EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0465
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 14 November 2018.#Falck Rettungsdienste GmbH and Falck A/S v Stadt Solingen.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht Düsseldorf.#Reference for a preliminary ruling — Public procurement — Directive 2014/24/EU — Article 10(h) — Specific exclusions for service contracts — Civil defence, civil protection and danger prevention services — Non-profit organisations or associations — Patient transport ambulance services — Transport by qualified ambulance.#Case C-465/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2018.
Falck Rettungsdienste GmbH u Falck A/S vs Stadt Solingen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Trasport bl-ambulanza kkwalifikat.
Kawża C-465/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2018.
Falck Rettungsdienste GmbH u Falck A/S vs Stadt Solingen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Trasport bl-ambulanza kkwalifikat.
Kawża C-465/17.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:907
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fl‑14 ta’ Novembru 2018 ( 1 )
Kawża C‑465/17
Falck Rettungsdienste GmbH,
Falck A/S
vs
Stadt Solingen
bl-intervent ta’:
Arbeiter‑Samariter‑Bund Regionalverband Bergisch Land e.V.,
Malteser Hilfsdienst e.V.,
Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Solingen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2014/24/UE — Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi — Id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli — Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ — Servizzi tal-ambulanzi”
1. |
Skont l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ), din ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma ċerti servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili u prevenzjoni tal-perikoli, ipprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. |
2. |
Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, qed jiġi mistoqsi jekk din l-esklużjoni tolqotx is-“servizzi tal-ambulanzi” u kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-kontroversja tirrigwarda ir-rilevanza possibbli tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-limiti tagħhom. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2014/24/UE
3. |
Fil-premessi 28 u 118 jidher dan li ġej:
[…]
|
4. |
Konformement mal-Artikolu 10 tagħha, id-Direttiva 2014/24 ma għandhiex tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi għal: “[…]
[…]”. |
5. |
L-Artikolu 76 jipprevedi li: “1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti soġġetti għal dan il-Kapitolu biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-taliregoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.” |
6. |
L-Artikolu 77 jindika li: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjoni tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklussivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-Kodiċi CPV 75121000‑0, 75122000‑7, 75123000‑4„ 79622000‑0, 79624000‑4, 79625000‑1, 80110000‑8, 80300000‑7, 80420000‑4, 80430000‑7, 80511000‑9, 80520000‑5, 80590000‑6, minn 85000000‑9 sa 85323000‑9, 92500000‑6, 92600000‑7, 98133000‑4, 98133110‑8. 2. L-organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
[…]” |
B. Id-dritt nazzjonali
7. |
Skont l-ewwel parti tal-Artikolu 107(1)(4) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen ( 4 ), din il-liġi ma hijiex applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma d-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tal-perikoli pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-Kodiċi CPV 7520000‑3, 75251000‑0, 75251100‑1, 75251110‑4, 75251120‑7, 75252000‑7, 75222000‑8, 98113100‑9 u 85143000‑3, ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi. |
8. |
Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona fid-dritt nazzjonali tiegħu l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, iżda żied it-tieni parti, li tipprovdi dan li ġej: “Jiġu kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-sens ta’ dan il-punt, b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti skont id-dritt nazzjonali jew tal-Länder bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u difiża ċivili.” |
9. |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Gesetz über den Rettungsdienste sowie die Notfallrettung und den Krankentransport durch Unternehmer ( 5 ), is-servizzi ta’ sokkors jinkludu s-salvataġġ ta’ emerġenza, it-trasport tal-morda u t-trattament ta’ numru kbir ta’ feruti u morda f’każijiet ta’ diżastru. |
10. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-RettG NRW tafferma li s-salvataġġ ta’ emerġenza jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ miżuri, fil-post tal-emerġenza, li jsalvaw il-ħajja ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, li jpoġġu lil dawn il-pazjenti f’sitwazzjoni li jiġu ttrasportati u li jiġu evitati danni akbar, filwaqt li jittieħdu f’unitajiet mediċi jew ambulanzi sa sptar mgħammar bil-mezzi għal kura iktar kompleta. |
11. |
Skont l-Artikolu 2(3) tar-RettG NRW, it-trasport tal-morda jinkludi l-provvista ta’ trattament speċjalizzat lill-morda, feruti jew persuni oħrajn fil-bżonn ta’ għajnuna, differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni u, bl-assistenza ta’ persunal ikkwalifikat, li jiġu ttrasportati, pereżempju, bl-ambulanzi. |
12. |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) taz-Zivilschutz- und Katastrophenhilfegesetz ( 6 ) tenfasizza li huma indikati, b’mod speċjali għall-kollaborazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet imsemmija f’din il-liġi, l-Arbeiter-Samariter‑Bund, id-Deutsche Lebensrettungsgesellschaft, id-Deutsches Rotes Kreuz (Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja), il-Johanniter-Unfall-Hilfe u l-Malteser‑Hilfsdienst. |
13. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(2) tal-Gesetz über den Brandschutz, die Hilfeleistung und den Katastrophenschutz ( 7 )jipprovdu li: “1. L-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna privati għandhom jikkollaboraw f’każijiet ta’ inċidenti u ta’ emerġenza pubblika, skjeramenti u diżastri kbar, jekk dawn ikunu ddikjaraw mal-ogħla awtorità ta’ sorveljanza li jinsabu disposti li jikkollaboraw u jekk din tkun ivverifikat l-adegwatezza ġenerali tagħhom biex jagħmlu dan u l-ħtieġa tal-kollaborazzjoni (organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti). […] 2. Għall-organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) taz-[ZSKG] […] la għandha tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni li jinsabu disposti li jikkollaboraw u lanqas il-verifika tal-adegwatezza ġenerali.” |
II. Il-fatti u d-domandi preliminari
14. |
F’Marzu 2016, il-belt ta’ Solingen (il-Ġermanja) iddeċidiet li ġġedded l-għoti tas-servizzi muniċipali ta’ sokkors għal perijodu ta’ ħames snin ( 8 ). Minflok ma ppubblikat avviż ta’ kuntratt, l-awtorità muniċipali stiednet erba’ organizzazzjonijiet ta’ għajnuna biex jippreżentawlha l-offerti tagħhom. Finalment, tnejn minnhom (Arbeiter-Samariter-Bund u Malteser Hilfdienst) ingħataw kull wieħed miż-żewġ lottijiet li fihom kien jinqasam il-kuntratt. |
15. |
Falck Rettungsdienste u Falck, impriżi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ sokkors u trattament għall-morda, oġġezzjonaw quddiem il-Vergabekammer Rheinland (il-Bord ta’ kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland, il-Ġermanja) li l-għoti kellu jkun konformi mal-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi tad-dritt tal-Unjoni. |
16. |
Il-bord ċaħad il-kontestazzjoni fid‑19 ta’ Awwissu 2016, filwaqt li qies applikabbli l-Artikolu 107(1)(4) tal-GWB. |
17. |
Id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet
18. |
Id-domandi preliminari ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2017. L-Arbeiter‑Samariter‑Bund, il-Falck Rettungsdienste, il-Malteser Hilfsdienst, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja, il-belt ta’ Solingen, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Norveġiż u l-Gvern Rumen, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma, minbarra l-Gvern Norveġiż u dak Rumen, dehru fis-seduta pubblika tal‑5 ta’ Settembru 2018. |
19. |
Falck Rettungsdienste tallega, preliminarjament, li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 imur kontra d-dritt primarju, minħabba li jistabbilixxi eċċezzjoni bbażata fuq kriterju ratione personae, mhux dak ratione materiae. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li tkun konformi mar-regoli tal-Unjoni, filwaqt li jiġu ċċarati r-rekwiżiti imposti mid-dritt primarju għall-għoti dirett lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. |
20. |
Skont Falck Rettungsdienste:
|
21. |
Il-belt ta’ Solingen:
|
22. |
Arbeiter‑Samariter‑Bund taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni tal-belt ta’ Solingen fir-rigward tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domandi. Fir-rigward tat-tieni domanda, tisħaq li l-leġiżlatur nazzjonali uża l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu sabiex jittrasponi l-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. Dawn l-istess argumenti huma appoġġjati wkoll mill-Malteser Hilfdienst. |
23. |
Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tal-Ġermanja, li tibda billi turi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-osservazzjonijiet preliminari ta’ Falck Rettungsdienste, tappoġġja pożizzjoni simili għal dik tal-belt ta’ Solingen fir-rigward tal-ewwel u t-tielet domandi. Fir-rigward tat-tieni domanda, tinsisti, bħal Arbeiter‑Samariter‑Bund, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Fir-rigward tar-raba’ domanda, issostni li t-trasport ikkwalifikat tal-pazjenti huwa element kruċjali kemm tad-difiża u tal-protezzjoni ċivili, kif ukoll tal-prevenzjoni tal-perikoli. Fl-opinjoni tagħha, dan it-trasport jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae li jikkonċerna l-eċċezzjoni inkwistjoni. |
24. |
Skont il-Gvern Ġermaniż:
|
25. |
Il-Gvern Norveġiż:
|
26. |
Il-Gvern Rumen esprima ruħu biss dwar l-ewwel u r-raba’ domandi, billi eżaminahom b’mod konġunt. Fl-opinjoni tiegħu, is-servizzi ta’ difiża u ta’ protezzjoni ċivili u ta’ protezzjoni tal-perikoli jinkludu kemm l-assistenza lil gruppi f’sitwazzjonijiet estremi, bħal dak ta’ individwi li ħajjithom jew saħħithom ikunu mhedda minn perikoli komuni. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, fid-dawl tal-premessa 28, twassal sabiex jiġi enfasizzat il-kunċett ta’ trasport esklużiv u mhux it-tip ta’ persunal ta’ sokkors jew it-trattament li ngħata matul it-trasport. |
27. |
Minn din il-perspettiva, is-servizzi tal-ambulanzi jinkludu kemm l-attivitajiet mediċi ta’ emerġenza, kif ukoll it-trasport mediku mhux assistit li ma huwiex ta’ emerġenza. Fl-ewwel kategorija ma hemmx differenza bejn it-trasport bl-ambulanzi b’tabib u b’paramediku jew b’paramediku u b’sewwieq jew assistent mediku fit-trasport, għaliex iż-żewġ servizzi jimplikaw elementi ta’ natura medika ta’ emerġenza u jaderixxu mal-għan aħħari tal-prevenzjoni tal-perikoli. Għall-kuntrarju, fit-tieni kategorija, jingħataw servizzi b’ambulanzi mhux mgħammra għal interventi mediċi ta’ emerġenza u b’sewwieq biss, għalhekk ma jaqgħux fil-qasam tad-difiża u tal-protezzjoni ċivili jew tal-prevenzjoni tal-perikoli. |
28. |
Skont il-Kummissjoni:
|
IV. Analiżi
29. |
Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jwasslu sabiex jiġu speċifikati mill-ġdid liema kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti minn servizz ta’ ambulanza sabiex jiġi inkluż jew eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Dawn il-kundizzjonijiet jirreferu għal: a) in-natura nnifisha ta’ dan is-servizz, mifhum oġġettivament; u b) karatteristika speċifika personali, jew suġġettiva, ta’ dak li jipprovdih, li għandha tkun organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. |
30. |
L-ewwel u r-raba’ domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom x’jaqsmu mal-attività oġġettiva tas-servizz ta’ ambulanza. Bħala prinċipju, dan tal-aħħar jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 biss jekk, ladarba jaqa’ fil-kategorija “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli”, ma huwiex limitat għas-sempliċi “trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”. Dan jifforma parti mill-kontraeċċezzjoni u, għaldaqstant, jiġi suġġett għar-regoli ġenerali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. |
31. |
It-tieni u t-tielet domandi huma relatati mal-kwalità suġġettiva ta’ min jipprovdi s-servizz ta’ ambulanza, li għandha tkun inevitabbilment “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”. Huwa diskuss, b’mod partikolari, jekk dan huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq is-servizz ta’ ambulanza fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (l-ewwel u r-raba’ domandi preliminari)
32. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk fil-kategorija “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” jaqgħux dawn iż-żewġ servizzi speċifiċi:
|
33. |
Għalkemm iż-żewġ servizzi jikkonsistu f’“kura u trattament” għal pazjenti, huma differenti f’dak li jikkonċerna l-“emerġenza”, li tiġri biss fl-ewwel wieħed, kemm fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ambulanza, kif ukoll tas-sitwazzjoni tal-persuna kkurata. L-ewwel każ jikkonċerna, għalhekk, “ambulanza”, filwaqt li t-tieni każ hija biss “tat-trasport”. |
34. |
Il-qorti tar-rinviju hija ċerta li l-imsemmija servizzi “ma humiex […] ta’ difiża ċivili u lanqas ta’ protezzjoni ċivili” ( 9 ). Fl-opinjoni tagħha, li tikkoinċidi ma’ dik ta’ dawk li dehru fil-proċedura, dawn jistgħu jiġu inklużi, “l-iktar l-iktar” ( 10 ), fil-“prevenzjoni tal-perikoli”. |
35. |
Id-Direttiva 2014/24 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” u lanqas ma tirreferi espliċitament għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddetermina s-sens tiegħu. Għalhekk, għandu jinftiehem, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan il-kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni ( 11 ). |
36. |
Fit-tfittxija tal-kunċett awtonomu li għalih għandha tirrispondi l-prevenzjoni tal-perikoli, huwa xieraq li wieħed jibda bil-formulazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. F’dan il-punt, huwa kważi inevitabbli li wieħed jagħmel riferiment għall-Artikolu 196 TFUE li, kif enfasizzat Falck Rettungsdienste, juża l-espressjoni “prevenzjoni ta’ riskju” fil-qasam tal-“protezzjoni ċivili” biex jirreferi għal “diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem” ( 12 ). B’dan il-mod, tipprevali l-idea li s-servizzi ta’ assistenza f’sitwazzjonijiet ta’ perikolu individwali ma jistgħux jiġu inklużi f’din l-espressjoni. |
37. |
Madankollu, naħseb li, bħalma fl-Artikolu 196 TFUE l-prevenzjoni tal-perikoli hija assoċjata mal-protezzjoni ċivili ( 13 ), l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxiha bħala attività bi profili proprji, mhux neċessarjament identifikabbli mal-protezzjoni ċivili. |
38. |
Infatti, fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, il-prevenzjoni tal-perikoli tidher differenti mill-protezzjoni ċivili u mid-difiża ċivili, fatt li jeżiġi li tiġi interpretata bħala attività awtonoma. Interpretazzjoni oħra tkun tfisser, kif twissi l-qorti tar-rinviju, li s-servizzi ta’ prevenzjoni jkunu dejjem servizzi ta’ difiża ċivili jew ta’ protezzjoni ċivili ( 14 ). |
39. |
L-awtonomija kunċettwali tal-prevenzjoni tal-perikoli tingħata, ġustament, b’kuntrast mal-protezzjoni ċivili u d-difiża ċivili inkwantu attivitajiet li jiffukaw fuq il-ġestjoni ta’ diżastri li l-portata tagħhom taffettwa numru kunsiderevoli ta’ persuni. F’tali sitwazzjonijiet ta’ portata kollettiva, il-prevenzjoni tal-perikoli li tagħmel riferiment għaliha d-Direttiva 2014/24 hija dik li tirrigwarda individwi f’sitwazzjoni partikolari ta’ perikolu. |
40. |
Madankollu, din l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju taffaċċja diffikultà. It-terminu “prevenzjoni”, fis-sens l-iktar ġenerali tiegħu, kif enfasizzat Falck Rettungsdienste ( 15 ), juri antiċipazzjoni ta’ riskju jew perikolu. Għaldaqstant, jimplika protezzjoni preventiva, mhux dik reattiva fir-rigward tar-riskju meħud u d-dannu li jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ perikolu. |
41. |
Jekk din id-diffikultà semantika tipprevali, is-servizz ta’ ambulanzi inkwistjoni f’dan il-proċess jitħalla barra, kważi bħala prinċipju, mill-qasam tal-“prevenzjoni tal-perikoli”. Huwa biss b’mod sforzat ħafna li jista’ jiġi interpretat li, permezz tat-trasferiment ta’ feruti jew morda bl-ambulanzi, sempliċement issir prevenzjoni tal-perikolu li, jekk dan it-trasferiment ma jsirx, il-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom tmur għall-agħar. |
42. |
Madankollu, l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 tippermetti li jiġu ssuperati l-insinwazzjonijiet magħmula mill-interpretazzjoni letterali. Id-dispożizzjoni ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, b’mod ġenerali u astratt, id-“difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” kollha, iżda dawk inklużi f’ċerti kodiċi CPV biss. |
43. |
Fost dawn il-kodiċi jidhru wħud li jidħlu fil-kunċett ta’ prevenzjoni f’sens proprju u strett ( 16 ) u oħrajn li, minħabba li huma sostanzjalment reattivi iktar milli preventivi (pereżempju, is-“servizzi ta’ salvataġġ”) ( 17 ), jistgħu jitwettqu kemm f’sitwazzjonijiet katastrofiċi kif ukoll f’każ ta’ danni jew perikoli individwali. |
