013, hija setgħetx tressaq ilment ieħor, iżda jekk, kif previst mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellhiex l-informazzjoni kollha li hija seta’ jkollha oġġettivament. Sussegwentement l-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti minnha.

96.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti.

b)   Evalwazzjoni

97.

Permezz tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju l-appellanti tikkontesta r-raġunament magħmul fil-punti 165 sa 168 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tagħha dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi ta’ Nürburgring lil Capricorn fil‑11 ta’ Marzu 2014.

98.

F’din il-parti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, bdiet mill-premessa li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet intiża biex tikkonstata jekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata, għall-finijiet tal-verifika dwar jekk l-assi tan-Nürburgring kinux ġew ittrasferiti bil-prezz tas-suq tagħhom. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-allegata għajnuna li kellha tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża (korrispondenti, skont l-appellanti, għad-differenza bejn il-prezz imħallas minn Capricorn għall-assi tan-Nürburgring u l-prezz tas-suq tagħhom), kienet eventwalment ingħatat lil Capricorn fil‑11 ta’ Marzu 2014, data tal-allokazzjoni ta’ dawn l-assi lil din tal-aħħar u tal-firma tal-kuntratt ta’ bejgħ li kien jistabbilixxi l-prezz tal-akkwist tal-imsemmija assi dovut minn Capricorn.

99.

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li minn dan isegwi li l-fatti sussegwenti għal din id-data, bħat-trasferiment minn Capricorn lil subxerrej tas-sehem li hija kellha fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring, ma kinux rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ingħatatx għajnuna lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Sussegwentement il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ir-raġunament billi ddikjarat li jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza xtaqet li hija teżamina wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida li tirriżulta mill-allegata tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ, b’mod suċċessiv għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, hija kellha tressaq ilment ġdid f’dan ir-rigward.

100.

F’dan ir-rigward, inqis qabel kollox li għandu jiġi miċħud l-ilment dwar żnaturament tal-provi min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-appellanti b’ebda mod ma tispeċifika fuq liema elementi huwa bbażat tali żnaturament.

101.

Fir-rigward tal-ilment dwar l-analiżi żbaljata min-naħa tal-Qorti Ġenerali, infakkar li, kif imsemmi fil-punt 90 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha meta adottatha.

102.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ġustament targumenta l-appellanti, il-fażi preliminari tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tintemm fil-mument tal-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ waħda mid-deċiżjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, u mhux f’mument preċedenti, bħal pereżempju fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz tal-allokazzjoni tal-beni oġġett tal-istess proċedura.

103.

Għalhekk, ma huwiex eskluż li elementi ta’ analiżi ġodda u rilevanti, li l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien tagħhom sa dak il-mument, jistgħu jirriżultaw sussegwentement għat-tmiem tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni relattiva tal-Kummissjoni. F’tali każ inqis li l-Kummissjoni ma hijiex eżentata milli tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ġodda rilevanti fl-analiżi tagħha għas-sempliċi raġuni li saret taf bihom wara l-għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi tista’ twassal lill-Kummissjoni biex tbiddel l-analiżi tagħha dwar l-eżistenza jew le ta’ għajnuna.

104.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex ġuridikament korrett li jiġi kkunsidrat, kif dedott mill-aħħar sentenza tal-punt 166 tas-sentenza appellata, li fatti sussegwenti għad-data tal-għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tal-allokazzjoni tal-beni oġġett ta’ din il-proċedura, b’ebda mod ma jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ingħatatx għajnuna fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

105.

F’dan il-każ nirrileva wkoll, li għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-punt 167 tas-sentenza appellata u ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni, l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza mill-appellanti u relatati ma’ fatti li seħħew wara l-għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinux initiżi biex il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida li tirriżulta mill-allegata tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ, iżda pjuttost biex iqiegħdu inkwistjoni n-natura trasparenti u nondiskriminatorja tas-sejħa għal offerti li kienet wasslet għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn.

106.

Mill-kunsiderazzjonjiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mill-appellanti dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn fil‑11 ta’ Marzu 2014 billi għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li dawn kienu jirrigwardaw fatti li seħħew sussegwentement għad-data tal-għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

107.

Madankollu, kif dedott mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, jekk mill-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda mid-dispożittiv tagħha jidher li dan ikun fondat minħabba raġunijiet legali oħra, l-appell għandu jiġi miċħud.

108.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-motiv imressaq mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien ibbażat essenzjalment fuq iċ-ċirkustanza li, wara l-konklużjoni tal-ewwel bejgħ, ix-xerrejja u l-bejjiegħa kienu kkonkludew ftehim ta’ garanzija għall-ħlas tal-pagamenti tal-prezz ta’ bejgħ li kien jipprevedi l-possibbiltà li, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas kontinwu tat-tieni pagament tal-prezz ta’ bejgħ, l-assi kellhom jinbiegħu mill-ġdid – dak li mbagħad seħħ effettivament.

