Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0465

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2018.
Falck Rettungsdienste GmbH u Falck A/S vs Stadt Solingen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Trasport bl-ambulanza kkwalifikat.
Kawża C-465/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:907

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fl‑14 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑465/17

Falck Rettungsdienste GmbH,

Falck A/S

vs

Stadt Solingen

bl-intervent ta’:

Arbeiter‑Samariter‑Bund Regionalverband Bergisch Land e.V.,

Malteser Hilfsdienst e.V.,

Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Solingen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2014/24/UE — Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi — Id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli — Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ — Servizzi tal-ambulanzi”

1. 

Skont l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ), din ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma ċerti servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili u prevenzjoni tal-perikoli, ipprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

2. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, qed jiġi mistoqsi jekk din l-esklużjoni tolqotx is-“servizzi tal-ambulanzi” u kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-kontroversja tirrigwarda ir-rilevanza possibbli tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-limiti tagħhom.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/24/UE

3.

Fil-premessi 28 u 118 jidher dan li ġej:

“(28)

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, l-esklużjoni m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ. Għalhekk għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi. F’dak il-kuntest huwa aktar meħtieġ li jiġi ċċarat li l-Grupp CPV [il-‘Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi’] 601 ‘Servizzi tat-Trasport bl-Art” ma jkoprix is-servizzi tal-ambulanzi, li jinsab fil-klassi CPV 8514. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li servizzi, li huma koperti bil-Kodiċi CPV 85143000‑3, li jikkonsistu b’mod esklussiv fis-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi għandu jkun soġġett għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-reġim anqas strett’. Konsegwentament, kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza.

[…]

(118)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi, din id-Direttiva għandha tippermetti li l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist għal ċerti servizzi fl-oqsma tas-servizzi tas-saħħa, soċjali u kulturali għandhom jiġu riservati għal organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-impjegat jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegat fit-tmexxija tagħhom, u għall-organizzazzjonijiet eżistenti bħal kooperattivi biex jipparteċipaw fit-twassil ta’ dawn is-servizzi lill-utenti finali. Din id-dispożizzjoni hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni esklussivament għal ċerti servizzi tas-saħħa, soċjali u oħrajn relatati, ċerti servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ, libreriji, arkivji, mużewijiet u servizzi kulturali oħra, servizzi sportivi, u servizzi għad-djar privati, u mhix intenzjonata li tkopri kwalunkwe waħda mill-esklużjonijiet previsti b’mod ieħor minn din id-Direttiva. Dawk is-servizzi għandhom ikunu koperti biss mir-reġim anqas strett.”

4.

Konformement mal-Artikolu 10 tagħha, id-Direttiva 2014/24 ma għandhiex tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi għal:

“[…]

(h)

id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli ( 3 ) li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-Kodiċi CPV segwenti: 75250000‑3, 75251000‑0, 75251100‑1, 75251110‑4, 75251120‑7, 75252000‑7, 75222000‑8, 98113100‑9 u 85143000‑3 ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

[…]”.

5.

L-Artikolu 76 jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti soġġetti għal dan il-Kapitolu biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-taliregoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.”

6.

L-Artikolu 77 jindika li:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjoni tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklussivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-Kodiċi CPV 75121000‑0, 75122000‑7, 75123000‑4„ 79622000‑0, 79624000‑4, 79625000‑1, 80110000‑8, 80300000‑7, 80420000‑4, 80430000‑7, 80511000‑9, 80520000‑5, 80590000‑6, minn 85000000‑9 sa 85323000‑9, 92500000‑6, 92600000‑7, 98133000‑4, 98133110‑8.

2.   L-organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-objettiv tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku marbuta mat-twassil tas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 1;

(b)

il-profitti jerġgħu jiġu investiti bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-organizzazzjoni. Fejn il-profitti jkunu mqassma jew jerġgħu jitqassmu, dan għandu jkun ibbażat fuq konsiderazzjonijiet parteċipattivi;

(c)

l-istrutturi tal-ġestjoni jew tas-sjieda tal-organizzazzjoni li qed twettaq il-kuntratt għandhom huma bbażati fuq sjieda mill-impjegati jew prinċipji parteċipattivi, jew jeħtieġu l-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati, l-utenti jew il-partijiet interessati; u

(d)

l-organizzazzjoni ma tkunx ingħatat kuntratt għas-servizzi konċernati mill-awtorità kontraenti konċernata skont dan l-Artikolu fl-aħħar tliet snin.

[…]”

B.   Id-dritt nazzjonali

7.

Skont l-ewwel parti tal-Artikolu 107(1)(4) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen ( 4 ), din il-liġi ma hijiex applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma d-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tal-perikoli pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-Kodiċi CPV 7520000‑3, 75251000‑0, 75251100‑1, 75251110‑4, 75251120‑7, 75252000‑7, 75222000‑8, 98113100‑9 u 85143000‑3, ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi.

8.

Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona fid-dritt nazzjonali tiegħu l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, iżda żied it-tieni parti, li tipprovdi dan li ġej:

“Jiġu kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-sens ta’ dan il-punt, b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti skont id-dritt nazzjonali jew tal-Länder bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u difiża ċivili.”

9.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Gesetz über den Rettungsdienste sowie die Notfallrettung und den Krankentransport durch Unternehmer ( 5 ), is-servizzi ta’ sokkors jinkludu s-salvataġġ ta’ emerġenza, it-trasport tal-morda u t-trattament ta’ numru kbir ta’ feruti u morda f’każijiet ta’ diżastru.

10.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-RettG NRW tafferma li s-salvataġġ ta’ emerġenza jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ miżuri, fil-post tal-emerġenza, li jsalvaw il-ħajja ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, li jpoġġu lil dawn il-pazjenti f’sitwazzjoni li jiġu ttrasportati u li jiġu evitati danni akbar, filwaqt li jittieħdu f’unitajiet mediċi jew ambulanzi sa sptar mgħammar bil-mezzi għal kura iktar kompleta.

11.

Skont l-Artikolu 2(3) tar-RettG NRW, it-trasport tal-morda jinkludi l-provvista ta’ trattament speċjalizzat lill-morda, feruti jew persuni oħrajn fil-bżonn ta’ għajnuna, differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni u, bl-assistenza ta’ persunal ikkwalifikat, li jiġu ttrasportati, pereżempju, bl-ambulanzi.

12.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) taz-Zivilschutz- und Katastrophenhilfegesetz ( 6 ) tenfasizza li huma indikati, b’mod speċjali għall-kollaborazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet imsemmija f’din il-liġi, l-Arbeiter-Samariter‑Bund, id-Deutsche Lebensrettungsgesellschaft, id-Deutsches Rotes Kreuz (Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja), il-Johanniter-Unfall-Hilfe u l-Malteser‑Hilfsdienst.