44. |
Jekk, kif issostni l-Falck Rettungsdienste ( 18 ), il-kunċetti ta’ “protezzjoni ċivili, difiża ċivili u prevenzjoni tal-perikoli” jikkostitwixxu “kriterji ratione materiae” sabiex jiġu ddefiniti, fost dawk kollha inklużi fil-kodiċi CPV li jissemmew fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, dawk li jitwettqu f’sitwazzjonijiet katastrofiċi, il-konsegwenza tkun li l-uniċi “servizzi ta’ salvataġġ” tal-Kodiċi CPV 75252000‑7 esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huma dawk li jaffettwaw numru kbir ta’ persuni, mhux dawk li jitwettqu f’każ ta’ interventi ta’ sokkors u għall-benefiċċju ta’ persuna waħda. |
45. |
Madankollu, fost il-kodiċi CPV li jinsabu fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jidher, ġustament, il-85143000‑3, li jikkorrispondi għas-“servizzi tal-ambulanzi”. F’dan il-każ, ma kien ikun hemm l-ebda oġġezzjoni li jiġi applikat il-“kriterju ratione materiae” sostnut minn Falck Rettungsdienste u li jiġi konkluż li l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment biss għas-servizzi tal-ambulanzi f’sitwazzjonijiet katastrofiċi. |
46. |
Madankollu, l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi s-servizzi tal-ambulanzi b’mod li mhux biss ma jirrispondix għal dan il-“kriterju ratione materiae”, iżda pjuttost jikkontradixxih. |
47. |
Minħabba li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/14, id-“difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli […] inklużi [fil-Kodiċi CPV 85143000‑3 (servizzi tal-ambulanzi)], ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” ( 19 ), l-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva jidentifika eċċezzjoni li, ladarba tirregola l-kriterju li d-dispożizzjoni tirreferi biss għas-sitwazzjonijiet katastrofiċi, ma tkunx neċessarja, kif isostni l-Gvern Ġermaniż ( 20 ). |
48. |
Jekk il-leġiżlatur ikkunsidra xieraq li jirreferi għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” huwa minħabba li, inkella, dawn is-servizzi jkollhom jinftiehmu bħala inklużi fl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 (CPV 85143000‑3). U huwa ċar li s-sempliċi trasport ta’ pazjenti ma jikkorrispondix għal sitwazzjoni katastrofika, fejn iktar milli pazjenti, wieħed ta’ min isemmi feruti jew vittmi li għandhom jiġu ttrasferiti għall-aħjar kundizzjonijiet mediċi u mhux biss ittrasportati. |
49. |
Din il-konklużjoni tiġi kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni. Minn din il-perspettiva, hija partikolarment rilevanti l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24, li skontha din “m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva.” |
50. |
Jidhirli li żewġ estremi ta’ din id-dikjarazzjoni huma sinjifikattivi. Minn naħa, li l-leġiżlatur jirreferi għal “ċerti servizzi ta’ emerġenza”. U, min-naħa l-oħra, li l-identifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi titwettaq b’rabta ma’ “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” li “n-natura partikolari” tagħhom għandha tiġi ppreservata. Għalhekk, sabiex jiġu stabbiliti l-profili tal-eċċezzjoni, tingħata iktar attenzjoni lis-suġġett li jipprovdi s-servizz milli l-iskala tas-sitwazzjoni li fiha għandu jiġi pprovdut. |
51. |
Fi kliem ieħor, irrispettivament minn jekk hijiex sitwazzjoni individwali ta’ emerġenza jew sitwazzjoni ta’ danni fuq skala ikbar, il-fatt rilevanti huwa li jkun hemm emerġenza li ġeneralment jieħdu ħsiebha l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 huwa l-preservazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, li s-sussistenza tagħhom tista’ tiġi mhedda li kieku jkollhom jiġu suġġetti għall-proċeduri ta’ kuntratti li huma inklużi fiha. |
52. |
Fil-qosor, l-importanti ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk l-emerġenzi humiex dawk ta’ sitwazzjoni katastrofika jew dawk ta’ perikolu individwali (inċident tat-traffiku, nirien f’dar), iżda li jiġu identifikati dawk li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li tradizzjonalment iwettqu l-attività tagħhom fil-qasam tal-assistenza medika u saħansitra umanitarja. |
53. |
F’dan is-sens, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-“organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ mhux biss jipprovdu servizzi fil-qasam tad-difiża ċivili u l-protezzjoni ċivili [iżda a]nki, u fuq kollox, joperaw fil-qasam tas-servizzi ta’ sokkors ta’ kuljum favur persuni individwali” ( 21 ). |
54. |
Sa fejn ir-rieda espressa fil-premessa 28 hija riflessa, mill-perspettiva leġiżlattiva, fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, nifhem li l-espressjonijiet “id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” li jintużaw f’dan l-artikolu għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għas-“servizzi ta’ emerġenza” imsemmija f’din il-premessa u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni tagħhom għandha ssir b’riferiment għall-“organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ”. |
55. |
Fil-fatt, il-premessa 28 tantiċipa l-eċċezzjoni, f’dak li jikkonċerna din il-kawża, prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 fir-rigward tas-servizzi tal-ambulanzi pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ meta jassistu fl-emerġenzi li normalment jikkostitwixxu l-għan tal-attività tagħhom. |
56. |
F’din il-premessa jingħad li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ emerġenza pprovduti mill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ “m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ”, minħabba li “għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi”. |
57. |