109.

F’dan ir-rigward inqis li din iċ-ċirkustanza, sussegwenti għall-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring fl-aħħar tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li tagħha għalhekk ma setax ikun hemm għarfien fil-mument tal-allokazzjoni ta’ dawn il-beni, fl-assenza ta’ elementi oħra, waħedha ma tistax tiġi kkunsidrata adegwata sabiex jintwera li l-ewwel proċedura żvolġiet b’mod mhux trasparenti u diskriminatorju u għalhekk kienet wasslet għall-bejgħ ta’ dawn l-assi fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti bi prezz li ma jikkorrispondix għall-prezz tas-suq.

110.

Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li anki r-raba’ parti tar-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

6.   Fuq il‑ħames parti tar‑raba’ aggravju, dwar difett ta’ motivazzjoni tas‑sentenza appellata

a)   Argumenti tal‑partijiet

111.

Permezz tal-ħames parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-punti 173 sa 176 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħha mressqa fl-ewwel istanza u miġbura fil-qosor fil-punti 170 u 171 ta’ din is-sentenza. L-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali għamlet biss sintesi tal-argumenti tagħha fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, mingħajr ma eżaminathom minimament u mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni għaċ-ċaħda tagħhom. Dan ifisser li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni kif ukoll minn żnaturament tal-provi prodotti mill-appellanti u minn żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u tal-Artikolu 108(3) TFUE.

112.

Il-Kummissjoni tqis li l-ħames parti tar-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. Din l-istituzzjoni tammetti li l-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni konċiża, iżda din il-motivazzjoni hija suffiċjentement ċara. L-ilmenti kollha miġbura fil-qosor fil-punt 170 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kera msemmi fil-punt 171, kienu jirrigwardaw fatti li seħħew biss wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u wara l-għoti tal-kuntratt u għalhekk huma irrilevanti fl-analiżi.

b)   Evalwazzjoni

113.

Fil-punti 170 sa 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat it-tielet parti tat-tielet motiv imqajjem quddiemha mill-appellanti, rigward il-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida. Fil-punt 170, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor erba’ argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u fil-punt 171 ġabret fil-qosor wieħed, dwar il-kuntratt ta’ kera li kien jirrigwarda l-assi tan-Nürburgring.

114.

Kif ammettiet il-Kummissjoni stess, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal dawn l-argumenti iżda għamlet biss riferiment fil-punt 173 tas-sentenza appellata għar-“raġunijiet esposti fil-punti 138 sa 158, [li jipprovdu li] ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti”, filwaqt li żiedet, fil-punt segwenti, li “[m]inn dawn l-istess raġunijiet jirriżulta wkoll li l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kera li jirrigwarda l-assi tan-Nürburgring jew modalitajiet ta’ pagament oħra tal-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija assi”.

115.

Niddubita li motivazzjoni ta’ dan it-tip, ibbażata fuq sempliċi rinviju daqstant ġenerali għal partijiet oħra tas-sentenza, mingħajr ebda spjegazzjoni minima ulterjuri, hija, tal-inqas f’dan il-każ, kompatibbli mal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali kif stabbilit mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 41 sa 44 iktar ’il fuq. Fil-fatt, tali motivazzjoni ma tippermettix, li jinftiehem, lanqas b’mod impliċitu, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

116.

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali loġikament ċaħdet dawn l-argumenti b’mod impliċitu peress li dawn kienu jirrigwardaw ġrajjiet li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u għalhekk ma setax ikollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-prezz ta’ bejgħ rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, nirrileva, fl-ewwel lok, li mill-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata b’ebda mod ma jirriżulta li din hija r-raġuni tar-rifjut ta’ dawn l-argumenti min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Fit-tieni lok, nirrileva wkoll li, minkejja li r-raġuni adottata mill-Kummissjoni tista’ eventwalment tapplika għat-tieni, it-tielet u r-raba’ argument imsemmija fil-punt 170 ( 42 ), madankollu din donnha ma tapplikax għall-ewwel minn dawn l-argumenti peress li l-allokazzjoni ta’ EUR 6 miljun hemm imsemmija donnha kienet prevista fil-kuntratt ta’ bejgħ stess. Din lanqas ma tapplika għall-argumenti msemmija fil-punti 171 tas-sentenza appellata u relatati mal-kuntratt ta’ kera, li donnu ġie nnegozjat qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ. Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, kif indikat fil-punt 104 iktar ’il fuq ma huwiex eskluż li fatti sussegwenti għad-data ta’ għeluq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tal-allokazzjoni tal-beni oġġett ta’ din is-sejħa jistgħu jirriżultaw rilevanti għall-analiżi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li xi avvenimenti huma sussegwenti għat-tmiem tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma hijiex suffiċjenti waħedha biex tirrendihom kompletament irrilevanti.