13.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(2) tal-Gesetz über den Brandschutz, die Hilfeleistung und den Katastrophenschutz ( 7 )jipprovdu li:

“1.   L-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna privati għandhom jikkollaboraw f’każijiet ta’ inċidenti u ta’ emerġenza pubblika, skjeramenti u diżastri kbar, jekk dawn ikunu ddikjaraw mal-ogħla awtorità ta’ sorveljanza li jinsabu disposti li jikkollaboraw u jekk din tkun ivverifikat l-adegwatezza ġenerali tagħhom biex jagħmlu dan u l-ħtieġa tal-kollaborazzjoni (organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti). […]

2.   Għall-organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) taz-[ZSKG] […] la għandha tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni li jinsabu disposti li jikkollaboraw u lanqas il-verifika tal-adegwatezza ġenerali.”

II. Il-fatti u d-domandi preliminari

14.

F’Marzu 2016, il-belt ta’ Solingen (il-Ġermanja) iddeċidiet li ġġedded l-għoti tas-servizzi muniċipali ta’ sokkors għal perijodu ta’ ħames snin ( 8 ). Minflok ma ppubblikat avviż ta’ kuntratt, l-awtorità muniċipali stiednet erba’ organizzazzjonijiet ta’ għajnuna biex jippreżentawlha l-offerti tagħhom. Finalment, tnejn minnhom (Arbeiter-Samariter-Bund u Malteser Hilfdienst) ingħataw kull wieħed miż-żewġ lottijiet li fihom kien jinqasam il-kuntratt.

15.

Falck Rettungsdienste u Falck, impriżi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ sokkors u trattament għall-morda, oġġezzjonaw quddiem il-Vergabekammer Rheinland (il-Bord ta’ kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland, il-Ġermanja) li l-għoti kellu jkun konformi mal-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi tad-dritt tal-Unjoni.

16.

Il-bord ċaħad il-kontestazzjoni fid‑19 ta’ Awwissu 2016, filwaqt li qies applikabbli l-Artikolu 107(1)(4) tal-GWB.

17.

Id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’ambulanza minn tekniku mediku/paramediku u l-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’ambulanza għat-trasport tal-pazjenti minn paramediku/assistant mediku jikkostitwixxu ‘id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE li jaqgħu taħt is-CPV (il-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi) Kodiċijiet 75252000‑7 (servizzi ta’ salvataġġ) u 85143000‑3 (servizzi tal-ambulanzi)?

2.

L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24[…] jista’ jinftiehem fis-sens li ‘organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ’ jinkludu, b’mod partikolari, organizzazzjonijiet ta’ għajnuna li huma rrikonoxxuti taħt id-dritt nazzjonali bħala organizzazzjonijiet ta’ difiża ċivili u ta’ protezzjoni ċivili?

3.

L-‘organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24[…] huma dawk li għandhom l-għan li jassumu missjonijiet ta’ servizz pubbliku, li ma joperawx bi skop li jagħmlu qligħ u li jinvestu mill-ġdid kwalunkwe qligħ sabiex jilħqu l-għan tal-organizzazzjoni?

4.

It-trasport ta’ pazjent f’ambulanza waqt li jkun qiegħed jingħata kura minn paramediku/assistent mediku (hekk imsejjaħ transport ta’ pazjent ikkwalifikat) huwa ‘servizz[i] tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE, li ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni u li għalih tapplika d-Direttiva 2014/24[…]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet

18.

Id-domandi preliminari ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2017. L-Arbeiter‑Samariter‑Bund, il-Falck Rettungsdienste, il-Malteser Hilfsdienst, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja, il-belt ta’ Solingen, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Norveġiż u l-Gvern Rumen, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma, minbarra l-Gvern Norveġiż u dak Rumen, dehru fis-seduta pubblika tal‑5 ta’ Settembru 2018.

19.

Falck Rettungsdienste tallega, preliminarjament, li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 imur kontra d-dritt primarju, minħabba li jistabbilixxi eċċezzjoni bbażata fuq kriterju ratione personae, mhux dak ratione materiae. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li tkun konformi mar-regoli tal-Unjoni, filwaqt li jiġu ċċarati r-rekwiżiti imposti mid-dritt primarju għall-għoti dirett lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

20.

Skont Falck Rettungsdienste:

L-ewwel domanda għandha tingħata risposta negattiva. Din tiddefendi interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni, li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-perikoli fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza l-iktar sinjifikattivi u serji.

Ir-risposta għat-tieni domanda wkoll għandha tkun negattiva minħabba li, skont id-dritt Ġermaniż, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni u difiża ċivili ma jiddependix mill-fatt li ma għandhomx skop ta’ qligħ.

It-tielet domanda wkoll tixraqilha risposta negattiva, minħabba li r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġu ddefiniti l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ ma humiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Ir-raba’ domanda għandha tingħata risposta affermattiva, riżultat tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10(h) u tal-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24.

21.

Il-belt ta’ Solingen:

Hija favur, fir-rigward tal-ewwel domanda, interpretazzjoni tal-“prevenzjoni tal-perikoli” li tinkludi kull att intiż li jimpedixxi l-espożizzjoni ta’ dritt għal perikoli u/jew danni, inkluż it-trasport bl-ambulanzi kkwalifikat.

Tisħaq, fir-rigward tat-tieni domanda, li r-riferiment tal-leġiżlatur Ġermaniż għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huwa biss “riferiment partikolari”, li ma jimpedixxix lil entitajiet oħrajn milli jinvokaw l-istatus tagħhom ta’ “organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ” fis-sens tad-Direttiva 2014/24.

Tinterpreta dan il-kunċett, bħala risposta għat-tielet domanda, b’tali mod li jeżiġi biss it-twettiq altruwistiku tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku.

Tipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-kontraeċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 ma tinkludix is-servizzi ta’ trasport bl-ambulanzi kkwalifikat. B’mod speċjali, l-interventi ta’ emerġenza u t-trasport ikkwalifikat jiffurmaw unità organizzattiva li teżiġi trattament unifikat.

22.

Arbeiter‑Samariter‑Bund taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni tal-belt ta’ Solingen fir-rigward tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domandi. Fir-rigward tat-tieni domanda, tisħaq li l-leġiżlatur nazzjonali uża l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu sabiex jittrasponi l-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. Dawn l-istess argumenti huma appoġġjati wkoll mill-Malteser Hilfdienst.

23.

Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja, li tibda billi turi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-osservazzjonijiet preliminari ta’ Falck Rettungsdienste, tappoġġja pożizzjoni simili għal dik tal-belt ta’ Solingen fir-rigward tal-ewwel u t-tielet domandi. Fir-rigward tat-tieni domanda, tinsisti, bħal Arbeiter‑Samariter‑Bund, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Fir-rigward tar-raba’ domanda, issostni li t-trasport ikkwalifikat tal-pazjenti huwa element kruċjali kemm tad-difiża u tal-protezzjoni ċivili, kif ukoll tal-prevenzjoni tal-perikoli. Fl-opinjoni tagħha, dan it-trasport jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae li jikkonċerna l-eċċezzjoni inkwistjoni.

24.