Għalhekk, il-kwistjoni hija li ssir distinzjoni bejn is-servizz ta’ ambulanza sabiex tiġi koperta emerġenza u s-sempliċi trasport tal-pazjenti b’ambulanzi. Ir-raba’ domanda preliminari tittratta din il-kwistjoni, meta tistaqsi jekk “[i]t-trasport ta’ pazjent f’ambulanza waqt li jkun qiegħed jingħata kura minn paramediku/assistent mediku” — li jiġi kklassifikat bħala “trasport speċjali ta’ morda”— jistax jitqies bħala “trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”, skont l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. |
58. |
Ir-rieda tal-leġiżlatur kienet li jillimita l-eċċezzjoni (jiġifieri, jeżenta mis-sistema ordinarja tad-Direttiva 2014/24) lis-servizzi ta’ emerġenza ( 22 ). Bl-istess mod, meta għamel riferiment għas-“servizzi ta’ trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” bħala kontraeċċezzjoni, huwa jissuġġettahom għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi (inqas stretti) meta, permezz tagħhom, ma jkunx intiż li tiġi koperta emerġenza, iżda li jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ pazjent b’ambulanza. |
59. |
Permezz ta’ dan l-approċċ, id-Direttiva 2014/24 ma hijiex ser tapplika għas-servizzi ġenerali ta’ ambulanza li, lil hinn mis-sempliċi funzjoni ta’ trasport, joffru kura medika adegwata għat-trattament xieraq ta’ pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Fi kliem ieħor, sabiex tipprovdi servizz li l-ebda mezz ta’ trasport alternattiv ieħor ma jista’ joffri. |
60. |
Wara li tipprevedi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma għandux jestendi għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi”, il-premessa 28 tieħu ħsieb li tiċċara li dawn is-servizzi “għand[hom] [i]kun[u] soġġett[i] għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-reġim anqas strett’”. Sabiex l-isuġġettar għal dan ir-reġim inqas strett ikun applikabbli, l-istess premessa tippreċiża li t-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi ma jaqax fil-grupp korrispondenti tas-“Servizzi tat-trasport bl-art” ( 23 ), suġġett għar-reġim ġenerali tad-direttiva. |
61. |
B’dan il-mod, jikkoeżistu:
|
62. |
Fi kliem ieħor, meta it-“trasport” jitneħħa bħala element marbut mas-servizz ta’ ambulanza, li jifdal fil-Kodiċi CPV 85143000‑3 (jiġifieri, is-servizz li huwa eskluż mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24) huwa dak li għandu natura prinċipalment medika. Fil-fehma tiegħi, jingħatax minn tabib, tekniku mediku jew paramediku, l-importanti huwa li jingħata trattament indispensabbli sabiex it-trasport tal-pazjent jitwettaq b’tali mod li bit-trasferiment (urġenti) tiegħu fi sptar, fl-inqas żmien possibbli, tiġi ggarantita l-kura medika meħtieġa għall-preservazzjoni ta’ ħajtu, ta’ saħtu jew tal-integrità tiegħu. Għalhekk, nirrepeti, dan ifisser li sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-esklużjoni tad-Direttiva 2014/24 tirreferi biss, skont il-premessa 28 tagħha, għal “servizzi ta’ emerġenza”. |
63. |
Skont dawn il-premessi jistgħu jiġu evalwati żewġ ipoteżi individwali deskritti mill-qorti tar-rinviju. |
64. |
L-ewwel waħda tikkonċerna t-trasport bil-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, vittmi ta’ inċident jew ġrajja analoga (“Notfallpatienten”), imwettqa f’ambulanza (“Rettungswagen”) “minn tekniku mediku/paramediku”. Ma naħsibx li hemm diffikultajiet eċċessivi sabiex il-Kodiċi CPV 85143000-3 jiġi assenjat lil dawn is-servizzi (servizzi tal-ambulanzi) u sabiex jiġi ddikjarat, għaldaqstant, li għalihom ma tapplikax id-Direttiva 2014/24, ladarba jkunu r-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. |
65. |
It-tieni ipoteżi (ir-raba’ domanda preliminari) tikkonċerna l-kura u t-trattament ta’ pazjenti, imwettqa f’ambulanza għat-trasport tal-morda (“Krankentransportwagen”) “minn paramediku/assistent mediku”. Għalhekk, dan jirrigwarda t-“trasport ta’ pazjent f’ambulanza”, saħansitra anki meta jiġi ttrattat minn dawn il-professjonisti. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex eżattament każ ta’ emerġenza: il-pazjenti jistgħu jitolbu lil xi ħadd biex jakkumpanjahom fl-ambulanza sabiex jiġu ttrasportati, iżda ma jkollhomx bżonn kura medika ta’ emerġenza. ( 25 ) Għalhekk, għandha tiġi applikata l-kontraeċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(h), in fine, tad-Direttiva 2014/24. |
Fuq il-kunċett ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (it-tieni u t-tielet domandi preliminari)
66. |
Bħal fil-każ tal-“prevenzjoni tal-perikoli” ( 26 ), meta jiġu diskussi x’inhuma l-“organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, wieħed għandu jopera b’kunċett awtonomu u uniformi għall-Unjoni kollha kemm hi. |
67. |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-fattur determinanti ma huwiex daqstant il-kunċett ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”, bħala “natura partikolari” ta’ dawn l-entitajiet, li l-“preservazzjoni” tagħhom hija l-għan tad-Direttiva 2014/24 billi teskludihom mill-applikazzjoni tagħha (premessa 28). |
68. |
Skont dan il-gvern, sabiex wieħed ikun jaf fiex tikkonsisti n-natura partikolari huwa obbligatorju li jitqiesu l-kuntest ġuridiku u dak ratione materiae tal-Istat fejn joperaw dawn l-organizzazzjonijiet, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw aħjar dawk li jaqblu ma’ dan il-kunċett. ( 27 ) Żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw, fl-opinjoni tagħha, li l-osservanza tad-dritt nazzjonali hija essenzjali għall-evalwazzjoni tan-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ organizzazzjoni ( 28 ). |
69. |