117.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nirrileva li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni u li, għalhekk, il-ħames parti tar-raba’ aggravju għandu jintlaqa’.

C. Fuq il‑ħames aggravju dwar il‑motivazzjoni insuffiċjenti tat‑tieni deċiżjoni kontenzjuża

1.   Argumenti tal‑partijiet

118.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tikkontesta r-rifjut min-naħa tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 182 sa 189 tas-sentenza appellata, tal-motiv imqajjem minnha dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

119.

Skont l-appellanti huwa impossibbli li jiġu identifikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punti 240 u 247 tad-deċiżjoni finali, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biegħet l-assi tan-Nürburgring lill-offerent li ssottometta l-ogħla offerta b’finanzjament iggarantit, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata. Lanqas ma huwa ċar għalfejn u fuq liema bażi legali l-Kummissjoni waslet, fil-punt 285 tad-deċiżjoni finali, għall-konklużjoni li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-uniku punt li huwa ċar huwa li din il-konklużjoni ma tirrigwardax il-bejgħ inkluż fil-“Miżura 15”, iddefinita fil-punt 38 tad-deċiżjoni finali. Madankollu, dan il-punt jirreferi għal bejgħ ieħor lil impriżi oħra, li seħħ ferm qabel l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Ma huwiex ċar għalfejn id-deċiżjoni fundamentali tal-Kummissjoni, li l-bejgħ lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ma tidhirx b’mod indipendenti u espress fid-dispożittiv tad-deċiżjoni finali.

120.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissabbli, u fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

2.   Evalwazzjoni

121.

Fir-rigward tal-ħames aggravju nfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita aggravju li jikkonsisti f’sempliċi riproduzzjoni ta’ motivi jew argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali huwa inammissibbli ( 43 ).

122.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fl-appell tagħha, l-appellanti llimitat ruħha għas-sempliċi tressiq tal-istess argumenti mressqa fl-ewwel istanza dwar id-difett ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tikkontesta r-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet tali argumenti fis-sentenza appellata. Għalhekk, inqis li l-ħames aggravju huwa inammissibbli.

123.

Barra minn hekk, nirrileva wkoll li naqbel mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 182 sa 189 tas-sentenza appellata, li għaliha nirreferi, li permezz tagħha ċaħdet l-argumenti fuq imsemmija mressqa mill-appellanti dwar l-allegata insuffiċjenza tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

V. Konklużjoni

124.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-ħames parti tar-raba’ aggravju mressaq minn Ja zum Nürburgring eV.; u

tiċħad il-partijiet l-oħra tar-raba’ aggravju, kif ukoll il-ħames aggravju tal-istess appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 2016, L 34, p. 1.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Illum dan ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 4 ) Ara rispettivament, l-Artikoli 2 u 3(2) tad-deċiżjoni finali.

( 5 ) Ara l-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni finali.

( 6 ) Ara l-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Ara l-punt 83 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Ara l-punt 93 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-punti 196 u 198 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 18), kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 44).

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 64 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Scandlines Danmark et vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:199).

( 13 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:255, punt 36 et seq. għal riferimenti ġurisprudenzjali oħra).

( 16 ) Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward la tmur kontra s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), u lanqas is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Ferracci, minn (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873). Fl-ewwel sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ parti interessata lil impriża, li ma kinitx kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda li għall-proċess ta’ produzzjoni tagħha kienet teħtieġ l-istess materja prima mingħandu, peress li hija kienet iddikjarat li l-interessi tagħha setgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna u kienet ipprovat b’mod suffiċjenti r-riskju li l-għajnuna seta’ jkollha inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara l-punti 64 u 65). Għall-kuntrarju ta’ dak li tinvoka l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq iċ-ċirkustanza li ż-żewġ impriżi interessati kellhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni f’suq upstream, dak tal-materja prima inkwistjoni. B’danakollu, għal dak li jirrigwarda l-punt 43 tat-tieni sentenza, invokat mill-Kummissjoni, dan ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest peress li f’dan il-punt tal-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma ttrattat il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ “parti interessata”. Dan il-punt jirrigwarda pjuttost il-kwistjoni tal-eventwali inċidenza diretta fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ lanjant ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħalli kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna li kienu jqiegħdu lil tali lanjant f’sitwazzjoni kompetittiva ta’ żvantaġġ.