Skont il-Gvern Ġermaniż:

Fir-rigward tal-ewwel domanda, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-prevenzjoni tal-perikoli li tinkludi l-assistenza lil pazjenti f’sitwazzjoni individwali ta’ emerġenza u ta’ inċident, b’kuntrast mas-sitwazzjonijiet ta’ danni fuq skala kbira, iktar tipiċi għad-difiża u għall-protezzjoni ċivili.

Fir-rigward tat-tieni domanda, jaqbel mal-pożizzjoni tal-belt ta’ Solingen, filwaqt li jenfasizza li l-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għandhu jinftiehem fid-dawl tal-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24. In-“natura partikolari” tagħha tista’ tiġi ddeterminata biss fil-kuntest ġuridiku u ratione materiae tal-Istat Membru fejn dawn l-organizzazzjonijiet iwettqu r-rwoli tagħhom.

Fir-rigward tat-tielet domanda, jallega li l-leġiżlatur nazzjonali spjega n-natura mingħajr skop ta’ qligħ tal-organizzazzjonijiet, minn naħa, minħabba li jintervjenu, fl-interess u s-sigurtà taċ-ċittadini, fil-prevenzjoni mhux mill-pulizija tal-perikolu u fid-difiża u l-protezzjoni ċivili u, min-naħa l-oħra, minħabba li parti kbira tal-missjonijiet tagħhom jiġu fdati lil persunal volontarju, fatt li għandu konsegwenzi li ma humiex differenti minn dawk li jirriżultaw li kieku jiġu applikati kriterji differenti jew supplimentari.

Ir-raba’ domanda għandha tingħata risposta negattiva, minħabba d-differenza bejn is-sempliċi trasport ta’ pazjenti u t-trasport bl-ambulanzi kkwalifikat.

25.

Il-Gvern Norveġiż:

Isostni li s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli ma humiex limitati biss għal dawk li jingħataw f’każ ta’ diżastri kbar, iżda jinkludu sitwazzjonijiet bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda li, fl-opinjoni tiegħu, u bħala risposta għar-raba’ domanda, ma tikkostitwixxix “trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”.

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domandi, isostni li l-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u li jista’ jinkludi organizzazzjoni rrikonoxxuta bħala tali mid-dritt nazzjonali, sa fejn din tkun konformi ma’ din l-interpretazzjoni. Minkejja dan, l-evalwazzjoni tan-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ organizzazzjoni tvarja skont it-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri, li wieħed għandu jistrieħ fuqhom fil-prinċipju, mingħajr ma jiġu suġġetti għal definizzjoni li tmur lil hinn minn dak li jirriżulta minn “interpretazzjoni naturali” tad-direttiva. Konformement ma’ din, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ iwettqu missjonijiet ta’ servizz pubbliku, ma jkollhomx għan kummerċjali u jinvestu mill-ġdid il-profitti possibbli sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom.

26.

Il-Gvern Rumen esprima ruħu biss dwar l-ewwel u r-raba’ domandi, billi eżaminahom b’mod konġunt. Fl-opinjoni tiegħu, is-servizzi ta’ difiża u ta’ protezzjoni ċivili u ta’ protezzjoni tal-perikoli jinkludu kemm l-assistenza lil gruppi f’sitwazzjonijiet estremi, bħal dak ta’ individwi li ħajjithom jew saħħithom ikunu mhedda minn perikoli komuni. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, fid-dawl tal-premessa 28, twassal sabiex jiġi enfasizzat il-kunċett ta’ trasport esklużiv u mhux it-tip ta’ persunal ta’ sokkors jew it-trattament li ngħata matul it-trasport.

27.

Minn din il-perspettiva, is-servizzi tal-ambulanzi jinkludu kemm l-attivitajiet mediċi ta’ emerġenza, kif ukoll it-trasport mediku mhux assistit li ma huwiex ta’ emerġenza. Fl-ewwel kategorija ma hemmx differenza bejn it-trasport bl-ambulanzi b’tabib u b’paramediku jew b’paramediku u b’sewwieq jew assistent mediku fit-trasport, għaliex iż-żewġ servizzi jimplikaw elementi ta’ natura medika ta’ emerġenza u jaderixxu mal-għan aħħari tal-prevenzjoni tal-perikoli. Għall-kuntrarju, fit-tieni kategorija, jingħataw servizzi b’ambulanzi mhux mgħammra għal interventi mediċi ta’ emerġenza u b’sewwieq biss, għalhekk ma jaqgħux fil-qasam tad-difiża u tal-protezzjoni ċivili jew tal-prevenzjoni tal-perikoli.

28.

Skont il-Kummissjoni:

Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-prevenzjoni tal-perikoli ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza eċċezzjonali jew għall-perikoli li jaffettwaw lil gruppi sinjifikattivi ta’ persuni.

It-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt u minnhom jirriżultaw, rispettivament, risposta negattiva u oħra affermattiva. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ ma jistgħux, b’mod obbligatorju, ikunu dawk irrikonoxxuti bħala ta’ benefiċċju pubbliku mid-dritt nazzjonali, iżda pjuttost bħala dawk li jissodisfaw il-karatteristiki elenkati fit-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju.

Fuq ir-raba’ domanda preliminari, l-eċċezzjoni u l-kontraeċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 huma differenti skont jekk il-kuntratt jipprevedi biss it-trasport ta’ pazjenti jew anki ta’ servizzi bħat-trattament mediku matul it-trasport. Id-distinzjoni għandha ssir fil-mument li tintgħażel il-proċedura ta’ kuntratt u mhux f’sitwazzjoni ta’ emerġenza jew matul it-trasport tal-pazjent.

IV. Analiżi

29.

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jwasslu sabiex jiġu speċifikati mill-ġdid liema kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti minn servizz ta’ ambulanza sabiex jiġi inkluż jew eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Dawn il-kundizzjonijiet jirreferu għal: a) in-natura nnifisha ta’ dan is-servizz, mifhum oġġettivament; u b) karatteristika speċifika personali, jew suġġettiva, ta’ dak li jipprovdih, li għandha tkun organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.

30.

L-ewwel u r-raba’ domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom x’jaqsmu mal-attività oġġettiva tas-servizz ta’ ambulanza. Bħala prinċipju, dan tal-aħħar jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 biss jekk, ladarba jaqa’ fil-kategorija “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli”, ma huwiex limitat għas-sempliċi “trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”. Dan jifforma parti mill-kontraeċċezzjoni u, għaldaqstant, jiġi suġġett għar-regoli ġenerali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

31.

It-tieni u t-tielet domandi huma relatati mal-kwalità suġġettiva ta’ min jipprovdi s-servizz ta’ ambulanza, li għandha tkun inevitabbilment “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”. Huwa diskuss, b’mod partikolari, jekk dan huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq is-servizz ta’ ambulanza fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (l-ewwel u r-raba’ domandi preliminari)

32.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk fil-kategorija “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” jaqgħux dawn iż-żewġ servizzi speċifiċi:

Il-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, vittmi ta’ inċident jew avveniment analogu (“Notfallpatienten”), imwettqa f’ambulanza (“Rettungswagen”) “minn tekniku mediku/paramediku”.