Madankollu, l-ebda waħda miż-żewġ sentenzi ma tat lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jillimitaw id-definizzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, iżda sempliċement “sabiex jiddeċied[u] fuq il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u jorganizza[w] [i]s-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali” u jaffermaw, abbażi ta’ din l-informazzjoni, “li l-użu tal-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat jikkorrispondi għall-iskop soċjali tas-servizz ta’ trasport mediku u huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-kontroll tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-servizz” ( 29 ). |
70. |
Fil-fatt, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ” huwa preċiż biżżejjed sabiex ma joffri l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Il-fatt li struttura organizzattiva tkun ibbażata fuq il-volontarjat jista’ jindika n-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ, iżda mhux neċessarjament. F’dan ir-rigward, il-fattur rilevanti huwa li l-entitajiet li jipprovdu dawn is-servizzi infatti ma għandhomx dan l-iskop. Għalhekk, huwa biżżejjed li wieħed jirrikorri għall-interpretazzjoni letterali tat-termini “[…] mingħajr skop ta’ qligħ”. |
71. |
Il-qorti tar-rinviju tipproponi definizzjoni li jidhirli li hija raġonevoli ( 30 ). Dawn huma organizzazzjonijiet li jwettqu attività li “ma twassal għall-ebda qligħ”, iżda li titwettaq “għall-benefiċċju tal-komunità mingħajr ma jinkisbu benefiċċji ekonomiċi” ( 31 ). |
72. |
Waħedhom, il-“benefiċċju tal-komunità” u, sabiex nuża l-kliem tat-tielet domanda preliminari, “[it-twettiq tal-]missjonijiet ta’ servizz pubbliku”, huma kunċetti superfluwi: il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 titkellem dwar organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza, jiġifieri, li għandhom, minnhom innifishom, għan ta’ interess pubbliku ġenerali. |
73. |
Nirrepeti li l-fattur determinanti huwa li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jipprovdu s-servizzi msemmija fil-premessa 28 u fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex intiżi li jiksbu profitti meta jwettqu attività ta’ għajnuna ( 32 ). |
74. |
Ma naħsibx li, apparti din il-karatteristika, dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet għandhom jissodisfaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24. |
75. |
Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għal organizzazzjonijiet speċifiċi d-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti esklużivament għal ċerti servizzi soċjali, kulturali u ta’ saħħa ( 33 ), jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. |
76. |
L-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tinkludi l-assenza ta’ skop ta’ qligħ u xi wħud huma pjuttost ibbażati fuq suppożizzjoni opposta. Dan jiġri fir-rigward tar-rekwiżit dwar it-tqassim ta’ profitti, li jeżiġi li l-organizzazzjonijiet tal-ewwel paragrafu jqassmuhom konformement mal-“konsiderazzjonijiet parteċipattivi” ( 34 ). |
77. |
Għaldaqstant, nifhem li l-karatteristika ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ hija, ġustament, li ma tfittixx il-kisba ta’ profitti u li, fil-każ li tiksibhom b’mod ċirkustanzjali — jiġifieri mingħajr ma jkollha dan l-iskop —, li tużahom għat-twettiq tal-azzjoni soċjali tagħhom. F’din il-kawża, għall-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ta’ emerġenza. |
78. |
Il-liġi nazzjonali tistabbilixxi li “[j]iġu kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ [fis-sens tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24], b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti skont id-dritt nazzjonali jew tal-Länder bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u difiża ċivili” ( 35 ). |
79. |
Skont il-Gvern Ġermaniż, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix numerus clausus ta’ organizzazzjonijiet li għalihom tapplika l-eċċezzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, ir-rikonoxximent bħala “organizzazzjonijiet ta’ għajnuna” ma huwiex kundizzjoni indispensabbli sabiex entità mingħajr skop ta’ qligħ tkun koperta minn din l-eċċezzjoni ( 36 ). |
80. |
Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex daqstant importanti li l-liġi nazzjonali ma tipprekludix milli jiġu rrikonoxxuti bħala entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ dawk li huma konformi mad-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”, fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 ( 37 ), iżda li din il-kwalità tiġi attribwita lil organizzazzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dan l-aħħar kunċett. |
81. |
Infatti, skont l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju, “ir-rikonoxximent ġuridiku bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u ta’ difiża ċivili skont id-dritt nazzjonali ma jiddependix neċessarjament minn jekk l-organizzazzjoni toperax mingħajr skop ta’ qligħ” ( 38 ). |
82. |
Jekk dan kien il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali, ir-rikonoxximent, mid-dritt intern, bħala organizzazzjoni ta’ għajnuna ma huwiex biżżejjed sabiex jinftiehem li organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ma għandhiex skop ta’ qligħ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. Din l-aħħar kwalità titlob prova li l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li taspira għaliha ma tfittixx il-kisba ta’ profitti u li, jekk tiksibhom b’mod ċirkustanzjali, tapplikahom għat-twettiq tal-azzjoni soċjali tagħha. |
V. Konklużjoni
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Oberlandesgericht Düsseldorf [il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)] kif ġej: “L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).
( 3 ) Il-verżjoni Spanjola tad-dispożizzjoni tuża, b’mod inkomprensibbli, l-aġġettiv “laborales [tax-xogħol]” sabiex tikklassifika xi “perikoli” li fl-ebda verżjoni lingwistika oħra ma jiġu akkumpanjati minn aġġettiv. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, ser nirreferi biss għall-“prevenzjoni tal-perikoli”.
