Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0282

    Kawża T-282/16: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2016 – Inpost Paczkomaty vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 270, 25.7.2016, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 270/58


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2016 – Inpost Paczkomaty vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-282/16)

    (2016/C 270/65)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrenti: Inpost Paczkomaty sp. z o.o. (Kraków, il-Polonja) (rappreżentant: T. Proć, avukat [konsulent legali])

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) C(2015) 8236, tas-26 ta’ Novembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38869 (2014/N), li l-Polonja għandha l-intenzjoni tagħti lil Poczta Polska bħala kumpens għall-ispejjeż netti sostnuti fis-snin 2013 sa 2015 b’rabta mal-obbligu tas-servizz universali;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE minħabba l-konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-Punt 19 (Sezzjoni 2.6) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi (2011)] kienu ssodisfatti; ksur tal-prinċipji tat-Trattat fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-posta).

    Il-metodi applikati mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-provvista ta’ servizzi universali għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-libertajiet tas-suq intern (inkluża l-għażla tal-fornitur tas-servizz postali universali permezz ta’ kompetizzjoni) u mal-Artikolu 106(2) TFUE, li ma kienx il-każ fil-kawża ineżami.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE minħabba l-konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-Punt 14 (Sezzjoni 2.2) u tal-Punt 60 (Sezzjoni 2.10) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi (2011)) kienu ssodisfatti.

    Il-Kummissjoni Ewropea assumiet b’mod żbaljat li, anki meta l-obbligu ta’ Poczta Polska li tipprovdi servizzi pubbliċi effettivament jissodisfa r-rekwiżiti ddefiniti fid-Direttiva tal-posta, ma huwiex neċessarju li ssir konsultazzjoni pubblika jew li jiġu applikati metodi oħra adatti li jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti u tal-fornituri tas-servizzi sabiex jiġi pprovat li l-bżonnijiet fil-qasam tas-servizz universali ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE minħabba l-konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-Punt 52 (Sezzjoni 2.9) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi (2011)] kienu ssodisfatti kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 7(1), (3) u (5) tad-Direttiva tal-posta.

    Il-Kummissjoni Ewropea qieset b’mod żbaljat li l-fond ta’ kumpens jissodisfa r-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ rata ta’ kontribuzzjoni massima uniformi ta’ 2 % tad-dħul tal-fornitur ta’ servizzi universali jew ta’ servizzi sostitwibbli; dan il-perċentwali tal-kontribuzzjoni li għandu jitħallas mill-fornituri japplika uniformament għall-operaturi tas-suq kollha, u dan huwa diskriminatorju peress li s-sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi universali u s-sitwazzjoni tal-fornitur tas-servizzi sostitwibbli ma humiex l-istess.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-posta sa fejn il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-finanzjament tal-ispejjeż tas-servizz universali sar permezz ta’ numru ta’ drittijiet esklużivi u speċjali li ngħataw lil Poczta Polska.

    Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-posta, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklużivi jew speċjali għall-implementazzjoni jew għall-provvista ta’ servizzi postali. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Poczta Polska ngħatat drittijiet esklużivi u speċjali b’rabta mas-servizzi universali pprovduti minnha.

    5.

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 102 TFUE u 106(1) TFUE.

    Il-kontribuzzjoni sproporzjonalment għolja lill-fond ta’ kumpens twassal għal “esklużjoni antikompetittiva” tas-suq postali.

    6.

    Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tikkonferma skema ta’ għajnuna mill-Istat li timplika interferenza sproporzjonata mad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti u limitazzjoni sproporzjonata tal-libertà ta’ intrapriża tagħha.

    7.

    Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u inosservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

    Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-fatti korrettament u mmotivat id-deċiżjoni b’numru ta’ fatti żbaljati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għalhekk naqset milli tipprovdi motivazzjoni peress li – kuntrarjament għall-prassi deċiżjonali tagħha – fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetizzjoni, ma qisitx in-nuqqas ta’ sejħa għal offerti bħala ċirkustanza aggravanti.


    Top