Il-kura u t-trattament ta’ pazjenti, imwettqa f’ambulanza għat-trasport tal-morda (“Krankentransportwagen”) “minn paramediku/assistent mediku”.

33.

Għalkemm iż-żewġ servizzi jikkonsistu f’“kura u trattament” għal pazjenti, huma differenti f’dak li jikkonċerna l-“emerġenza”, li tiġri biss fl-ewwel wieħed, kemm fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ambulanza, kif ukoll tas-sitwazzjoni tal-persuna kkurata. L-ewwel każ jikkonċerna, għalhekk, “ambulanza”, filwaqt li t-tieni każ hija biss “tat-trasport”.

34.

Il-qorti tar-rinviju hija ċerta li l-imsemmija servizzi “ma humiex […] ta’ difiża ċivili u lanqas ta’ protezzjoni ċivili” ( 9 ). Fl-opinjoni tagħha, li tikkoinċidi ma’ dik ta’ dawk li dehru fil-proċedura, dawn jistgħu jiġu inklużi, “l-iktar l-iktar” ( 10 ), fil-“prevenzjoni tal-perikoli”.

35.

Id-Direttiva 2014/24 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” u lanqas ma tirreferi espliċitament għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddetermina s-sens tiegħu. Għalhekk, għandu jinftiehem, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan il-kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni ( 11 ).

36.

Fit-tfittxija tal-kunċett awtonomu li għalih għandha tirrispondi l-prevenzjoni tal-perikoli, huwa xieraq li wieħed jibda bil-formulazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. F’dan il-punt, huwa kważi inevitabbli li wieħed jagħmel riferiment għall-Artikolu 196 TFUE li, kif enfasizzat Falck Rettungsdienste, juża l-espressjoni “prevenzjoni ta’ riskju” fil-qasam tal-“protezzjoni ċivili” biex jirreferi għal “diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem” ( 12 ). B’dan il-mod, tipprevali l-idea li s-servizzi ta’ assistenza f’sitwazzjonijiet ta’ perikolu individwali ma jistgħux jiġu inklużi f’din l-espressjoni.

37.

Madankollu, naħseb li, bħalma fl-Artikolu 196 TFUE l-prevenzjoni tal-perikoli hija assoċjata mal-protezzjoni ċivili ( 13 ), l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxiha bħala attività bi profili proprji, mhux neċessarjament identifikabbli mal-protezzjoni ċivili.

38.

Infatti, fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, il-prevenzjoni tal-perikoli tidher differenti mill-protezzjoni ċivili u mid-difiża ċivili, fatt li jeżiġi li tiġi interpretata bħala attività awtonoma. Interpretazzjoni oħra tkun tfisser, kif twissi l-qorti tar-rinviju, li s-servizzi ta’ prevenzjoni jkunu dejjem servizzi ta’ difiża ċivili jew ta’ protezzjoni ċivili ( 14 ).

39.

L-awtonomija kunċettwali tal-prevenzjoni tal-perikoli tingħata, ġustament, b’kuntrast mal-protezzjoni ċivili u d-difiża ċivili inkwantu attivitajiet li jiffukaw fuq il-ġestjoni ta’ diżastri li l-portata tagħhom taffettwa numru kunsiderevoli ta’ persuni. F’tali sitwazzjonijiet ta’ portata kollettiva, il-prevenzjoni tal-perikoli li tagħmel riferiment għaliha d-Direttiva 2014/24 hija dik li tirrigwarda individwi f’sitwazzjoni partikolari ta’ perikolu.

40.

Madankollu, din l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju taffaċċja diffikultà. It-terminu “prevenzjoni”, fis-sens l-iktar ġenerali tiegħu, kif enfasizzat Falck Rettungsdienste ( 15 ), juri antiċipazzjoni ta’ riskju jew perikolu. Għaldaqstant, jimplika protezzjoni preventiva, mhux dik reattiva fir-rigward tar-riskju meħud u d-dannu li jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ perikolu.

41.

Jekk din id-diffikultà semantika tipprevali, is-servizz ta’ ambulanzi inkwistjoni f’dan il-proċess jitħalla barra, kważi bħala prinċipju, mill-qasam tal-“prevenzjoni tal-perikoli”. Huwa biss b’mod sforzat ħafna li jista’ jiġi interpretat li, permezz tat-trasferiment ta’ feruti jew morda bl-ambulanzi, sempliċement issir prevenzjoni tal-perikolu li, jekk dan it-trasferiment ma jsirx, il-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom tmur għall-agħar.

42.

Madankollu, l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 tippermetti li jiġu ssuperati l-insinwazzjonijiet magħmula mill-interpretazzjoni letterali. Id-dispożizzjoni ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, b’mod ġenerali u astratt, id-“difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” kollha, iżda dawk inklużi f’ċerti kodiċi CPV biss.

43.

Fost dawn il-kodiċi jidhru wħud li jidħlu fil-kunċett ta’ prevenzjoni f’sens proprju u strett ( 16 ) u oħrajn li, minħabba li huma sostanzjalment reattivi iktar milli preventivi (pereżempju, is-“servizzi ta’ salvataġġ”) ( 17 ), jistgħu jitwettqu kemm f’sitwazzjonijiet katastrofiċi kif ukoll f’każ ta’ danni jew perikoli individwali.

44.

Jekk, kif issostni l-Falck Rettungsdienste ( 18 ), il-kunċetti ta’ “protezzjoni ċivili, difiża ċivili u prevenzjoni tal-perikoli” jikkostitwixxu “kriterji ratione materiae” sabiex jiġu ddefiniti, fost dawk kollha inklużi fil-kodiċi CPV li jissemmew fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, dawk li jitwettqu f’sitwazzjonijiet katastrofiċi, il-konsegwenza tkun li l-uniċi “servizzi ta’ salvataġġ” tal-Kodiċi CPV 75252000‑7 esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huma dawk li jaffettwaw numru kbir ta’ persuni, mhux dawk li jitwettqu f’każ ta’ interventi ta’ sokkors u għall-benefiċċju ta’ persuna waħda.

45.

Madankollu, fost il-kodiċi CPV li jinsabu fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jidher, ġustament, il-85143000‑3, li jikkorrispondi għas-“servizzi tal-ambulanzi”. F’dan il-każ, ma kien ikun hemm l-ebda oġġezzjoni li jiġi applikat il-“kriterju ratione materiae” sostnut minn Falck Rettungsdienste u li jiġi konkluż li l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment biss għas-servizzi tal-ambulanzi f’sitwazzjonijiet katastrofiċi.

46.

Madankollu, l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi s-servizzi tal-ambulanzi b’mod li mhux biss ma jirrispondix għal dan il-“kriterju ratione materiae”, iżda pjuttost jikkontradixxih.

47.