( 4 ) Liġi kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“GWB”).
( 5 ) Liġi tas-Servizzi ta’ Sokkors u ta’ Salvataġġ u Trasport tal-Morda minn impriżi fin-Nordrhein-‑Westfalen (iktar ’il quddiem ir-“RettG NRW”).
( 6 ) Liġi ta’ Protezzjoni Ċivili u Difiża Ċivili (iktar ’il quddiem iz-“ZSKG”), emendata għall-aħħar darba bl-Artikolu 2(1) tal-Liġi tad‑29 ta’ Lulju 2009.
( 7 ) Liġi ta’ Protezzjoni kontra n-Nirien, il-Provvista ta’ Trattamentu u l-Protezzjoni Ċivili (iktar ’il quddiem il-“BHKG”).
( 8 ) Skont id-digriet tar-rinviju (paragrafu 4), “[l]-għan tal-proġett ta’ akkwist, maqsum f’żewġ lottijiet, kien jikkonsisti fl-allokazzjoni ta’ persunal għal diversi ambulanzi ta’ emerġenza […] u ambulanzi maħsuba għat-trasport ta’ pazjenti […] tal-muniċipju u fil-provvista ta’ spazji għall-ambulanzi […]. Il-proġett kien qiegħed jirreferi, b’mod partikolari, għall-intervent f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bl-ambulanzi muniċipali, bil-għan li pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza jiġu ttrattati u kkurati b’urġenza f’ambulanza minn tekniku mediku bl-għajnuna ta’ paramediku, u għall-intervent fit-trasport tal-morda, bil-missjoni prinċipali li jiġu ttrattati u kkurati pazjenti minn paramediku bl-għajnuna ta’ assistent mediku fit-trasport.”
( 9 ) Il-paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju.
( 10 ) Loc. ult. cit.
( 11 ) F’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866), punt 32.
( 12 ) Madankollu, l-ekwivalenza terminoloġika tal-Artikolu 196 TFUE u tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 hija biss parzjali, minħabba li l-ewwel wieħed isemmi l-“protezzjonii ċivili” (“Katastrophenschutz”, “protection civile”) u l-“prevenzjoni tal-perikoli” (“Risikoprävention”, “prévention des risques”), iżda mhux id-“difiża ċivili”, kif jagħmel ukoll it-tieni wieħed.
( 13 ) Taħt it-titolu “Protezzjoni ċivili” tat-titolu XXIII tat-taqsima III tat-TFUE l-Artikolu 196(1) jiddefinixxi s-servizzi ta’ protezzjoni ċivili bħala “sistemi ta’ prevenzjoni ta’ diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta’ protezzjoni minnhom”. L-azzjoni ta’ inkoraġġiment tal-Unjoni f’dan il-qasam tidher fl-appoġġ għall-miżuri tal-Istati Membri “fil-prevenzjoni ta’ riskju, fil-preparazzjoni tal-persunal tagħhom tal-protezzjoni ċivili […] u fl-intervent f’każ ta’ diżastri naturali” (Artikolu 196(1)(a)). Prevenzjoni ta’ riskju, taħriġ tal-persunal u intervent jikkostitwixxu, għalhekk, is-sekwenza ta’ attività materjali għall-ġestjoni integrali tad-diżastri.
( 14 ) Paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju. Skont il-qorti tar-rinviju, ikun “[i]ktar loġiku […] jitqies li permezz tal-kunċett ‘protezzjoni mill-perikoli’ isir riferiment għall-każijiet li ma humiex inklużi fil-kunċetti ta’ ‘difiża ċivili’ u ta’ ‘protezzjoni ċivili’ meta d-danni ma jkunux ikkawżati minn inċidenti u diżastri teknoloġiċi, diżastri naturali, u lanqas theddid jew sitwazzjonijiet ta’ periklu terroristiku u militari ta’ dannu serju għall-ħajja umana”.
( 15 ) Punt 55 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 16 ) Pereżempju, il-kodiċi CPV 75251110‑4 (“Servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien”) jew CPV 981131000‑9 (“Servizzi relatati mas-sigurtà nukleari”)
( 17 ) CPV 75252000‑7.
( 18 ) Punt 61 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Falck Rettungsdienste.
( 19 ) Korsiv miżjud minni.
( 20 ) Punt 24 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.
( 21 ) Paragrafu 14 tad-digriet tar-rinviju. Korsiv miżjud minni. Il-belt ta’ Solingen għamlet l-istess dikjarazzjoni fil-paragrafu 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 22 ) Jiġifieri, is-servizzi ta’ emerġenza mogħtija minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.
( 23 ) Dan il-grupp jinkludi total ta’ ħamsin kodiċi, mill-60100000‑9 (“Servizzi ta’ trasport bl-art”) sal-60183000‑4 (“Kiri ta’ trakkijiet b’sewwieq”), li fosthom jinsabu s-“Servizzi ta’ taksi” (60120000‑5), is-“Servizzi speċjali ta’ trasport ta’ passiġġieri bl-art” (60130000‑8) u t-“Trasport mhux skedat ta’ passiġġieri” (60140000‑1).