( 17 ) F’dan ir-rigward insostni li l-punt 12 tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Comité d’entreprise de la SNCM vs SNCM u Il‑Kummissjoni (C 410/15 P (I), EU:C:2015:669) li għalih il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment fil-punt 87 tas-sentenza appellata ma jistax jinftiehem fis-sens li s-sempliċi pussess ta’ informazzjoni rilevanti huwa suffiċjenti sabiex tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ “parti interessata”. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-punt, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja kien qiegħed jirreferi pjuttost għall-għan segwit mir-rikonoxximent, lill-parti inkwistjoni f’dik il-kawża, tal-kwalità ta’ “parti interessata”.

( 18 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il‑Kummissjoni (C‑100/14 P, EU:C:2015:382, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 24).

( 19 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2017, Ludwig‑Bölkow‑Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni (C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punt 55).

( 20 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, China Construction Bank vs EUIPO (C‑115/19 P, EU:C:2020:469, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni (C‑593/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:804, punt 27).

( 22 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni, (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Editions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara f’dan is-sens ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2020:735, punt 89).

( 25 ) Ara, f’iktar dettall, il-punt 53 iktar ’il quddiem.

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 110).

( 27 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 80) u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 112).

( 29 ) F’dan ir-rigward ara, ex multis, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni (C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Il-verżjoni oriġinali fil-lingwa Ingliża hija s-segwenti “IMPORTANT NOTICE: […] This term sheet is for discussion purposes only and is not intended to create any legally binding obligation between us”.

( 32 ) Dawn huma l-frażijiet segwenti “This document does not constitute advice, or an offer (of any type), invitation to offer or recommendation, to you. If after making your own assessment you independently decide you would like to pursue a specific transaction with us there will be separate offering or other legal documentation, the terms of which will (if agreed) supersede any indicative and summary terms contained in this document. We therefore do not accept any liability for any direct, consequential or other loss arising from reliance on this document”.

( 33 ) Ara ex multis, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara ex multis, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Ertico – ITS Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑572/19 P, EU:C:2021:188, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) B’hekk pereżempju, l-ittra tibda bil-frażi segwenti: “We are pleased to confirm the terms and conditions on which Deutsche Bank […] is willing to arrange and underwrite the financing […]”. It-Taqsima 1 tal-ittra, intitolata “Financing” tinkludi s-segwenti frażi: “We are pleased to confirm the terms on which […, Deutsche Bank…] is willing to underwite [,,,] 100% of a loan facility”. It-Taqsima 10 tal-ittra, intitolata “Commitment expiry”, tirregola l-bidu u t-tmiem tan-natura vinkolanti tal-ittra.

( 37 ) Fl-ittra tas‑17 ta’ Frar 2014 ġiet iddikjarata b’mod espliċitu n-natura mhux vinkolanti (kif dedott mill-frażi espliċita li tgħid “this letter does not constitute a commitment on the part of, or engagement of, DB or any of its affiliates”). Din l-ittra donnha tikkostitwixxi l-ewwel pass tal-proċess ta’ negozjati kif dedott mill-frażi segwenti li tinsab fiha: “DB is pleased to inform you that […] we […] are confident in our ability to underwrite the Financing Transaction to finance, in part, the Transaction”. Għal dak li jirrigwarda l-ittra tal‑25 ta’ Frar 2014, din donnha tikkostitwixxi stadju iktar avvanzat tan-negozjati li fih ix-xerrej jiġi informat, minn naħa, dwar l-approvazzjoni fil-prinċipju tal-għoti tal-finanzjament min-naħa tal-kumitat tal-kreditu, iżda wkoll dwar il-ħtieġa ta’ approvazzjonijiet oħra interni, u min-naħa l-oħra, dwar il-fatt li l-proċess ta’ “due diligence” kien għadu ma ġiex konkluż għalkollox.

( 38 ) Kif jirriżulta mit-Taqsima 2 ta’ din l-ittra dawn il-kundizzjonijiet huma (i) l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, (ii) l-assenza ta’ tibdil sinjifikattiv għal dak li jirrigwarda l-assi mixtrija, u (iii) l-assenza ta’ illegalità fil-finanzjament.

( 39 ) Ara b’mod partikolari, il-premessa 48 tad-deċiżjoni finali.

( 40 ) Ara f’dan is-sens, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għad-difetti ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:223, punti 3940).

( 41 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Jiġifieri l-posponiment tal-ħlas tat-tieni pagament tal-prezz ta’ bejgħ, in-nuqqas ta’ rkupru tal-penali u t-trasferiment tal-assi lil subxerrej.

( 43 ) F’dan ir-rigward, ara ex multis, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, ND u OE vs Il‑Kummissjoni (C‑317/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:688, punt 2728 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top