Minħabba li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/14, id-“difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli […] inklużi [fil-Kodiċi CPV 85143000‑3 (servizzi tal-ambulanzi)], ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” ( 19 ), l-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva jidentifika eċċezzjoni li, ladarba tirregola l-kriterju li d-dispożizzjoni tirreferi biss għas-sitwazzjonijiet katastrofiċi, ma tkunx neċessarja, kif isostni l-Gvern Ġermaniż ( 20 ).

48.

Jekk il-leġiżlatur ikkunsidra xieraq li jirreferi għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” huwa minħabba li, inkella, dawn is-servizzi jkollhom jinftiehmu bħala inklużi fl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 (CPV 85143000‑3). U huwa ċar li s-sempliċi trasport ta’ pazjenti ma jikkorrispondix għal sitwazzjoni katastrofika, fejn iktar milli pazjenti, wieħed ta’ min isemmi feruti jew vittmi li għandhom jiġu ttrasferiti għall-aħjar kundizzjonijiet mediċi u mhux biss ittrasportati.

49.

Din il-konklużjoni tiġi kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni. Minn din il-perspettiva, hija partikolarment rilevanti l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24, li skontha din “m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva.”

50.

Jidhirli li żewġ estremi ta’ din id-dikjarazzjoni huma sinjifikattivi. Minn naħa, li l-leġiżlatur jirreferi għal “ċerti servizzi ta’ emerġenza”. U, min-naħa l-oħra, li l-identifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi titwettaq b’rabta ma’ “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” li “n-natura partikolari” tagħhom għandha tiġi ppreservata. Għalhekk, sabiex jiġu stabbiliti l-profili tal-eċċezzjoni, tingħata iktar attenzjoni lis-suġġett li jipprovdi s-servizz milli l-iskala tas-sitwazzjoni li fiha għandu jiġi pprovdut.

51.

Fi kliem ieħor, irrispettivament minn jekk hijiex sitwazzjoni individwali ta’ emerġenza jew sitwazzjoni ta’ danni fuq skala ikbar, il-fatt rilevanti huwa li jkun hemm emerġenza li ġeneralment jieħdu ħsiebha l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 huwa l-preservazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, li s-sussistenza tagħhom tista’ tiġi mhedda li kieku jkollhom jiġu suġġetti għall-proċeduri ta’ kuntratti li huma inklużi fiha.

52.

Fil-qosor, l-importanti ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk l-emerġenzi humiex dawk ta’ sitwazzjoni katastrofika jew dawk ta’ perikolu individwali (inċident tat-traffiku, nirien f’dar), iżda li jiġu identifikati dawk li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li tradizzjonalment iwettqu l-attività tagħhom fil-qasam tal-assistenza medika u saħansitra umanitarja.

53.

F’dan is-sens, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-“organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ mhux biss jipprovdu servizzi fil-qasam tad-difiża ċivili u l-protezzjoni ċivili [iżda a]nki, u fuq kollox, joperaw fil-qasam tas-servizzi ta’ sokkors ta’ kuljum favur persuni individwali” ( 21 ).

54.

Sa fejn ir-rieda espressa fil-premessa 28 hija riflessa, mill-perspettiva leġiżlattiva, fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, nifhem li l-espressjonijiet “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” li jintużaw f’dan l-artikolu għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għas-“servizzi ta’ emerġenza” imsemmija f’din il-premessa u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni tagħhom għandha ssir b’riferiment għall-“organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ”.

55.

Fil-fatt, il-premessa 28 tantiċipa l-eċċezzjoni, f’dak li jikkonċerna din il-kawża, prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 fir-rigward tas-servizzi tal-ambulanzi pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ meta jassistu fl-emerġenzi li normalment jikkostitwixxu l-għan tal-attività tagħhom.

56.

F’din il-premessa jingħad li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ emerġenza pprovduti mill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ “m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ”, minħabba li “għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi”.

57.

Għalhekk, il-kwistjoni hija li ssir distinzjoni bejn is-servizz ta’ ambulanza sabiex tiġi koperta emerġenza u s-sempliċi trasport tal-pazjenti b’ambulanzi. Ir-raba’ domanda preliminari tittratta din il-kwistjoni, meta tistaqsi jekk “[i]t-trasport ta’ pazjent f’ambulanza waqt li jkun qiegħed jingħata kura minn paramediku/assistent mediku” — li jiġi kklassifikat bħala “trasport speċjali ta’ morda”— jistax jitqies bħala “trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”, skont l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24.

58.

Ir-rieda tal-leġiżlatur kienet li jillimita l-eċċezzjoni (jiġifieri, jeżenta mis-sistema ordinarja tad-Direttiva 2014/24) lis-servizzi ta’ emerġenza ( 22 ). Bl-istess mod, meta għamel riferiment għas-“servizzi ta’ trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” bħala kontraeċċezzjoni, huwa jissuġġettahom għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi (inqas stretti) meta, permezz tagħhom, ma jkunx intiż li tiġi koperta emerġenza, iżda li jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ pazjent b’ambulanza.

59.

Permezz ta’ dan l-approċċ, id-Direttiva 2014/24 ma hijiex ser tapplika għas-servizzi ġenerali ta’ ambulanza li, lil hinn mis-sempliċi funzjoni ta’ trasport, joffru kura medika adegwata għat-trattament xieraq ta’ pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Fi kliem ieħor, sabiex tipprovdi servizz li l-ebda mezz ta’ trasport alternattiv ieħor ma jista’ joffri.

60.

Wara li tipprevedi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma għandux jestendi għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi”, il-premessa 28 tieħu ħsieb li tiċċara li dawn is-servizzi “għand[hom] [i]kun[u] soġġett[i] għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-reġim anqas strett’”. Sabiex l-isuġġettar għal dan ir-reġim inqas strett ikun applikabbli, l-istess premessa tippreċiża li t-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi ma jaqax fil-grupp korrispondenti tas-“Servizzi tat-trasport bl-art” ( 23 ), suġġett għar-reġim ġenerali tad-direttiva.

61.

B’dan il-mod, jikkoeżistu:

“servizz[i] tal-ambulanzi” b’mod ġenerali (miġbura fil-Kodiċi 851430000‑3) li huma esklużi mill-oqsma koperti mid-Direttiva 2014/24; u

“servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” li huma inklużi f’intestatura speċifika ta’ din id-direttiva, dik tar-reġim inqas strett ( 24 ). Jekk dan ma huwiex il-każ, jaqgħu, minħabba n-natura tagħhom, taħt l-intestatura “trasport bl-art”.

62.

Fi kliem ieħor, meta it-“trasport” jitneħħa bħala element marbut mas-servizz ta’ ambulanza, li jifdal fil-Kodiċi CPV 85143000‑3 (jiġifieri, is-servizz li huwa eskluż mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24) huwa dak li għandu natura prinċipalment medika. Fil-fehma tiegħi, jingħatax minn tabib, tekniku mediku jew paramediku, l-importanti huwa li jingħata trattament indispensabbli sabiex it-trasport tal-pazjent jitwettaq b’tali mod li bit-trasferiment (urġenti) tiegħu fi sptar, fl-inqas żmien possibbli, tiġi ggarantita l-kura medika meħtieġa għall-preservazzjoni ta’ ħajtu, ta’ saħtu jew tal-integrità tiegħu. Għalhekk, nirrepeti, dan ifisser li sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-esklużjoni tad-Direttiva 2014/24 tirreferi biss, skont il-premessa 28 tagħha, għal “servizzi ta’ emerġenza”.