( 24 ) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat‑30 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 319, p. 43), li huwa l-predeċessur immedjat tad-Direttiva 2014/24, ukoll tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet tas-servizz ta’ ambulanza. Skont kif imfakkar fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n.o 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440), punti 33 u 34, id-Direttiva 2004/18 kienet tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi, li l-Artikolu 1(2)(d) tagħha jiddefinixxi bħala kuntratti pubbliċi minbarra l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jew għal provvisti u li għandhom bħala suġġett il-provvista tas-servizzi previsti fl-Anness II ta’ din id-direttiva, li kien jinqasam f’żewġ partijiet (A u B). Is-servizzi ta’ trasport mediku ta’ emerġenza jew ta’ emerġenza estrema kienu jaqgħu taħt il-kategorija Nru 2 tal-Anness IA, għall-aspetti ta’ trasport ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll taħt il-kategorija Nru 25 li tinsab fl-Anness IIB, għall-aspetti mediċi ta’ dawn is-servizzi.
Madankollu, filwaqt li, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti li fl-istess ħin kellhom servizzi li dehru f’dawn iż-żewġ annessi għandhom jingħataw konformement mal-proċedura komuni (meta l-valur tas-servizzi elenkati fil-Anness IIA jkun ikbar minn dak tas-servizzi inklużi fl-Anness IIB) jew konformement ma’ proċedura inqas stretta (jekk dan ma jkunx il-każ), il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li l-“kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza”. Fir-rigward ta’ dak li ser nispjega minnufih, dawn is-“servizzi oħra tal-ambulanza” jistgħu jkunu biss is-servizzi ta’ kura medika mogħtija barra mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
( 25 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ pazjenti ttrasportati fi sptar sabiex isirulhom dijaliżi, eżamijiet mediċi ftit jew wisq regolari, testijiet ta’ dijanjożi, analiżi klinika jew tip ieħor ta’ eżami mediku. Matul is-seduta, kien hemm qbil li dawn it-trasferimenti ma setgħux jibbenefikaw mill-kontraeċċezzjoni. Barra minn hekk, il-belt ta’ Solingen affermat ukoll li ma kinux inklużi fil-kuntratt ikkontestat.
( 26 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.
( 27 ) Punt 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.
( 28 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n.o 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440), punt 61, u sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), punt 64. Iż-żewġ sentenzi jsostnu li, mill-perspettiva tad-dritt primarju tal-Unjoni, ma hemmx oġġezzjonijiet validi biex jopponu dan it-tip ta’ għoti dirett. Fid-dispożittiv tal-ewwel waħda jingħad li “l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li l-provvista tas-servizzi ta’ trasport mediku ta’ emerġenza u ta’ emerġenza estrema għandha tingħata bi prijorità u permezz ta’ għoti dirett, fl-assenza ta’ kwalunkwe pubbliċità, lill-organi ta’ volontarjat li magħhom jeżisti ftehim, sakemm il-qafas legali u ta’ ftehimiet li fih titwettaq l-attività ta’ dawn l-organi jikkontribwixxi effettivament sabiex jintlaħqu l-iskop soċjali u l-għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni.” Din id-dikjarazzjoni tiġi rrepetuta, b’varjanti sempliċi ħafna, fit-tieni sentenza.
( 29 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), punt 62.
( 30 ) Kif irriżulta mis-seduta, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-istess opinjoni.
( 31 ) Paragrafu 15 tad-digriet tar-rinviju.
( 32 ) Dawn l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet jistgħu joperaw permezz ta’ entitajiet strumentali li jadottaw, inter alia, il-forma ġuridika tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, dejjem sakemm lanqas dawn tal-aħħar ma jkollhom skop ta’ qligħ. Il-qorti tar-rinviju għandha, eventwalment, tivverifika jekk dan kienx il-każ f’din il-kawża.
( 33 ) Ir-rabta bejn l-Artikolu 10(h) u l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 tiġi rriprodotta fil-każ tal-Artikolu 77(1) u l-premessa 118 tal-istess direttiva. Jekk il-premessa 28 tagħmel riferiment għal “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” bħala entitajiet li s-servizzi ta’ emerġenza tagħhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 minħabba l-Artikolu 10(h) ta’ din tal-aħħar, il-premessa 118 issemmi l-“organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-impjegat jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegat fit-tmexxija tagħhom” u l-“organizzazzjonijiet eżistenti bħal kooperattivi biex jipparteċipaw fit-twassil ta’ [ċerti] []servizzi [ta’ saħħa, soċjali u kulturali] lill-utenti finali”; liema organizzazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirriżervaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi. Għalhekk, ma hemm l-ebda ekwivalenza bejn l-organizzazzjonijiet tal-premessa 28 u dawk tal-premessa 118. Konsegwentement, ladarba ma hemmx ekwivalenza bejn l-Artikolu 10(h) (li jeskludi ċerti attivitajiet tal-ewwel tip ta’ organizzazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24) u l-Artikolu 77 (li jippermetti li ċerti attivitajiet tat-tieni tip ta’ organizzazzjonijiet ikunu suġġetti għal applikazzjoni partikolari ta’ din id-direttiva).
( 34 ) Artikolu 77(2)(b) tad-Direttiva 2014/24. Ċertament, din id-dispożizzjoni timponi li “l-profitti jerġgħu jiġu investiti bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-organizzazzjoni”; iżda la tiċħad l-eżistenza tagħhom u, b’mod partikolari, lanqas ma timponi li jitqassmu, anki jekk abbażi ta’ “konsiderazzjonijiet parteċipattivi”.
( 35 ) It-tieni parti tal-Artikolu 107(1)(4) tal-GWB.
( 36 ) Punt 40 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż. Matul is-seduta kien hemm ċertu dibattitu dwar l-eżistenza, de facto, tal-limitazzjoni numerika li, min-naħa tagħha, ma hijiex inkluża fid-dispożizzjoni legali nazzjonali (meta tuża l-espressjoni “b’mod partikolari”).
( 37 ) Dan jiġri f’din il-kawża, skont dak li ssostni l-belt ta’ Solingen fil-paragrafi 37 u 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 38 ) Paragrafu 15 tad-digriet tar-rinviju.