63.

Skont dawn il-premessi jistgħu jiġu evalwati żewġ ipoteżi individwali deskritti mill-qorti tar-rinviju.

64.

L-ewwel waħda tikkonċerna t-trasport bil-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, vittmi ta’ inċident jew ġrajja analoga (“Notfallpatienten”), imwettqa f’ambulanza (“Rettungswagen”) “minn tekniku mediku/paramediku”. Ma naħsibx li hemm diffikultajiet eċċessivi sabiex il-Kodiċi CPV 85143000-3 jiġi assenjat lil dawn is-servizzi (servizzi tal-ambulanzi) u sabiex jiġi ddikjarat, għaldaqstant, li għalihom ma tapplikax id-Direttiva 2014/24, ladarba jkunu r-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.

65.

It-tieni ipoteżi (ir-raba’ domanda preliminari) tikkonċerna l-kura u t-trattament ta’ pazjenti, imwettqa f’ambulanza għat-trasport tal-morda (“Krankentransportwagen”) “minn paramediku/assistent mediku”. Għalhekk, dan jirrigwarda t-“trasport ta’ pazjent f’ambulanza”, saħansitra anki meta jiġi ttrattat minn dawn il-professjonisti. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex eżattament każ ta’ emerġenza: il-pazjenti jistgħu jitolbu lil xi ħadd biex jakkumpanjahom fl-ambulanza sabiex jiġu ttrasportati, iżda ma jkollhomx bżonn kura medika ta’ emerġenza. ( 25 ) Għalhekk, għandha tiġi applikata l-kontraeċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(h), in fine, tad-Direttiva 2014/24.

Fuq il-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (it-tieni u t-tielet domandi preliminari)

66.

Bħal fil-każ tal-“prevenzjoni tal-perikoli” ( 26 ), meta jiġu diskussi x’inhuma l-“organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, wieħed għandu jopera b’kunċett awtonomu u uniformi għall-Unjoni kollha kemm hi.

67.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-fattur determinanti ma huwiex daqstant il-kunċett ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”, bħala “natura partikolari” ta’ dawn l-entitajiet, li l-“preservazzjoni” tagħhom hija l-għan tad-Direttiva 2014/24 billi teskludihom mill-applikazzjoni tagħha (premessa 28).

68.

Skont dan il-gvern, sabiex wieħed ikun jaf fiex tikkonsisti n-natura partikolari huwa obbligatorju li jitqiesu l-kuntest ġuridiku u dak ratione materiae tal-Istat fejn joperaw dawn l-organizzazzjonijiet, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw aħjar dawk li jaqblu ma’ dan il-kunċett. ( 27 ) Żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw, fl-opinjoni tagħha, li l-osservanza tad-dritt nazzjonali hija essenzjali għall-evalwazzjoni tan-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ organizzazzjoni ( 28 ).

69.

Madankollu, l-ebda waħda miż-żewġ sentenzi ma tat lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jillimitaw id-definizzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, iżda sempliċement “sabiex jiddeċied[u] fuq il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u jorganizza[w] [i]s-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali” u jaffermaw, abbażi ta’ din l-informazzjoni, “li l-użu tal-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat jikkorrispondi għall-iskop soċjali tas-servizz ta’ trasport mediku u huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-kontroll tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-servizz” ( 29 ).

70.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ” huwa preċiż biżżejjed sabiex ma joffri l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Il-fatt li struttura organizzattiva tkun ibbażata fuq il-volontarjat jista’ jindika n-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ, iżda mhux neċessarjament. F’dan ir-rigward, il-fattur rilevanti huwa li l-entitajiet li jipprovdu dawn is-servizzi infatti ma għandhomx dan l-iskop. Għalhekk, huwa biżżejjed li wieħed jirrikorri għall-interpretazzjoni letterali tat-termini “[…] mingħajr skop ta’ qligħ”.

71.

Il-qorti tar-rinviju tipproponi definizzjoni li jidhirli li hija raġonevoli ( 30 ). Dawn huma organizzazzjonijiet li jwettqu attività li “ma twassal għall-ebda qligħ”, iżda li titwettaq “għall-benefiċċju tal-komunità mingħajr ma jinkisbu benefiċċji ekonomiċi” ( 31 ).

72.

Waħedhom, il-“benefiċċju tal-komunità” u, sabiex nuża l-kliem tat-tielet domanda preliminari, “[it-twettiq tal-]missjonijiet ta’ servizz pubbliku”, huma kunċetti superfluwi: il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 titkellem dwar organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza, jiġifieri, li għandhom, minnhom innifishom, għan ta’ interess pubbliku ġenerali.

73.

Nirrepeti li l-fattur determinanti huwa li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jipprovdu s-servizzi msemmija fil-premessa 28 u fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex intiżi li jiksbu profitti meta jwettqu attività ta’ għajnuna ( 32 ).

74.

Ma naħsibx li, apparti din il-karatteristika, dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet għandhom jissodisfaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24.

75.

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għal organizzazzjonijiet speċifiċi d-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti esklużivament għal ċerti servizzi soċjali, kulturali u ta’ saħħa ( 33 ), jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

76.

L-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tinkludi l-assenza ta’ skop ta’ qligħ u xi wħud huma pjuttost ibbażati fuq suppożizzjoni opposta. Dan jiġri fir-rigward tar-rekwiżit dwar it-tqassim ta’ profitti, li jeżiġi li l-organizzazzjonijiet tal-ewwel paragrafu jqassmuhom konformement mal-“konsiderazzjonijiet parteċipattivi” ( 34 ).

77.

Għaldaqstant, nifhem li l-karatteristika ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ hija, ġustament, li ma tfittixx il-kisba ta’ profitti u li, fil-każ li tiksibhom b’mod ċirkustanzjali — jiġifieri mingħajr ma jkollha dan l-iskop —, li tużahom għat-twettiq tal-azzjoni soċjali tagħhom. F’din il-kawża, għall-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ta’ emerġenza.

78.

Il-liġi nazzjonali tistabbilixxi li “[j]iġu kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ [fis-sens tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24], b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti skont id-dritt nazzjonali jew tal-Länder bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u difiża ċivili” ( 35 ).

79.

Skont il-Gvern Ġermaniż, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix numerus clausus ta’ organizzazzjonijiet li għalihom tapplika l-eċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, ir-rikonoxximent bħala “organizzazzjonijiet ta’ għajnuna” ma huwiex kundizzjoni indispensabbli sabiex entità mingħajr skop ta’ qligħ tkun koperta minn din l-eċċezzjoni ( 36 ).

80.

Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex daqstant importanti li l-liġi nazzjonali ma tipprekludix milli jiġu rrikonoxxuti bħala entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ dawk li huma konformi mad-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”, fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 ( 37 ), iżda li din il-kwalità tiġi attribwita lil organizzazzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dan l-aħħar kunċett.

81.

Infatti, skont l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju, “ir-rikonoxximent ġuridiku bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u ta’ difiża ċivili skont id-dritt nazzjonali ma jiddependix neċessarjament minn jekk l-organizzazzjoni toperax mingħajr skop ta’ qligħ” ( 38 ).

82.

Jekk dan kien il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali, ir-rikonoxximent, mid-dritt intern, bħala organizzazzjoni ta’ għajnuna ma huwiex biżżejjed sabiex jinftiehem li organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ma għandhiex skop ta’ qligħ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. Din l-aħħar kwalità titlob prova li l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li taspira għaliha ma tfittixx il-kisba ta’ profitti u li, jekk tiksibhom b’mod ċirkustanzjali, tapplikahom għat-twettiq tal-azzjoni soċjali tagħha.

V. Konklużjoni

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Oberlandesgericht Düsseldorf [il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)] kif ġej:

“L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

It-trasport b’emerġenza ta’ pazjenti f’ambulanza, fejn il-kura u t-trattament jingħataw minn tekniku mediku/paramediku, għandu jiġi kklassifikat bħala ‘servizz ta’ ambulanza’ (Kodiċi CPV 85143000-3) li l-għoti tiegħu bħala kuntratt pubbliku jista’ ma jiġix suġġett għall-proċeduri tad-Direttiva 2014/24, ladarba jkun ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.

Meta t-trasport ta’ pazjenti ma jkunx b’emerġenza u jsir f’vettura ddedikata għat-trasport tal-morda minn paramediku/assistent mediku, għandu jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ ‘trasport ta’ pazjent b’ambulanza’, mhux inkluż fl-eċċezzjoni applikabbli tas-‘servizzi tal-ambulanzi’ b’mod ġenerali.

‘Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ’ huma dawk li ma jfittxux li jiksbu profitti u, f’każ li jiksbuhom b’mod ċirkustanzjali, jużawhom għat-twettiq tal-azzjoni soċjali tagħhom. Ma huwiex biżżejjed li tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni fil-każ ta’ organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti mid-dritt intern.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

( 3 ) Il-verżjoni Spanjola tad-dispożizzjoni tuża, b’mod inkomprensibbli, l-aġġettiv “laborales [tax-xogħol]” sabiex tikklassifika xi “perikoli” li fl-ebda verżjoni lingwistika oħra ma jiġu akkumpanjati minn aġġettiv. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, ser nirreferi biss għall-“prevenzjoni tal-perikoli”.

( 4 ) Liġi kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“GWB”).

( 5 ) Liġi tas-Servizzi ta’ Sokkors u ta’ Salvataġġ u Trasport tal-Morda minn impriżi fin-Nordrhein-‑Westfalen (iktar ’il quddiem ir-“RettG NRW”).

( 6 ) Liġi ta’ Protezzjoni Ċivili u Difiża Ċivili (iktar ’il quddiem iz-“ZSKG”), emendata għall-aħħar darba bl-Artikolu 2(1) tal-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 2009.

( 7 ) Liġi ta’ Protezzjoni kontra n-Nirien, il-Provvista ta’ Trattamentu u l-Protezzjoni Ċivili (iktar ’il quddiem il-“BHKG”).

( 8 ) Skont id-digriet tar-rinviju (paragrafu 4), “[l]-għan tal-proġett ta’ akkwist, maqsum f’żewġ lottijiet, kien jikkonsisti fl-allokazzjoni ta’ persunal għal diversi ambulanzi ta’ emerġenza […] u ambulanzi maħsuba għat-trasport ta’ pazjenti […] tal-muniċipju u fil-provvista ta’ spazji għall-ambulanzi […]. Il-proġett kien qiegħed jirreferi, b’mod partikolari, għall-intervent f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bl-ambulanzi muniċipali, bil-għan li pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza jiġu ttrattati u kkurati b’urġenza f’ambulanza minn tekniku mediku bl-għajnuna ta’ paramediku, u għall-intervent fit-trasport tal-morda, bil-missjoni prinċipali li jiġu ttrattati u kkurati pazjenti minn paramediku bl-għajnuna ta’ assistent mediku fit-trasport.”

( 9 ) Il-paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju.

( 10 ) Loc. ult. cit.

( 11 ) F’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866), punt 32.

( 12 ) Madankollu, l-ekwivalenza terminoloġika tal-Artikolu 196 TFUE u tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 hija biss parzjali, minħabba li l-ewwel wieħed isemmi l-“protezzjonii ċivili” (“Katastrophenschutz”, “protection civile”) u l-“prevenzjoni tal-perikoli” (“Risikoprävention”, “prévention des risques”), iżda mhux id-“difiża ċivili”, kif jagħmel ukoll it-tieni wieħed.

( 13 ) Taħt it-titolu “Protezzjoni ċivili” tat-titolu XXIII tat-taqsima III tat-TFUE l-Artikolu 196(1) jiddefinixxi s-servizzi ta’ protezzjoni ċivili bħala “sistemi ta’ prevenzjoni ta’ diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta’ protezzjoni minnhom”. L-azzjoni ta’ inkoraġġiment tal-Unjoni f’dan il-qasam tidher fl-appoġġ għall-miżuri tal-Istati Membri “fil-prevenzjoni ta’ riskju, fil-preparazzjoni tal-persunal tagħhom tal-protezzjoni ċivili […] u fl-intervent f’każ ta’ diżastri naturali” (Artikolu 196(1)(a)). Prevenzjoni ta’ riskju, taħriġ tal-persunal u intervent jikkostitwixxu, għalhekk, is-sekwenza ta’ attività materjali għall-ġestjoni integrali tad-diżastri.

( 14 ) Paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju. Skont il-qorti tar-rinviju, ikun “[i]ktar loġiku […] jitqies li permezz tal-kunċett ‘protezzjoni mill-perikoli’ isir riferiment għall-każijiet li ma humiex inklużi fil-kunċetti ta’ ‘difiża ċivili’ u ta’ ‘protezzjoni ċivili’ meta d-danni ma jkunux ikkawżati minn inċidenti u diżastri teknoloġiċi, diżastri naturali, u lanqas theddid jew sitwazzjonijiet ta’ periklu terroristiku u militari ta’ dannu serju għall-ħajja umana”.

( 15 ) Punt 55 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 16 ) Pereżempju, il-kodiċi CPV 75251110‑4 (“Servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien”) jew CPV 981131000‑9 (“Servizzi relatati mas-sigurtà nukleari”)

( 17 ) CPV 75252000‑7.

( 18 ) Punt 61 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Falck Rettungsdienste.

( 19 ) Korsiv miżjud minni.

( 20 ) Punt 24 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.

( 21 ) Paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju. Korsiv miżjud minni. Il-belt ta’ Solingen għamlet l-istess dikjarazzjoni fil-paragrafu 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 22 ) Jiġifieri, is-servizzi ta’ emerġenza mogħtija minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

( 23 ) Dan il-grupp jinkludi total ta’ ħamsin kodiċi, mill-60100000‑9 (“Servizzi ta’ trasport bl-art”) sal-60183000‑4 (“Kiri ta’ trakkijiet b’sewwieq”), li fosthom jinsabu s-“Servizzi ta’ taksi” (60120000‑5), is-“Servizzi speċjali ta’ trasport ta’ passiġġieri bl-art” (60130000‑8) u t-“Trasport mhux skedat ta’ passiġġieri” (60140000‑1).

( 24 ) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat‑30 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 319, p. 43), li huwa l-predeċessur immedjat tad-Direttiva 2014/24, ukoll tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet tas-servizz ta’ ambulanza. Skont kif imfakkar fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n.o 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440), punti 33 u 34, id-Direttiva 2004/18 kienet tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi, li l-Artikolu 1(2)(d) tagħha jiddefinixxi bħala kuntratti pubbliċi minbarra l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jew għal provvisti u li għandhom bħala suġġett il-provvista tas-servizzi previsti fl-Anness II ta’ din id-direttiva, li kien jinqasam f’żewġ partijiet (A u B). Is-servizzi ta’ trasport mediku ta’ emerġenza jew ta’ emerġenza estrema kienu jaqgħu taħt il-kategorija Nru 2 tal-Anness IA, għall-aspetti ta’ trasport ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll taħt il-kategorija Nru 25 li tinsab fl-Anness IIB, għall-aspetti mediċi ta’ dawn is-servizzi.

Madankollu, filwaqt li, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti li fl-istess ħin kellhom servizzi li dehru f’dawn iż-żewġ annessi għandhom jingħataw konformement mal-proċedura komuni (meta l-valur tas-servizzi elenkati fil-Anness IIA jkun ikbar minn dak tas-servizzi inklużi fl-Anness IIB) jew konformement ma’ proċedura inqas stretta (jekk dan ma jkunx il-każ), il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li l-“kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza”. Fir-rigward ta’ dak li ser nispjega minnufih, dawn is-“servizzi oħra tal-ambulanza” jistgħu jkunu biss is-servizzi ta’ kura medika mogħtija barra mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

( 25 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ pazjenti ttrasportati fi sptar sabiex isirulhom dijaliżi, eżamijiet mediċi ftit jew wisq regolari, testijiet ta’ dijanjożi, analiżi klinika jew tip ieħor ta’ eżami mediku. Matul is-seduta, kien hemm qbil li dawn it-trasferimenti ma setgħux jibbenefikaw mill-kontraeċċezzjoni. Barra minn hekk, il-belt ta’ Solingen affermat ukoll li ma kinux inklużi fil-kuntratt ikkontestat.

( 26 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.

( 27 ) Punt 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.

( 28 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n.o 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440), punt 61, u sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), punt 64. Iż-żewġ sentenzi jsostnu li, mill-perspettiva tad-dritt primarju tal-Unjoni, ma hemmx oġġezzjonijiet validi biex jopponu dan it-tip ta’ għoti dirett. Fid-dispożittiv tal-ewwel waħda jingħad li “l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li l-provvista tas-servizzi ta’ trasport mediku ta’ emerġenza u ta’ emerġenza estrema għandha tingħata bi prijorità u permezz ta’ għoti dirett, fl-assenza ta’ kwalunkwe pubbliċità, lill-organi ta’ volontarjat li magħhom jeżisti ftehim, sakemm il-qafas legali u ta’ ftehimiet li fih titwettaq l-attività ta’ dawn l-organi jikkontribwixxi effettivament sabiex jintlaħqu l-iskop soċjali u l-għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni.” Din id-dikjarazzjoni tiġi rrepetuta, b’varjanti sempliċi ħafna, fit-tieni sentenza.

( 29 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), punt 62.

( 30 ) Kif irriżulta mis-seduta, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-istess opinjoni.

( 31 ) Paragrafu 15 tad-digriet tar-rinviju.

( 32 ) Dawn l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet jistgħu joperaw permezz ta’ entitajiet strumentali li jadottaw, inter alia, il-forma ġuridika tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, dejjem sakemm lanqas dawn tal-aħħar ma jkollhom skop ta’ qligħ. Il-qorti tar-rinviju għandha, eventwalment, tivverifika jekk dan kienx il-każ f’din il-kawża.

( 33 ) Ir-rabta bejn l-Artikolu 10(h) u l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 tiġi rriprodotta fil-każ tal-Artikolu 77(1) u l-premessa 118 tal-istess direttiva. Jekk il-premessa 28 tagħmel riferiment għal “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” bħala entitajiet li s-servizzi ta’ emerġenza tagħhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 minħabba l-Artikolu 10(h) ta’ din tal-aħħar, il-premessa 118 issemmi l-“organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-impjegat jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegat fit-tmexxija tagħhom” u l-“organizzazzjonijiet eżistenti bħal kooperattivi biex jipparteċipaw fit-twassil ta’ [ċerti] []servizzi [ta’ saħħa, soċjali u kulturali] lill-utenti finali”; liema organizzazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirriżervaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi. Għalhekk, ma hemm l-ebda ekwivalenza bejn l-organizzazzjonijiet tal-premessa 28 u dawk tal-premessa 118. Konsegwentement, ladarba ma hemmx ekwivalenza bejn l-Artikolu 10(h) (li jeskludi ċerti attivitajiet tal-ewwel tip ta’ organizzazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24) u l-Artikolu 77 (li jippermetti li ċerti attivitajiet tat-tieni tip ta’ organizzazzjonijiet ikunu suġġetti għal applikazzjoni partikolari ta’ din id-direttiva).

( 34 ) Artikolu 77(2)(b) tad-Direttiva 2014/24. Ċertament, din id-dispożizzjoni timponi li “l-profitti jerġgħu jiġu investiti bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-organizzazzjoni”; iżda la tiċħad l-eżistenza tagħhom u, b’mod partikolari, lanqas ma timponi li jitqassmu, anki jekk abbażi ta’ “konsiderazzjonijiet parteċipattivi”.

( 35 ) It-tieni parti tal-Artikolu 107(1)(4) tal-GWB.

( 36 ) Punt 40 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż. Matul is-seduta kien hemm ċertu dibattitu dwar l-eżistenza, de facto, tal-limitazzjoni numerika li, min-naħa tagħha, ma hijiex inkluża fid-dispożizzjoni legali nazzjonali (meta tuża l-espressjoni “b’mod partikolari”).

( 37 ) Dan jiġri f’din il-kawża, skont dak li ssostni l-belt ta’ Solingen fil-paragrafi 37 u 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 38 ) Paragrafu 15 tad-digriet tar-rinviju.

Top